|
17.4.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 115/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tal-14 ta' April 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, b'Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat
(2014/221/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 114 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Unjoni ilha mit-22 ta' Jannar 2011 marbuta, taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE (1), mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà; id-dispożizzjonijiet tagħha saru parti integrali mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. |
|
(2) |
Fis-26 ta' Novembru 2012 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, ftehim internazzjonali fi ħdan l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali dwar aċċess aħjar għall-kotba għall-persuni b'diffikultà biex jaqraw materjal stampat. |
|
(3) |
In-negozjati ġew konklużi b'suċċess fil-Konferenza Diplomatika li saret f'Marrakexx mis-17 sat-28 ta' Ġunju 2013 u t-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (it-“Trattat ta' Marrakexx”) ġie adottat fis-27 ta' Ġunju 2013. |
|
(4) |
It-Trattat ta' Marrakexx jistabbilixxi sett ta' regoli internazzjonali li jiżguraw li jkun hemm limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur fil-livell nazzjonali għall-benefiċċju ta' persuni għomja, li għandhom diżabbiltà fil-vista jew li għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat u jippermettu l-iskambju transkonfinali ta' kopji f'format aċċessibbli ta' xogħlijiet pubblikati li jkunu saru skont limitazzjonijiet jew eċċezzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur. |
|
(5) |
It-Trattat ta' Marrakexx huwa miftuħ għall-iffirmar minn kwalunkwe parti eliġibbli għal sena wara l-adozzjoni tiegħu. Għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward ta' kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar 'il quddiem, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tat-Trattat ta' Marrakexx biex jiġi Ffaċilitat l-Aċċess għal Xogħlijiet Pubblikati għal Persuni Għomja, li għandhom Diżabbiltà fil-Vista jew li b'xi mod ieħor għandhom Diffikultà biex Jaqraw Materjal Stampat (2), huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tiegħu.
Artikolu 2
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat sabiex jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw it-Trattat ta' Marrakexx f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, l-14 ta' April 2014.
Għall-Kunsill
Il-President
A. TSAFTARIS
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35).
(2) It-test tat-Trattat ta' Marrakexx ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.