|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/3081 |
5.12.2024 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/3081
tal-4 ta’ Diċembru 2024
dwar miżuri ta’ trasparenza li jikkonċernaw il-laqgħat li saru bejn il-Membri tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/839/UE, Euratom
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,
Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 11(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-istituzzjonijiet jeħtiġilhom, b’mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jgħarrfu u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni u huma meħtieġa jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi u mas-soċjetà ċivili. Minbarra dan, f’konformità mal-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità, u mal-Artikolu 11(3) tat-TUE, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta b’mod wiesa’ qabel tipproponi atti leġiżlattivi. |
|
(2) |
Għal dawn il-finijiet, il-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinetti tagħhom jiltaqgħu b’mod regolari ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess biex ikunu jistgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar deċiżjonijiet li jistgħu jaffettwawhom u jtejbu l-kwalità tat-teħid tad-deċiżjonijiet billi jipprovdu mezzi biex jiġu kkomunikati fehmiet esterni u għarfien espert. |
|
(3) |
Sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-leġittimità tal-proċessi politiċi, leġiżlattivi u amministrattivi tal-Unjoni, jenħtieġ li l-kuntatti mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess jitwettqu b’mod trasparenti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni hija impenjata li tippromwovi rappreżentanza tal-gruppi ta’ interess etika u trasparenti permezz tar-reġistru obbligatorju ta’ trasparenza (1). |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 7(1) u (2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2018/0700 (2) dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea, il-Membri tal-Kummissjoni u l-membri tal-Kabinett tagħhom għandhom jiltaqgħu biss ma’ dawk ir-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess li huma rreġistrati fir-reġistru ta’ trasparenza sakemm dawn jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim Interistituzzjonali u għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar tali laqgħat. |
|
(5) |
Fid-dawl tal-esperjenza pożittiva bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-laqgħat li jsiru mill-Membri tal-Kummissjoni jew mill-membri tal-Kabinett tagħhom ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess dwar kwistjonijiet relatati mat-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni tal-politika fl-Unjoni, jenħtieġ li tinżamm il-prattika li l-informazzjoni dwar tali laqgħat issir pubblika. Filwaqt li ma hemmx bżonn ta’ aktar miżuri fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Membri tal-Kummissjoni u tal-membri tal-Kabinetti tagħhom f’avvenimenti pubbliċi, peress li tali informazzjoni diġà tinsab fid-dominju pubbliku, jenħtieġ li l-Membri tal-Kummissjoni jkomplu jippubblikaw l-informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li jsiru minnhom jew mill-membri tal-Kabinetti tagħhom ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess. |
|
(6) |
Il-laqgħat li ma jsirux fil-qafas tal-attivitajiet koperti, kif definiti fl-Artikoli 3 u 4 tal-Ftehim Interistituzzjonali jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. B’mod partikolari, il-laqgħat ma’ rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni, li jirriflettu l-kors normali tar-relazzjonijiet interistituzzjonali, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri, inklużi r-rappreżentanzi permanenti u l-ambaxxati tagħhom, fil-livell nazzjonali u sottonazzjonali, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni peress li dawk l-awtoritajiet isegwu l-interess ġenerali u jikkontribwixxu għall-ħidma tal-Kummissjoni skont il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Il-laqgħat mal-assoċjazzjonijiet u man-networks tal-awtoritajiet pubbliċi fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali jew sottonazzjonali jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni, bil-kundizzjoni li dawn l-assoċjazzjonijiet u n-networks jaġixxu esklużivament f’isem l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti. Sabiex jiġu protetti r-relazzjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi, inklużi l-missjonijiet diplomatiċi u l-ambaxxati tagħhom, jew l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, inklużi l-aġenziji u l-korpi li joħorġu minnhom, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. |
|
(7) |
Sabiex tirrispetta l-karattru speċifiku tad-djalogu mas-sħab soċjali, previst fl-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kif ukoll il-karattru speċifiku tad-djalogu mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet u mal-komunitajiet reliġjużi jew l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali msemmija fl-Artikolu 17 tat-TFUE, il-laqgħat li jsiru f’dawn il-kuntesti jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. |
|
(8) |
Fid-dawl tar-rwol speċifiku tal-partiti politiċi rikonoxxut mill-Artikolu 10(4) tat-TUE, il-laqgħat mar-rappreżentanti tal-partiti politiċi wkoll jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. |
|
(9) |
F’konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali, laqgħat spontanji, laqgħat ta’ natura purament privata jew soċjali u laqgħat li jsiru fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva stabbilita mit-TUE jew mit-TFUE jew mill-atti legali tal-Unjoni jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma tkoprix kuntatti ma’ persuni fiżiċi li jaġixxu f’kapaċità strettament personali u mhux f’assoċjazzjoni ma’ oħrajn. |
|
(10) |
Il-laqgħat li jsiru fil-qafas tal-għoti ta’ pariri legali u professjonali oħra jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. Laqgħat organizzati għall-iskop li jsiru preżentazzjonijiet bħala parti jew parti terza fil-qafas tal-proċedura legali jew amministrattiva stabbilita bid-dritt tal-Unjoni jew bid-dritt internazzjonali applikabbli għall-Unjoni, jew preżentazzjonijiet ibbażati fuq relazzjoni kuntrattwali ma’ kwalunkwe mill-istituzzjonijiet firmatarji jew fuq il-bażi ta’ ftehim ta’ għotja ffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni, jew preżentazzjonijiet b’reazzjoni għal talbiet diretti jew speċifiċi minn kwalunkwe istituzzjoni tal-Unjoni, ir-rappreżentanti jew il-persunal tagħha, għal informazzjoni fattwali, data jew għarfien espert, jenħtieġ li ma jkunux koperti minn din id-Deċiżjoni. |
|
(11) |
Sabiex tissaħħaħ aktar it-trasparenza fir-rigward tar-rappreżentanza ta’ gruppi ta’ interess u biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jkunu konxji mill-kontenut tal-iskambji li jsiru bejn il-Kummissjoni u r-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, jenħtieġ li l-Membri tal-Kummissjoni jippubblikaw il-minuti tal-laqgħat kollha li jsiru minnhom mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Hija wkoll bla preġudizzju għar-rekwiżiti jew impenji msaħħa tat-trasparenza li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew minn ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw it-trasparenza tal-laqgħat li l-Membri tal-Kummissjoni u/jew il-membri tal-Kabinett tagħhom ikollhom mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
|
(a) |
“rappreżentant ta’ grupp ta’ interess” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew grupp, assoċjazzjoni jew network formali jew informali, li tinvolvi ruħha f’attivitajiet imwettqa bl-objettiv li tkun influwenzata l-formulazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ politika jew leġiżlazzjoni, jew il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni; |
|
(b) |
“laqgħa” tfisser laqgħa organizzata fuq l-inizjattiva ta’ rappreżentant ta’ grupp ta’ interess jew Membru tal-Kummissjoni u/jew membru tal-Kabinett tiegħu/tagħha biex tiġi diskussa kwistjoni relatata mal-formulazzjoni jew mal-implimentazzjoni ta’ politika jew leġiżlazzjoni fl-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3. |
Artikolu 3
Eżenzjonijiet
Din id-Deċiżjoni ma għandhiex tkopri l-laqgħat li ġejjin:
|
(a) |
laqgħat spontanji, laqgħat ta’ natura purament privata jew soċjali u laqgħat li jsiru fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva stabbilita mit-TUE jew mit-TFUE jew mill-atti legali tal-Unjoni; |
|
(b) |
laqgħat li jsiru ma’:
|
|
(c) |
laqgħat li jsiru fil-qafas tal-għoti ta’ pariri legali u professjonali oħra, meta:
|
|
(d) |
laqgħat organizzati għall-iskop li jsiru preżentazzjonijiet:
|
Artikolu 4
Informazzjoni dwar il-laqgħat
1. Il-membri tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-laqgħat kollha li huma u/jew il-membri tal-Kabinett tagħhom ikollhom ma’ rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess, f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.
2. L-informazzjoni li għandha ssir pubblika għandha tikkonsisti minn:
|
(a) |
id-data tal-laqgħa; |
|
(b) |
il-post tal-laqgħa; |
|
(c) |
l-isem tal-Membru tal-Kummissjoni u/jew tal-membru/i tal-Kabinett tagħhom; |
|
(d) |
l-isem/ismijiet tar-rappreżentant(i) ta’ grupp(i) ta’ interess; |
|
(e) |
is-suġġett tal-laqgħa. |
Artikolu 5
Minuti tal-laqgħat
1. Għandhom jittieħdu l-minuti tal-laqgħat kollha li l-Membri tal-Kummissjoni u/jew il-membri tal-Kabinett tagħhom ikollhom mar-rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess.
2. Il-Membri tal-Kummissjoni għandhom jippubblikaw il-minuti tal-laqgħat, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni.
3. Il-minuti ta’ laqgħa għandhom jitfasslu bħala dokument uniku li jinkludi:
|
(a) |
l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2); |
|
(b) |
il-punti ewlenin imqajma u l-pożizzjonijiet espressi fil-laqgħa; |
|
(c) |
konklużjonijiet mil-laqgħa, fejn applikabbli. |
Artikolu 6
Pubblikazzjoni
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 4(2) u dokument imfassal f’konformità mal-Artikolu 5(3) għandhom jiġu ppubblikati f’format standardizzat fuq is-siti web uffiċjali tal-Membri tal-Kummissjoni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa.
Artikolu 7
Data personali tal-individwi li jattendu l-laqgħat
Id-data personali ta’ individwi (li jaġixxu f’isem rappreżentanti ta’ gruppi ta’ interess) jew ta’ uffiċjali tal-Kummissjoni (għajr membri tal-Kabinetti u persunal tal-Kummissjoni li jeżerċita funzjonijiet maniġerjali) li jattendu l-laqgħat ma għandhiex issir pubblika.
Artikolu 8
Dispożizzjonijiet finali
1. Din id-Deċiżjoni għandha tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/839/UE (5), Euratom, li l-effetti tagħha għandhom jieqfu japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.
2. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
3. Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2025.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) Il-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta’ Mejju 2021 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar Reġistru Obbligatorju ta’ Trasparenza (ĠU L 207, 11.6.2021, p. 1) (“il-Ftehim Interistituzzjonali”).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta’ Jannar 2018 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għall-Membri tal-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 65, 21.2.2018, p. 7).
(3) Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE, (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom (ĠU L 343, 28.11.2014, p. 22).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3081/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)