European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2543

30.9.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2543

tat-23 ta’ Settembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea dwar l-emendi għall-Annessi tal-Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) u għar-Regolamenti annessi tal-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq (ADR) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 1968. Il-Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni (ADN) daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2008.

(2)

Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, kull Parti Kontraenti tista’ tipproponi emenda waħda jew aktar għall-Annessi tal-ADR. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (WP.15) huwa l-korp kompetenti biex jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda bħal din.. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, kwalunkwe Parti Kontraenti tista’ tipproponi emenda waħda jew aktar għar-Regolamenti annessi mal-ADN. Il-Kumitat Amministrattiv stabbilit skont l-ADN huwa l-korp kompetenti biex jiddeċiedi dwar l-adozzjoni ta’ kwalunkwe emenda bħal din.

(3)

Matul il-perjodu ta’ sentejn bejn l-2022 u l-2024 id-WP.15 u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN adottaw emendi għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi mal-ADN, rispettivament, li ġew notifikati lill-Partijiet Kontraenti tal-ADR u lill-Partijiet Kontraenti tal-ADN fl-1 ta’ Lulju 2024 u fl-1 ta’ Settembru 2024, rispettivament.

(4)

Skont l-Artikolu 14 tal-ADR, l-emendi proposti għall-Annessi jitqiesu aċċettati sakemm mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti, jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma joġġezzjonawx għal dawk l-emendi fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jkun iċċirkola l-emendi proposti. Skont l-Artikolu 20 tal-ADN, kwalunkwe abbozz ta’ emenda għar-Regolamenti annessi mal-ADN jitqies bħala aċċettat sakemm mill-inqas terz tal-Partijiet Kontraenti, jew ħamsa minnhom jekk terz jaqbeż dik iċ-ċifra, ma joġġezzjonawx għal dawk l-emendi fi żmien tliet xhur mid-data li fiha s-Segretarju Ġenerali jkun iċċirkolahom.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottataf’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ dawk l-emendi għall-ADR u għall-ADN, peress li dawk se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali u kapaċi jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Dik id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti għat-trasport tal-oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew fuq il-passaġġi tal-ilma interni, li għandhom japplikaw fl-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għall-ADR u għall-ADN. Barra minn hekk, dik id-Direttiva tipprevedi li t-trasport tal-oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat diment li dan ikun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, ir-Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID) u l-ADN. Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/68/KE, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadatta l-Anness I, it-Taqsima I.1, u l-Anness III, it-Taqsima III.1, tad-Direttiva 2008/68/KE għall-progress xjentifiku u tekniku, b’mod partikolari biex jitqiesu l-emendi għall-ADR, għall-RID jew għall-ADN.

(6)

L-Unjoni mhix Parti Kontraenti għall-ADR jew għall-ADN. Madankollu, dan il-fatt ma jwaqqafhiex milli teżerċita l-kompetenza tagħha billi tistabbilixxi, permezz tal-istituzzjonijiet tagħha, pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isimha fil-korp stabbilit b’wieħed minn dawk il-Ftehimiet, b’mod partikolari permezz tal-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għal xi wieħed minn dawk iż-żewġ Ftehimiet filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interesstal-Unjoni.

(7)

L-Istati Membri kollha huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u japplikawh, u 13-il Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għall-ADN u japplikawh.

(8)

L-emendi previsti għandhom l-għan li jiżguraw it-trasport sikur u effiċjenti tal-oġġetti perikolużi, filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku fis-settur, u l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu waqt it-trasport tagħhom. L-iżvilupp tat-trasport tal-oġġetti perikolużi bit-triq u fuq il-passaġġi tal-ilma interni, fl-Unjoni u anki bejn l-Unjoni u l-pajjiżi ġirien tagħha, hu komponent ewlieni tal-politika komuni tat-trasport u jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-fergħat industrijali kollha li jipproduċu jew jużaw oġġetti klassifikati bħala perikolużi skont l-ADR jew l-ADN.

(9)

L-emendi previsti huma kkunsidrati xierqa għat-trasport sikur tal-oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, huma ġustifikati u ta’ benefiċċju u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati mill-Unjoni.

(10)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-ADR u l-emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tagħha li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u għall-ADN, rispettivament, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-emendi adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport tal-Oġġetti Perikolużi (WP.15) għall-Annessi tal-ADR u mill-Kumitat Amministrattiv tal-ADN għar-Regolamenti annessi mal-ADN, hija stipulata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Bidliet minuri għall-emendi msemmija fl-ewwel paragrafu jistgħu jiġu miftiehma mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill, f’konformità mal-Artikolu 2.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-ADR u għall-ADN, rispettivament, fir-rigward tal-emendi għall-Annessi tal-ADR u tal-emendi għar-Regolamenti annessi mal-ADN, filwaqt li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Referenza għall-emendi aċċettati għall-Annessi tal-ADR u għar-Regolamenti annessi mal-ADN għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tiġi indikata d-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Settembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

FELDMAN Z.


(1)  Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern tal-oġġetti perikolużi (ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13).


ANNESS

Proposta

Dokument ta’ Referenza

Notifika

Ħruġ

Kummenti

Pożizzjoni tal-UE

1.

ECE/TRANS/WP.15/265

C.N.218.2024.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi tal-Annessi A u B tal-ADR

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport tal-Oġġetti Perikolużi – WP.15

Qbil mal-emendi

2.

ECE/TRANS/WP.15/265/Add.1

C.N.218.2024.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi tal-Annessi A u B tal-ADR – Addendum 1

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport tal-Oġġetti Perikolużi – WP.15

Qbil mal-emendi

3.

ECE/TRANS/WP.15/265/Corr.1

C.N.218.2024.TREATIES-XI.B.14

Abbozz tal-emendi tal-Annessi A u B tal-ADR – Rettifika 1

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport tal-Oġġetti Perikolużi – WP.15

Qbil mal-emendi

4.

ECE/ADN/70

C.N.217.2024.TREATIES-XI.D.6

Abbozz tal-emendi tar-Regolamenti annessi mal-ADN

Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN

Qbil mal-emendi

5.

ECE/ADN/70/Add.1

C.N.335.2024.TREATIES-XI.D.6

Abbozz tal-emendi tar-Regolamenti annessi mal-ADN

Kunsens tekniku fil-Kumitat Amministrattiv tal-ADN

Qbil mal-emendi


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/2543/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)