Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 736 final

ANNESS

tal-

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE
Nru […]

ta’ […]

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)B’kunsiderazzjoni li l-Artikolu 33 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“il-Ftehim dwar il-Ħruġ”) 1 jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandu japplika għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u l-Konfederazzjoni Żvizzera dment li dawk il-pajjiżi jkunu kkonkludew u applikaw ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit,

(2)B’kunsiderazzjoni li l-Artikolu 32 tal-Ftehim dwar arranġamenti bejn l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ŻEE u ftehimiet oħra applikabbli bejn ir-Renju Unit u l-Istati taż-ŻEE-EFTA bis-saħħa tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea (“il-Ftehim dwar is-Separazzjoni”) 2 jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni għandu japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni dment li l-Unjoni tkun ikkonkludiet u applikat ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati taż-ŻEE-EFTA, kif ukoll mal-Istati taż-ŻEE-EFTA li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit,

(3)B’rikonoxximent li huwa neċessarju li tingħata protezzjoni reċiproka għad-drittijiet tas-sigurtà soċjali liċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll lill-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikunu jew kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi Parti Kontraenti waħda jew aktar għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-istess ħin,

(4)Għalhekk, l-Anness VI tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kapitolu li ġej jiddaħħal wara l-Kapitolu II tal-Anness VI tal-Ftehim ŻEE:

“III. ĊITTADINI TAR-RENJU UNIT

ARTIKOLU 1

Definizzjonijiet u referenzi

1.Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“Ftehim dwar il-Ħruġ” għandha tfisser il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 3 :

(b)“Ftehim dwar is-Separazzjoni” għandha tfisser il-Ftehim dwar arranġamenti bejn l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ŻEE u ftehimiet oħra applikabbli bejn ir-Renju Unit u l-Istati taż-ŻEE-EFTA bis-saħħa tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea 4 ;

(c)“Stati koperti” għandha tfisser l-Istati li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

(d)“perjodu ta’ tranżizzjoni” għandha tfisser il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ;

(e)id-definizzjonijiet fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 5 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 6 .

2.Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ir-referenzi kollha għall-Istati Membri u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni magħmula applikabbli b’dan il-Kapitolu għandhom jinftiehmu li jinkludu lir-Renju Unit u l-awtoritajiet kompetenti tiegħu.

ARTIKOLU 2

Persuni koperti

1.Dan il-Kapitolu għandu japplika għall-persuni li ġejjin:

(a)iċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed mill-Istati koperti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

(b)iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu f’wieħed mill-Istati koperti, u li huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

(c)persuni li ma jaqgħux taħt il-punti (a) jew (b) iżda li huma ċittadini tar-Renju Unit li jwettqu attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha f’wieħed mill-Istati koperti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u li, abbażi tat-Titolu II tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, ikunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

(d)persuni mingħajr Stat u refuġjati, li jirrisjedu f’wieħed mill-Istati koperti jew fir-Renju Unit, li jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet deskritti fil-punti minn (a) sa (c), kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom.

2.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu koperti sakemm jibqgħu, mingħajr interruzzjoni, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu li jinvolvu kemm lil wieħed mill-Istati koperti kif ukoll lir-Renju Unit fl-istess ħin.

3.Dan il-Kapitolu għandu japplika wkoll għaċ-ċittadini tar-Renju Unit li ma jkunux, jew li ma jkunx għadhom, jaqgħu taħt waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu iżda li jaqgħu taħt l-Artikolu 10 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew taħt l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni, kif ukoll il-membri tal-familji u s-superstiti tagħhom.

4.Il-persuni msemmija fil-paragrafu 3 għandhom ikunu koperti sakemm ikun għad għandhom id-dritt ta’ residenza f’wieħed mill-Istati koperti skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew l-Artikolu 12 tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni, jew id-dritt għal xogħol fl-Istat tal-ħidma tagħhom skont l-Artikolu 24 jew 25 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew l-Artikoli 23 u 24 tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni.

5.Fejn dan l-Artikolu jirreferi għal membri tal-familja u superstiti, dawk il-persuni għandhom ikunu koperti minn dan il-Kapitolu biss sa fejn jingħataw drittijiet u obbligi f’dik il-kapaċità skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004.

ARTIKOLU 3

Regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali

1.Ir-regoli u l-objettivi msemmija fl-Artikolu 29 tal-Ftehim ŻEE, fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u fir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għandhom japplikaw għall-persuni koperti minn dan il-Kapitolu.

2.L-Unjoni għandha tqis kif xieraq id-Deċiżjonijiet u r-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva għall-Koordinazzjoni ta’ Sistemi ta’ Sigurtà Soċjali mehmuża mal-Kummissjoni Ewropea u mwaqqfa skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 (“Kummissjoni Amministrattiva”), elenkati fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. L-Istati tal-EFTA għandhom iqisu kif xieraq id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva u jieħdu nota tar-Rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Amministrattiva elenkati fil-Parti I tal-Anness I tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni.

ARTIKOLU 4

Sitwazzjonijiet speċjali koperti

1.Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet li ġejjin sa fejn stabbilit f’dan l-Artikolu, sakemm ikunu relatati ma’ persuni li mhumiex jew li ma għadhomx koperti mill-Artikolu 2:

(a)iċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll persuni mingħajr Stat u refuġjati li jirrisjedu fir-Renju Unit li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ wieħed mill-Istati koperti qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom għandhom ikunu koperti minn dan il-Kapitolu għall-finijiet ta’ dipendenza fuq u aggregazzjoni tal-perjodu tal-assigurazzjoni, l-impjiegi, l-impjiegi indipendenti jew ir-residenza, inklużi d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn dawn il-perjodi f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 883/2004; għall-finijiet tal-aggregazzjoni tal-perjodi, il-perjodi skorruti kemm qabel kif ukoll wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni għandhom jitqiesu f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 883/2004;

(b)ir-regoli ppreżentati fl-Artikoli 20 u 27 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom jibqgħu japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll għall-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati li jirrisjedu fir-Renju Unit li, qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kienu talbu l-awtorizzazzjoni biex jirċievu kors ta’ trattament ta’ kura tas-saħħa ppjanata skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, sa tmiem it-trattament. Il-proċeduri ta’ rimborż korrispondenti għandhom japplikaw ukoll anki wara li jintemm it-trattament. Dawn il-persuni u l-persuni li jakkumpanjawhom għandhom igawdu mid-dritt li jidħlu u joħorġu mill-Istat tat-trattament f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ mutatis mutandis u mal-Artikolu 13 tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni mutatis mutandis;

(c)ir-regoli ppreżentati fl-Artikoli 19 u 27 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom ikomplu japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll għal persuni mingħajr Stat u refuġjati li jirrisjedu fir-Renju Unit li huma koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004 u li jkunu fuq soġġorn fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni f’wieħed mill-Istati koperti jew fir-Renju Unit, sa tmiem is-soġġorn tagħhom. Il-proċeduri ta’ rimborż korrispondenti għandhom japplikaw ukoll anki wara li jintemm is-soġġorn jew it-trattament;

(d)ir-regoli ppreżentati fl-Artikoli 67, 68 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandhom ikomplu japplikaw, dment li l-kundizzjonijiet jibqgħu jiġu ssodisfati, għall-għoti ta’ benefiċċji tal-familja li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit, kif ukoll il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati li jirrisjedu fir-Renju Unit li jkunu soġġetti għal-leġiżlazzjoni tar-Renju Unit u li għandhom membri tal-familja li jirrisjedu f’wieħed mil-Istati koperti fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ikunu intitolati għalihom;

(e)fis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (d) ta’ dan il-paragrafu, għal kwalunkwe persuna li jkollha drittijiet bħala membru tal-familja fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 883/2004, bħal drittijiet derivati għall-benefiċċji tal-mard in natura, dak ir-Regolament u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 għandhom jibqgħu japplikaw sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti fihom jibqgħu jiġu ssodisfati.

2.Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 1 tat-Titolu III tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 fir-rigward ta’ benefiċċji tal-mard għandhom japplikaw għal persuni li jirċievu benefiċċji skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Dan il-paragrafu għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tal-benefiċċji tal-familja abbażi tal-Artikoli 67, 68 u 69 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

ARTIKOLU 5

Rimborż, rkupru u tpaċija

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 dwar ir-rimborż, l-irkupru u t-tpaċija għandhom ikomplu japplikaw fir-rigward ta’ avvenimenti, sa fejn ikunu relatati ma’ persuni mhux koperti mill-Artikolu 2, li:

(a)ikunu ġraw qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni; jew

(b)jiġru wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u huma marbuta ma’ persuni li kienu koperti mill-Artikoli 2 jew 4 meta ġara l-avveniment.

ARTIKOLU 6

Żvilupp tal-liġi u adattamenti

1.Minkejja l-paragrafu 3, ir-referenzi f’dan il-Kapitolu għar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 jew għad-dispożizzjonijiet tagħhom, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-atti jew għad-dispożizzjonijiet kif inkorporati fil-Ftehim ŻEE, inkluż kif emendati jew sostitwiti, kif applikabbli fl-aħħar jum tal-perjodu ta’ tranżizzjoni.

2.Meta r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 jiġu emendati jew sostitwiti wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-referenzi għal dawk ir-Regolamenti f’dan il-Kapitolu għandhom jinftiehmu bħala li jirreferu għal dawk ir-Regolamenti kif emendati jew sostitwiti, f’konformità mal-atti elenkati fil-Parti II tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, fir-rigward tal-Unjoni, u l-Parti II tal-Anness I tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

3.Ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, għandhom jinftiehmu li jinkludu l-adattamenti elenkati fil-Parti III tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, fir-rigward tal-Unjoni, u l-Parti III tal-Anness I tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni, fir-rigward tal-Istati tal-EFTA.

4.Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-emendi u l-adattamenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jidħlu fis-seħħ fil-jum wara dak li fih jidħlu fis-seħħ l-emendi u l-adattamenti korrispondenti tal-Anness I tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew tal-Anness I tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni, skont liema minnhom tkun l-aktar riċenti.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi XX, jew fil-jum wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE, skont liema minnhom ikun l-aħħar.

Din għandha tapplika minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

Magħmul fi Brussell, […].

   Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

   Il-President
   […]

   
   
   Is-Segretarji
   tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE
   […]

(1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2)    Iffirmat f’Londra fit-28 ta’ Jannar 2020.
(3)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(4)    Iffirmat f’Londra fit-28 ta’ Jannar 2020.
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(6)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).