European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/488

12.3.2025

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2025/488

tal-11 ta’ Marzu 2025

li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 42(4) u l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Marzu 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 (1), li stabbiliet operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI).

(2)

Fl-20 ta’ Marzu 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2023/653 (2), li estendiet l-EUNAVFOR MED IRINI sal-31 ta’ Marzu 2025.

(3)

Fil-kuntest ta’ Rieżami Strateġiku tal-operazzjoni, il-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) qabel li l-EUNAVFOR MED IRINI jenħtieġ li tiġi estiża sal-31 ta’ Marzu 2027.

(4)

Il-KPS qabel ukoll li jenħtieġ jiżdied kompitu ġdid mal-mandat tal-EUNAVFOR MED IRINI biex jittejjeb l-Għarfien tas-Sitwazzjoni Marittima fiż-Żona tal-Operazzjonijiet u ż-Żona tal-Operazzjonijiet Konġunti tal-operazzjoni billi tinġabar informazzjoni dwar attivitajiet potenzjalment illegali li mhumiex diġà koperti taħt il-mandat attwali u billi tinġabar informazzjoni utli għall-protezzjoni tal-infrastruttura marittima kritika u għall-ippjanar ta’ kontinġenza.

(5)

Barra minn hekk, il-KPS qabel li t-tisħiħ tal-kapaċitajiet u t-taħriġ jenħtieġ li jiġu estiżi, lil hinn mill-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani, għall-istituzzjonijiet Libjani rilevanti responsabbli għall-infurzar tal-liġi u għat-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar.

(6)

Għalhekk, jenħtieġ li d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 hija emendata kif ġej:

(1)

jiddaħħal l-artikolu li ġej:

“Artikolu 3a

Kontribut għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima dwar attivitajiet illeċiti oħra

1.   Bħala kompitu sekondarju, u fil-limtu tal-mezzi u l-kapaċitajiet tagħha, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza u tiġbor informazzjoni dwar attivitajiet illeċiti għajr it-traffikar ta’ armi u materjal relatat u l-esportazzjoni illeċita ta’ petroleum mil-Libja, kif ukoll informazzjoni utli għall-protezzjoni tal-infrastruttura marittima kritika u għall-ippjanar ta’ kontinġenza, biex b’hekk tikkontribwixxi aktar għall-għarfien tas-sitwazzjoni marittima fiż-Żona tal-Operazzjonijiet u fiż-Żona tal-Operazzjonijiet Konġunti.

2.   L-informazzjoni miġbura f’dan il-kuntest tista’ tinħażen u tiġi rilaxxata lill-awtoritajiet rilevanti inkarigati mill-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u lill-korpi kompetenti tal-Unjoni.”

;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Bħala kompitu sekondarju ieħor, l-EUNAVFOR MED IRINI għandha tassisti lill-istituzzjonijiet Libjani rilevanti responsabbli għall-infurzar tal-liġi u għat-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar, b’mod partikolari l-Gwardja Kostali u l-Flotta Navali Libjani, fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tagħhom u fit-taħriġ tagħhom fl-infurzar tal-liġi fuq il-baħar, b’mod partikolari għall-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u traffikar tal-bnedmin.”

;

(3)

fl-Artikolu 13, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Għall-perjodu mill-1 ta’ April 2025 sal-31 ta’ Marzu 2027, l-ammont ta’ referenza għall-ispejjeż komuni tal-EUNAVFOR MED IRINI għandu jkun ta’ EUR 16 350 000. Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 51(2) tad-Deċiżjoni (PESK) 2021/509 għandu jkun ta’ 10 % għal impenji u 5 % għal pagamenti.”

;

(4)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-EUNAVFOR MED IRINI għandha tintemm fil-31 ta’ Marzu 2027.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2025.

Għall-Kunsill

Il-President

A. DOMAŃSKI


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2020/472 tal-31 ta’ Marzu 2020 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 101, 1.4.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/472/oj).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/653 tal-20 ta’ Marzu 2023 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2020/472 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran (EUNAVFOR MED IRINI) (ĠU L 81, 21.3.2023, p. 27, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/653/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/488/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)