Brussell, 12.11.2020

COM(2020) 736 final

2020/0327(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE b’rabta mal-adozzjoni prevista tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt dwar emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ŻEE

Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”) jiggarantixxi drittijiet u obbligi ugwali fis-Suq Intern għaċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi fiż-ŻEE. Jipprevedi l-inklużjoni ta’ leġiżlazzjoni tal-UE li tkopri l-erba’ libertajiet fit-30 Stat taż-ŻEE li jinkludu l-Istati Membri tal-UE, in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein. Barra minn hekk, il-Ftehim ŻEE jkopri l-kooperazzjoni f’oqsma importanti oħra bħar-riċerka u l-iżvilupp, l-edukazzjoni, il-politika soċjali, l-ambjent, il-protezzjoni tal-konsumatur, it-turiżmu u l-kultura, li kollettivament huma magħrufa bħala politiki “ta’ appoġġ u orizzontali”. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994. L-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Istati Membri tagħha, hija parti għall-Ftehim.

2.2.Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa responsabbli għall-ġestjoni tal-Ftehim ŻEE. Huwa forum għall-iskambju ta’ fehmiet marbuta mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE. Id-deċiżjonijiet tiegħu jittieħdu permezz ta’ kunsens. F’konformità mat-Trattat ta’ Lisbona, ir-responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-kwistjonijiet taż-ŻEE fuq in-naħa tal-UE hija tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna. 

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mistenni jadotta Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE rigward l-emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li jiżgura l-protezzjoni reċiproka tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jinsabu jew kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi Parti Kontraenti waħda jew aktar għall-Ftehim ŻEE u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-istess ħin.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Huwa neċessarju li tingħata protezzjoni reċiproka tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif definit fl-Artikolu 126 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”) 1 , jinsabu jew kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi Parti Kontraenti waħda jew aktar għall-Ftehim ŻEE u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-istess ħin.

Skont l-Artikolu 33(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ 2 , it-Titolu III tiegħu (dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali) għandhom japplikaw ukoll għaċ-ċittadini tal-Istati taż-ŻEE-EFTA, dment li dawk il-pajjiżi jikkonkludu l-ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit (li jkunu japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni) u mal-Unjoni (li jkunu japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit).

Billi l-Istati taż-ŻEE-EFTA diġà kkonkludew il-ftehimiet rilevanti mar-Renju Unit, issa huwa f’idejn l-Unjoni u l-Istati taż-ŻEE-EFTA li jikkonkludu l-ftehimiet li jiżguraw li ċ-ċittadini tar-Renju Unit fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u tal-Ftehim dwar arranġamenti bejn l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea (“Ftehim dwar is-Separazzjoni”) jiġu protetti fid-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom li akkwistaw qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jew li għandhom jakkwistaw aktar tard.

Għaldaqstant, l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (mehmuż mad-Deċiżjoni proposta tal-Kunsill) għandu l-għan li jemenda l-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE sabiex jiżgura li d-drittijiet tas-sigurtà soċjali taċ-ċittadini tar-Renju Unit ikomplu jiġu ppreservati.

Il-kontenut u n-natura tal-abbozz tad-Deċiżjoni annessa tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jmorru lil hinn minn dawk li jistgħu jitqiesu bħala sempliċi adattamenti tekniċi fis-sens tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2894/94. Għaldaqstant, il-pożizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi stabbilita mill-Kunsill.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ŻEE. L-att li l-Kumitat Konġunt taż-ŻEE huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 103 u 104 tal-Ftehim ŻEE.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwarhom trid tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew minn dawk il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun biss wieħed inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tissejjes fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik mitluba mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li simultanjament isegwi għadd ta’ objettivi, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att previst isegwi l-objettivi u għandu komponenti fil-qasam tas-sigurtà soċjali u l-istabbiliment tas-setgħa. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli ma’ xulxin u l-ebda wieħed minnhom ma hu inċidentali għall-ieħor.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 48 u l-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 48 u l-Artikolu 352, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE se jemenda l-Anness VI dwar is-Sigurtà Soċjali, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2020/0327 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f'isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emenda tal-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 48 u 352, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 4 , u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea 5 (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

(2)Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness VI tal-Ftehim ŻEE li fih dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà soċjali.

(3)L-Artikolu 33 tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Ftehim dwar il-Ħruġ”) 6 jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandhom japplikaw għaċ-ċittadini tal-Iżlanda, tal-Prinċipat tal-Liechtenstein, tar-Renju tan-Norveġja dment li dawk il-pajjiżi jkunu kkonkludew u japplikaw ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll mal-Unjoni Ewropea li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit.

(4)L-Artikolu 32 tal-Ftehim dwar arranġamenti bejn l-Iżlanda, il-Prinċipat tal-Liechtenstein, ir-Renju tan-Norveġja u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, il-Ftehim ŻEE u ftehimiet oħra applikabbli bejn ir-Renju Unit u l-Istati taż-ŻEE-EFTA bis-saħħa tas-sħubija tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea (“Ftehim dwar is-Separazzjoni”) jiddikjara li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu III tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar is-Separazzjoni għandu japplika għaċ-ċittadini tal-Unjoni dment li l-Unjoni tkun ikkonkludiet u applikat il-ftehimiet korrispondenti mar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq li japplikaw għaċ-ċittadini tal-Istati taż-ŻEE-EFTA, kif ukoll mal-Istati taż-ŻEE-EFTA li japplikaw għaċ-ċittadini tar-Renju Unit.

(5)Għaldaqstant, huwa neċessarju li tingħata protezzjoni reċiproka tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali għaċ-ċittadini tar-Renju Unit, il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom, li, fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, jinsabu jew kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi Parti Kontraenti waħda jew aktar għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fl-istess ħin.

(6)Għaldaqstant, jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE ippreżentat fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emenda proposta għall-Anness VI (Sigurtà Soċjali) tal-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(2)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.
(5)    ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.
(6)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.