29.9.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

359


POŻIZZJONI KOMUNI TAL-KUNSILL 2006/242/PESK

ta' l-20 ta' Marzu 2006

dwar il-Konferenza ta' Reviżjoni ta' l-2006 tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Bioloġiċi u Tossiċi (BTWC)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni ta' l-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (BTWC) bħala komponent prinċipali tal-qafas internazzjonali ta' non-proliferazzjoni u diżarm u l-pedament ta' sforzi sabiex jimpedixxu lil aġenti u tossini bijoloġiċi milli qatt jiġu żviluppati u użati bħala armi. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata għall-iżvilupp ta' miżuri sabiex tivverifika konformità mal-BTWC fil-perjodu aktar fit-tul.

(2)

Fis-17 ta' Mejju 1999 il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 1999/346/PESK (1) dwar il-progress lejn Protokoll, li jorbot legalment, sabiex isaħħaħ il-konformità mal-BTWC u fil-25 ta' Ġunju 1996 il-Pożizzjoni Komuni 96/408/PESK (2) dwar il-preparazzjoni għar-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC.

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003 il-Kunsill adotta il-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK dwar l-universalizzazzjoni u r-rafforzament ta' ftehim multilaterali fil-qasam ta' non-proliferazzjoni ta' armi ta' distruzzjoni massiva u mezzi ta' twassil (3). Taħt dik il-Pożizzjoni Komuni, il-BTWC hija inkluża bħala wieħed minn dawn il-ftehim multilaterali.

(4)

Fit-12 ta' Diċembru 2003 il-Kunsill Ewropew adotta Strateġija kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva li timmira, inter alia, lejn ir-rafforzament tal-BTWC, it-tkomplija ta' riflessjoni dwar il-verifika tal-BTWC, l-appoġġ għall-implementazzjoni nazzjonali tal-BTWC, anke permezz ta' leġislazzjoni penali, u t-tisħiħ ta' konformità magħha.

(5)

Fit-28 ta' April 2004 l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta b'mod unanimu r-Riżoluzzjoni 1540 (2004), li tiddeskrivi l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda tal-massa u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom bħala theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. L-implementazzjoni tad-disposizzjonijiet ta' din ir-Riżoluzzjoni tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-BTWC.

(6)

Fl-1 ta' Ġunju 2004 l-Kunsill adotta dikjarazzjoni ta' sostenn għall-Inizjattiva ta' Sigurtà kontra il-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Distruzzjoni Massiva.

(7)

Fl-14 ta' Novembru 2002 l-Istati Partijiet għall-BTWC ddeċiedew, b'kunsens, li jżommu tliet laqgħat annwali ta' l-Istati Partijiet għal tul ta' ġimgħa b'bidu mill-2003 sas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, li ser tinżamm mhux aktar tard mill-aħħar ta' l-2006. Kull laqgħa ta' l-Istati Partijiet tkun imħejjija minn laqgħa ta' ġimgħatejn ta' esperti, u s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tikkunsidra l-ħidma ta' dawn il-laqgħat u tiddeċiedi dwar kwalunkwe azzjoni ulterjuri. L-Istati Partijiet iddeċiedew li s-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni tinżamm f'Ġinevra fl-2006, u tkun ippreċeduta minn Kumitat Preparatorju.

(8)

Fit-13 ta' Diċembru 1982 l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti adottat Riżoluzzjoni (A/RES/37/98) dwar Armi Kimiċi u Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) fejn talbet lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jinvestiga l-informazzjoni li tista' tinġab għall-attenzjoni tiegħu dwar attivitajiet li jistgħu jikkostitwixxu vjolazzjoni tal-Protokoll ta' Ġinevra ta' l-1925. Fis-26 ta' Awissu 1988 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 620 li, inter alia, tinkoraġġixxi lis-Segretarju-Ġenerali li jwettaq minnufih investigazzjonijiet bħala rispons għall-allegazzjonijiet dwar l-użu possibbli ta' armi kimiċi u batterjoloġiċi (bijoloġiċi) jew tossiċi li jistgħu jikkostitwixxu vjolazzjoni tal-Protokoll ta' Ġeniva ta' l-1925.

(9)

Fis-27 ta' Frar 2006 l-Unjoni Ewropea qablet ma' l-Azzjoni Konġunta fir-rigward tal-BTWC bl-objettivi li tippromwovi l-universalità tal-BTWC u tappoġġa l-implementazzjoni tagħha mill-Istati Partijiet sabiex jiġi żgurat li l-Istati Partijiet jittrasponu l-obbligi internazzjonali tal-BTWC fil-leġislazzjoni nazzjonali u l-miżuri amministrattivi tagħhom.

(10)

Parallelment ma' l-Azzjoni Konġunta, l-Unjoni Ewropea qablet dwar Pjan ta' Azzjoni fir-rigward tal-BTWC fejn l-Istati Membri ta' l-UE ħadu l-impenn li jissottomettu r-riżultati ta' Miżuri ta' Bini ta' Fiduċja lin-Nazzjonijiet Uniti f'April 2006 u l-listi ta' esperti u laboratorji rilevanti lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tiġi ffaċilitata kwalunkwe investigazzjoni ta' użu allegat ta' Armi Kimiċi u Bioloġiċi.

(11)

Fid-dawl tal-Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC li jmiss matul l-perjodu mill-20 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2006 u l-Kumitat Preparatorju tagħha mis-26 sat-28 ta' April 2006, huwa xieraq li tiġi aġġornata l-pożizzjoni ta' l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

L-objettiv ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun li tissaħħaħ ulterjorment il-Konvenzjoni dwar il-Projibizzjoni ta' l-Iżvilupp, il-Produzzjoni u l-Ħażna ta' Armi Batterjoloġiċi (Bijoloġiċi) u Tossiċi u dwar id-Distruzzjoni Tagħhom (BTWC). L-UE tkompli taħdem lejn l-identifikazzjoni ta' mekkaniżmi effettivi għat-tisħiħ u l-verifika tal-konformità mal-BTWC. L-UE għandha għalhekk tippromwovi riżultat ta' suċċess tas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni fl-2006.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta' l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 1, l-Unjoni Ewropea għandha:

(a)

tikkontribwixxi għal reviżjoni sħiħa tal-funzjonament tal-BTWC fis-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, inkluża l-implementazzjoni ta' l-impenji ta' l-Istati Partijiet taħt il-BTWC;

(b)

tappoġġa programm ta' ħidma intersessjonali ulterjuri matul il-perjodu bejn is-Sitt u s-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni u tiddentifika oqsma u proċeduri speċifiċi għal progress ulterjuri taħt dan il-programm ta' ħidma;

(ċ)

tappoġġa s-Seba' Konferenza ta' Reviżjoni tal-BTWC, li għandha tinżamm mhux aktar tard mill-2011;

(d)

tgħin tibni kunsens għal riżultat b'suċċess tas-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni, abbażi tal-qafas stabbilit minn tali Konferenzi preċedenti, u għandha tippromwovi, inter alia, l-kwistjonijiet essenzjali li ġejjin:

(i)

adeżjoni universali ta' l-Istati kollha mal-BTWC, inkluża s-sejħa lill-Istati li mhumiex parti minnha sabiex jaderixxu mal-BTWC mingħajr aktar dewmien u sabiex jieħdu impenn legali għad-diżarm u n-non-proliferazzjoni ta' armi bijoloġiċi u tossiċi; u, sa meta ssir l-adeżjoni ta' tali Stati mal-BTWC, tinkoraġġixxi lil tali Stati sabiex jieħdu sehem bħala osservaturi fil-laqgħat ta' l-Istati Partijiet tal-BTWC u sabiex jimplementaw id-dispożizzjonijiet tagħha fuq bażi volontarja. Ħidma lejn il-kisba dikjarazzjoni universali, bħala regola obbligatorja tal-liġi internazzjonali, tal-projbizzjoni ta' l-armi bijoloġiċi u tossiċi, anke permezz ta' l-universalizzazzjoni tal-BTWC;

(ii)

konformità sħiħa ma' l-obbligi taħt il-BTWC u implementazzjoni effettiva mill-Istati Partijiet kollha;

(iii)

fir-rigward ta' konformità sħiħa mad-disposizzjonijiet kollha tal-BTWC mill-Istati Partijiet, bit-tisħiħ, fejn meħtieġ, ta' miżuri nazzjonali ta' implementazzjoni, inkluża l-leġislazzjoni penali, u kontroll fuq mikroorganiżmi u tossini patoġeniċi fil-qafas tal-BTWC. Ħidma lejn l-identifikazzjoni ta' mekkaniżmi effikaċi għat-tisħiħ u l-verifika tal-konformità fi ħdan il-BTWC;

(iv)

sforzi għat-titjib ta' trasparenza permezz ta' skambju akbar ta' informazzjoni fost l-Istati Partijiet, inkluż permezz ta' skambju annwali ta' informazzjoni fost l-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni (Miżuri għall-Bini ta' Fiduċja (CBM)), l-identifikazzjoni ta' miżuri għall-valutazzjoni u t-tisħiħ tal-kopertura tal-pajjiż u l-utilità tal-mekkaniżmu tas-CBM, u l-esplorazzjoni tar-rilevanza ta' kwalunkwe tisħiħ possibbli tal-kamp ta' applikazzjoni tagħha;

(v)

konformità ma' l-obbligi taħt ir-Riżoluzzjoni 1540 (2004) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari sabiex jiġi eliminat ir-riskju li jinkisbu armi bijoloġiċi u tossiċi jew li jiġu użati għal finijiet terroristiċi, inkluż l-aċċess possibbli tat-terroristi għal materjal, tagħmir, u għarfien li jkunu jistgħu jintużaw fl-iżvilupp u l-produzzjoni ta' armi bijoloġiċi u tossiċi;

(vi)

il-programmi ta' Sħubija Globali tal-G8 immirati għal appoġġ għal diżarm, kontroll u sigurtà ta' materjali, faċilitajiet, u kompetenzi sensittivi;

(vii)

konsiderazzjoni ta', u deċiżjonijiet dwar azzjonijiet ulterjuri dwar, il-ħidma mwettqa sa llum taħt il-programm intersessjonali matul il-perjodu 2003 sa 2005 u l-isforzi sabiex jiġi diskuss, u promoss ftehim komuni u azzjoni effikaċi dwar: l-adozzjoni ta' miżuri nazzjonali meħtieġa għall-implementazzjoni tal-projbizzjonijiet stabbilita fil-BTWC, inkluż id-dħul fis-seħħ ta' leġislazzjoni penali; mekkaniżmi nazzjonali għat-twaqqif u għaż-żamma tas-sigurtà u s-sorveljanza ta' mikro-organiżmi u tossini patoġeniċi; it-titjib ta' kapaċitajiet internazzjonali għar-rispons għal, investigazzjoni, u mitigazzjoni ta' l-effetti, ta' każijiet ta' użu allegat ta' armi bijoloġiċi jew tossiċi jew tifqigħ suspettuż ta' mard; it-tisħiħ u t-twessigħ ta' sforzi istituzzjonali nazzjonali u internazzjonali u mekkaniżmi eżistenti għas-sorveljanza, l-iskoperta, id-dijanjosi u l-ġlieda kontra mard infettiv li jolqot lill-bnedmin, lill-annimali, u lill-pjanti; il-kontenut, il-promulgazzjoni, u l-adozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta għax-xjenzjati; jiġi nnutat li sforzi kontinwi dwar is-suġġetti msemmija hawn fuq sejrin ikunu meħtieġa mill-Istat Partijiet kollha għat-titjib ta' l-implementazzjoni tal-BTWC.

Artikolu 3

Azzjoni meħuda mill-Unjoni Ewropea għall-finijiet ta' l-Artikolu 2 għandhom jinkludu:

(a)

ftehim mill-Istati Membri dwar proposti speċifiċi, prattiċi u fattibbli għat-titjib effettiv ta' l-implementazzjoni tal-BTWC għal preżentazzjoni f'isem l-Unjoni Ewropea għal konsiderazzjoni mill-Istati Partijiet għall-Konvenzjoni fis-Sitt Konferenza ta' Reviżjoni;

(b)

fejn xieraq, approċċi mill-Presidenza, skond l-Artikolu 18 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea

(i)

bil-ħsieb li tiġi promossa adeżjoni universali mal-BTWC;

(ii)

għall-promozzjoni ta' l-implementazzjoni nazzjonali tal-BTWC mill-Istati Partijiet;

(iii)

biex tħeġġeġ lill-Istati Partijiet sabiex jappoġġaw u jieħdu sehem f'reviżjoni effikaċi u kompleta tal-BTWC u b'hekk itennu l-impenn tagħhom għal din in-norma internazzjonali fundamentali kontra l-armi bijoloġiċi;

(iv)

għall-promozzjoni tal-proposti msemmija hawn fuq ippreżentati mill-Unjoni Ewropea għal konsiderazzjoni ta' l-Istati Partijiet li huma mmirati għal tisħiħ ulterjuri tal-BTWC.

(ċ)

Dikjarazzjonijiet mill-Unjoni Ewropea magħmula mill-Presidenza fil-perjodu ta' preparazzjoni għal u matul il-Konferenza ta' Reviżjoni.

Artikolu 4

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha jkollha effett fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din il-Pożizzjoni Komuni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, nhar l-20 ta' Marzu 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

U. PLASSNIK


(1)   ĠU L 133, 28.5.1999, p. 3.

(2)   ĠU L 168, 6.7.1996, p. 3.

(3)   ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.