IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.9.2026
COM(2026) 555 final
2026/0254(BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2026/004 FI/Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
KUNTEST TAL-PROPOSTA
1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
2.Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2026/004 FI/Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji fl-industrija tal-karta fir-reġjuni NUTS 2 ta’ Etelä-Suomi (FI1C) u ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja.
3.Wara l-valutazzjoni li għamlet ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament (UE) 2021/691, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ġew issodisfati.
SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI
|
Applikazzjoni tal-FEG
|
EGF/2026/004 FI/ Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper
|
|
Stat Membru
|
Il-Finlandja
|
|
Reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2)
|
Etelä-Suomi (FI1C) u Helsinki-Uusimaa (FI1B)
|
|
Data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni
|
19 ta’ Mejju 2026
|
|
Data tal-konferma tal-irċevuta tal-applikazzjoni
|
19 ta’ Mejju 2026
|
|
Data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali
|
3 ta’ Ġunju 2026
|
|
Skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali
|
25 ta’ Ġunju 2026
|
|
Skadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni
|
4 ta’ Settembru 2026
|
|
Kriterju ta’ intervent
|
L-Artikolu 4(2), il-punt (b) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
Għadd ta’ intrapriżi kkonċernati
|
4
|
|
Settur(i) ta’ attività ekonomika
(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2)
|
Diviżjoni 17 (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta)
|
|
Perjodu ta’ referenza (sitt xhur):
|
1 ta’ Ottubru 2025 – 1 ta’ April 2026
|
|
Għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)
|
346
|
|
Għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)
|
5
|
|
Għadd totali ta’ sensji (a + b)
|
351
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli
|
351
|
|
Għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira
|
351
|
|
Baġit għal servizzi personalizzati (EUR)
|
1 769 600
|
|
Baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG (EUR)
|
68 000
|
|
Baġit totali (EUR)
|
1 837 600
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)
|
1 102 560
|
VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI
Proċedura
4.Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2026/004 FI/Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta’ intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691. Il-Kummissjoni kkonfermat li rċeviet l-applikazzjoni fl-istess data u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Finlandja fit-3 ta’ Ġunju 2026. Tali informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien 15-il jum ta’ xogħol mit-talba. L-iskadenza ta’ 50 jum ta’ xogħol mill-irċevuta tal-applikazzjoni mimlija, li matulha jenħtieġ li l-Kummissjoni tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja, tiskadi fl-4 ta’ Settembru 2026. Ir-raġuni għaliex il-Kummissjoni b’mod eċċezzjonali ma setgħetx tikkonforma mal-iskadenza hija kompletament proċedurali u marbuta mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet modifikat matul il-vaganzi tas-sajf.
Eliġibbiltà tal-applikazzjoni
Intrapriżi u benefiċjarji kkonċernati
5.L-applikazzjoni hija relatata ma’ 346 ħaddiema li l-attività tagħhom fis-settur tal-manifattura tal-karta waqfet. Is-sensji li ngħataw jinsabu fir-reġjuni ta’ NUTS 2 ta’ Etelä-Suomi (FI1C) u ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B).
|
Intrapriżi u għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza
|
|
Metsä Group Oyj
|
57
|
|
Stora Enso Oyj
|
30
|
|
UPM Communication Papers Oy
|
166
|
|
SAPPI Finland Operations Oy
|
93
|
Għadd totali ta’ intrapriżi: 4
|
Għadd totali ta’ sensji:
|
346
|
Kriterji ta’ intervent
6.Il-Finlandja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterju ta’ intervent tal-Artikolu 4(2), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, li jeħtieġ mill-inqas 200 sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ 6 xhur f’intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku definit fil-livell tad-diviżjoni NACE Reviżjoni 2 u li jinsabu f’reġjun wieħed jew f’żewġ reġjuni ġirien definiti fil-livell NUTS 2 fi Stat Membru. Kien hemm 346 ħaddiem issensjat fir-reġjuni NUTS 2 ta’ Etelä-Suomi (FI1C) u ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B) matul il-perjodu ta’ referenza.
7.Il-perjodu ta’ referenza ta’ 6 xhur għall-finijiet tal-applikazzjoni huwa mill-1 ta’ Ottubru 2025 sal-1 ta’ April 2026.
Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività
8.Skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (a), flimkien mal-Artikolu 5, l-ewwel paragrafu, il-punt (c), tar-Regolament (UE) 2021/691, l-għadd ta’ ħaddiema affettwati mis-sensji matul il-perjodu ta’ referenza ġie kkalkolat kif ġej:
– 253 mid-data tal-avviż dwar is-sensji kollettivi
– 93 mid-data tal-avviż individwali.
Benefiċjarji eliġibbli
9.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eleġibbli jinkludu 5 ħaddiema ssensjati qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza ta’ 6 xhur. Dawn il-ħaddiema waqqfu l-attività tagħhom jew fis-6 xhur ta’ qabel il-bidu tal-perjodu ta’ referenza fl-1 ta’ Ottubru 2025 jew bejn it-tmiem tal-perjodu ta’ referenza u l-jum ta’ qabel l-adozzjoni ta’ din il-proposta, skont l-Artikolu 6, l-ewwel paragrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691, kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691. Tista’ tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-event li wassal għall-waqfien tal-attività tal-ħaddiema ssensjati matul il-perjodu ta’ referenza kif meħtieġ mill-Artikolu 6, it-tieni paragrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
10.L-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 351.
Deskrizzjoni tal-eventi li wasslu għas-sensji u għall-waqfien tal-attività
11.L-industrija tal-foresti fil-Karelia t’Isfel, sottoreġjun ta’ Etelä-Suomi li jinsab ħdejn il-fruntiera Russa, esperjenzat sfidi ġeopolitiċi u ekonomiċi sinifikanti li wasslu għal bidliet strutturali wiesgħa u tnaqqis sostanzjali fil-persunal. Peress li l-industrija tal-foresti hija marbuta vertikalment mal-industrija tal-karta, billi hija l-fornitur primarju tagħha tal-materja prima, l-istess sfidi jinfirxu għall-industrija tal-karta interkonnessa.
12.L-industrija tal-karta nnifisha ilha tesperjenza sfidi serji matul dawn l-aħħar snin, prinċipalment minħabba domanda aktar baxxa hekk kif id-diġitalizzazzjoni qed tissostitwixxi d-domanda għall-prodotti stampati. Peress li l-industrija tuża ħafna enerġija, iż-żieda fil-kostijiet tal-enerġija toħloq ukoll sfida sinifikanti.
13.Minbarra l-isfidi strutturali ġenerali li qed tiffaċċja l-industrija tal-karta, l-għeluq tal-fruntiera mar-Russja fl-2023 kellu impatt kbir fuq l-istruttura tal-ispejjeż tal-fabbriki tal-karta li joperaw fil-Karelia t’Isfel. Ir-reġjun kien partikolarment dipendenti mill-ktajjen tal-akkwist transfruntier, speċjalment mill-injam importat mir-Russja. Minħabba s-sitwazzjoni ġeopolitika ta’ wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-importazzjonijiet tal-injam mir-Russja ġew sanzjonati u għalhekk l-importazzjonijiet waqfu. Peress li l-injam issa kellu jiġi minn aktar ’il bogħod u bi prezz ogħla, il-kostijiet tal-produzzjoni fl-industrija tal-polpa u tal-karta żdiedu drastikament. Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-fjuwil ikkawżat aktar pressjoni fuq il-kostijiet.
14.Fis-snin 2023 u 2024, id-domanda għall-karta tal-istampar, li kienet ilha tonqos għal żmien twil, kompliet tiddgħajjef. Il-kundizzjonijiet tas-suq tal-prodotti tal-polpa u tal-kartun iddeterjoraw ukoll, hekk kif l-ekonomija Ewropea naqset u l-kapaċità tal-akkwist tal-konsumaturi ddgħajfet. Iż-żieda fil-provvista tal-polpa fis-suq dinji wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet.
15.Il-kumpaniji tal-karta wieġbu għas-sitwazzjoni billi nedew l-hekk imsejħa negozjati ta’ bidla, li huma obbligu statutorju fil-Finlandja għall-intrapriżi li qed jippjanaw sensji jew ristrutturar. Dan wassal għal sensji temporanji sa 90 jum fil-fabbriki tal-karta ewlenin kollha. Fil-ħarifa tal-2024 seħħet l-ewwel mewġa ewlenija ta’ sensji, meta tnaqqsu 100 impjieg fil-fabbrika tal-karta ta’ Stora Enso, fil-belt ta’ Imatra.
16.Is-sitwazzjoni eskalat fl-2025. It-taxxi fuq l-importazzjoni imposti mill-Istati Uniti mhux biss wasslu għal tnaqqis fil-kompetittività iżda wkoll fasslu mill-ġdid il-ktajjen tal-valur globali.
17.Fl-2025, komplew in-negozjati ta’ bidla fi ħdan il-kumpaniji li jipproduċu l-karta; dawn wasslu mhux biss għal sensji temporanji, iżda wkoll għal tnaqqis kbir fil-persunal. Fir-rebbiegħa, UPM keċċiet 25 impjegat fil-fabbrika tagħha fil-belt ta’ Kaukas. L-għeluq tal-produzzjoni tal-karta fis-sajf wassal għal 220 sensja oħra. Fil-ħarifa, Stora Enso naqqset 37 impjieg, u Metsä Group naqqas madwar 70 impjieg. B’kollox, intilfu madwar 350 impjieg fl-industrija tal-karta tar-reġjun f’perjodu qasir.
18.Fi tmiem l-2025, il-maniġment tal-fabbrika ta’ Sappi Kirkniemi li tinsab fil-belt ta’ Lohja fir-reġjun ta’ Helsinki-Uusimaa ddeċieda li jagħlaq b’mod permanenti wieħed mit-tliet magni tal-produzzjoni tal-karta tiegħu. F’dan il-każ, l-aktar raġuni importanti għall-għeluq hija t-tnaqqis fit-tul fid-domanda għall-karta minħabba d-diġitalizzazzjoni. L-għeluq tal-magna tal-produzzjoni tal-karta wassal għat-tnaqqis permanenti ta’ 93 impjieg.
Impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u tal-impjiegi
19.Il-Karelia t’Isfel hija reġjun ta’ esportazzjoni orjentat ħafna lejn l-industrija. Il-manifattura tal-prodotti tammonta għal 99 % tal-esportazzjonijiet tar-reġjun (il-medja nazzjonali hija ta’ 78 %). L-ishma tal-industrija tal-foresti fil-produzzjoni reġjonali, fil-valur miżjud, fl-impjiegi u fl-investimenti huma ferm ogħla mill-medja tar-reġjuni Finlandiżi.
20.Is-servizzi użati mill-industrija tal-foresti huma fil-biċċa l-kbira kkuntrattati lokalment, u dan iżid is-sensittività tar-reġjun għall-bidliet fil-produzzjoni. L-għeluq tal-fabbrika jiġi rifless malajr fis-sottokuntrattar u fil-ktajjen tas-servizzi: is-servizzi tat-trasport, tal-manutenzjoni, tal-loġistika, tat-tindif, tas-sigurtà, tal-enerġija u tal-inġinerija se jitilfu sehem sinifikanti mid-domanda tagħhom. L-istimi tal-effetti multiplikaturi għal kull impjieg fl-industrija tal-foresti jvarjaw minn 1 sa 2,5 impjiegi. Id-domanda għas-servizzi mhux direttament relatati mal-industrija tal-foresti tonqos ukoll, minħabba tnaqqis fil-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi.
21.Skont l-istatistika nazzjonali, ir-rata tal-qgħad tar-reġjun, jiġifieri 14,4 % fl-2025, ilha żmien twil ogħla mill-medja nazzjonali (12,6 %). Dan huwa partikolarment evidenti f’Imatra, fejn ir-rata tal-qgħad f’Jannar 2026 kienet ta’ 16.7 %, u kompliet tiżdied matul ir-rebbiegħa.
22.It-telf ta’ impjiegi fil-fabbriki jżid ir-riskju ta’ qgħad strutturali u fit-tul. Il-provvista tal-impjiegi fir-reġjun hija limitata u ċentralizzata, u dan jagħmilha aktar diffiċli għall-persuni qiegħda biex isibu impjieg, b’mod partikolari meta l-ħiliet tal-ħaddiema ma jaqblux mal-ħtiġijiet tal-impjegaturi. L-investimenti ġodda huma dejjem aktar iffukati fuq kompiti li jirrikjedu livell ogħla ta’ ħiliet, u dan jagħmilha aktar diffiċli għal dawk li l-isfond tagħhom huwa fil-manifattura li jsibu xogħol.
23.Fir-reġjun ta’ Lohja, it-tnaqqis permanenti ta’ 93 impjieg huwa sfida għall-ekonomija reġjonali. L-opportunitajiet għall-impjieg mill-ġdid fl-industriji tal-foresti u tal-karta huma limitati, u għalhekk il-grupp fil-mira jeħtieġ taħriġ mill-ġdid biex isib xogħol f’settur differenti.
24.Minħabba l-ispariġġ dejjem jikber fis-suq tax-xogħol, il-ħaddiema se jeħtieġu appoġġ u taħriġ mill-ġdid sinifikanti u mfassla apposta għalihom biex jagħmlu tranżizzjoni b’suċċess lejn impjieg ġdid. Dan ikompli jżid il-pressjoni biex jitħaffu l-miżuri għall-iżvilupp tal-ħiliet.
25.L-isfidi jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati l-industriji interkonnessi tal-foresti u tal-karta, u li jitħaffu l-investimenti f’setturi industrijali ġodda, speċjalment dawk ekoloġiċi.
26.Hija meħtieġa azzjoni urġenti hekk kif id-disparità reġjonali qed tikber. L-impatti tal-isfidi tal-industriji tal-karta u tal-foresti huma partikolarment evidenti fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Finlandja, peress li t-telf ta’ impjiegi jdgħajjef l-attività ekonomika, il-bażijiet għat-taxxa muniċipali, u l-opportunitajiet ta’ investiment.
Applikazzjoni tal-Qafas tal-Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR)
27.Il-Finlandja ddeskriviet kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fil-Qafas ta’ Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u tar-ristrutturar. L-appoġġ tal-FEG huwa mfassal biex ikun konsistenti mal-Qafas ta’ Kwalità tal-UE billi jsaħħaħ l-intervent bikri, il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol u l-pakketti ta’ appoġġ ikkoordinati. Il-kumitat ta’ monitoraġġ għall-programm, li jikkonsisti f’rappreżentanti tal-ministeri, tar-reġjuni u tas-sħab soċjali, jissorvelja l-implimentazzjoni, l-effettività u l-allinjament mal-objettivi strateġiċi, filwaqt li jiżgura li l-fondi tal-UE u r-riżorsi nazzjonali jintużaw b’mod komplementari u kkoordinat.
28.Fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa biex jassistu lill-ħaddiema ssensjati, il-Finlandja rrapportat li s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-Karelia t’Isfel u f’Lohja organizzaw sessjonijiet ta’ informazzjoni u nedew servizzi personalizzati għall-ħaddiema fil-mira minnufih wara li s-sensji ġew innotifikati fil-ħarifa tal-2025. Dawn jinkludu valutazzjoni tal-ħtiġijiet individwali, appoġġ għat-tfittix ta’ impjieg u gwida dwar id-diversi servizzi disponibbli għal dawk li qed ifittxu impjieg.
Komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni
29.Il-Finlandja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn taħt li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma humiex se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni.
30.Il-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati jikkomplementa azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-UE oħrajn.
Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew tar-rappreżentanti tagħhom jew tas-sħab soċjali kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
31.Il-Finlandja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni ma’ esperti u mas-sħab soċjali, f’konformità mal-Artikolu 7(4) tar-Regolament (UE) 2021/691. L-appoġġ tal-FEG ilu jiġi diskuss fil-grupp reġjonali ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni għal bidliet strutturali f’daqqa, bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati reġjonali u tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi, minn Novembru 2025. Saret diskussjoni u ntlaħaq qbil dwar il-pakkett ta’ miżuri finali f’laqgħa mas-servizzi pubbliċi tal-impjieg u mar-rappreżentanti tal-impjegati u tal-impjegaturi mill-intrapriżi affettwati li saret fis-27 ta’ Marzu 2026.
Benefiċjarji fil-mira u miżuri proposti
Benefiċjarji fil-mira
32.It-351 ħaddiem kollha li ġew issensjati huma mistennija jipparteċipaw fil-miżuri. Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (f), tar-Regolament (UE) 2021/691, id-diżaggregazzjoni pprovduta ta’ dawn il-ħaddiema skont il-ġeneru, il-grupp ta’ età u l-livell edukattiv hija kif ġej:
|
Kategorija
|
Għadd ta’ benefiċjarji mistennija
|
|
Ġeneru:
|
Irġiel:
|
303
|
(86,3 %)
|
|
|
Nisa:
|
48
|
(13,7 %)
|
|
|
Mhux binarji
|
0
|
(0,0 %)
|
|
Grupp ta’ età:
|
Taħt it-30 sena:
|
58
|
(16,5 %)
|
|
|
Bejn it-30 u l-54 sena:
|
127
|
(36,2 %)
|
|
|
Iktar minn 54 sena:
|
166
|
(47,3 %)
|
|
Livell ta’ edukazzjoni
|
Edukazzjoni sekondarja tal-ewwel livell jew inqas
|
27
|
(7,7 %)
|
|
|
Edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell jew postsekondarja
|
294
|
(83,8 %)
|
|
|
Edukazzjoni terzjarja
|
30
|
(8,5 %)
|
Miżuri proposti
33.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (h), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-pakkett koordinat personalizzat li jrid jiġi pprovdut lill-ħaddiema ssensjati jikkonsisti mill-miżuri li ġejjin:
–Taħriġ fit-tiftix ta’ impjieg u kkowċjar tal-karriera: Il-parteċipanti jirċievu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli għal dawk li qed ifittxu impjieg, u taħriġ biex isaħħu l-perkors tagħhom fis-suq tax-xogħol. Il-ħiliet tagħhom se jiġu vvalutati minn esperti, b’enfasi partikolari fuq il-ħiliet diġitali. Se jiġu pprovduti attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg u miżuri ta’ kkowċjar tax-xogħol biex jiġu identifikati opportunitajiet ta’ impjieg ġodda. Is-servizz huwa pprovdut kemm mis-servizz pubbliku tal-impjiegi (PES) kif ukoll minn esperti esterni, u jinkludi attivitajiet individwali u f’gruppi.
–Taħriġ vokazzjonali: It-taħriġ isir jew f’gruppi jew individwalment, ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-parteċipant u tas-suq tax-xogħol reġjonali. Kull parteċipant jingħata pjan ta’ żvilupp tal-kompetenza personali, sabiex it-taħriġ ikun jista’ jitfassal skont il-ħiliet eżistenti u l-għanijiet individwali. Jistgħu jinkisbu wkoll diversi ċertifikati u liċenzji, bħall-kard tas-sikurezza okkupazzjonali, il-kard tax-xogħol bis-sħana, eċċ.
–Għotja għall-kumpaniji start-up: L-għotja hija maħsuba għall-kostijiet tal-bidu u tal-iżvilupp fi stadju bikri biex tappoġġa lill-ħaddiema li jibdew negozju jew attività ta’ impjieg indipendenti. Titħallas abbażi tal-kostijiet reali mġarrba u ma tistax tiġi allokata għall-ispejjeż tas-salarji jew tal-għajxien personali tal-individwu. Din il-miżura hija applikata biss fil-Karelia t’Isfel.
–Stħarriġ u soluzzjoni tal-IA għar-reklutaġġ u għall-ħtiġijiet tal-ħiliet: Iz-Żona tal-Impjieg tal-Karelia t’Isfel se twettaq proġett pilota bbażat fuq l-IA biex tidentifika l-ħtiġijiet ta’ reklutaġġ u d-domandi tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol reġjonali, filwaqt li tippermetti t-tqabbil tal-grupp fil-mira ma’ dawn il-ħtiġijiet, u ssib diskrepanzi fil-ħiliet li jistgħu jiġu indirizzati permezz tat-taħriġ.
–Sussidju tal-pagi: Is-sussidji tal-pagi jbaxxu l-livell limitu ta’ reklutaġġ billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-pagi tal-impjegatur il-ġdid. L-għan huwa li l-persuni li qed ifittxu impjieg jiġu megħjuna jsibu impjieg fis-suq tax-xogħol miftuħ u li jittejbu l-ħiliet professjonali tagħhom. L-ammont tas-sussidju tal-pagi huwa ġeneralment 50 % tal-ispejjeż tal-pagi; id-durata tal-perjodu sussidjat jiddependi mil-kuntratt ta’ xogħol u mid-durata tal-perjodu tal-qgħad preċedenti.
–Allowance tal-mobilità: L-allowance hija maħsuba biex tinkoraġġixxi x-xogħol aktar ’il bogħod mid-dar, billi tikkumpensa għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tar-rilokazzjoni.
–Benefiċċju għall-ħolqien ta’ negozju: Sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-ħaddiema matul l-istabbiliment tan-negozju, se tingħata allowance ta’ kuljum ta’ EUR 37,21, li titħallas 5 ijiem fil-ġimgħa, għal massimu ta’ 12-il xahar. Din il-miżura hija applikata biss f’Lohja.
34.Firxa ta’ taħriġ fl-ICT u ta’ appoġġ addizzjonali, ibbażata fuq valutazzjoni inizjali tal-livell tal-ħiliet diġitali tal-benefiċjarji, filwaqt li titqies l-aċċessibbiltà tas-servizzi, tippermetti t-tixrid tal-ħiliet meħtieġa fl-era industrijali diġitali u f’ekonomija effiċjenti fir-riżorsi, kif meħtieġ mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) 2021/691.
35.L-azzjonijiet proposti u deskritti hawnhekk, huma magħmula minn miżuri ta’ politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-ambitu tal-azzjonijiet eliġibbli stipulati fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2021/691. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.
36.Il-Finlandja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar il-miżuri li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi. F’konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Finlandja kkonfermat li dawn il-miżuri ma humiex se jiġu sostitwiti b’kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.
Baġit stmat
37.Il-kostijiet totali stmati huma EUR 1 837 600, li jinkludu nefqa ta’ EUR 1 769 600 għal servizzi personalizzati u nefqa ta’ EUR 68 000 għal attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar.
38.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija EUR 1 102 560 (60 % tal-kostijiet totali).
39.Skont l-Artikolu 8(7), il-punt (m), tar-Regolament (UE) 2021/691, il-Finlandja speċifikat li l-prefinanzjament u l-kofinanzjament nazzjonali huma pprovduti miż-Żont tal-Impjieg tal-Karelia t’Isfel u ta’ Lohja-Karkkila.
|
Miżuri
|
Għadd stmat ta’ parteċipanti
|
Kost stmat għal kull parteċipant
(EUR)
|
Kostijiet totali stmati
(EUR)
|
|
Servizzi personalizzati (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Taħriġ fit-tiftix ta’ impjieg u kkowċjar tal-karriera
|
351
|
1 231
|
432 040
|
|
Taħriġ professjonali
|
101
|
4733
|
478 000
|
|
Għotja biex jinbeda negozju
|
17
|
12 353
|
210 000
|
|
Stħarriġ u soluzzjoni tal-IA għar-reklutaġġ u għall-ħtiġijiet tal-ħiliet
|
258
|
233
|
60 000
|
|
Subtotal (a):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati
|
–
|
1 180 040
|
|
|
|
(66,68 %)
|
|
Benefiċċji u inċentivi (miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691)
|
|
Sussidju tal-pagi
|
59
|
9 518
|
561 560
|
|
Allowance tal-mobilità
|
20
|
150
|
3 000
|
|
Benefiċċju għall-ħolqien ta’ negozju
|
5
|
5 000
|
25 000
|
|
Subtotal (b):
Perċentwal tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati:
|
–
|
589 560
|
|
|
|
(33,32 %)
|
|
Attivitajiet skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament (UE) 2021/691
|
|
1. Attivitajiet ta’ tħejjija
|
–
|
0
|
|
2. Ġestjoni
|
–
|
47 500
|
|
3. Informazzjoni u pubbliċità
|
–
|
11 500
|
|
4. Kontroll u rapportar
|
–
|
9 000
|
|
Subtotal (c):
Perċentwal tal-kostijiet totali:
|
–
|
68 000
|
|
|
|
(3,70 %)
|
|
Kostijiet totali (a + b + c):
|
–
|
1 837 600
|
|
Kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-kostijiet totali)
|
–
|
1 102 560
|
40.Il-kostijiet tal-miżuri identifikati fit-tabella ta’ hawn fuq bħala miżuri skont l-Artikolu 7(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/691 ma jaqbżux il-35 % tal-kostijiet totali tal-pakkett koordinat ta’ servizzi personalizzati. Il-Finlandja kkonfermat li dawn il-miżuri huma kondizzjonali għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg jew ta’ taħriġ.
Perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa
41.Il-Finlandja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Jannar 2026. Għalhekk, in-nefqa għall-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2026 sa 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
42.Il-Finlandja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fl-1 ta’ Jannar 2026. Għalhekk, in-nefqa għall-attivitajiet ta’ tħejjija, ta’ ġestjoni, ta’ informazzjoni u pubbliċità, ta’ kontroll u ta’ rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2026 sa 31 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni ta’ Finanzjament.
Sistemi ta’ ġestjoni u kontroll
43.L-applikazzjoni fiha deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll meħtieġa skont l-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2021/691, li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mill-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi, mill-istess unitajiet li jaġixxu bħala l-awtorità ta’ ġestjoni u ta’ ċertifikazzjoni għall-FSE+ fil-Finlandja. L-awditu intern indipendenti taħt l-awtorità tas-Segretarju Permanenti tal-Ministeru tal-Affarijiet Ekonomiċi u l-Impjiegi jaġixxi bħala l-awtorità tal-awditjar għall-FEG.
Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat
44.Il-Finlandja tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa fir-rigward ta’ dan li ġej:
–il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-miżuri proposti u għall-implimentazzjoni tagħhom,
–ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi jkunu ġew issodisfati,
–l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,
–kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi prevenut,
–Il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tikkonforma mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.
IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA
Proposta baġitarja
45.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027.
46.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2021/691, u wara li qieset l-għadd ta’ benefiċjarji fil-mira, il-miżuri proposti u l-kostijiet stmati, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi mmobilizzat il-FEG għall-ammont ta’ EUR 1 102 560, li jirrappreżenta 60 % tal-kostijiet totali tal-miżuri proposti, sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.
47.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza, tar-Regolament (UE) 2021/691, u kif stabbilit fil-punt 9 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda.
Atti relatati
48.Fl-istess ħin li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta biex tittrasferixxi l-ammont ta’ EUR 1 102 560 għal-linja baġitarja rilevanti.
49.Fl-istess waqt li adottat din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 110 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509. Dik id-deċiżjoni ta’ finanzjament se tidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tiġi nnotifikata bl-approvazzjoni tat-trasferiment baġitarju mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill skont l-Artikolu 15(2), l-ewwel subparagrafu, tar-Regolament (UE) 2021/691.
2026/0254 (BUD)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati wara applikazzjoni mill-Finlandja – EGF/2026/004 FI/Etelä-Suomi and Helsinki-Uusimaa paper
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) 2021/691 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013, u b’mod partikolari l-Artikolu 15(1) tiegħu, l-ewwel subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 9 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati (FEG) għandu l-għan li juri solidarjetà u li jippromwovi impjiegi diċenti u sostenibbli fl-Unjoni billi jipprovdi appoġġ għall-ħaddiema ssensjati u għal dawk b’impjieg indipendenti li l-attività tagħhom tkun waqfet fil-każ ta’ eventi ta’ ristrutturar kbar u billi jassistihom jirritornaw għal impjieg diċenti u sostenibbli mill-iktar fis possibbli.
(2)Il-FEG ma jistax jaqbeż l-ammont annwali massimu ta’ EUR 30 miljun (fi prezzijiet tal-2018), kif stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2021/691.
(3)Fid-19 ta’ Mejju 2026, il-Finlandja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG f’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) 2021/691, fir-rigward tas-sensji tal-ħaddiema fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 17 tal-Klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi fil-Komunità Ewropea (“NACE”) Reviżjoni 2 (Manifattura tal-karta u tal-prodotti tal-karta) fir-reġjuni tal-livell 2 tal-Klassifikazzjoni Komuni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika (“NUTS”) ta’ Etelä-Suomi (FI1C) u ta’ Helsinki-Uusimaa (FI1B) fil-Finlandja. Din ġiet issupplimentata b’informazzjoni addizzjonali pprovduta f’konformità mal-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2021/691. Dik l-applikazzjoni titqies li tikkonforma mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2021/691, abbażi tal-valutazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-Proposta għal deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(4)Għalhekk, jenħtieġ li jiġi mmobilizzat il-FEG biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 1 102 560 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Finlandja.
(5)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2026, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għall-Ħaddiema Ssensjati għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 1 102 560 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha].
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President