|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Serje L |
|
2023/2896 |
22.12.2023 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2896
tas-17 ta’ Ottubru 2023
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/232 fir-rigward ta’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar għal informazzjoni relatata mal-kooperazzjoni bejn il-produtturi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 173(1), il-punt (i), u l-Artikolu 223(2), il-punt (a), tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-rekwiżiti ta’ rapportar għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar ta’ monitoraġġ kif suppost u infurzar korrett tal-leġiżlazzjoni. Madankollu, huwa importanti li dawk ir-rekwiżiti jiġu ssimplifikati sabiex jiġi żgurat li jissodisfaw l-iskop li għalih kienu maħsuba u biex jiġi limitat il-piż amministrattiv. |
|
(2) |
L-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar l-estensjoni tar-regoli li japplikaw għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali għal operaturi oħra li jaġixxu fl-istess żona/i ekonomika/ekonomiċi li ma mhumiex tal-organizzazzjoni jew tal-assoċjazzjoni. Dan l-Artikolu jipprevedi l-obbligu tal-Istati Membri li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda fir-rigward ta’ dawn l-estensjonijiet mingħajr ma jistipulaw modalitajiet jew skedi taż-żmien ulterjuri f’dan ir-rigward. |
|
(3) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 (2) jistabbilixxi regoli li jiċċaraw, fost affarijiet oħra, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskedi taż-żmien tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni rigward diversi aspetti relatati mal-kooperazzjoni bejn il-produtturi, inkluż dawk relatati mal-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet ta’ organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali. |
|
(4) |
Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet tal-Istati Membri dwar l-estensjoni tar-regoli jenħtieġ li jiġu elenkati fost id-data li għandha tiġi nnotifikata darba fis-sena skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/232. Din is-simplifikazzjoni hija f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Il-kompetittività fit-tul tal-UE: inħarsu lil hinn mill-2030” (3). |
|
(5) |
Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2016/232 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/232, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a. Sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni li ġejja fir-rigward tal-estensjoni tad-deċiżjonijiet meħuda matul is-sena preċedenti skont l-Artikolu 164 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013: it-titolu ta’ kull deċiżjoni, is-settur ikkonċernat, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni, il-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni, ir-referenzi uffiċjali tal-pubblikazzjoni u, fejn applikabbli, il-lokalizzatur uniformi tar-riżorsi (URL) tad-deċiżjoni.”
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2023.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/232 tal-15 ta’ Diċembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jikkonċerna ċerti aspetti ta’ kooperazzjoni bejn il-produtturi (ĠU L 44, 19.2.2016, p. 1).
(3) COM(2023) 168 final.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/2896/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)