European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/3167

20.6.2025

l-arrest tas-sindki Torok u l-attakk fuq id-demokrazija lokali fit-Turkija

(C/2025/3167)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

Billi:

(A)

is-Sindku ta’ Istanbul Ekrem İmamoğlu ġie arrestat fid-19 ta’ Marzu 2025 flimkien ma’ aktar minn mitt uffiċjal lokali u ċittadini Torok, u l-akkużi kontrih ġew ikkonfermati mill-prosekutur ta’ Istanbul, li wasslu għas-sospensjoni mill-kariga tiegħu fit-23 ta’ Marzu 2025;

(B)

bħala Sindku ta’ Istanbul u President tal-Unjoni tal-Muniċipalitajiet tat-Turkija, it-tmexxija ta’ Ekrem İmamoğlu hija assoċjata b’mod wiesa’ mal-aspirazzjoni għal Turkija futura bbażata fuq il-pluraliżmu, il-ġustizzja, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali;

(C)

il-kanċellazzjoni simultanja tad-diploma universitarja tas-Sur İmamoğlu, li hija wkoll rekwiżit għall-kandidati għall-presidenza, u l-arrest tiegħu fuq akkużi ta’ korruzzjoni u terroriżmu juru biċ-ċar il-politiċizzazzjoni tal-każ tiegħu;

(D)

l-arrest tas-Sur İmamoğlu jkompli jżid max-xejra li għaddejja bħalissa ta’ arresti u tkeċċijiet ta’ sindki tal-oppożizzjoni, inkluż 14-il sindku elett li ġew sostitwiti b’persuni fdati maħtura mill-Istat wara l-elezzjonijiet lokali f’Marzu 2023;

(E)

din il-prattika li jitkeċċew is-sindki tal-oppożizzjoni ġiet ikkundannata bħala inkompatibbli mad-demokrazija lokali minn Opinjonijiet suċċessivi tal-KtR, il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali u l-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa;

(F)

it-Turkija abbużat sistematikament mill-liġijiet dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u użathom kontra l-uffiċjali eletti, il-politiċi tal-oppożizzjoni u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, kif osservaw ir-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni ta’ Venezja;

(G)

bħala kandidat għas-sħubija fl-UE, it-Turkija mistennija tirrispetta l-ogħla standards ta’ demokrazija u l-istat tad-dritt. Id-demokrazija lokali u l-governanza effettiva f’diversi livelli, irrispettivament mill-affiljazzjoni politika, huma komponent fundamentali ta’ dawn l-istandards;

(1)

jikkundanna bil-qawwa l-arresti u d-detenzjonijiet ta’ mexxejja tal-oppożizzjoni fil-livell lokali, inkluż is-Sindku ta’ Istanbul Ekrem İmamoğlu. Dawn jikkostitwixxu ksur serju tar-regoli demokratiċi u nuqqas sfaċċat ta’ rispett għar-rieda tal-elettorat. L-azzjoni sistematika mmirata kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni thedded il-pedamenti tas-soċjetajiet demokratiċi;

(2)

iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jeħilsu minnufih lis-sindku ta’ Istanbul u lil politiċi oħra tal-oppożizzjoni detenuti għal raġunijiet politiċi, u jistieden lill-awtoritajiet iwaqqfu kull prosekuzzjoni motivata politikament u l-pressjoni bla bżonn fuq l-awtoritajiet lokali. L-iżgurar tal-ġustizzja u l-imparzjalità tal-ġudikatura huwa essenzjali biex tinżamm il-fiduċja pubblika fl-istituzzjonijiet demokratiċi;

(3)

jesprimi solidarjetà mal-mexxejja lokali kollha li qed jiffaċċjaw pressjoni u persekuzzjoni bla bżonn. Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tagħhom li jirrappreżentaw ir-rieda demokratika tal-elettorat tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi protetta l-indipendenza tagħhom. Jestendi l-appoġġ tiegħu lill-poplu ta’ Istanbul u lil dawk kollha fit-Turkija li huma impenjati għall-futur tad-demokrazija lokali, kif muri mill-parteċipazzjoni għolja ħafna fl-elezzjonijiet lokali;

(4)

jappoġġja liċ-ċittadini fit-Turkija, li qed jipprotestaw favur id-demokrazija u jenfasizza l-importanza tal-libertà fundamentali ta’ għaqda u ta’ espressjoni. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi jwaqqfu kwalunkwe forma ta’ repressjoni tad-dimostranti u l-ġurnalisti;

(5)

jenfasizza l-impatt detrimentali ta’ dawn l-arresti u tentattivi oħra min-naħa tal-gvern ċentrali biex jillimita s-setgħa u r-riżorsi tal-muniċipalitajiet tal-oppożizzjoni fuq il-kwalità, it-trasparenza u r-responsabbiltajiet tal-governanza lokali. Id-dgħajfien tal-istituzzjonijiet muniċipali jaffettwa b’mod negattiv il-ħajja ta’ kuljum ta’ miljuni ta’ ċittadini fit-Turkija.

(6)

jilqa’ t-talba tal-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-tkeċċija u l-arresti reċenti tas-sindki fit-Turkija (2025/2546(RSP)) (1) lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea li titlob li jittieħdu miżuri restrittivi kontra uffiċjali Torok li jassumu r-rwol ta’ persuni fdati u dawk li jaħtruhom; jistieden lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea tikkunsidra li timponi miżuri restrittivi skont ir-Reġim Globali ta’ Sanzjonijiet tal-UE b’rabta mad-Drittijiet tal-Bniedem;

(7)

jappoġġja t-talbiet tal-Kungress tal-Awtoritajiet Lokali u Reġjonali tal-Kunsill tal-Ewropa fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-27 ta’ Marzu 2025 dwar it-Tkeċċija tas-sindki fit-Turkija;

(8)

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill jikkunsidraw mill-ġdid kwalunkwe pass ulterjuri b’rabta mal-proċess ta’ adeżjoni tat-Turkija, minħabba n-nuqqas ta’ rispett attwali tal-gvern Tork għall-kriterji essenzjali għas-sħubija fl-UE. Jenfasizza li r-rigress kontinwu tad-drittijiet fundamentali għandu jwassal għal rieżami tal-parteċipazzjoni tat-Turkija fil-programmi finanzjarji u istituzzjonali tal-UE;

(9)

delegazzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni se tmur it-Turkija biex iżżur is-Sindku ta’ Istanbul, Ekrem İmamoğlu, li jinsab il-ħabs, biex b’mod konkret turi s-solidarjetà u l-appoġġ tal-Kumitat għall-uffiċjali lokali Torok kollha li jinsabu l-ħabs;

(10)

jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jippromovi u jipproteġi d-demokrazija lokali fit-Turkija, imsieħeb strateġiku tal-UE u pajjiż kandidat tal-UE; jimpenja ruħu li jkompli jikkollabora mal-mexxejja lokali eletti demokratikament fit-Turkija permezz tal-Grupp ta’ Ħidma dwar ir-Relazzjonijiet mat-Turkija, biex jiżgura li l-prinċipji demokratiċi jiġu rispettati fil-livell lokali;

(11)

jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni Urġenti lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lir-Rappreżentant Għoli/Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-Presidenza Ungeriża, Pollakka u Daniża tal-Kunsill tal-UE u lill-awtoritajiet Torok, u biex jiżgura li r-riżoluzzjoni tiġi tradotta għat-Tork.

Brussell, it-3 ta’ April 2025.

Il-President

tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Kata TÜTTŐ


(1)   https://oeil.secure.europarl.europa.eu/oeil/en/procedure-file?reference=2025/2546(RSP).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/3167/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)