European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6706

16.12.2025

Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)

(C/2025/6706)

KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)

“Havarti”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DK-00831-AM01 — 16.9.2025

1.   Isem il-prodott

“Havarti”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Settur

☑

Prodotti agrikoli

☐

Inbejjed

☐

Xarbiet spiritużi

4.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika

Id-Danimarka

5.   Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard

Iem

Fødevarestyrelsen [L-Amministrazzjoni Veterinarja u Alimentari Daniża]

6.   Kwalifika bħala emenda standard

L-emendi huma meqjusa li huma primarjament ta’ natura editorjali, mingħajr importanza sostantiva. Saru emendi li jiċċaraw l-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Sar ukoll xi tibdil grammatikali.

L-applikazzjoni biex tiġi emendata l-indikazzjoni ġeografika protetta “Havarti” ma taqa’ taħt l-ebda wieħed mit-tliet każijiet previsti fl-Artikolu 24(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143 li jikkostitwixxi emenda tal-Unjoni għall-prodotti agrikoli, jiġifieri:

(a)

bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem;

(b)

riskju li tixxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku;

(c)

restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

Għalhekk, l-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika protetta “Havarti” huma kklassifikati bħala emenda standard skont it-tifsira tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143.

7.   Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i

Titolu

Emenda li tikkonċerna t-Taqsima 2, “Deskrizzjoni tal-‘Havarti’ ”

Deskrizzjoni

Il-kliem “Ġobon immaturat u sod magħmul minn ħalib ta’ oriġini bovina. Ħalib u prodotti tal-ħalib minn annimali oħra mhumiex permessi.”

ġie emendat għal:

“Ġobon immaturat u sod magħmul mill-ħalib tal-baqra.”

Raġuni: L-iskop tal-emenda huwa li t-test jiġi ssimplifikat, mingħajr ma tinbidel is-sustanza tiegħu.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

Emenda li tikkonċerna t-Taqsima 2.1, “Kompożizzjoni”

Deskrizzjoni

Il-kliem:

“Xaħam fil-materja niexfa

Kontenut massimu ta’ ilma

30 % sa < 40 %

54 %

45 % sa < 55 %

50 %

55 % sa < 60 %

46 %

60 % jew aktar

42 %”

ġie emendat għal:

“Xaħam fil-materja niexfa

Kontenut massimu ta’ ilma

30 % sa < 40 %

54 %

45 % sa < 55 %

50 %

55 % sa < 60 %

46 %

60 % jew aktar

44 %”

Raġuni: Il-kontenut massimu tal-ilma tal-ġobon b’aktar minn 60 % ta’ xaħam fil-materja niexfa ġie aġġustat għal 44 % sabiex tiġi żgurata l-konsistenza korretta. Dan għaliex it-tipi ġodda ta’ tames jipprovdu konsistenza aktar stabbli, li tiżgura li jkunu jistgħu jitfettu imma tirriżulta wkoll f’ġobon kemxejn aktar sod.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 2.1, “Kompożizzjoni”.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Ix-xaħam fil-kontenut tal-materja niexfa huwa espress f’erba’ proċessi, jiġifieri, 30+, 45+, 55+ u 60+. Il-‘Havarti’ li għandu ta’ mill-inqas 60 % ta’ xaħam fil-materja niexfa jista’ jissejjaħ flødehavarti [krema Havarti]. Fil-ġobon Havarti b’xaħam f’kontenut tal-materja niexfa ta’ 30 % sa < 45 % u ta’ 55 % jew aktar, il-kontenut ta’ xaħam irid jiġi indikat bħala parti mill-isem. 45 % ta’ xaħam f’kontenut tal-materja niexfa jintuża bħala referenza għal indikazzjonijiet kumparattivi ta’ nutrizzjoni fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam.”, tħassar.

Raġuni: Partijiet mit-test jitqiesu żejda, u l-informazzjoni dwar it-tikkettar minflok għandha tiġi inkluża fit-Taqsima 8 dwar kwalunkwe regola speċifika li tikkonċerna t-tikkettar. Barra minn hekk, il-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa ma għandux jiġi indikat flimkien mal-isem “Havarti”, li għandu jidher waħdu.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna l-punt dwar l-aromatizzanti taħt it-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Jistgħu jiġu miżjuda ħwawar bħall-kurrat salvaġġ u x-xibt sakemm ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati miż-żieda tagħhom u mill-aromatizzant(i) li jagħti/u karattru essenzjali jissemma/jissemmew fl-isem jew ikun(u) indikat(i) f’assoċjazzjoni miegħu.”

ġie emendat għal:

“L-aromatizzanti li ġejjin jistgħu jiżdiedu mal-ġobon, jekk ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati minn din iż-żieda.

Aromatizzanti permessi:

—

ħwawar u ħxejjex aromatiċi, u taħlitiet tagħhom

—

tewm tal-weraq wiesa’

—

tewm

—

jalapeños.”

Raġuni: Ġie speċifikat liema aromatizzanti jistgħu jiżdiedu mal-“Havarti”.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar l-aromatizzanti fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna l-punt dwar il-maturazzjoni fit-Taqsima 2.2, “Karatteristiċi”.

Deskrizzjoni

Il-kliem “It-togħma u l-konsistenza karatteristiċi tal-‘Havarti’ jinkisbu b’riżultat tal-proċess ta’ maturazzjoni segwenti:

—

bil-qoxra: maturazzjoni bix-xaħam tagħha stess għal bejn ġimgħa u ġimagħtejn b’temperatura ta’ 14–18 °C, segwit minn maturazzjoni għal bejn ġimgħa u 3 ġimgħat b’temperatura ta’ 8–12 °C;

—

bla qoxra: maturazzjoni għal 3 ġimgħat b’temperatura ta’ 5–20 °C.

Il-‘Havarti’ jista’ jintbagħat mill-impjant tal-produzzjoni għal iktar proċessar, inkluż għall-maturazzjoni, jew għall-ħażna f’impjant ieħor qabel ma jkun laħaq il-proċessi ta’ żmien imsemmija fuq, imma ma jistax jintbagħat mill-impjanti qabel ma jkun laħaq iż-żmien minimu.”

ġie emendat għal:

“—

bil-qoxra: maturazzjoni permezz tal-mikroflora għal bejn ġimgħa u ġimagħtejn f’temperatura ta’ 14–21 °C, segwit minn maturazzjoni għal bejn ġimgħa u 3 ġimgħat f’temperatura ta’ 8–16 °C;

—

bla qoxra: maturazzjoni għal 3 ġimgħat f’temperatura ta’ 2–21 °C.”

Raġuni: It-test tħassar minħabba li huwa meqjus żejjed, u minħabba li partijiet mill-informazzjoni jikkonċernaw kwistjonijiet li għandhom jiġu inklużi fit-Taqsima 5 dwar il-metodu ta’ produzzjoni. Ir-rekwiżiti tat-temperatura ġew aġġustati wkoll biex jiżguraw it-togħma u s-sawra karatteristiċi t-tajbin.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt dwar il-matuazzjoni fit-Taqsima 4.2, “Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 4, “Prova tal-oriġini tal-prodott”.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Il-produtturi kollha tal-‘Havarti’ jeħtiġilhom jiġu approvati minn qabel mill-korp taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni (ara t-Taqsima 7 hawn taħt). Il-kontrolli sussegwenti jinkludu l-ispezzjoni tal-produzzjoni u l-kontrolli tal-prodott ibbażati fuq ir-rekwiżiti tal-produzzjoni u tal-prodott stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott. Mill-maħleb, il-ġobnijiet jiġu ttikkettati f’konformità mal-leġiżlazzjoni kurrenti sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jiġu traċċati lura għall-maħleb. It-tikkettar huwa mmonitorjat mill-awtoritajiet. (Ara l-Anness 1 — deskrizzjoni qasira tal-kontrolli.)”

ġie emendat għal:

“Il-produzzjoni tal-‘Havarti’ fid-Danimarka tmur lura għall-1921. Fl-1952, skont il-Konvenzjoni ta’ Stresa, il-ġobon ġie msemmi għal Hanne Nielsen li, fix-xogħol tagħha fir-razzett ta’ Havartigården, kellha influwenza kbira fuq il-produzzjoni tal-ġobon.”

Raġuni: L-iskop tal-emenda huwa li t-test jiġi allinjat mat-titolu tat-taqsima. Barra minn hekk, it-test preċedenti kien fih informazzjoni dwar il-kontrolli, li nqisuha bħala żejda peress li dawn il-kontrolli huma impliċiti fir-regolamenti rilevanti.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 5, “Metodu ta’ produzzjoni”.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Il-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat huwa standardizzat fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam u pasturizzat. Jiżdiedu l-istarters. Jiżdied it-tames. Il-baqta tinqata’ b’sikkina meta tinkiseb is-sodezza mixtieqa. It-taħlita mbagħad titħawwad, jitneħħielha x-xorrox u tissaħħan. Il-baqta titferra’ fil-forom u l-ġobnijiet imbagħad jiġu ppressati. Mal-ġobnijiet jista’ jiżdied ukoll taħwir varju tal-ikel, bħall-kemmun, ix-xibt, it-tewm, eċċ. Il-ġobnijiet jitkessħu, jitmellħu u jiġu mballati fil-plastik. Imbagħad jiġu mmaturati għal tul ta’ żmien varjabbli, skont kemm għandu jkun immaturat il-prodott lest. Jekk tkun mixtieqa maturazzjoni tas-superfiċje, tiġi applikata kultura ta’ Brevibacterium linens fuq il-qoxra wara t-tmelliħ.

(Ara d-dijagramma sekwenzjali għall-produzzjoni tal-‘Havarti’ fl-Anness 2 u fl-Anness 3, ‘Deskrizzjoni ta’ passi partikolari fil-proċess tal-produzzjoni’).”

ġie emendat għal:

“Il-ħalib tal-baqra mhux ipproċessat huwa standardizzat fir-rigward tal-kontenut tax-xaħam u pasturizzat. Jiżdiedu l-istarters. Jiżdied it-tames. Il-baqta tinqata’ b’sikkina meta tinkiseb is-sodezza mixtieqa. It-taħlita mbagħad titħawwad, jitneħħielha x-xorrox u tissaħħan. Il-baqta tiġi sseparata mix-xorrox u (kif jidher fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness 1) titferra’ fil-forom u l-ġobnijiet imbagħad jiġu ppressati. Il-ġobnijiet jitkessħu, jitmellħu u jiġu ppakkjati fil-plastik jew jiġu ttrattati bil-mikroflora (maturazzjoni tas-superfiċje) (muri wkoll fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness 1). Imbagħad jiġu mmaturati għal tul ta’ żmien varjabbli, skont kemm għandu jkun immaturat il-prodott lest. Il-maturazzjoni tas-superfiċje tista’ tiġi promossa billi tiġi applikata kultura ta’ Debaryomyces hansenii, ta’ Geotrichum candidum jew ta’ Brevibacterium linens fuq il-qoxra wara t-tmelliħ, f’konformità mal-linji gwida stabbiliti fid-dijagramma sekwenzjali fl-Anness 1 u ‘l-metodu Daniż’ deskritt fl-Anness 2.

Il-ġobnijiet jiġu mmaturati fl-impjant tal-produzzjoni sakemm jinkisbu t-togħma u s-sawra karatteristiċi tagħhom. Il-ġobnijiet jistgħu jintbagħtu għal aktar maturazzjoni jew biex jinħażnu f’impjant ieħor biss ladarba jkunu kisbu l-karatteristiċi partikolari tagħhom.

Il-ġobon jista’ fakultattivament jinħasel u jitnixxef waqt il-maturazzjoni jew wara u qabel ma jiġi imballat.”

Raġuni: Ġew ipprovduti dettalji dwar liema kulturi jistgħu jintużaw biex jippromwovu l-maturazzjoni tas-superfiċje u meta l-ġobnijiet jistgħu jintbagħtu f’impjant ieħor għal aktar maturazzjoni jew għall-ħżin. Fi kliem ieħor, ġie ċċarat il-metodu ta’ produzzjoni.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 6.2, “Storja”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

L-aħħar sentenza tat-taqsima, li tgħid “Bi 32 700 tunnellata, il-‘Havarti’ issa jirrappreżenta 10,2 % tal-produzzjoni totali tal-ġobon tad-Danimarka.”, tħassret.

Raġuni: Is-sentenza tħassret għax l-informazzjoni hi storika.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fil-punt “Sommarju tar-rabta” fit-Taqsima 5, “Rabta maż-żona ġeografika”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 6.3, “Speċifiċità tal-prodott”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

L-aħħar sentenza tat-taqsima, li tgħid “Skont il-Konvenzjoni ta’ Stresa tal-1952, il-‘Havarti’ ġie rikonoxxut bħala varjetà ta’ ġobon Daniż għan-nom tiegħu stess, pjuttost milli kopja ta’ ġobon barrani eżistenti.”, tħassret.

Raġuni: Is-sentenza tħassret peress li hija repetizzjoni ta’ sentenza mit-Taqsima 6.2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 6.4, “Reputazzjoni u metodu ta’ produzzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Fis-sitt paragrafu, is-sentenza:

“Għal aktar minn 100 sena, il-‘Havarti’ dejjem kien rappreżentat tajjeb f’avvenimenti bħal dawn u għadu jżomm preżenza b’saħħitha ħafna, l-aktar reċenti fil-Wirja Nazzjonali tal-Prodotti tal-Ħalib u fil-wirjiet distrettwali fl-2009 (ara l-Anness 8).”

ġiet emendata għal:

“Għal aktar minn 100 sena, il-‘Havarti’ dejjem kien rappreżentat tajjeb f’avvenimenti bħal dawn u għadu jżomm preżenza b’saħħitha ħafna (ara l-Anness 7).”

Raġuni: Is-sentenza tħassret għax l-informazzjoni hi storika. Anki n-numru tal-anness ġie kkoreġut.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 7, “Korp taċ-ċertifikazzjoni u tal-ispezzjoni”, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

It-taqsima kollha tħassret. It-taqsima segwenti ġiet innumerata mill-ġdid kif xieraq.

Raġuni: L-informazzjoni dwar min huwa responsabbli biex jivverifika l-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ma hijiex meqjusa rilevanti għall-inklużjoni fl-ispeċifikazzjoni.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 8, “Kwalunkwe regola speċifika dwar it-tikkettar”, li issa saret it-Taqsima 7, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.

Deskrizzjoni

Il-kliem “Havarti 60+, 55+, 45+ or 30+, skont il-kontenut ta’ xaħam, flimkien ma’ ‘indikazzjoni ġeografika protetta’ jew ‘IĠP’ u/jew is-simboli uffiċjali tal-UE.”

ġie emendat għal:

“Jekk ikunu żdiedu l-aromatizzanti, dan irid jiġi indikat separatament mill-indikazzjoni ġeografika, iżda fl-istess kamp viżiv bħalha.

L-isem ‘Flødehavarti’ [Havarti kremuż] jista’ jiżdied mat-tikketta tal-‘Havarti’ li jkollu mill-inqas 60 % ta’ xaħam fil-materja niexfa.”

Raġuni: It-test preċedenti tħassar minħabba li l-kontenut tiegħu huwa meqjus żejjed. It-test il-ġdid jikkonċerna informazzjoni li qabel kienet ippreżentata f’partijiet oħra fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott, iżda li għandha tiġi inkluża fit-taqsima dwar it-tikkettar.

Din l-emenda tirriżulta f’bidla fit-Taqsima 4.6, “Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat”, tad-dokument uniku.

☑

Din l-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna t-Taqsima 9, “Kwalunkwe rekwiżit dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali”.

Deskrizzjoni

It-taqsima kollha tħassret.

Raġuni: It-taqsima tħassret għax ma hemmx rekwiżiti nazzjonali.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna l-grupp applikant.

Deskrizzjoni

L-indirizz tal-grupp applikant ġie aġġornat u l-isem u l-indirizz tal-persuna ta’ kuntatt tħassru.

Raġuni: L-indirizz tal-grupp applikant ġie aġġornat. Il-persuna ta’ kuntatt, li qabel kienu jingħataw id-dettalji tagħha wkoll, hija meqjusa żejda, peress li l-grupp applikant jista’ jiġi kkuntattjat direttament.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

Titolu

L-emenda tikkonċerna l-Anness 1.

Deskrizzjoni

L-Anness 1 tħassar u l-bqija tal-annessi ġew innumerati mill-ġdid kif xieraq.

Raġuni: Il-kontenut tal-Anness 1 huwa meqjus żejjed.

Din l-emenda ma tirriżultax f’bidla fid-dokument uniku.

☐

L-emenda taffettwa d-dokument uniku.

DOKUMENT UNIKU

Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli

“Havarti”

Numru ta’ referenza tal-UE: PGI-DK-00831-AM01 — 16.9.2025

1.   Isem/Ismijiet

“Havarti”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

☐

DOP

☑

IĠP

☐

IĠ

3.   Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita

Id-Danimarka

4.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu

4.1.   Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143

0406 – Ġobon u baqta

4.2.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat

Ġobon immaturat u sod magħmul mill-ħalib tal-baqra.

Kompożizzjoni

Kontenut ta’ ilma: jiddependi mill-kontenut ta’ xaħam fil-materja niexfa (ara t-tabella ta’ hawn taħt).

Xaħam fil-materja niexfa

Kontenut massimu ta’ ilma

30 % sa < 40 %

54 %

45 % sa < 55 %

50 %

55 % sa < 60 %

46 %

60 % jew aktar

44 %

Karatteristiċi

Parti esterna:

Jista’ prodott bil-qoxra mmaturata permezz tal-mikroflora jew mingħajrha.

Is-superfiċje tista’ tiġi miksija.

Parti ta’ ġewwa:

Kulur: Bajdani (jew lewn l-avorju) jagħti fl-isfar

Konsistenza: Artab, imma xorta jista’ jinqata’ u jinħass sod meta jingidem (al dente)

Struttura: Bosta toqob irregolari, daqs ir-ross (li ħafna minnhom huma wesgħin bejn 1-2 mm u twal sa 10 mm) u mifruxin b’mod uniformi fil-ġobna. F’ġobnijiet li għandhom kontenut ta’ 60 % ta’ xaħam fil-materja niexfa, ġeneralment it-toqob ikunu iżgħar.

Riħa u togħma: Aċidużi, aromatiċi, mhux qawwija u b’ċerta rikkezza. Ir-riħa u t-togħma jsiru iktar qawwija maż-żmien.

Aromatizzanti: L-aromatizzanti li ġejjin jistgħu jiżdiedu mal-ġobon, jekk ir-riħa u t-togħma tal-ġobon ikunu kkaratterizzati minn din iż-żieda.

Aromatizzanti permessi:

—

ħwawar u ħxejjex aromatiċi, u taħlitiet tagħhom

—

tewm tal-weraq wiesa’

—

tewm

—

jalapeños.

Forma u daqs: tonda jew rettangolari.

Maturazzjoni:

—

bil-qoxra: maturazzjoni permezz tal-mikroflora għal bejn ġimgħa u ġimagħtejn f’temperatura ta’ 14–21 °C, segwit minn maturazzjoni għal bejn ġimgħa u 3 ġimgħat f’temperatura ta’ 8–16 °C;

—

bla qoxra: maturazzjoni għal 3 ġimgħat f’temperatura ta’ 2–21 °C.

4.3.   Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)

—

4.4.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita

Il-passi kollha fil-produzzjoni jridu jsiru fiż-żona ġeografika.

4.5.   Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

—

4.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat

Jekk ikunu żdiedu l-aromatizzanti, dan irid jiġi indikat separatament mill-indikazzjoni ġeografika, iżda fl-istess kamp viżiv bħalha.

L-isem “Flødehavarti” [Havarti kremuż] jista’ jiżdied mat-tikketta tal-“Havarti” li jkollu mill-inqas 60 % ta’ xaħam fil-materja niexfa.

4.7.   Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika

Id-Danimarka

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta kawżali mal-oriġini ġeografika hija bbażata fuq:

☑

reputazzjoni

☐

kwalità

☑

karatteristiċi oħra

Sommarju tar-rabta

Speċifiċità taż-żona ġeografika

Id-Danimarka għandha tradizzjonijiet twal u kburin ta’ produzzjoni tal-prodotti tal-ħalib. Is-settur Daniż tal-ħalib għandu korp uniku ta’ għarfien espert u livell għoli ta’ għarfien prattiku b’rekordsli jmorru lura sal-1921 u huwa maħsub li dan l-għarfien ilu jinġema’ għal aktar minn 100 sena.

Id-Danimarka ilha tagħti taħriġ fl-ipproċessar ulterjuri tal-ħalib lill-produtturi li jaħdmu fis-settur tal-prodotti tal-ħalib f’kulleġġi speċjalizzati, jiġifieri f’Ladelund Mejeriskole u f’Dalum Mejeriskole, sa minn tmiem is-seklu 19. Il-“Havarti” kien il-bażi ta’ taħriġ fil-produzzjoni ta’ ġobon tal-baqta skulata.

Fid-Danimarka, it-taħriġ akkademiku fix-xjenza u fit-teknoloġija tal-prodotti tal-ħalib ilu disponibbli mill-1921, u issa hija wieħed mill-ftit pajjiżi fid-dinja li għadu joffri taħriġ bħal dan.

Speċifiċità tal-prodott

Il-“Havarti” huwa magħruf bħala ġobon tal-baqta skulata, li jirreferi għall-mod kif il-baqta tissawwar u mbagħad tiddewweb. Jintgħaraf mill-bosta toqob irregolari li għandhom daqs ta’ rossa u li huma mifruxin b’mod uniformi fil-ġobna. Il-“Havarti” għandu togħma karatteristika mhux qawwija u aċiduża, li hija wkoll aromatika, bi kwalità robusta diskreta. Huwa artab, imma xorta jista’ jinqata’ u huwa kkomplementat minn sawra al dente. Dan il-ġobon tal-baqta skulata ġie prodott għall-ewwel darba fid-Danimarka fl-1921, meta G Morgenthaler mill-Iżvizzera għallem lil tnejn min-nies li jaħdmu fis-settur tal-prodotti tal-ħalib f’żewġ imħaleb, Ruds Vedby u Hallebygaard on Zealand, kif jipproduċu ġobon totalment ġdid tal-baqta skulata. Dan kien suċċess kbir, u l-produzzjoni tal-ġobnijiet il-ġodda infirxet minn dawn iż-żewġ imħaleb għal ħafna mħaleb oħra madwar id-Danimarka.

Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott

Il-protezzjoni tal-“Havarti” bħala indikazzjoni ġeografika hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u fuq il-metodu ta’ produzzjoni speċifiċi tiegħu.

Reputazzjoni

Havarti hija kelma antika ħafna li tmur lura għaż-żminijiet tal-Vikingi. Tnisslet mill-kelma avarti li tiddenota xatt mimli ħajja u fjuri. L-isem “Havarti” jżomm rabta ma’ Hanne Nielsen b’tifkira għax-xogħol li għamlet fil-qasam tal-produzzjoni tal-ġobon fir-razzett ta’ Havartigården f’Holte, viċin Copenhagen, fit-tieni nofs tas-seklu 19. Mill-1866 sal-1890, il-produzzjoni tal-ġobon f’Havartigården saret famuża madwar id-Danimarka bis-saħħa tagħha, u saret fornitur lill-Palazz Irjali Daniż.

Kemm ġewwa ’l Komunità kif ukoll barra minnha, il-“Havarti” għandu reputazzjoni bħala speċjalità ta’ oriġini Daniża.

Is-settur Daniż tal-ħalib ħa sehem f’wirjiet u f’kompetizzjonijiet bil-“Havarti” kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell internazzjonali, u rebaħ ħafna premji.

Metodu tal-produzzjoni

It-tagħlim dwar kif isir il-“Havarti” jista’ jiġi ddokumentat lura għall-1921 u kien – u għadu – parti normali mit-taħriġ tal-persuni li jaħdmu fis-settur tal-prodotti tal-ħalib fid-Danimarka, u għalhekk, referenzi għall-proċess tal-produzzjoni tal-“Havarti” jistgħu jinsabu f’għadd kbir ta’ manwali ta’ taħriġ. B’mod partikolari hemm tliet stadji fil-proċess tal-produzzjoni li jiddeterminaw in-natura tal-ġobon. Huwa l-kontroll ta’ dawn l-istadji, u l-interazzjoni ta’ bejniethom, li huma importanti biex il-ġobon jakkwista l-karatteristiċi deskritti. L-għarfien prattiku li nġema’ matul dawn is-snin kollha fl-imħaleb Daniżi ħoloq korp uniku ta’ esperjenza. Għalhekk huwa importanti li l-produzzjoni tal-“Havarti” ssir fl-imħaleb Daniżi fejn matul ħafna snin il-produtturi, it-tekniċi, it-teknoloġisti u l-inġiniera Daniżi fil-qasam tal-produzzjoni tal-ħalib irċevew taħriġ u tagħlim intensivi fit-teknoloġiji użati speċifikament għal dan it-tip ta’ ġobon.

Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://foedevarestyrelsen.dk/Media/638929154696604590/Produktspecifikation%20for%20Havarti%20-%20080925.pdf


(1)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6706/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)