20.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 48/20


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2019/292

tat-12 ta' Frar 2019

dwar l-awtorizzazzjoni għar-rilaxx ta' informazzjoni klassifikata tal-UE lil Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli ta' sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha u l-Anness VI għaliha,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tikkonkludi ftehimiet dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata ma' Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.

(2)

Is-Segretarju Ġenerali, f'isem is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, jista' jidħol f'arranġamenti amministrattivi ma' Stati terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

(3)

Skont il-paragrafu 37 tal-Anness VI għad-Deċiżjoni 2013/488/UE, il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni biex jawtorizza lis-Segretarju Ġenerali biex jirrilaxxa informazzjoni klassifikata tal-UE lil Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali skont ftehimiet dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata jew arranġamenti amministrattivi dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Fejn ikun fis-seħħ ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni għall-iskambju u l-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata (“ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni”) bejn l-Unjoni u Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali, u f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa, f'konformità mal-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur, lil dak l-Istat terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali informazzjoni klassifikata tal-UE li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni, sal-livell iddeterminat mill-Kumitat tas-Sigurtà tal-Kunsill skont il-paragrafu 11 tal-Anness VI għad-Deċiżjoni 2013/488/UE. Id-deċiżjoni għar-rilaxx ta' informazzjoni klassifikata tal-UE lil Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali taħt ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni għandha tittieħed mis-Segretarju Ġenerali każ b'każ.

2.   Fejn is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, bl-approvazzjoni tal-Kunsill u f'konformità mad-Deċiżjoni 2013/488/UE, ikun daħal f'arranġament amministrattiv dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata (“arranġament amministrattiv”) ma' Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa, f'konformità mal-prinċipju tal-kunsens tal-oriġinatur, lil dak l-Istat terz jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali informazzjoni klassifikata tal-UE li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-arranġament amministrattiv u sal-livell speċifikat fih. Id-deċiżjoni għar-rilaxx ta' informazzjoni klassifikata tal-UE lil Stat terz jew organizzazzjoni internazzjonali taħt arranġament amministrattiv għandha tittieħed mis-Segretarju Ġenerali każ b'każ.

3.   Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill jista' jiddelega l-awtorità msemmija fil-paragrafi 1 u 2 lil uffiċjali għolja tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjonijiet li ġejjin:

(1)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar ir-rilaxx ta' informazzjoni taħt ftehimiet permanenti ma' Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata;

(2)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2011 dwar ir-rilaxx ta' informazzjoni taħt arranġamenti amministrattivi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta' Frar 2019.

Għall-Kunsill

Il-President

E.O. TEODOROVICI


(1)   ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1.