7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 160/109


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/749

tas-6 ta’ Mejju 2021

dwar il-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 46(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 tal-11 ta’ Diċembru 2017 li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u li tiddetermina l-lista ta’ Stati Membri parteċipanti (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/1639 tal-5 ta’ Novembru 2020 li tistabbilixxi kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna biex jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(4) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

L-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 jipprevedi li l-Kunsill għandu jiddeċiedi f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat jekk Stat terz, li l-Istati Membri parteċipanti li qed jieħdu sehem fi proġett jixtiequ jistiednu biex jieħu sehem f’dak il-proġett, jissodisfax ir-rekwiżiti li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill.

(2)

Fis-6 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 (3). L-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li proġett intitolat “Mobbiltà Militari” (il-“proġett PESCO Mobbiltà Militari”) għandu jiġi żviluppat taħt il-PESCO minn 24 membru tal-proġett, inkluż in-Netherlands bħala koordinatur tal-proġett.

(3)

Fil-5 ta’ Novembru 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li stabbiliet il-kondizzjonijiet ġenerali li skonthom Stati terzi jkunu jistgħu b’mod eċċezzjonali jiġu mistiedna jipparteċipaw fi proġetti individwali tal-PESCO. L-Artikolu 2(4) ta’ dik id-Deċiżjoni jipprevedi li, abbażi ta’ notifika mill-koordinatur jew il-koordinaturi ta’ proġett tal-PESCO, u wara opinjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), il-Kunsill għandu jieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 46(6) tat-Trattat u l-Artikolu 9(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315 dwar jekk il-parteċipazzjoni tal-Istat terz f’dak il-proġett tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(4)

Fit-12 ta’ Frar 2021, ir-Renju tan-Norveġja (in-“Norveġja”) bagħat lill-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari t-talba tiegħu għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett, f’konformità mal-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Il-membri tal-proġett imbagħad ivvalutaw, abbażi tal-informazzjoni pprovduta min-Norveġja, jekk hija tikkonformax mal-kondizzjonijiet ġenerali, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dik id-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(5)

Fid-19 ta’ Marzu 2021, il-koordinatur tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari innotifika lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, f’konformità mal-Artikolu 2(3) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, li l-membri ta’ dak il-proġett kienu qablu b’mod unanimu f’dik id-data li jixtiequ jistiednu lin-Norveġja biex tipparteċipa f’dak il-proġett. Il-membri tal-proġett qablu b’mod unanimu wkoll dwar l-ambitu, il-forma u l-istadji rilevanti tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja f’dak il-proġett, u li n-Norveġja tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 ta’ dik id-Deċiżjoni.

(6)

Fit-30 ta’ Marzu 2021, il-KPS qabel dwar opinjoni dwar in-notifika rigward it-talba min-Norveġja biex tipparteċipa fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari. B’mod partikolari, il-KPS ħa nota tad-deskrizzjoni ta’ dak il-proġett kif ipprovduta fin-notifika, inkluż l-objettivi, l-organizzazzjoni u t-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu kif ukoll l-oqsma ta’ prijorità ta’ ħidma tiegħu. Il-KPS innota wkoll li l-ebda informazzjoni klassifikata jew sensittiva tal-UE ma tiġi kondiviża f’dak il-proġett u li l-proġett mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża fis-sens tal-Artikolu 3(g) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Barra minn hekk, il-KPS innota li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jinvolvix l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, jew l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija; u li ma jinvolvix entitajiet, investimenti, finanzjament mill-Istati Membri parteċipanti tal-PESCO jew talbiet għal finanzjament mill-Unjoni għal attivitajiet tal-proġett.

(7)

Fl-opinjoni tiegħu l-KPS qabel ukoll mal-ambitu, il-forma u l-firxa proposti tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari kif deskritti fin-notifika. Huwa rrikonoxxa li n-Norveġja kienet esprimiet li hija tappoġġa bis-sħiħ l-ambitu ta’ dak il-proġett kif definit fin-notifika.

(8)

Fl-istess opinjoni, il-KPS ikkonferma l-fehma maqbula b’mod unanimu mill-membri tal-proġett PESCO Mobbiltà Militari li n-Norveġja tikkonforma mal-kondizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, kif ġej:

—

in-Norveġja tissodisfa l-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(a), li teħtieġ il-kondiviżjoni tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-Trattat, u l-prinċipji msemmija fl-Artikolu 21(1) tat-Trattat, kif ukoll l-objettivi tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK) fil-punti (a), (b), (c) u (h) tal-Artikolu 21(2) tat-Trattat; li ma tmurx kontra l-interessi tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, inkluż ir-rispett għall-prinċipju ta’ relazzjonijiet tajbin ta’ viċinat mal-Istati Membri; u li jkollha djalogu politiku mal-Unjoni, li jenħtieġ li jkopri wkoll aspetti ta’ sigurtà u difiża meta tipparteċipa fil-proġett tal-PESCO Mobbiltà Militari;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(b) dwar il-valur miżjud sostanzjali tan-Norveġja għall-proġett PESCO Mobbiltà Militari, in-notifika tipprovdi deskrizzjoni dettaljata tal-kontribut tan-Norveġja, inkluż dwar l-ambitu, il-forma u l-firxa tal-parteċipazzjoni tagħha f’dak il-proġett, li tissostanzja l-issodisfar ta’ dik il-kondizzjoni;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(c), il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbiltà Militari ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) u l-livell ta’ ambizzjoni tal-Unjoni inkluż b’appoġġ għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, kif speċifikat ukoll fin-notifika;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(d), il-proġett PESCO Mobbiltà Militari ma jindirizzax l-akkwist ta’ armamenti, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-kapaċitajiet, u lanqas l-użu u l-esportazzjoni ta’ armi jew kapaċitajiet u teknoloġija. Ma jiżviluppa l-ebda kapaċità jew teknoloġija. Konsegwentement, il-parteċipazzjoni tan-Norveġja f’dak il-proġett mhux ser twassal għal dipendenzi fuq in-Norveġja jew għal restrizzjonijiet imposti minnha kontra xi Stat Membru;

—

il-konsistenza meħtieġa, stabbilita fl-Artikolu 3(e), tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja mal-impenji aktar vinkolanti rilevanti tal-PESCO, rigward ukoll il-kapaċità ta’ skjerament u l-interoperabbiltà tal-forzi li dan il-proġett qed jgħin biex jitwettqu, kif speċifikat fl-Anness tad-Deċiżjoni (PESK) 2017/2315, hija ssodisfata wkoll, kif spjegat aktar fid-dettall fin-notifika. Peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex proġett orjentat lejn il-kapaċitajiet, il-kondizzjoni dwar il-kontribut tal-parteċipazzjoni tan-Norveġja għall-issodisfar tal-prijoritajiet li joħorġu mill-Pjan tal-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża jew għal impatt pożittiv fuq il-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea mhijiex applikabbli f’dan il-kuntest;

—

ir-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 3(f) huwa ssodisfat peress li l-ftehim dwar is-sigurtà tal-informazzjoni bejn l-Unjoni u n-Norveġja (4) ilu fis-seħħ mill-1 ta’ Diċembru 2004;

—

il-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(g) mhijiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-proġett PESCO Mobbiltà Militari mhuwiex implimentat bl-appoġġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u għalhekk mhuwiex meħtieġ arranġament amministrattiv li daħal fis-seħħ ma’ dik l-Aġenzija;

—

fir-rigward tal-kondizzjoni stabbilita fl-Artikolu 3(h), in-Norveġja impenjat ruħha li tfittex li tikkonkludi arranġament amministrattiv speċifiku għall-proġett u kwalunkwe dokumentazzjoni neċessarja oħra tal-proġett f’konformità mad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2017/2315 u (PESK) 2018/909 (5).

(9)

Il-KPS irrakkomanda fl-opinjoni tiegħu tat-30 ta’ Marzu 2021 li l-Kunsill jieħu deċiżjoni pożittiva dwar jekk il-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

(10)

Il-Kunsill għandu għalhekk jiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639. Sussegwentement, il-koordinatur tal-proġett għandu jibgħat stedina għall-parteċipazzjoni f’dak il-proġett lin-Norveġja, f’isem il-membri tal-proġett. In-Norveġja għandha tingħaqad ma’ dak il-proġett fid-data speċifikata fl-arranġament amministrattiv li għandhom jidħlu fih il-membri tal-proġett u n-Norveġja, skont l-Artikolu 2(7) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u għandu jkollha d-drittijiet u l-obbligi ddeterminati f’dak l-arranġament, f’konformità mal-Artikolu 4(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Il-Kunsill għandu jeżerċita s-sorveljanza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639, u fil-każ li jseħħu ċ-ċirkostanzi msemmija fl-Artikolu 6(2) jew (3) ta’ dik id-Deċiżjoni il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjonijiet ulterjuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-parteċipazzjoni tar-Renju tan-Norveġja fil-proġett PESCO Mobbilità Militari tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (PESK) 2020/1639.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 331, 14.12.2017, p. 57.

(2)   ĠU L 371, 6.11.2020, p. 3.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

(4)  Il-Ftehim bejn ir-Renju tan-Norveġja u l-Unjoni Ewropea dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata (ĠU L 362, 9.12.2004, p. 29). Edizzjoni bil-MT (ĠU L 153M, 7.6.2006, p. 249).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/909 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli ta’ governanza għall-proġetti PESCO (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 37).