European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/877

21.4.2026

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/877

tas-16 ta’ April 2026

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv fil-qasam tal-Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni tapplika, permezz ta’ regolament, l-Artikolu 101(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija u għall-prattiki korrispondenti miftehma li għalihom jipparteċipaw biss żewġ impriżi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

(2)

Skont ir-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 (2). Ir-Regolament (UE) Nru 316/2014 jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li l-Kummissjoni qieset li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Bil-ħsieb tal-esperjenza pożittiva ġenerali fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 316/2014, li jiskadi fit-30 ta’ April 2026, u r-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ġdid ta’ eżenzjoni ta’ kategorija.

(3)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jiżgura l-protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u jipprovdi ċertezza legali adegwata għall-impriżi. Is-segwitu ta’ dawk l-objettivi jenħtieġ li jqis il-ħtieġa li s-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv jiġu ssimplifikati kemm jista’ jkun.

(4)

L-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jikkonċermaw il-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija. Tali akkordji s-soltu jtejbu l-effiċjenza ekonomika u jkunu favur il-kompetizzjoni billi jistgħu jnaqqsu d-duplikazzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, jinċentivaw ir-riċerka u l-iżvilupp inizjali, jippromwovu l-innovazzjoni, jiffaċilitaw it-tixrid tat-teknoloġija u jiġġeneraw il-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott.

(5)

Il-probabbiltà li tali effetti li jtejbu l-effiċjenza u li jkunu favur il-kompetittività jegħlbu kwalunkwe effett antikompetittiv li jirriżulta mir-restrizzjonijiet li jinsabu fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tiddependi fuq il-grad tas-saħħa fis-suq tal-impriżi ikkonċernati u, għalhekk, sa liema punt dawk l-impriżi jiffaċċjaw il-kompetizzjoni minn impriżi li jipposjedu teknoloġiji sostituti jew impriżi li jipproduċu prodotti sostituti.

(6)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn liċenzjatur u liċenzjatarju. Jenħtieġ li jkopri tali akkordji anki jekk l-akkordju jkun fih kundizzjonijiet relatati ma’ aktar minn livell wieħed ta’ kummerċ, pereżempju li jirrikjedu li l-liċenzjatarju jistabbilixxi sistema partikolari ta’ distribuzzjoni u jispeċifika l-obbligi li l-liċenzjatarju jrid jew jista’ jimponi fuq il-bejjiegħa mill-ġdid tal-prodotti li ġew prodotti taħt il-liċenzja. Madankollu, tali kundizzjonijiet u obbligi jenħtieġ li jkunu konformi mar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għal akkordji ta’ provvista u distribuzzjoni, kif stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 (3) u spjegati fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali (4). L-akkordji ta’ provvista u distribuzzjoni konklużi bejn liċenjatarju u x-xerrejja tal-prodotti tal-kuntratt tiegħu jenħtieġ li ma jiġux eżentati minn dan ir-Regolament.

(7)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika biss għal akkordji li fihom il-liċenzjatur jippermetti lil-liċenzjatarju u/jew wieħed jew aktar mis-subkuntratturi tiegħu li jisfruttaw d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, possibbilment wara aktar riċerka u żvilupp mil-liċenzjatarju u/jew mis-subkuntratturi tiegħu, għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ oġġetti jew servizzi. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp li huma koperti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1066 (5) jew għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li huma koperti bir-Regolament tal-Kumissjoni (UE) 2023/1067 (6). Jenħtieġ li ma japplikax ukoll għal akkordji li l-għan primarju tagħhom huwa s-sempliċi bejgħ mill-ġdid jew distribuzzjoni ta’ software, kemm jekk permezz ta’ mezzi fiżiċi kif ukoll dawk diġitali, peress li tali akkordji ma jikkonċernawx il-liċenzjar tat-teknoloġija għall-fini ta’ produzzjoni iżda huma aktar simili għal akkordji ta’ distribuzzjoni.

(8)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikax għal akkordji biex jiġu stabbiliti pools tat-teknoloġija, jiġifieri, akkordji għall-pooling tat-teknoloġiji bil-għan li dawn jiġu liċenzjati lill-kontributuri għall-pool jew lil partijiet terzi, jew għal akkordji li permezz tagħhom it-teknoloġiji ippuljati jiġu liċenzjati lil dawk il-partijiet terzi. Jenħtieġ li lanqas ma għandu japplika għal arranġamenti li permezz tagħhom il-liċenzjatarji potenzjali tat-teknoloġija jifthiemu li jinnegozjaw it-termini ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija b’mod konġunt (gruppi ta’ negozjar tal-liċenzjar).

(9)

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex meħtieġ li jiġu definiti dawk l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fil-valutazzjoni individwali ta’ akkordji skont l-Artikolu 101(1), għandhom jitqiesu diversi fatturi, u b’mod partikolari l-istruttura u d-dinamika tat-teknoloġija rilevanti u tas-swieq tal-prodott.

(10)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun limitat għal dawk l-akkordji li fir-rigward tagħhom jista’ jiġi asunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Sabiex jintlaħqu l-benefiċċji u l-objettivi tat-trasferiment ta’ teknoloġija, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jkoprix biss it-trasferiment ta’ teknoloġija bħala tali iżda anki dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jekk, u sa liema punt, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt.

(11)

Għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn kompetituri jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem ikkombinat tas-swieq rilevanti miżmuma mill-partijiet ma jaqbiżx l-20 % u l-akkordji ma jkunx fihom ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, dawn ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(12)

Għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn partijiet mhux kompetituri jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem individwali tas-swieq rilevanti miżmum minn kull waħda mill-partijiet ma jaqbiżx it-30 % u l-akkordji ma jkunx fihom ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, dawn ġeneralment iwasslu għal titjib fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni u jippermettu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw.

(13)

Għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-ishma mis-suq fis-swieq rilevanti tat-teknoloġija jenħtieġ li jiġu kkalkolati fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fis-swieq rilevanti ġeografiċi u tal-prodotti li fihom jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri fuq il-bażi tal-bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt li ġew prodotti mil-liċenzjatur u l-liċenzjatarji tiegħu flimkien. Għalhekk, għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, it-teknoloġiji li jkunu għadhom ma ġġenerawx bejgħ ta’ prodotti tal-kuntratt jenħtieġ li jitqiesu li għandhom sehem mis-suq li jammonta għal żero.

(14)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem mis-suq jenħtieġ li ma jaffettwawx il-kalkolu tal-ishma mis-suq għall-valutazzjoni ta’ akkordji li ma jaqgħux taħt l-eżenzjoni ta’ kategorija prevista minn dan ir-Regolament. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat.

(15)

Jekk jinqabeż il-livell limitu applikabbli tas-sehem mis-suq f’suq wieħed jew aktar tal-prodott jew tat-tekonoloġija, l-eżenzjoni ta’ kategorija jenħtieġ li ma tapplikax għall-akkordji għas-swieq kkonċernati rilevanti.

(16)

Ma jista’ jkun hemm l-ebda preżunzjoni li, ’l fuq minn dawk il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Pereżempju, akkordji esklużivi għall-ħruġ ta’ liċenzji bejn impriżi mhux kompetituri normalment ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1). Lanqas ma jista’ jkun hemm preżunzjoni li, ’il fuq minn dawk il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(3). Madankollu, jista’ wkoll ma jiġix preżunt li dawn normalment jwasslu għal vantaġġi oġġettivi ta’ tali karattru u daqs li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li joħolqu għall-kompetizzjoni.

(17)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jeżentax akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għat-titjib tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni. B’mod partikolari, akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu ċerti restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi, bħall-iffissar tal-prezzijiet mitluba lill-partijiet terzi, jenħtieġ li jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilit b’dan ir-Regolament, irrispettivament mill-ishma mis-suq tal-impriżi kkonċernati. Meta akkordju jkun fih tali restrizzjonijiet fundamentali, l-akkordju kollu kemm hu jenħtieġ li jiġi eskluż mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(18)

Sabiex jiġu protetti l-inċentivi għall-innovazzjoni u l-applikazzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ċerti restrizzjonijiet jenħtieġ li jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija. B’mod partikolari, jenħtieġ li jiġu esklużi l-obbligi ta’ retroċessjoni esklussivi u l-klawżoli ta’ nuqqas ta’ kontestazzjoni. Meta tali restrizzjonijiet jiġu inklużi f’akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, jenħtieġ li tiġi eskluża biss ir-restrizzjoni inkwistjoni mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

(19)

Il-livelli limiti tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni tal-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jinkludu restrizzjonijiet antikompetittivi b’mod gravi u r-restrizzjonijiet esklużi previsti f’dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ta’ kategorija ma jippermettux lill-impriżi parteċipi jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

(20)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jindika s-sitwazzjonijiet tipiċi li fihom jista’ jitqies xieraq li jiġi rtirat il-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilit b’dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (7).

(21)

Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni ta’ networks paralleli ta’ akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija b’effetti restrittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % minn suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament inapplikabbli għal akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b’hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa’ japplika b’mod sħiħ għal tali akkordji,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“akkordju” tfisser akkordju, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftehma;

(b)

“drittijiet tat-teknoloġija” tfisser l-għarfien prattiku u d-drittijiet li ġejjin, jew taħlita tat-tnejn, inklużi l-applikazzjonijiet ta’ dawk id-drittijiet jew l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tagħhom:

(i)

privattivi,

(ii)

mudelli ta’ utilità,

(iii)

drittijiet tad-diżinn,

(iv)

topografiji ta’ prodotti semikondutturi,

(v)

ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali jew prodotti oħra li għalihom jistgħu jinkisbu tali ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari,

(vi)

ċertifikati ta’ min inissel il-pjanti u

(vii)

drittijiet tal-awtur tas-software;

(c)

“akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija” tfisser:

(i)

akkordju għall-ħruġ ta’ liċenzji tad-drittijiet tat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-fini tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt mil-liċenzjatarju u/jew mis-subkuntrattur(i) tiegħu,

(ii)

ċessjoni tad-drittijiet tat-teknoloġija bejn żewġ impriżi għall-fini tal-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, li fiha parti mir-riskju assoċjat mal-isfruttar tat-teknoloġija jerfgħaha ċ-ċendent;

(d)

“akkordju reċiproku” tfisser akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fih żewġ impriżi jagħtu lil xulxin, fl-istess kuntratt jew f’kuntratti separati, liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija, u meta dawk il-liċenzji jikkonċernaw teknoloġiji li jikkompetu jew jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri;

(e)

“akkord mhux reċiproku” tfisser akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fih impriża waħda tagħti lil impriża oħra liċenzja għad-drittijiet tat-teknoloġija, jew meta żewġ impriżi jagħtu lil xulxin tali liċenzja iżda meta dawk il-liċenzji ma jkunux jikkonċernaw teknoloġiji kompetituri u ma jkunux jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti kompetituri;

(f)

“prodott” tfisser oġġetti jew servizzi, inklużi kemm l-oġġetti u s-servizzi intermedji kif ukoll l-oġġetti u s-servizzi finali;

(g)

“prodott tal-kuntratt” tfisser prodott li jiġi prodott, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata;

(h)

“drittijiet tal-proprjetà intellettwali” tinkludi d-drittijiet tal-proprjetà industrijali, b’mod partikolari l-privattivi u l-marki kummerċjali, id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet assoċjati;

(i)

“għarfien prattiku” tfisser pakkett ta’ informazzjoni prattika li jirriżulta mill-esperjenza u mill-ittestjar, li jkun:

(i)

sigriet, jiġifieri, li ma jkunx magħruf b’mod ġenerali jew aċċessibbli b’mod faċli;

(ii)

sostanzjali, jiġifieri, sinifikanti u utli għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt; u

(iii)

identifikat, jiġifieri, deskritt b’mod komprensiv biżżejjed sabiex ikun possibbli li jiġi verifikat li jissodisfa l-kriterji ta’ segretezza u sostanzjalità;

(j)

“suq tal-prodott rilevanti” tfisser is-suq għall-prodotti tal-kuntratt u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk il-prodotti kollha li jitqies bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mix-xerrej, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom;

(k)

“suq rilevanti tat-teknoloġija” tfisser is-suq għad-drittijiet liċenzjati tat-teknoloġija u s-sostituti tagħhom, jiġifieri dawk id-drittijiet tat-teknoloġija kollha li jitqiesu bħala interkambjabbli jew sostitwibbli mil-liċenzjatarju, minħabba l-karatteristiċi tad-drittijiet tat-teknoloġija, id-drittijiet pagabbli fir-rigward ta’ dawk id-drittijiet u l-użu maħsub tagħhom;

(l)

“suq ġeografiku rilevanti” tfisser iż-żona li fiha l-impriżi kkonċernati jkunu involuti fil-provvista jew fid-domanda ta’ prodotti jew fil-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija, fejn il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien billi l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti f’dawk iż-żoni;

(m)

“suq rilevanti” tfisser il-kombinazzjoni tas-suq rilevanti tal-prodott jew tat-teknoloġija mas-suq ġeografiku rilevanti;

(n)

“impriżi kompetituri” tfisser impriżi li jikkompetu fis-suq rilevanti, jiġifieri:

(i)

impriżi kompetituri fis-suq rilevanti li fih id-drittijiet tat-teknoloġija jiġu liċenzjati, jiġifieri, impriżi li jagħtu l-liċenżji tad-drittijiet tat-teknoloġija li jikkompetu ma’ xulxin (kompetituri effettivi fis-suq rilevanti);

(ii)

impriżi kompetituri fis-suq rilevanti li fih jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri, impriżi li, fin-nuqqas tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, ikunu t-tnejn attivi fis-suq/swieq rilevanti li fih(om) jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt (kompetituri effettivi fis-suq rilevanti) jew li, fin-nuqqas tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, fuq bażi realistika u mhux biss bħala sempliċi possibbiltà teoretika, x’aktarx li jwettqu l-investimenti addizzjonali meħtieġa jew iġarrbu kostijiet oħra meħtieġa biex jidħlu fis-suq/swieq rilevanti f’perjodu ta’ żmien li jkun qasir biżżejjed biex jimponi pressjoni kompetittiva fuq impriżi li diġà huma attivi fis-suq rilevanti (kompetituri potenzjali fis-suq rilevanti);

(o)

“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-liċenzjatur jintrabat li jagħti l-liċenzja għall-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt, direttament jew indirettament, biss lil liċenzjatarji magħżula fuq bażi ta’ kriterji speċifikati u fejn dawk il-liċenzjatarji jintrabtu li ma jbigħux il-prodotti tal-kuntratt lil distributuri mhux awtorizzati fit-territorju riżervat mil-liċenzjatur biex fih iħaddem dik is-sistema;

(p)

“liċenzja esklużiva” tfisser liċenzja li permezz tagħha l-liċenzjatur stess ma jkunx permess li jipproduċi fuq il-bażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati u ma jkunx permess li jagħti liċenżja għad-drittijiet marbutin mat-teknoloġija liċenzjata lil partijiet terzi, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew f’territorju partikolari;

(q)

“territorju esklużiv” tfisser territorju partikolari li fih impriża waħda biss ikollha l-permess tipproduċi il-prodotti tal-kuntratt, iżda li madankollu xorta jkun possibbli li liċenzjatarju ieħor ta’ liċenzja jingħata l-peremss li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt f’dak it-territorju biss għal klijent partikolari wieħed, fejn din it-tieni liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(r)

“grupp esklużiv ta’ klijenti” tfisser grupp ta’ klijenti li għalih parti waħda biss għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija tista’ tbegħilhom b’mod attiv il-prodotti tal-kuntratt li ġew prodotti bit-teknoloġija liċenzjata;

(s)

“bejgħ attiv” tfisser li l-klijenti jiġu mmirati b’mod attiv permezz ta’ żjarat, ittri, emails, telefonati jew mezzi oħra ta’ komunikazzjoni diretta jew permezz ta’ reklamar u promozzjoni mmirati, offline jew online, pereżempju permezz ta’ media stampata jew diġitali, inkluża media online, servizzi ta’ tqabbil tal-prezzijiet jew reklamar fuq magni tat-tiftix immirati lejn klijenti f’territorji jew gruppi ta’ klijenti partikolari, l-operat ta’ sit web b’dominju tal-ogħla livell li jikkorrispondi għal territorji partikolari, jew l-offerta fuq sit web ta’ lingwi li jintużaw komunement f’territorji partikolari, meta tali lingwi jkunu differenti minn dawk użati komunement fit-territorju li fih ikun stabbilit ix-xerrej;

(t)

“bejgħ passiv” tfisser bejgħ bi tweġiba għal talbiet mhux mitluba minn klijenti individwali, inkluża l-konsenja ta’ prodotti jew servizzi lill-klijent mingħajr ma l-bejgħ jkun inbeda permezz ta’ reklamar immirat b’mod attiv lejn klijent partikolari, grupp ta’ klijenti partikolari jew territorju partikolari, u jinkludi l-bejgħ li jirriżulta minn parteċipazzjoni f’akkwist pubbliku jew minn risposti għal sejħiet għall-offerti privati.

2.   Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “liċenzjatur” u “liċenzjatarju” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a)

impriżi li fihom parti fl-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, direttament jew indirettament, ikollha wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat li ġejjin:

(i)

għandha s-setgħa li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot,

(ii)

għandha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord superviżorju, tal-bord maniġerjali jew tal-korpi li legalment jirrapreżentaw l-impriża,

(iii)

għandha d-dritt li jimmaniġġja l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li, direttament jew indirettament, ikollhom wieħed jew aktar mid-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fil-konfront ta’ parti għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija;

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, xi wieħed jew aktar mid-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija flimkien ma’ impriża waħda jew aktar imsemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi msemmija l-aħħar, flimkien ikollhom wieħed jew aktar mid-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom wieħed jew aktar mid-drittijiet jew setgħat elenkati fil-punt (a) huma miżmuma b’mod konġunt minn:

(i)

partijiet għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d); jew

(ii)

parti waħda jew aktar għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.   Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji dwar it-trasferimenti ta’ teknoloġija.

2.   L-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tapplika sal-punt li l-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. L-eżenzjoni għandha tapplika sakemm ma jkunux skadew id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjati, jew ikunu ġew dikjarati invalidi jew, fil-każ tal-għarfien prattiku, sakemm l-għarfien prattiku jibqa’ sigriet. Madankollu, meta l-għarfien prattiku jsir magħruf pubblikament b’riżultat ta’ azzjoni mil-liċenzjatarju, l-eżenzjoni għandha tapplika għad-durata tal-akkordju.

3.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika wkoll għad-dispożizzjonijiet fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija relatati max-xiri ta’ prodotti mil-liċenzjatarju jew relatati mal-liċenzjar jew iċ-ċessjoni ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali oħra jew għarfien prattiku ieħor lil-liċenzjatarju, jekk, u sa fejn, dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt.

Artikolu 3

Livelli limiti tas-sehem mis-suq

1.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju jkunu impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fi kwalunkwe suq rilevanti.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi li jikkompetu bejniethom, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem mis-suq ta’ kull wieħed mill-partijiet ma jkunx iktar minn 30 % fi kwalunkwe suq rilevanti.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet ibsin

1.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju jkunu impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandhiex tapplika għal akkordji li, direttament jew indirettament, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-objettiv tagħhom kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta’ parti li tiddetermina l-prezzijiet tagħha meta tbigħ il-prodotti lil partijiet terzi;

(b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, ħlief il-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt imposti fuq il-liċenzjatarju f’akkordju mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed mil-liċenzjatarji biss f’akkordju reċiproku;

(c)

l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti ħlief:

(i)

l-obbligu fuq il-liċenzjatur u/jew il-liċenzjatarju, f’akkordju mhux reċiproku, li ma jipproduċix bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju esklużiv riżervat għall-parti l-oħra u/jew ma jbigħx il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv u/jew b’mod passiv fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għall-parti l-oħra,

(ii)

ir-restrizzjoni, f’akkordju mhux reċiproku, tal-bejgħ attiv tal-prodotti tal-kuntratt mil-liċenzjatarju fit-territorju esklużiv jew lill-grupp esklużiv ta’ klijenti allokat mil-liċenzjatur lil liċenzjatarju ieħor dment li dan tal-aħħar ma kienx impriża kompetitriċi tal-liċenzjatur fil-ħin tal-konklużjoni tal-liċenzja tiegħu stess,

(iii)

l-obbligu fuq il-liċenzjatarju li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt biss għall-użu tiegħu dment li, meta l-liċenzjatarju jinkorpora l-prodotti tal-kuntratt fil-prodotti tiegħu stess, ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew b’mod passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess,

(iv)

l-obbligu fuq il-liċenzjatarju, f’akkordju mhux reċiproku, li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt biss għal klijent partikolari, meta l-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent;

(d)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà tal-liċenzjatarju li jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess jew ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet għall-akkordju li twettaq riċerka u żvilupp, sakemm tali restrizzjoni tal-aħħar ma tkunx indispensabbli biex jiġi evitat l-iżvelar tal-għarfien prattiku liċenzjat lil partijiet terzi.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi kompetituri, l-eżenzjoni stipulata fl-Artikolu 2 ma tapplikax għal akkordji li l-għan tagħhom, direttament jew indirettament, weħidhom jew flimkien ma’ fatturi oħra li jkunu fil-kontroll tal-partijiet, għandhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta’ parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħha lil terzi partijiet, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi imponut prezz massimu ta’ bejgħ jew prezz rakkomandat ta’ bejgħ, sakemm dan ma jsirx prezz fiss jew prezz minimu ta’ bejgħ minħabba pressjoni jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti mill-partijiet;

(b)

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, il-liċenzjatarju jkun jista’ jbegħilhom b’mod passiv il-prodotti tal-kuntratt, ħlief:

(i)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ passiv f’territorju esklużiv jew lil grupp esklużiv ta’ klijenti riżervat għal-liċenzjatur,

(ii)

l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għall-użu tiegħu stess dment li, meta l-liċenzjatarju jinkorpora l-prodotti tal-kuntratt fil-prodotti tiegħu stess, ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b’mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess,

(iii)

l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta’ provvista għal dak il-klijent,

(iv)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ lill-utenti finali permezz ta’ liċenzjatarju li jopera fil-livell kummerċjali tal-bejgħ bl-ingrossa,

(v)

ir-restrizzjoni tal-bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati li jinsabu f’territorju li fih il-liċenzjatur jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva għall-prodotti tal-kuntratt;

(c)

ir-restrizzjoni ta’ bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn liċenzjatarju li jkun membru ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva u li jopera fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi projbit membru tas-sistema milli jopera minn post mhux awtorizzat ta’ stabbiliment.

3.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordju ma jkunux impriżi kompetituri fiż-żmien il-konklużjoni tal-akkordju iżda jsiru impriżi kompetituri wara dan, għandu japplika l-paragrafu 2 u mhux il-paragrafu 1 għall-perjodu kollu ta’ validità tal-akkordju sakemm l-akkordju sussegwentement ma jiġix emendat fi kwalunkwe aspett materjali f’perjodu sussegwenti. Emenda ta’ dak it-tip tinkludi l-konklużjoni ta’ akkordju ġdid dwar it- trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-partijiet li jirrigwarda d-drittijiet tat-teknoloġija li jikkompetu ma’ xulxin.

Artikolu 5

Restrizzjonijiet esklużi

1.   L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandha tapplika għal ebda wieħed mill-obbligi li ġejjin li jinsabu fl-akkordji dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija:

(a)

kwalunkwe obbligu dirett jew indirett fuq il-liċenzjatarju biex jagħti liċenzja esklużiva jew biex jagħti ċessjoni ta’ drittijiet, totalment jew parzjalment, lil-liċenzjatur jew lil parti terza nnominata mil-liċenzjatur fir-rigward tat-titjib tiegħu stess ft-teknoloġija liċenzjata, jew l-applikazzjonijiet ġodda tiegħu stess tat-teknoloġija liċenzjata;

(b)

kwalunkwe obbligu dirett jew indirett fuq parti biex ma tikkontestax il-validità tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li l-parti l-oħra jkollha fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibilità, fil-każ ta’ liċenzja esklużiva, li tiġi prevista t-terminazzjoni tal-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija f’każ li l-liċenzjatarju jikkontesta l-validità ta’ xi wieħed mid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

2.   Meta l-impriżi li jkunu parti għall-akkordji ma jkunux impriżi kompetituri, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ma għandha tapplika għall-ebda obbligu dirett jew indirett li jillimita l-abbiltà tal-liċenzjatarju li jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess jew li jillimita l-abbiltà ta’ xi waħda mill-partijiet għall-akkordju li twettaq riċerka u żvilupp, sakemm tali restrizzjoni tal-aħħar ma tkunx indispensabbli biex jiġi evitat l-iżvelar tal-għarfien prattiku liċenzjat lil partijiet terzi.

Artikolu 6

L-irtirar ta’ każijiet individwali

1.   Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, meta fi kwalunkwe każ partikolari issib li akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament madankollu jkollu effetti li ma jkunux kompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, u b’mod partikolari meta:

(a)

l-aċċess tat-teknoloġiji tat-terzi partijiet għas-suq ikun restritt, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjatarji milli jużaw it-teknoloġiji tal-partijiet terzi;

(b)

l-aċċess għas-suq ta’ liċenzjatarji potenzjali ikun ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ networks paralleli ta’ akkordji restrittivi simili li jipprojbixxu l-liċenzjatur milli jagħti liċenzji lil liċenzjatarji oħra jew minħabba li l-uniku sid tat-teknoloġija li jagħti liċenzji tad-drittijiet tat-teknoloġija rilevanti jikkonkludi liċenzja esklużiva ma’ liċenzjatarju li jkun diġà attiv fis-suq tal-prodott fuq il-bażi ta’ drittijiet tat-teknoloġija sostitwibbli.

2.   Meta, fi kwalunkwe każ partikolari, akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, ikollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ Stat Membru, jew f’parti minnu, li jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint, l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ dak l-Istat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fir-rigward ta’ dak it-territorju, fl-istess ċirkostanzi bħal dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 7

Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

1.   Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’ permezz ta’ regolament tiddikjara li, meta networks paralleli ta’ akkordji simili dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-akkordju dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li fihom restrinzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.

2.   Regolament skont il-paragrafu 1 ma għandux isir applikabbli aktar kmieni minn sitt xhur wara l-adozzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Applikazzjoni tal-livelli limiti tas-sehem mis-suq

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-livelli limiti tas-sehem mis-suq stipulati fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

is-sehem mis-suq għandu jiġi ikkalkolat fuq il-bażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk id-data dwar il-valur ta’ bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra affidabbli tas-suq, inklużi l-volumi ta’ bejgħ fis-suq, biex jiġi stabbilit is-sehem mis-suq tal-impriża kkonċernata;

(b)

is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ data relatata mas-sena kalendarja preċedenti; jekk is-sena kalendarja preċedenti ma tkunx rappreżentattiva tal-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq/swieq rilevanti, is-sehem mis-suq għandu jiġi kkalkolat bħala medja tal-ishma mis-suq tal-partijiet fit-tliet (3) snin kalendarji preċedenti;

(c)

is-sehem mis-suq tal-impriżi msemmija fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (e), għandu jitqassam b’mod indaqs bejn kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat elenkati fl-Artikolu 1(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a);

(d)

is-sehem mis-suq ta’ parti attiva f’suq rilevanti tat-teknoloġija għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tal-preżenza tad-drittijiet tat-teknoloġija ta’ dik il-parti fis-suq/swieq rilevanti (jiġifieri s-suq/swieq tal-prodott u s-suq/swieq ġeografiku/ġeografiċi) li fih(om) jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt, jiġifieri, fuq il-bażi tal-bejgħ ikkombinat ta’ dik il-parti u l-liċenzjatarji tagħha tal-prodotti li jinkorporaw id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata ta’ dik il-parti;

(e)

jekk is-sehem mis-suq imsemmi fl-Artikolu 3(1) jew (2) inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % jew 30 % rispettivament iżda sussegwentement jgħola aktar minn dawk il-livelli, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ tliet snin kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkunu nqabżu għall-ewwel darba l-livell limitu ta’ 20 % jew il-livell limitu ta’ 30 %.

Artikolu 9

Relazzjoni ma’ regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

Dan ir-Regolament ma għandux japplikax għal akkordji tal-liċenzja fl-akkordji dwar riċerka u żvilupp li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1066 jew fl-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2023/1067.

Artikolu 10

Perjodu ta’ tranżizzjoni

Il-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandhiex tapplika mill-1 ta’ Mejju 2026 sat-30 ta’ April 2027 għal akkordji diġà fis-seħħ fit-30 ta’ April 2026 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f’dan ir-Regolament iżda li, fit-30 ta’ April 2026, issodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 316/2014.

Artikolu 11

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2026.

Għandu jiskadi fit-30 ta’ April 2038.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ April 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU 36, 6.3.1965, p. 533/65, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/1965/19/oj.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta’ Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/316/oj).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2022/720 tal-10 ta’ Mejju 2022 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 134, 11.5.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2022/720/oj).

(4)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Avviż tal-Kummissjoni: Linji Gwida dwar restrizzjonijiet vertikali (ĠU C 248, 30.6.2022, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1066 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ riċerka u żvilupp (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1066/oj).

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2023/1067 tal-1 ta’ Ġunju 2023 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 143, 2.6.2023, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1067/oj).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2003/1/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2026/877/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)