SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
26 ta’ Marzu 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/23/KE – Artikolu 3(1) – Trasferimenti ta’ impriżi – Salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema – Kuntratt pubbliku li jirrigwarda s-servizzi ta’ tindif – Attribuzzjoni tal-lottijiet tal-kuntratt lil żewġ offerenti rebbieħa ġodda – Impjieg mill-ġdid ta’ ħaddiem assenjat fil-lottijiet kollha tal-kuntratt”
Fil-Kawża C‑344/18,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-arbeidshof te Gent (il-Qorti Industrijali ta’ Gent, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Mejju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Mejju 2018, fil-proċedura
ISS Facility Services NV
vs
Sonia Govaerts,
Atalian NV, li kienet Euroclean NV
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, S. Rodin, D. Šváby, K. Jürimäe u N. Piçarra (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Szpunar,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
– |
għal ISS Facility Services NV, minn J. Dubaere, avocat, |
|
– |
għal S. Govaerts, minn S. De Beul, |
|
– |
għal Atalian NV minn S. Diels u E. Carlier, advocaten, |
|
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek, M. Kellerbauer u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑26 ta’ Novembru 2019,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 98). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Sonia Govaerts, minn naħa, u ISS Facility Services NV (iktar ’il quddiem “ISS”) u Atalian NV, li kienet Euroclean NV, min-naħa l-oħra, dwar it-tkeċċija tagħha u l-konsegwenzi ta’ din tal-aħħar. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
|
3 |
Il-premessa 3 tad-Direttiva 2001/23 tipprovdi: “Huwa neċessarju li jigi pprovdut għall-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ li jinbidel min jimpjega, b’mod partikulari, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tagħhom ikunu salvagwardjati.” |
|
4 |
L-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
[…]” |
|
5 |
L-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni ta’ kuntratt ta’ mpjieg jew relazzjoni ta’ mpjieg. Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jeskludu mill-iskop ta’ din id-Direttiva kuntratti ta’ mpjieg jew relazzjonijiet ta’ mpjieg biss minħabba:
[…]” |
|
6 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva: “Id-drittijiet u l-obbliġi ta’ min jagħmel it-trasferiment ikkawżati minn kuntratt ta’ mpjieg jew minn relazzjoni ta’ mpjieg eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, minħabba dan it-trasferiment, jiġu trasferiti lil min lilu jsir it-trasferiment.” |
|
7 |
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/23 jipprovdi: “1. It-trasferiment ta’ l-impriża, n-negozju jew xi parti mill-impriza jew negozju m’għandux fih innifsu jikkostitwixixi bażi għal tkeċċija minn min jagħmel it-trasferiment jew minn min lilu jsir it-trasferiment. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tkun ta’ xkiel għal tkeċċijiet li jistgħu iseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ l-organizzazzjoni li jinvolvu bidliet fin-nies li jkunu jaħdmu. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-ewwel subparagrafu ma japplikax għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ mpjegati li mhumiex koperti mil-liġijiet jew mill-prattika ta’ l-Istati Membri għar-rigward ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija. 2. Jekk il-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni tax-xogħol jintemmu minħabba li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment ta’ l-impjegat, min jimpjega għandu jitqies bħala responsabbli għat-tmiem tal-kuntratt ta’ l-impjieg jew ir-relazzjoni ta’ l-impjieg.” |
Id-dritt Belġjan
|
8 |
Il-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Nru 32a tas‑7 ta’ Ġunju 1985 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega minħabba trasferiment li jirriżulta minn ftehim ta’ impriża u li jirregola d-drittijiet tal-ħaddiema impjegati mill-ġdid fil-każ ta’ akkwist tal-attiv wara falliment jew arranġament ġuridiku bi trasferiment tal-attiv, li sar obbligatorju permezz ta’ Digriet Irjali tal‑25 ta’ Lulju 1985 (Moniteur belge tad‑9 ta’ Awwissu 1985, p. 11527), hekk kif emendat bil-Ftehim Kollettiv tax-Xogħol Nru 32d tat‑13 ta’ Marzu 2002, li sar obbligatorju permezz ta’ Digriet Irjali tal‑14 ta’ Marzu 2002 (Moniteur belge tad‑29 ta’ Marzu 2002, p. 13382), ittraspona fid-dritt Belġjan id-Direttiva 2001/23. Ma huwiex ikkontestat li din it-traspożizzjoni twettqet b’mod konformi ma’ din id-direttiva. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
|
9 |
S. Govaerts kienet impjegata, mis‑16 ta’ Novembru 1992, minn Multiple Immo Services NV, u sussegwentement mis-suċċessuri fid-dritt tagħha, jiġifieri fl-aħħar lok minn ISS. Hija kkonkludiet ma’ din il-kumpannija tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat ġdid, fl‑1 ta’ Settembru 2004, filwaqt li żammet l-anzjanità tagħha miksuba mis‑16 ta’ Novembru 1992. |
|
10 |
ISS kienet responsabbli għat-tindif u għall-manutenzjoni ta’ diversi bini fil-belt ta’ Gent (il-Belġju) imqassam fi tliet lottijiet. L-ewwel lott kien jinkludi l-mużewijiet u l-bini storiku, it-tieni lott kien jinkludi l-libreriji u ċ-ċentri ċiviċi u, it-tielet lott kien jinkludi l-bini amministrattiv. Fl‑1 ta’ April 2013, S. Govaerts saret maniġer responsabbli għat-tliet siti li jikkorrispondu għal dawn il-lottijiet. |
|
11 |
Sussegwentement, il-belt ta’ Gent nediet sejħa għal offerti fir-rigward tal-lottijiet kollha msemmija iktar ’il fuq għall-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Settembru 2013 u l‑31 ta’ Awwissu 2016. Fit-tmiem ta’ din il-proċedura, fit‑13 ta’ Ġunju 2013, l-offerta ta’ ISS ma ntgħażlitx. L-ewwel u t-tielet lott ġew attribwiti lil Atalian, filwaqt li t-tieni lott ġie attribwit lil Cleaning Masters NV. |
|
12 |
Fl‑1 ta’ Lulju 2013, ISS informat lil Atalian li kellu jiġi applikat fir-rigward ta’ S. Govaerts, impjegata full-time f’dawn is-siti, il-Ftehim Kollettiv Nru 32a. Atalian ikkontestat din l-analiżi fit‑3 ta’ Lulju 2013. |
|
13 |
Permezz ta’ ittra rreġistrata tat‑30 ta’ Awwissu 2013, ISS informat lil S. Govaerts li, minħabba t-trasferiment tal-impriża u minħabba li hija kienet impjegata fis-siti li jikkorrispondu għall-lottijiet 1 u 3, hija kienet ser tidħol fis-servizz ta’ Atalian mill‑1 ta’ Settembru 2013, data li minnha hija ma kinitx ser tibqa’ tagħmel iktar parti mill-persunal ta’ ISS. Bħala konsegwenza ta’ dan, din tal-aħħar ħarġet lil S. Govaerts ċertifikat ta’ qgħad li jindika l‑31 ta’ Awwissu 2013 bħala l-aħħar ġurnata ta’ impjieg. |
|
14 |
Permezz ta’ ittra rreġistrata oħra tat‑30 ta’ Awwissu 2013, ISS indikat lil Atalian li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ S. Govaerts kien ser jiġi ttrasferit lilha ipso jure mill‑1 ta’ Settembru 2013. |
|
15 |
Fit‑3 ta’ Settembru 2013, Atalian għarrfet lil ISS li hija ma kinitx tqis li kien sar trasferiment ta’ impriża fis-sens tal-Ftehim Kollettiv Nru 32a u li, għaldaqstant, ma kien hemm ebda relazzjoni kuntrattwali li torbotha ma’ S. Govaerts. |
|
16 |
Fit‑18 ta’ Novembru 2013, S. Govaerts adixxiet kemm lil ISS kif ukoll lil Atalian quddiem l-arbeidsrechtbank te Gent (it-Tribunal Industrijali ta’ Gent, il-Belġju), sabiex tikseb il-ħlas ta’ kumpensi għal avviż tat-temm ta’ impjieg, ta’ bonus tal-aħħar tas-sena pro rata temporis, kif ukoll ta’ bonus għal vaganzi għall-perijodi ta’ riferiment li jikkorrispondu għas-snin 2012 u 2013. |
|
17 |
Permezz ta’ sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2015, din il-qorti qieset li t-tkeċċija ta’ S. Govaerts kienet irregolari u kkundannat lil ISS tħallas kumpens għal avviż tat-temm ta’ impjieg, bonus tal-aħħar tas-sena u bonus għal vaganzi. Għall-kuntrarju r-rikors ippreżentat kontra Atalian ġie deċiż inammissibbli. |
|
18 |
Skont l-imsemmija qorti, il-Ftehim Kollettiv Nru 32a ma kienx applikabbli fir-rigward ta’ S. Govaerts sa fejn din tal-aħħar kienet twettaq kompiti amministrattivi u organizzattivi u ma kinitx tipparteċipa, fis-siti tal-belt ta’ Gent, fix-xogħlijiet ta’ tindif li kienu s-suġġett tat-trasferiment. |
|
19 |
ISS appellat mis-sentenza mogħtija fl-ewwel istanza quddiem l-arbeidshof te Gent (il-Qorti Industrijali ta’ Gent). Hija ssostni li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ S. Govaerts ġie ttrasferit, mill‑1 ta’ Settembru 2013, f’ammont ta’ 85 % lil Atalian u f’ammont ta’ 15 % lil Cleaning Masters. |
|
20 |
Kuntrarjament għall-qorti adita fl-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju tqis li, fil-kawża prinċipali, l-identità tal-entità ekonomika kienet inżammet fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2001/23 u li, għaldaqstant, kien seħħ trasferiment ta’ impriża fis-sens ta’ dan l-artikolu. Minn dan hija tiddeduċi li, konformement mal-Artikolu 7 tal-Ftehim Kollettiv Nru 32a, li jittrasponi l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent, mill-kuntratti ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment, jiġifieri l‑1 ta’ Settembru 2013, kienu ġew, minħabba dan it-trasferiment, ittrasferiti ipso jure lil Atalian u lil Cleaning Masters fil-kapaċità tagħhom ta’ ċessjonarji. |
|
21 |
Peress li l-kompiti ta’ S. Govaerts jirrigwardaw esklużivament is-siti tal-belt ta’ Gent, il-qorti tar-rinviju tqis li l-persuna kkonċernata kienet tagħmel parti, fl‑1 ta’ Settembru 2013, mill-impriża ttrasferita u għaldaqstant, hija tistaqsi dwar il-konsegwenzi, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23, ta’ dan it-trasferiment ta’ impriża fir-rigward tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ S. Govaerts. |
|
22 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Gent (il-Qorti Industrijali ta’ Gent) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva [2001/23] għandu jiġi interpretat fis-sens li fil-każ ta’ trasferiment simultanju ta’ diversi partijiet ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-direttiva, lil diversi ċessjonarji, id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol, li jeżistu fid-data tat-trasferiment, ta’ ħaddiem li kien impjegat f’kull waħda mill-partijiet ittrasferiti, huma ttrasferiti lil kull wieħed miċ-ċessjonarji, madankollu proporzjonalment mal-firxa tal-impjieg tal-ħaddiem inkwistjoni fil-parti tal-impriża akkwistata minn kull wieħed miċ-ċessjonarji, jew [fis-sens] li d-drittijiet u l-obbligi msemmija iktar ’il fuq huma ttrasferiti sħaħ liċ-ċessjonarju li akkwista l-parti tal-impriża li fiha l-ħaddiem inkwistjoni kien impjegat prinċipalment, jew ukoll [fis-sens] li, jekk id-dispożizzjonijiet tad-direttiva ma jistgħux jiġu interpretati b’ebda mill-modi msemmija iktar ’il fuq, ma hemm trasferiment ta’ drittijiet u obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tal-ħaddiem inkwistjoni lil ebda miċ-ċessjonarji, liema fatt huwa l-istess fil-każ meta ma jkunx possibbli li tiġi ddeterminata separatament il-firxa tal-impjieg tal-ħaddiem f’kull waħda mill-partijiet ittrasferiti mill-impriża?” |
Fuq id-domanda preliminari
|
23 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, fil-preżenza ta’ trasferiment ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, li jinvolvi diversi ċessjonarji, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol eżistenti fid-data ta’ dan it-trasferiment huma ttrasferiti lil kull wieħed miċ-ċessjonarji, pro rata mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem, jew biss liċ-ċessjonarju li għalih il-ħaddiem għandu jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali. Sussidjarjament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol ma tista’ tiġi invokata kontra ebda wieħed miċ-ċessjonarji. |
|
24 |
Qabel kollox għandu jiġi rrilevat li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jipprevedi li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw għaċ-ċedent minn kuntratt ta’ xogħol jew minn relazzjoni ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment għandhom, b’riżultat ta’ dan it-trasferiment, jiġu ttrasferiti liċ-ċessjonarju, mingħajr ma jipprevedi l-ipoteżi ta’ trasferiment li jinvolvi diversi ċessjonarji. |
|
25 |
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2001/23 hija intiża li tiżgura s-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema fil-każ ta’ bidla tal-persuna li timpjega billi tippermettilhom jibqgħu fis-servizz tal-persuna l-ġdida li timpjega bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma maċ-ċedent. L-għan tal-imsemmija direttiva huwa li tiġi ggarantita, sa fejn ikun possibbli, il-kontinwazzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol jew tar-relazzjonijiet ta’ xogħol, mingħajr tibdil, maċ-ċessjonarju, sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema kkonċernati jitqiegħdu f’pożizzjoni inqas favorevoli sempliċiment minħabba dan it-trasferiment (sentenza tas‑7 ta’ Awwissu 2018, Colino Sigüenza, C‑472/16, EU:C:2018:646, punt 48). Madankollu, l-imsemmija direttiva ma tistax tiġi utilment invokata sabiex jinkiseb titjib tal-kundizzjonijiet ta’ remunerazzjoni jew ta’ kundizzjonijiet oħra tax-xogħol fl-okkażjoni ta’ trasferiment ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 77). |
|
26 |
Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm, skont l-għan tal-imsemmija direttiva, għandhom jiġu protetti l-interessi tal-ħaddiema kkonċernati mit-trasferiment, madankollu ma jistgħux jiġu injorati dawk taċ-ċessjonarju, li għandu jkun fil-pożizzjoni li jagħmel l-aġġustamenti u t-tibdiliet meħtieġa għat-tkomplija tal-attività tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2006, Werhif, C‑499/04, EU:C:2006:168, punt 31). Id-Direttiva 2001/23 ma hijiex intiża biss li tissalvagwardja, fl-okkażjoni ta’ trasferiment ta’ impriża, l-interessi tal-impjegati, iżda hija intiża li tiżgura bilanċ ġust bejn l-interessi ta’ dawn tal-aħħar, minn naħa, u dawk taċ-ċessjonarju, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Alemo‑Herron et, C‑426/11, EU:C:2013:521, punt 25). |
|
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi enfasizzat, sussegwentement, hekk kif għamel l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, meta l-entità ekonomika li magħha kien marbut ħaddiem tkun ġiet ittrasferita, fis-sens tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2001/23, il-fatt li dan kien lil ċessjonarju wieħed jew lil diversi ċessjonarji huwa mingħajr effett fuq it-trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw, għaċ-ċedent, mill-kuntratt ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment tal-imsemmija entità. |
|
28 |
Minn dan jirriżulta li l-ipoteżi prevista sussidjarjament mill-qorti tar-rinviju għandha tiġi eskluża, sa fejn din teskludi s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol eżistenti fid-data tat-trasferiment ta’ impriża u għaldaqstant tneħħi l-effettività tad-Direttiva 2001/23. |
|
29 |
Fl-aħħar nett, għandhom jiġu eżaminati ż-żewġ ipoteżijiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju b’mod prinċipali u mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza. |
|
30 |
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ipoteżi li tikkonsisti fit-trasferiment tal-kuntratt ta’ xogħol biss liċ-ċessjonarju li miegħu l-ħaddiem jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu b’mod prinċipali, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 tippermetti li tiġi żgurata s-salvagwardja tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol fir-rigward ta’ dan iċ-ċessjonarju u, għalhekk, tissalvagwardja l-interessi tal-ħaddiem. |
|
31 |
Madankollu, din l-ipoteżi twassal sabiex l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 jiġi interpretat mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi taċ-ċessjonarju, peress li jiġu ttrasferiti lil dan tal-aħħar id-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol full-time, filwaqt li l-ħaddiem ikkonċernat jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu miegħu biss fuq bażi part-time. |
|
32 |
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ipoteżi li tikkonsisti fit-trasferiment lil kull wieħed miċ-ċessjonarji tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol konkluż maċ-ċedent, pro rata mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li, konformement mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2001/23, din tal-aħħar għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt nazzjonali f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ xogħol. Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina l-modalitajiet ta’ tqassim eventwali tal-kuntratt ta’ xogħol. F’dan ir-rigward, din tal-aħħar tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ekonomiku tal-lottijiet li għalihom il-ħaddiem huwa assenjat, hekk kif tissuġġerixxi ISS, jew iż-żmien li huwa jiddedika effettivament għal kull lott, hekk kif tipproponi l-Kummissjoni Ewropea. |
|
33 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn tali ipoteżi twassal sabiex kuntratt ta’ xogħol full-time jinqasam f’diversi kuntratti ta’ xogħol part-time, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2001/23, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ xogħol biss minħabba n-numru ta’ sigħat ta’ xogħol imwettqa jew li għandhom jitwettqu. Għalhekk, tali qsim ma jistax jiġi eskluż minħabba s-sempliċi fatt li dan jimplika t-trasferiment lil wieħed miċ-ċessjonarji ta’ kuntratt ta’ xogħol li jirrigwarda numru żgħir ta’ sigħat ta’ xogħol. |
|
34 |
Barra minn hekk, tali trasferiment tad-drittijiet u tal-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol lil kull wieħed miċ-ċessjonarji, pro rata mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem, jippermetti, bħala prinċipju, li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn is-salvagwardja tal-interessi tal-ħaddiema u s-salvagwardja ta’ dawk taċ-ċessjonarji, sa fejn id-drittijiet tal-ħaddiem li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jiġu ssalvagwardjati, filwaqt li ma jiġux imposti fir-rigward taċ-ċessjonarji obbligi ikbar minn dawk li jimplika, fir-rigward tagħhom, it-trasferiment ta’ impriża kkonċernata. |
|
35 |
Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-implikazzjonijiet prattiċi ta’ dan il-qsim tal-kuntratt ta’ xogħol fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2001/23, imfakkra fil-punti 25 u 26 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, din id-direttiva ma tistax tiġi invokata sabiex imorru għall-agħar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiem ikkonċernat minn trasferiment ta’ impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 1996, Merckx u Neuhuys, C‑171/94 u C‑172/94, EU:C:1996:87, punt 38, kif ukoll tas‑6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punti 81 u 82). |
|
36 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, għalkemm it-trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu raġuni għal tkeċċija miċ-ċedent jew miċ-ċessjonarju, ħlief fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1), din id-dispożizzjoni madankollu ma tipprekludix tkeċċijiet li jistgħu jseħħu għal raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew ta’ organizzazzjoni li jinvolvu bidliet f’dak li jirrigwarda l-impjieg. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(2) jippreċiża li, jekk il-kuntratt ta’ xogħol jiġi xolt minħabba l-fatt li t-trasferiment jinvolvi bidla sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għad-detriment tal-ħaddiem, il-persuna li timpjega għandha titqies bħala responsabbli għal dan ix-xoljiment. |
|
37 |
Għalhekk, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 79 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-qsim tal-kuntratt ta’ xogħol jirriżulta impossibbli jew iwassal sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol u d-drittijiet tal-ħaddiem iggarantiti mid-Direttiva 2001/23 imorru għall-agħar, dan il-kuntratt jista’ jiġi xolt, u ċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom, skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2001/23, jitqiesu bħala responsabbli għax-xoljiment, anki meta dan ix-xoljiment ikun seħħ fuq l-inizjattiva tal-ħaddiem. |
|
38 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, fil-preżenza ta’ trasferiment ta’ impriża li jinvolvi diversi ċessjonarji, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/23 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol huma ttrasferiti lil kull wieħed miċ-ċessjonarji, pro rata mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem ikkonċernat, bil-kundizzjoni li l-qsim tal-kuntratt ta’ xogħol li jirriżulta minnu jkun possibbli jew ma jwassalx sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol imorru għall-agħar u lanqas ma jippreġudika s-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema ggarantita minn din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ li tali qsim jirriżulta impossibbli li jitwettaq jew jippreġudika d-drittijiet tal-imsemmi ħaddiem, iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, jitqiesu bħala responsabbli għall-eventwali tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol li jirriżulta, anki jekk dan it-tmiem ikun seħħ fuq l-inizjattiva tal-ħaddiem. |
Fuq l-ispejjeż
|
39 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
Fil-preżenza ta’ trasferiment ta’ impriża li jinvolvi diversi ċessjonarji, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat‑12 ta’ Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta’ l-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn kuntratt ta’ xogħol huma ttrasferiti lil kull wieħed miċ-ċessjonarji, pro rata mal-funzjonijiet eżerċitati mill-ħaddiem ikkonċernat, bil-kundizzjoni li l-qsim tal-kuntratt ta’ xogħol li jirriżulta minnu jkun possibbli jew ma jwassalx sabiex il-kundizzjonijiet tax-xogħol imorru għall-agħar u lanqas ma jippreġudika s-salvagwardja tad-drittijiet tal-ħaddiema ggarantita minn din id-direttiva, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju. Fil-każ li tali qsim jirriżulta impossibbli li jitwettaq jew jippreġudika d-drittijiet tal-imsemmi ħaddiem, iċ-ċessjonarju jew iċ-ċessjonarji għandhom, skont l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, jitqiesu bħala responsabbli għall-eventwali tmiem tar-relazzjoni ta’ xogħol li jirriżulta, anki jekk dan it-tmiem ikun seħħ fuq l-inizjattiva tal-ħaddiem. |
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.