Brussell, 13.11.2018

JOIN(2018) 26 final

2018/0382(NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra (“Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni”), rigward l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkonċerna l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni

Fl-24 ta’ Frar 1997 ġie ffirmat Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997. Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni huwa l-bażi ġuridika għar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-AP. Abbażi tal-Ftehim, il-prodotti industrijali Palestinjani għandhom aċċess ħieles mid-dazju għas-swieq tal-UE, u t-tariffi fuq l-esportazzjonijiet tal-UE lejn il-Palestina jitneħħew gradwalment fuq medda ta’ ħames snin. Il-Ftehim għandu l-għan li:

–jipprovdi qafas xieraq għal djalogu komprensiv, li jippermetti l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet mill-qrib bejn il-Partijiet;

–jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ;

–irawwem l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi u soċjali bbilanċjati bejn il-Partijiet permezz tad-djalogu u l-kooperazzjoni;

–jikkontribwixxi għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku fix-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża;

–jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni reġjonali sabiex tiġi kkonsolidata l-koeżistenza paċifika u l-istabbiltà ekonomika u soċjali;

–jippromwovi l-kooperazzjoni f’oqsma oħrajn li huma ta’ interess reċiproku.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi Kumitat Konġunt li għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet fil-każijiet previsti fil-Ftehim kif ukoll f’każijiet oħra neċessarji sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fih. Id-deċiżjonijiet huma vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kumitat Konġunt jista’ jagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet sabiex jinkisbu l-għanijiet komuni u l-funzjonament tajjeb tal-Ftehim. Il-presidenza tal-Kumitat Konġunt tinżamm darba mill-UE u darba oħra mill-Awtorità Palestinjana skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura. Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fis-sena u meta ċ-ċirkustanzi jeħtieġu dan fuq l-inizjattiva tal-President tiegħu.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta rakkomandazzjoni li tirrigwarda l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP (l-“att previst”). Skont l-Artikolu 10 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, ir-rakkomandazzjoni se tiġi adottata permezz tal-proċedura bil-miktub.

L-għan tal-att previst huwa li l-validità tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP tiġi estiża bi tliet snin, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ Partijiet. F’każ li tkun meħtieġa estensjoni oħra, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jkollhom is-setgħa li jestendu l-Pjan ta’ Azzjoni għal perjodu ieħor ta’ tliet snin mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ġdida tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-pożizzjoni adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni dwar l-adozzjoni ta’ rakkomandazzjoni għall-estensjoni bi tliet snin tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP hija bbażata fuq it-test tad-deċiżjoni mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni.

Iż-żewġ Partijiet ikkonfermaw b’mod ripetut ir-rikkezza u l-vitalità tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-AP u l-impenn sħiħ tagħhom għat-tkomplija tal-iżvilupp ta’ dawn ir-relazzjonijiet fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku.

L-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP hija għalhekk fl-interess tal-Partijiet.

3.1.Bażi ġuridika proċedurali

3.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jistipula deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola s-sede inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 1 .

3.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp imwaqqaf bi ftehim, speċifikament il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst għandu effetti legali għaliex se jestendi l-Pjan ta’ Azzjoni attwali bejn l-UE u l-AP bi tliet snin.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

3.2.Bażi ġuridika sostantiva

3.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

3.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw kooperazzjoni ma’ pajjiż terz fil-qafas ta’ ftehim ta’ assoċjazzjoni u l-Politika Ewropea tal-Viċinat.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 217 tat-TFUE.

3.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li l-att tal-Kumitat Konġunt se jbiddel it-tul tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP, ikun xieraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu, f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt UE-AP.

2018/0382 (NLE)

Proposta Konġunta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-Rappreżentant Għoli”),

Billi:

(1)Il-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra (il-“Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni”) ġie ffirmat fl-24 ta’ Frar 1997 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1997.

(2)Il-Partijiet jaqblu li l-Pjan ta’ Azzjoni attwali jkompli jirrifletti s-sħubija privileġġjata bejn l-UE u l-AP u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni.

(3)Skont l-Artikolu 63 tal-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet u jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa.

(4)Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-rakkomandazzjoni dwar l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP bi tliet snin permezz ta’ proċedura bil-miktub.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni, peress li r-rakkomandazzjoni se jkollha effetti legali.

(6)Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jenħtieġ li jkunu awtorizzati li jestendu l-Pjan ta’ Azzjoni bi tliet snin oħra jekk ikun meħtieġ.

(7)L-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni bi tliet snin se tagħti l-opportunità lill-Partijiet biex fis-snin li ġejjin ikomplu jagħmlu progress fil-kooperazzjoni tagħhom.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Interim ta’ Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranju dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Organizzazzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana (AP) tax-Xatt tal-Punent u l-Istrixxa ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, rigward l-estensjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-AP, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli huma b’dan awtorizzati li jestendu l-Pjan ta’ Azzjoni għal perjodu ta’ tliet snin oħra jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.