22.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/68


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/664

tal-21 ta’ Marzu 2023

li tawtorizza lir-Repubblika Taljana tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud u li tħassar id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tatagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 (2), l-Italja hija awtorizzata tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex teżenta mill-VAT lill-persuni soġġetti għat-taxxa li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 65 000, sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(2)

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2022, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex, mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024, tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000 (“il-miżura speċjali”).

(3)

Skont l- Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba tal-Italja lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra bid-data tat-8 ta’ Diċembru 2022,. Permezz ta’ ittra bid-data tad-9 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.

(4)

Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (3), li l-għan tagħha huwa li jitnaqaas il-piż tal-konformità għall-impriżi ż-żgħar u li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(5)

Il-miżura speċjali ser tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT f’konformità mal-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

(6)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Italja, l-effett tal-miżura speċjali ser ikun wieħed negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mill-VAT li l-Italja tiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

(7)

Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (4), ma għandu jsir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Italja fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji bbażata fuq il-VAT mis-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

(8)

Minħabba l-fatt li l-miżura speċjali kellha impatt pożittiv fuq is-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT, peress li naqqset il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi ż-żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa u ppermettiet li l-Italja talloka aktar riżorsi għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT billi tiffoka l-attivitajiet tagħha ta’ kontroll fuq persuni taxxabbli akbar, u peress li għandha impatt negliġibbli fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT jenħtieġ li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali.

(9)

Sabiex tiġi żgurata l-integrità tal-perjodu tat-taxxa ta’ sena tal-Italja li jibda fl-1 ta’ Jannar u biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ piż amministrattiv eċċessiv fuq il-persuni taxxabbli u l-awtoritajiet tat-taxxa, huwa xieraq li tingħata awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali mill-1 ta’ Jannar 2023. Billi tiġi prevista l-applikazzjoni tal-miżura speċjali minn data li tippreċedi dik tad-dħul fis-seħħ, l-aspettattivi leġittimi tal-persuni taxxabbli eliġibbli jiġu rispettati, peress li l-miżura speċjali ma taffettwax id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

(10)

Jenħtieġ li l-applikazzjoni tal-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex jippermetti li l-Kummissjoni tevalwa l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu attwali. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1(12) ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk jixraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

(11)

Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647 titħassar,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Italja hija awtorizzata li teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 85 000.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/647 titħassar.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2024.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

J. ROSWALL


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/647 tal-11 ta’ Mejju 2020 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 151, 14.5.2020, p. 7).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).