12.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 215/8


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

ta' l-1 ta' Awwissu 2008

li temenda d-Deċiżjoni 2007/182/KE dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev

(notifikata taħt id-dokument numru C(2008) 3986)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2008/661/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta' ċerti enċefalopatiji sponġiformi li jinxterdu (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta' ċerta enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (TSEs) fl-annimali.

(2)

Il-marda ta' tnewwin kroniku hija EST li taffettwa ċ-ċriev, mifruxa fl-Amerika ta' Fuq iżda li s'issa qatt ma ġiet irrapportata fil-Komunità.

(3)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/182/KE tad-19 ta' Marzu 2007 dwar stħarriġ għall-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev (2) ġiet adottata wara opinjoni ppubblikata mill-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta' l-Ikel (EFSA) li rrakkomandat li għandha titwettaq sorveljanza mmirata taċ-ċriev fil-Komunità.

(4)

Id-Deċiżjoni 2007/182/KE tistipula regoli għal stħarriġ sabiex tiġi żvelata l-preżenza tal-marda ta' tnewwin kroniku fiċ-ċriev li għandu jitwettaq skond ċerti rekwiżiti minimi. Hija tipprevedi li l-Istati Membri għandhom itemmu l-istħarriġ tagħhom sa mhux aktar tard minn tmiem l-istaġun tal-kaċċa ta' l-2007.

(5)

Abbażi tar-rapporti preliminari annwali li waslu għand il-Kummissjoni s'issa mill-Istati Membri skond id-Deċiżjoni 2007/182/KE, jidher li ċerti Stati Membri ma kellhomx żmien biżżejjed sabiex jiksbu l-għadd ta' kampjuni mitlub minn dik id-Deċiżjoni.

(6)

Sabiex issir valutazzjoni statistikament robusta tad-data ta' l-istħarriġ mill-EFSA, jeħtieġ li l-Istati Membri kkonċernati jingħataw aktar żmien sabiex jilħqu l-miri stipulati fid-Deċiżjoni 2007/182/KE. Għalhekk huwa xieraq li tittawwal id-data għat-tlestija ta' l-istħarriġ b'perjodu addizzjonali ta' sena.

(7)

Id-Deċiżjoni 2007/182/KE għandha għalhekk tiġi emendata skond dan.

(8)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/182/KE hi emendata kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(2) is-sena “2007” tinbidel b' “2008”.

(2)

Fil-punt 2 ta' l-Anness IV jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Ir-rapport ta' l-2008 għandu jinkludi r-riżultati ta' l-istaġun tal-kaċċa ta' l-2008, ukoll meta wħud mill-kampjuni jkunu ttieħdu fl-2009.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 1 ta’ Awwissu 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 571/2008 (ĠU L 161, 20.6.2008, p. 4).

(2)   ĠU L 84, 24.3.2007, p. 37.