SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Tariffa Doganali Komuni — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja — Subintestatura NM 0511 91 10 — Subintestatura NM 0303 22 00 — Xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku — Regolament (KE) Nru 85/2006 — Dazji antidumping”

Fil-Kawża C-56/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mit-Tallinna Halduskohus (l-Estonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Frar 2008, fil-proċedura

Pärlitigu OÜ

vs

Maksu- ja Tolliameti Põhja maksu- ja tollikeskus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász, G. Arestis (Relatur) u J. Malenovský, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

—

għal Pärlitigu OÜ, minn M. Maksing, advokaat,

—

għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

—

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn T. Tobreluts u J.-P. Hix, bħala aġenti, assistiti minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

—

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn K. Saaremäel-Stoilov, H. van Vliet u A. Sipos, bħala aġenti,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Frar 2009,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-Subintestaturi 05119110 u 03032200 tan-Nomenklatura Magħquda li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, (ĠU L 286, p. 1, iktar ’il quddiem in-“NM”), kif ukoll il-validita tal-Artikolu 1(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 85/2006, tas-17 ta’ Jannar 2006, li jimponi dazju definittiv ta’ anti-dumping u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq importazzjonijiet tas-salamun imrobbi li joriġina min-Norveġja (ĠU L 334M, 12.12.2008, p. 699).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Maksu- ja Tolliameti Põhja maksu- ja tollikeskus (iktar ’il quddiem il-“PMTK”), awtorità fiskali u doganali Estonjana, u Pärlitigu OÜ (iktar ’il quddiem “Pärlitigu”), kumpannija rregolata mid-dritt Estonjan, dwar Avviż ta’ Taxxa maħruġ fir-rigward ta’ din tal-aħħar.

Il-kuntest ġuridiku

3

It-Taqsima I, A, tal-Ewwel Parti tan-NM, li tinkludi r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar tirrprovdi:

“Il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-[NM] għandha tkun irregolata mill-prinċipji li ġejjin:

1.

It-titoli tat-taqsimiet, kapitoli u subkapitoli huma maħsubin għall-ħeffa ta’ referenza biss; għal għanijiet legali, il-klassifikazzjoni għandha tkun deċiża skond it-termini ta’ l-intestaturi u n-noti ta’ kwalunkwe taqsima jew kapitolu relattiv u, sakemm dawn l-intestaturi jew in-noti ma jkunux jeħtieġu mod ieħor, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2.

a)

Kwalunkwe referenza f’titlu għal oġġett għandha titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum, sakemm, kif preżentat, l-oġġett mhux komplut jew mhux mitmum ikollu l-karattru essenzjali ta’ l-oġġett komplut jew mitmum. Għandha wkoll titqies li tinkludi referenza għal dak l-oġġett komplut jew mitmum (jew li jista’ jkun klassifikat bħala komplut jew mitmum permezz ta’ din ir-regola), preżentat mhux armat jew żarmat.

[…]

6.

Għall-finijiet legali, il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fis-subintestaturi ta’ intestatura għandha tiġi deċiża skond it-termini ta’ dawk is-subintestaturi u kwalunkwe noti ta’ subintestaturi relatati u, mutatis mutandis skond ir-regoli ta’ hawn fuq, skond il-kundizzjoni li subintestaturi fl-istess livell biss huma komparabbli. Għall-finijiet ta’ din ir-regola, in-noti tat-taqsimiet u tal-kapitoli relattivi japplikaw ukoll, sakemm il-kuntest ma jitlobx mod ieħor.”

4

It-Taqsima I tat-Tieni Parti tan-NM intitolata “Annimali ħajjin u prodotti minn annimali”, tinkludi ħames kapitoli.

5

Fost dawn, il-Kapitolu 3 intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn” jinkludi l-Intestatura 0303. Din l-intestatura, bl-isem “Ħut friżat, ħlief qatgħat ta’ ħut u laħam ieħor tal-ħut tal-intestatura 0304” hija maqsuma kif ġej:

“—

Salamun ta’ l-Paċifiku (Oncorhynchus nerka, Oncorhynchus gorbuscha, Oncorhynchus keta, Oncorhynchus tschawytscha, Oncorhynchus kisutch, Oncorhynchus masou et Oncorhynchus rhodurus) ħlief fwied u bajd tagħhom:

[…]

03032200

— —

Salamun ta’ l-Atlantiku (Salmo salar) u salamun tad-Danubju (Hucho hucho)

[…]”.

6

In-noti tal-imsemmi Kapitolu 3 jipprovdu:

“1.

Dan il-kapitolu ma jkoprix:

[…]

c)

ħut (inklużi fwied u bajd tagħhom) jew krustaċji, molluski jew invertebrati akkwatiċi oħrajn, mejtin u mhux tajbin u adattati għall-konsum uman [mill-bniedem] minħabba jew l-ispeċi tagħhom inkella l-kundizzjoni tagħhom (Kapitlu 5); […]

[…]”

7

Il-Kapitolu 5 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM intitolat “Prodotti ġejjin minn annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra” jinkludi l-Intestatura 0511 intitolata “Prodotti ġejjin mill-annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra; annimali mejtin ta’ Kapitolu 1 jew 3, mhux tajbin għall-konsum uman” li hija maqsuma mill-ġdid kif ġej:

“05111000

—

Semen minn annimali ta’ l-ifrat

—

Oħrajn:

051191

— —

Prodotti ta’ ħut jew krustaċej, molluzki u invertebrati akwatiċi oħrajn; annimali mejtin ta’ Kapitolu 3:

05119110

— — —

Skart tal-ħut

[…]”

8

In-noti tal-imsemmi Kapitolu 5 jiċċaraw dan li ġej:

“1

Dan il-kapitolu ma jkoprix:

a)

prodotti tajbin għall-ikel (ħlief imsaren, bżieżaq u stonki ta’ annimali, sħaħ jew bċejjeċ minnhom, u demm ta’ annimali, likwidu jew niexef);

[…]”

9

Is-subintestaturi tat-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) relattivi għall-Kapitolu 3 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM huma maqsuma mill-ġdid bil-mod li ġej:

“0303220011

— — —

Salamun ta’ l-Atlantiku (salmo salar)

0303220011

— — — —

Selvaġġ

0303220012

— — — —

Oħrajn

0303220012

— — — — —

Sħaħ

0303220013

— — — — —

Imnaddaf, bir-ras

0303220015

— — —

Oħrajn”.

10

Ir-Regolament Nru 85/2006 jipprovdi fl-Artikolu 1:

“1.   Qed jiġi impost dazju definittiv ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ salamun imrobbi (ħlief selvaġġ), irrispettivament jekk huwiex fil-forma ta’ flett jew le, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 03021200, ex 03031100, ex 03031900, ex 03032200, ex 03041013 u ex 03042013 (minn issa ’l quddiem “salamun imrobbi”), li joriġina min-Norveġja.

[…]

4.   Għall-kumpanniji […] [ħlief Nordlaks Oppdrett AS] (kodiċi TARIC addizzjonali A999), l-ammont tad-dazju definittiv ta’ anti-dumping għandu jkun id-differenza bejn il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni fiss fil-paragrafu 5 u l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, jekk dan ta’ l-aħħar huwa anqas milli ta’ l-ewwel. L-ebda dazju m’għandu jinġabar meta l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, huwa daqs jew ogħla mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni korrispondenti ffissat fil-paragrafu 5.

5.   Għall-iskop tal-paragrafu 4, għandu japplika l-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella t’hawn isfel. Fejn jinsab, wara verifika li sseħħ wara l-importazzjoni, li l-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, attwalment imħallas mill-ewwel klijent indipendenti fil-Komunità (prezz ta’ wara l-importazzjoni) huwa anqas mill-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Komunità, qabel id-dazju, kif irriżulta mid-dikjarazzjoni doganali u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni huwa anqas mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni, għandu japplika d-dazju fiss ta’ anti-dumping stabbilit fil-kolonna 3 tat-tabella hawn isfel, sakemm l-applikazzjoni tad-dazju fiss stabbilita fil-kolonna 3 flimkien mal-prezz ta’ wara l-importazzjoni jwasslu għal ammont (prezz attwalment imħallas flimkien mad-dazju fiss) li jibqa’ anqas mill-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna2 fit-tabella hawn isfel. F’dan il-każ, għandu japplika ammont ta’ dazju ekwivalenti għad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni stabbilit fil-kolonna 2 fit-tabella hawn isfel u l-prezz ta’ wara l-importazzjoni. Meta dan id-dazju fiss ta’ anti-dumping jinġabar retrospettivament, għandu jinġabar nett minn kull dazju ta’ anti-dumping imħallas qabel, ikkalkulat skond il-prezz minimu ta’ l-importazzjoni.

Preżentazzjoni ta’ salamun imrobbi

Prezz minimu ta’ l-importazzjoni EUR/kg piż net tal-prodott

Dazju fiss EUR/kg piż net tal-prodott

Kodiċi TARIC

Ħut sħiħ, frisk, imkessaħ jew iffriżat

2,80

0,40

0302120012030212003303021200930303110093030319009303032200120303220083

Imnaddaf, bir-ras, frisk, imkessaħ jew iffriżat

3,11

0,45

0302120013030212003403021200940303110094030319009403032200130303220084

Oħra (inklużi mnaddaf, bla ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat

3,49

0,50

030212001503021200360302120096030311001803031100960303190018030319009603032200150303220086

Flettijiet tal-ħut sħaħ u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu aktar minn 300 g kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati, bil-ġilda

5,01

0,73

0304101313030410139403042013130304201394

Flettijiet tal-ħut sħaħ u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu aktar minn 300 g kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati, bla ġilda

6,40

0,93

0304101314030410139503042013140304201395

Fletti sħaħ oħra tal-ħut u flettijiet imqattgħin f’biċċiet, li jiżnu 300 g jew anqas kull flett, friski, imkessħa jew iffriżati

7,73

1,12

0304101315030410139603042013150304201396

[…]”

11

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 319/2009, tas-16 ta’ April 2009, li jiċċara l-ambitu tad-dazji anti-dumping definittivi imposti mir-Regolament (KE) Nru 85/2006 (ĠU L 101, p. 1), issostitwixxa l-Artikolu 1(1) ta’ dan tal-aħħar b’ dan li ġej:

“dan huwa impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ salamun tat-trobbija (li mhux selvaġġ), disponibbli jew le bħala flett, frisk, imkessaħ jew iffriżat, li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 03021200, ex 03031100, ex 03031900, ex 03032200, ex 03041013 u ex 03042013 (minn hawn ’il quddiem salamun tat-trobbija) li joriġina min-Norveġja. Ix-xewk tad-dahar tas-salamun, kompost minn xewka tad-dahar parzjalment mgħottija bil-laħam, peress li hu prodott sekondarju tal-industrija tas-sajd li jista’ jittiekel, u li jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 03021200, ex 03031100, ex 03031900, ex 03032200, m’għandux ikun kopert mid-dazju anti-dumping definittiv bil-kundizzjoni li l-laħam mehmuż max-xewka tad-dahar jirrappreżenta mhux aktar minn 40% tal-piż tax-xewka tad-dahar tas-salamun.”

12

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 319/2009 jipprovdi:

“Għal oġġetti mhux koperti bl-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 kif emendat minn dan ir-Regolament, id-dazji anti-dumping definittivi imħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 85/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu u d-dazji anti-dumping proviżorji miġbura b’mod definittiv skont l-Artikolu 2 ta’ dak ir-Regolament għandhom jitħallsu lura jew jitnaqqsu.

[…]”

13

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 319/2009, dan għandu japplika retroattivament mill- 21 ta’ Jannar 2006.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14

Fid-19 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu xtrat fin-Norveġja, b’irċevuta maħruġa minn Fossen AS, 13050 kg ta’ xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Antantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għall-prezz ta’ EEK 6.54 il-kg. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta, b’mod partikolari, mill-kliem tal-ewwel domanda preliminari, li dawn huma prodotti tajbin għall-ikel u huma normalment ikkummerċjalizzati bħala prodotti tal-ikel.

15

Fit-23 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu importat din il-merkanzija ġewwa l-Estonja, taħt id-dikjarazzjoni doganali Nru I 5446, li fiha hija indikatha bħala skart tal-ħut, li jaqa’ taħt il-Kodiċi NM 05119110, u li fuqu mhuwa miġbur ebda dazju doganali. Fl-istess data, il-PMTK aċċettat din id-dikjarazzjoni u rrilaxxat l-imsemmija merkanzija għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa. Din id-darba, Pärlitigu ħalset ammont ta’ EEK 15370 bħala taxxa fuq il-valur miżjud

16

Fil-25 ta’ Jannar 2006, Pärlitigu biegħet din l-istess merkanzija lil Alkfish OÜ għall-prezz ta’ EEK 8.47 il-kg.

17

Fit-23 ta’ Marzu 2006, uffiċjal tal-PMTK, li wettaq spezzjoni wara l-importazzjoni ħa kampjun tal-merkanzija kkonċernata fil-maħżen ta’ Alkfish OÜ sabiex jiġi vverifikat jekk il-kodiċi tan-NM msemmi fid-dikjarazzjoni tal-importazzjoni kienx korrett. L-analiżi ta’ dan il-kampjun wasslet għall-konklużjoni li din il-merkanzija kienet adatta għall-konsum mill-bniedem

18

Fid-dawl ta’ din il-konkulżjoni, il-PMTK tat il-Kodiċi NM 03032200 lill-imsemmija merkanzija u kklassifikata taħt il-Kodiċi TARIC 0303220015. Fit-30 ta’ Marzu 2007, hija ħarġet l-Avviż ta’ Taxxa Nru 12-5/177 li b’mod partikolari kien jieħu inkunsiderazzjoni d-dazju antidumping previst fir-Regolament Nru 85/2006.

19

Fil-11 ta’ Aprtil 2007, Pärlitigu kkontestat dan l-avviż quddiem it-Tallinna Halduskohus (Qorti Amministrattiva ta’ Tallinn), billi talbet, minn naħa, l-annullament tal-imsemmi avviż u, min-naħa l-oħra, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tiegħu bħala miżura provviżorja.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tallinna Halduskohus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“[1)]

In-[NM] għandha tiġi interpretata fis-sens li xewk tad-dahar iffriżat (ix-xewk bil-laħam tal-ħut miegħu) tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jinqata’ fi flettijiet [jiġi ffilettjat], adegwat għall-konsum mill-bniedem u normalment ikkummerċjalizzat bħala ikel, jaqa’ taħt

a)

is-Subintestatura 05119110, ’skart tal-ħut’, jew

b)

is-Subintestatura 0303220015, “Salamun ta’ l-Atlantiku (Salmo salar) — oħrajn — oħrajn”?

[2)]

Jekk ir-risposta għad-domanda 1 hija l-alternattiva (b), it-tabella fl-Artikolu 1(5) tar-Regolament [Nru 85/2006] hija nulla peress li tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat [KE] sa fejn, skont din it-talbella, il-prezz ta’ importazzjoni minimu stabbilit għax-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun huwa ogħla mill-prezz ta’ importazzjoni minimu għal ħut sħiħ u ħut bir-ras imnaddaf?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku, miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, jaqax taħt is-Subintestatura tan-NM 05119110, bħala skart tal-ħut jew taħt is-Subintestatura NM 03032200, bħala salamun tal-Atlantiku (Salmo salar), u b’mod partikolari, taħt is-Subintestatura TARIC 0303220015.

22

Skont Pärlitigu, in-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li l-merkanzija inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata taħt is-Subintestatura tan-NM 05119100, intitolata “skart tal-ħut” peress li din id-deskrizzjoni tikkorrispondi għan-natura ta’ din il-merkanzija u ma teżisti ebda subintestatura oħra iktar preċiża li tikkorrispondi għaliha b’mod iktar preċiż. Min-naħa l-oħra, il-Gvern Estonjan u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej iqisu li peress li l-imsemmija merkanzija hija adattata għall-konsum mill-bniedem din taqa’ taħt is-Subintestatura NM 03032200 u, b’mod iktar partikolari, taħt is-Subintestatura TARIC 0303220015.

23

Għandu jiġi mfakkar li peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha rinviju għal deċiżjoni preliminari dwar il-klassifikazzjoni tariffarja, ir-rwol tagħha hu li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li permezz tagħhom il-qorti nazzjonali tkun tista’ tikklassifika b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM, iktar milli li tikklassifikhom hi stess, u dan peress li hija mhux neċessarjament tiddisponi mill-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward. B’hekk, jidher li l-qorti nazzjonali fi kwalunkwe każ hija f’pożizzjoni aħjar biex tagħmel dan (sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2002, Lohmann u Medi Bayreuth, C-260/00 sa C-263/00, Ġabra p. I-10045, punt 26, kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2006, Proxxon, C-500/04, Ġabra p. I-1545, punt 23). Madankollu, sabiex din tal-aħħar tingħata risposta utli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali, tipprovdilha l-indikazzjonijiet kollha li tqis li huma neċessarji (ara, b’mod partikolari, sentenza tal-1 ta’ Lulju 2008, MOTOE, C-49/07, Ġabra p. I-4863, punt 30).

24

Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi mfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-finijiet taċ-ċertezza legali u tal-faċilità ta’ verifika, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-merkanzija għandu, b’mod ġenerali, jinstab fil-karatteristiċi tagħha u fil-proprjetajiet oġġettivi tagħha, kif definiti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 2004, DFDS, C-396/02, Ġabra p. I-8439, punt 27; tal-15 ta’ Settembru 2005, Intermodal Transports, C-495/03, Ġabra p. I-8151, punt 47, u tal-15 ta’ Frar 2007, RUMA, C-183/06, Ġabra p. I-1559, punt 27).

25

F’dan il-każ, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mhijiex espressament imsemmija la fil-kliem tal-intestaturi tan-NM inkwistjoni u lanqas fin-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din tal-aħħar. Madankolllu, huwa kostanti li din il-merkanzija taqa’ taħt it-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM intitolata “Annimali ħajjin u prodotti minn annimali”. Din it-taqsima hija maqsuma mill-ġdid f’ħames kapitoli, fosthom il-Kapitolu 3 intitolat “Ħut u krustaċji, molluski u invertebrati akkwatiċi oħrajn” u l-Kapitolu 5 intitolat “Prodotti ġejjin minn annimali li mhumiex speċifikati jew inklużi band’oħra”. Mill-kliem ta’ dan l-aħħar titolu jirriżulta, b’mod ċar, li l-imsemmi Kapitolu 5 jikkonċerna prodotti li ma jikkorrispondu għall-ebda deskrizzjoni li tinsab fl-erba’ kapitoli l-oħra ta’ din it-taqsima. Barra minn hekk, in-nota 1(a) tal-istess Kapitolu 5 tipprovdi li dan ma jinkludix prodotti tajbin għall-ikel ħlief l-imsaren, il-bżieżaq u l-istonki ta’ annimali, u d-demm ta’ annimali. F’dan il-kuntest, għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw l-eventwali klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’subintestatura tal-Kapitolu 3 tat-Taqsima 1 tat-Tieni Parti tan-NM.

26

Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm in-noti li jippreċedu l-kapitoli tat-Tariffa Doganali Komuni, kif ukoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tan-Nomenklatura tal-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, jikkostitwixxu mezzi importanti sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din it-tariffa u jipprovdu, bħala tali, elementi validi għall-interpretazzjoni tagħha (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 1997, Wiener SI, C-338/95, Ġabra p. I-6495, punt 11, u tas-7 ta’ Frar 2002, Turbon International, C-276/00, Ġabra p. I-1389, punt 22).

27

F’dan il-każ, in-Nota 1(ċ) tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM tipprovdi li dan il-kapitolu ma jinkludix ħut li mhuwiex adattat għall-konsum mill-bniedem, minħabba l-ispeċi tiegħu jew minħabba l-kundizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, mill-kliem ta’ din in-nota jirriżulta li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi stabbilit jekk il-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt l-imsemmi Kapitolu 3, jinsab fil-fatt jekk din hijiex adattata għall-konsum mill-bniedem. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domanda determinanti hija jekk fil-mument tal-iżdoganar tiegħu, ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku, miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, li jikkostitwixxi din il-merkanzija, kienx adattat għall-konsum mill-bniedem (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad-9 ta’ Awwissu 1994, Neckermann Versand, C-395/93, Ġabra p. I-4027, punt 8, u tat-13 ta’ Lulju 2006, Anagram International, C-14/05, Ġabra p. I-6763, punt 26), u hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika dan.

28

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-valur limitat tal-imsemmija merkanzija jindika li, anki jekk il-prodott li hija komposta minnu huwa adattat għall-konsum mill-bniedem, taħt ċerti kundizzjonijiet, dan xorta waħda ma għandux ikun ikkunsidrat bħala prodott tal-ikel. Fil-fatt, l-istruttura tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM jikkonċerna ħut li partijiet jew prodotti minnu jistgħu xorta jintużaw bħala ħut sħiħ jew bħala partijiet essenzjali minnu. Issa, ix-xewka tad-dahar tal-ħut ma tissodisfax dawn ir-rekwiżiti peress li din ma għadx għandha dawn il-proprjetajiet u karatteristiċi essenzjali li jippermettu, fuq bażijiet objettivi u abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, li din tiġi klassifikata taħt is-subintestatura li taqa’ taħt l-imsemmi Kapitolu 3.

29

Madankollu, peress li skont il-ġurisprudneza ċċitata fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tkun ibbażata fuq il-karatteristiċi u l-proprjetajiet objettivi ta’ din il-merkanzija, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-proprjetajiet objettivi ddefiniti mill-kliem tal-intestaturi u tan-noti tal-Kapitolu 3 tat-Tieni Parti tat-Taqsima 1 tan-NM, huwa evidenti, li għal din il-merkanzija, il-fattur deċiżiv għall-klassifikazzjoni jinsab fil-fatt jekk din hijiex adattata għall-konsum mill-bniedem, u mhux fil-valur jew fil-kwantità tagħha.

30

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmulin iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 03032200 bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun adattata għall-konsum mill-bniedem fil-mument tal-iżdoganar, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

Fuq it-tieni domanda

31

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 1(5) tar-Regolament Nru 85/2006 huwiex validu, sa fejn dan imur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità billi jipprevedi prezz ta’ importazzjoni minimu għax-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun, ogħla minn dak previst għall-ħut sħiħ u għall-ħut bir-ras imnaddaf.

32

Dan ir-regolament jistabbilixxi dazju antidumping definittiv fuq is-salamun tat-trobbija, disponibbli jew le bħala filett, frisk, imkessaħ jew iffriżat li joriġina min-Norveġja għal merkanzija li taqa’ taħt il-Kodiċi TARIC 0303220015, intitolat “Oħrajn (b’mod partikolari, imnaddaf mingħajr ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat”, li taħtu l-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tkun ikklassifikata skont l-Avviż ta’ Taxxa Nru 12-5/177 maħruġ mill-PMTK. Dan ir-regolament jipprovdi fl-Artikolu 1(4) tiegħu li l-ammont ta’ dazju antidumping definittiv għandu jkun dak tad-differenza bejn il-prezz minimu ta’ importazzjoni stabbilit fil-paragrafu 5 tal-istess artikolu, u l-prezz nett ħieles fuq il-fruntiera tal-Komunità, qabel l-iżdoganar, jekk dan tal-aħħar huwa inqas minn dak tal-ewwel. Għall-merkanzija li taqa’ taħt il-Kodiċi TARIC 0303220015, it-tabella li tinsab fl-imsemmi paragrafu 5 tistabbilixxi prezz minimu ta’ importazzjoni ta’ EUR 3.49 il-kg, li effettivament huwa ogħla mill-prezzijiet previsti għall-ħut sħiħ u għall-ħut bir-ras imnaddaf, li huma rispettivament ta’ EUR 2.80 u EUR 3.11 il-kg.

33

Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 85/2006 ġie preċedentement ikkjarifikat mir-Regolament Nru 319/2009, li daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 2009.

34

Mill-Premessi 5 sa 7 ta’ dan l-aħħar regolament jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-dawl tat-tieni domanda magħmula fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri għal deċiżjoni preliminari, bdiet reviżjoni interim parzjali tal-miżuri antidumping applikabbli għas-salamun tat-trobbija li joriġina min-Norveġja, filwaqt li llimitat din ir-reviżjoni għad-definizzjoni tal-prodott. Ġie meqjus opportun li jiġi vverifikat jekk ix-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun, jaqax taħt id-definizzjoni tal-prodotti kkonċernati mir-Regolament Nru 85/2006, b’mod partikolari, ta’ dawk imsemmija taħt id-deskrizzjoni “Oħrajn (b’mod partikolari, imnaddaf mingħajr ras), frisk, imkessaħ jew iffriżat” li jikkorrispondu, fost oħrajn, għal Kodiċi TARIC 0303220015.

35

Din il-verifika wasslet għall-konklużjoni li x-xewk tad-dahar tas-salamun u s-salamun tat-trobbija kif definit fl-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 85/2006 huma żewġ prodotti differenti, peress li mhumiex interkambjabbli u ma jikkompetux fis-suq Komunitarju. Konsegwentement, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament, fil-verżjoni emendata tiegħu li tirriżulta mir-Regolament Nru 319/2009, issa jipprovdi li, bħala prodott sekondarju tal-industrija tas-sajd li jista’ jittiekel, ix-xewk tad-dahar tas-salamun, kompost minn xewka tad-dahar parzjalment mgħottija bil-laħam, li jaqa’ taħt il-Kodiċijiet NM ex 03021200, ex 03031100, ex 03031900 u ex 03032200, ma għandux ikun kopert mid-dazju antidumping definittiv previst fir-Reoglament Nru 85/2006, peress li l-laħam imwaħħal max-xewka tad-dahar ma jirrappreżentax iktar minn 40% tal-piż tax-xewka tad-dahar tas-salamun.

36

Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 319/2009 jipprovdi li dan tal-aħħar japplika retroattivament mill-21 ta’ Jannar 2006. Konsegwentement, l-Artikolu 2 tiegħu jipprevedi l-ħlas lura jew tnaqqis tad-dazji antidumping definittivi mħallsa jew imdaħħla fil-kontijiet skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 85/2006 fil-verżjoni inizjali tiegħu, kif ukoll dazji antidumping provviżorji miġbura b’mod definittiv għall-merkanzija mhux koperta mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 85/2006 kif emendat bir-Regolament Nru 319/2009.

37

Għandu jiġi kkonstatat li l-emenda retroattiva tar-Regolament Nru 85/2006 bir-Regolament Nru 319/2009, neħħiet kull interess li r-risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

38

Fil-fatt, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-imsemmija qorti għandha provi prodotti mir-rikorrenti li jistabbilixxu li fil-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-laħam imwaħħal max-xewka tad-dahar tas-salamun ma jirrappreżentax iktar minn 24% tal-piż ta’ din tal-aħħar, u dan huwa fil-fatt ir-raġuni li wasslet lill-imsemmija qorti tistaqsi dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità tad-dazji antidumping applikati lil din il-merkanzija bis-saħħa tar-Regolament Nru 85/2006.

39

Fid-dawl ta’ dawn il-fatti kif stabbiliti, jidher ċar li bis-saħħa tar-Regolament Nru 319/2009, l-imsemmija merkanzija titqies li qatt ma kienet koperta mill-applikazzjoni tad-dazji antidumping imposti mir-Regolament Nru 85/2006.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, m’hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

In-Nomenklatura Magħquda tat-Tariffa Doganali Komuni li tikkostitwixxi l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1719/2005, tas-27 ta’ Ottubru 2005, għandha tiġi interpretata fis-sens li x-xewk tad-dahar iffriżat tas-salamun tat-trobbija tal-Atlantiku (Salmo salar), miksub wara li l-ħut jiġi ffilettjat, għandu jiġi kklassifikat taħt il-Kodiċi NM 03032200 bil-kundizzjoni li l-merkanzija tkun adattata għall-konsum mill-bniedem fil-mument tal-iżdoganar, u hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.