|
29.4.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 110/15 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/667
tal-4 ta' Frar 2015
dwar Għajnuna mill-Istat SA.14551 (2013/C) implimentata minn Franza li tirriżulta mill-bidla fil-kundizzjonijiet għal għajnuna mogħtija lill-nolleġġaturi għal żmien skont l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ
(notifikata bid-dokument numru C(2015) 434)
(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b'mod partikulari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk l-artikoli (1), u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,
Filwaqt:
1. PROĊEDURA
|
(1) |
Permezz ta' ittra datata s-6 ta' Novembru 2013, il-Kummissjoni infurmat lil Franza dwar id-deċiżjoni tagħha li tniedi l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar l-għajnuna mogħtija lil nolleġġaturi għal żmien skont l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi l-proċedura (id-“deċiżjoni ta' ftuħ”) kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). Il-Kummissjoni sejħet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-għajnuna inkwistjoni. |
|
(2) |
L-awtoritajiet Franċiżi bagħtu l-kummenti tagħhom u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet impoġġija fid-deċiżjoni ta' ftuħ permezz ta' ittri datati t-28 ta' April, l-14 ta' Mejju u t-28 ta' Novembru 2014. Fl-20 ta' Ottubru 2014 saret laqgħa fi Brussell mal-awtoritajiet Franċiżi. |
|
(3) |
Il-partijiet terzi (Armateurs de France u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta' Bastimenti tal-Komunità Ewropea, ECSA) issottomettew kummenti fil-limitu tal-iskadenzi previsti fid-deċiżjoni tal-ftuħ. Permezz ta' ittra datata l-20 ta' Marzu 2014, il-Kummissjoni bagħtet dawn il-kummenti lill-awtoritajiet Franċiżi. Permezz ta' ittra datata t-28 ta' April 2014, Franza ħadet nota tal-kummenti tal-partijiet terzi. |
2. FATTI
|
(4) |
L-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ, hekk kif awtorizzata mill-Kummissjoni fl-2003 abbażi tal-linji gwida tal-1997 tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għat-trasport marittimu (il-“Linji Gwida tal-1997”) (3), ma mponietx xi kundizzjoni ġenerali li tirrelata mal-bandiera ta' bastimenti fil-flotta mħaddma mis-sidien tagħhom li jibbenefikaw mill-iskema. |
|
(5) |
Madankollu, taħt l-iskema l-eliġibbiltà għal attivitajiet ta' bastimenti nolleġġati għal żmien (4) kienet soġġetta għal limitazzjoni speċifika fir-rigward tal-perċentwal ta' tunnellaġġ nett tal-flotta li hija magħmula minn bastimenti bi bnadar mhux tal-Komunità. Skont il-premessa 35 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2003) 1476fin tat-13 ta' Mejju 2003 li tawtorizza l-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ (5), l-attivitajiet ta' bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kienu eliġibbli biss għal 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta mħaddma mill-kumpanija. Barra minn hekk, il-premessa 36 ta' dik id-Deċiżjoni stabbiliet li l-limitu ma japplikax għal bastimenti li jtajru l-bandiera ta' Membru Stat fejn il-ġestjoni strateġika u kummerċjali tagħhom kienet meħtieġa tiġi eżegwita mit-territorju tal-Istat Membru. |
|
(6) |
Skont l-adozzjoni tal-linji gwida tal-Komunità tal-2004 dwar għajnuna mill-Istat lil trasport marittimu (il-“Linji Gwida tal-2004”) (6), mill-Att tal-Finanzi (Emenda) għall-2005 (Liġi Nru 2005-1720 tat-30 ta' Diċembru 2005), Franza introduċiet regola ġenerali dwar il-bandiera mtajra u abolixxiet ir-regola speċifika li kienet tapplika għall-bastimenti nolleġġati għal żmien. |
|
(7) |
Id-direzzjoni ġenerali tal-miżura hija deskritta kif ġej fl-istruzzjoni amministrattiva 4-H-3-08, ippubblikata fil-Bulletin officiel des impôts (BOI) Nru 41 tal-11 ta' April 2008: “L-Artikolu 47 tal-Att tal-Finanzi (Emenda) għall-2005 (Liġi Nru 2005-1720 tat-30 ta' Diċembru 2005) ġab l-iskema volontarja ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ stabbilita fl-Artikolu 209-0 B tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa (code général des impôts) f'konformità mal-linji gwida ġodda tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat għal trasport marittimu ppublikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-17 ta' Jannar 2004. Eliġibbiltà skont l-iskema hija kondizzjonali bħalissa fuq il-kumpaniji tat-tbaħħir li għażlu li jidħlu fl-iskema b'impenn li jżommu jew iżidu s-sehem tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Membru Stat tal-Komunità Ewropea tul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-iskema … ” |
|
(8) |
Fir-rigward tal-eliġibbiltà ta' bastimenti nolleġġati għal żmien, istruzzjoni amministrattiva 4-H-3-08 tistipula li: “… il-kundizzjoni fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 209-0 B(I) [tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa] li teskludi mill-eliġibbiltà skont l-iskema lill-bastimenti nolleġġati għal żmien li jtajru bandiera ta' Stat li mhuwiex membru tal-Komunità Ewropea jekk ikunu jikkostitwixxu iktar minn 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta kkonċernata hija mħassra.” (7) “Bastimenti merkantili nolleġġati għal żmien li jtajru bandiera ta' Stat li mhuwiex membru tal-Komunità Ewropea huma għaldaqstant eliġibbli għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ, anki jekk jikkostitwixxu iktar minn 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta mħaddma mill-kumpanija. Fi kliem ieħor, bastimenti nolleġġati għal żmien eliġibbli li jtajru l-bandiera ta' Stat li mhuwiex membru tal-Komunità Ewropea jikkwalifikaw għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ mingħajr restrizzjoni, ġaladarba l-impenn stabbilit hawn fuq jkun rispettat …” (8) |
3. RAĠUNIJIET GĦAT-TNEDIJA TA' PROĊEDURA FORMALI TA' INVESTIGAZZJONI
|
(9) |
Fid-deċiżjoni ta' ftuħ, il-Kummissjoni ddubitat jekk il-bidla fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ introdotta fl-2005 kinitx kompatibbli mas-suq intern. |
|
(10) |
Il-Kummissjoni kkunsidrat li t-tneħħija tal-limitu fuq l-eliġibbiltà ta' attivitajiet imwettqa minn bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Stat Membru kienet miżura li introduċiet għajnuna ġdida, peress li ma kinitx konformi mad-Deċiżjoni C(2003) 1476fin li tawtorizza l-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ u Franza ma kinitx innotifikat lill-Kummissjoni. |
|
(11) |
Il-Kummissjoni waslet għall-fehma li l-kontinwazzjoni tal-applikazzjoni tal-limitu fuq l-eliġibbiltà ta' attivitajiet imwettqa minn bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Stat Membru kienet iġġustifikata f'termini tal-kisba tal-objettivi tal-Linji Gwida tal-Komunità tal-1997 u l-2004. |
4. KUMMENTI U IMPENJI MINN FRANZA
|
(12) |
L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi kkonfermaw li kif inhu mpoġġi l-kliem tal-Artikolu 209-0 B tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa li jirriżulta mill-Artikolu 19 tal-Att ta' Finanzi (Emenda) għall-2002 (Liġi Nru 2002-1576 tat-30 ta' Diċembru 2002) jagħmel l-applikazzjoni tal-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ kundizzjonali mal-għola limitu ta' eliġibbiltà ta' 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta mħaddma mill-kumpanija għall-bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Membru Stat tal-Komunità Ewropea (9). Dan is-sehem kien approvat mill-Kummissjoni fil-premessa 35 tad-Deċiżjoni C(2003) 1476fin (10). |
|
(13) |
L-informazzjoni dettaljata miġbura mid-Direttorat Franċiż għal-Liġi tat-Taxxa tikkonferma li l-perċentwal ta' bastiment nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-Komunità mqabbel mat-tunnellaġġ totali mħaddem mill-kumpanija huwa rispettat minn kull kumpanija u għal kull sena minn meta l-kumpanija għażlet li tidħol fl-iskema. Il-kumpaniji msemmija fit-tabelli sommarji mibgħuta lill-Kummissjoni jirrappreżentaw mhux biss il-kumpaniji membri tal-assoċjazzjoni Armateurs de France li għażlu li jidħlu fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ (11), iżda wkoll il-bastimenti tal-kumpaniji tat-tbaħħir li jħaddmu servizzi pubbliċi ta' traġitt (12). Il-15 % li jifdal huma ta' kumpaniji li għażlu ma jidħlux fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ u li mhumiex membri ta' xi grupp ta' sidien tal-bastimenti (prinċiparjament SNCM u CMN). L-informazzjoni pprovduta turi li, mill-introduzzjoni tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ fl-2003 sal-2014, l-ebda benefiċjarju ma eċċeda l-limitu inkwistjoni. L-ogħla sehem irreġistrat riċentement kien ta' 41 %, li huwa taħt il-limitu sew awtorizzat fl-2003. |
|
(14) |
Is-sehem ta' ebda mill-kumpaniji inkwistjoni ma qabeż il-limitu ta' 75 % tul is-sena koperta mill-konferma għad-dħul fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. |
|
(15) |
Barra minn hekk, il-benefiċjarji kollha bħalissa jħaddmu mill-inqas 25 % tat-tunnellaġġ nett taħt il-bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni jew ta' Stat li huwa parti għall-Ftehim ŻEE (minn hawn 'il quddiem: “Bandiera Ewropea”). Peress li l-benefiċjarji tal-iskema huma obbligati li jżommu jew iżidu s-sehem tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera Ewropea, mhuwiex permess għal iktar minn 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta tagħhom li jkun magħmul minn bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera Ewropea. Għaldaqstant, huma dejjem se jkollhom jirrispettaw il-kundizzjoni tad-Deċiżjoni C(2003) 1476fin. |
|
(16) |
Madankollu, fil-komunikazzjonijiet tagħhom mal-Kummissjoni, l-awtoritajiet Franċiżi għarfu li l-leġiżlazzjoni Franċiża kif inhi ma tistabbilixxi ebda obbligi legali li jiżguraw li l-kumpaniji benefiċjarji li jħaddmu bastimenti nolleġġati għal żmien dejjem se jikkontribwixxu biżżejjed għall-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004. B'mod partikulari, għal parteċipanti ġodda, mhemm ebda obbligi speċjali għall-flotta, f'termini kemm ta' bandiera kif ukoll tal-attivitajiet minimi ta' tbaħħir tagħhom. |
|
(17) |
Biex jirrimedjaw din is-sitwazzjoni, l-awtoritajiet Franċiżi kkomettew irwieħhom li, b'effett mis-sena fiskali 2015 (13), l-għażla ta' dħul fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ tapplika biss b'kundizzjoni li l-kumpanija tħaddem mill-inqas 25 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta tagħha b'bandiera Ewropea, u li tidħol għall-impenn li żżomm jew iżżid dan is-sehem tul l-għaxar snin li l-għażla tibqa' valida. Fil-każ ta' grupp fiskali integrat, dan l-impenn jiġi vvalutat b'referenza għat-tunnellaġġ nett totali tal-kumpaniji kollha fil-grupp fiskali. |
5. KUMMENTI MINN PARTIJIET TERZI
5.1. Kummenti minn Armateurs de France
|
(18) |
Armateurs de France (AdF) hija l-assoċjazzjoni ta' kummerċ li tirrapreżenta kumpaniji tat-tbaħħir u ta' servizz marittimu. |
|
(19) |
AdF tiġbed l-attenzjoni li s-sistema oriġinali Franċiża notifikata minn Franza kienet approvata mill-Kummissjoni fl-2003 abbażi tal-Linji Gwida tal-1997. |
|
(20) |
L-iskema Franċiża tal-2003 tipprovdi li l-attivitajiet involuti fihom bastimenti nolleġġati għal żmien li jtajru l-bandiera ta' pajjiż terz kienu eliġibbli biss għal 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta. Fi kliem ieħor, kien hemm qbil li l-perċentwal ta' bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-Komunità ma għandhomx jaqbżu s-75 % tat-tunnellaġġ totali mħaddem mill-kumpanija. |
|
(21) |
Fl-2004, wara li Franza nnotifikat l-iskema, il-Linji Gwida tal-1997 kienu mibdula u kkjarifikati. Il-Linji Gwida tal-2004 għandhom objettivi simili, partikularment “li jħeġġeġ ir-reġistrazzjoni jew ir-reġistrazzjoni mill-ġdid tal-bnadar mal-Istati Membri” u “li jinżamm u jitjieb l-għarfien marittimu u li jiġi protett u promoss l-impjieg għal baħħara Ewropej”. |
|
(22) |
Huwa b'dan l-għan li tikkonforma mal-linji gwida l-ġodda li Franza ddeċidiet li tissostitwixxi l-kriterju ġdid għal-limitu ta' 75 %. Il-kriterju ġdid, li jikkonsisti fil-“manteniment … jew iż-żieda tal-livell tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Membru Stat”, offra garanzija ikbar f'termini ta' manteniment u promozzjoni tal-impjiegi fil-Komunità mil-limitazzjoni applikabbli fuq bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-Komunità. |
|
(23) |
Peress li r-regoli Franċiżi sempliċiment jirrepetu l-kliem tal-Linji Gwida tal-2004, ma kien hemm għalhekk ebda suspett ta' inkompatibbiltà. Għaldaqstant, dan iqajjem il-prinċipji ta' ċertezza tad-dritt u aspettattiva leġittima. |
|
(24) |
Peress li l-investigazzjoni formali għadha għaddejja, il-membri ta' Armateurs de France iċċekkjaw jekk il-limitu ta' 75 % kienx rispettat mill-bidu nett u tul il-perjodu mill-2003. |
|
(25) |
Dan il-kontroll irrevela li l-perċentwal, sena wara sena u kumpanija ma' kumpanija, ta' bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-Komunità mqabbel mat-tunnellaġġ totali mħaddem ma jaqbiżx is-sehem inizjali ta' 75 % awtorizzat fl-2003, minkejja l-bidla fir-regoli Franċiżi. L-obbligazzjoni li tinżamm jew tiżdied il-flotta bi bnadar tal-Komunità fil-prattika wasslet għall-istess riżultat bħall-kriterju ta' qabel u għalhekk tista' titqies virtuża biżżejjed fiha nnifisha. |
|
(26) |
Il-kriterji Franċiżi kif jeżistu llum, partikularment dak ta' “manteniment jew … iż-żieda tal-livell tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Membru Stat”, huma kompletament konformi mal-objettivi stabbiliti fil-Linji Gwida tal-2004. |
5.2. Kummenti mill-Assoċjazzjoni tas-Sidien ta' Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA)
|
(27) |
L-ewwel, l-ECSA temfasizza li n-nolleġġ għal żmien huwa wieħed mill-mekkaniżmi l-iktar importanti għad-dispożizzjoni tal-kumpaniji ta' tbaħħir. Il-ġestjoni kummerċjali u operazzjonali tal-bastiment huwa assenjat lin-nolleġġatur għal perjodu miftiehem ta' żmien, filwaqt li s-sjieda u l-ġestjoni li jifdal tal-bastiment tibqa' f'idejn sid il-bastiment. Dan jipprovdi lil kumpaniji tat-tbaħħir bi grad ta' flessibbiltà biex jakkomodaw il-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom bl-aħjar mod u b'hekk biex jiżguraw posthom globalment. Il-flessibbiltà maħluqa bin-nolleġġ ippermetta lil kumpaniji tat-tbaħħir Ewropej biex jiksbu sehem mis-suq pjuttost b'pass mgħaġġel. |
|
(28) |
L-iktar fattur importanti fis-settur tat-tbaħħir huwa l-impjieg direttament fuq l-art assoċjat mal-ġestjoni kummerċjali u operazzjoni ta' bastimenti, u indirettament, li jinżammu u jinġibdu kumpaniji ta' tbaħħir. Tul dawn l-aħħar deċennji, sidien ta' bastimenti Ewropej għandhom rekord ippruvat ta' ħiliet ġestjonali u operazzjonali eċċellenti. Impjieg u kompetenzi ta' livell għoli kienu għalhekk żviluppati u miżmuma f'kumpaniji Ewropej permezz tat-tunnellaġġ nolleġġat, irrispettivament mill-bandiera. |
|
(29) |
L-ECSA hija tal-fehma li l-bidliet li Franza għamlet għar-reġim tagħha ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ fl-2005 laħqu l-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004. L-insistenza fuq l-introduzzjoni formali mill-ġdid tar-restrizzjoni fuq bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-UE ċċaħħad kumpaniji tat-tbaħħir Ewropej mill-flessibbiltà meħtieġa biex jilqgħu l-bżonnijiet tal-klijenti tagħhom adegwatament u bl-aħjar mod u jiżguraw posthom fis-suq globali. |
|
(30) |
Madankollu, kieku l-Kummissjoni kellha tinsisti li l-kumpaniji tat-tbaħħir jkunu sidien u operaturi ta' ċertu perċentwal ta' bastimenti merkantili sabiex jikkwalifikaw għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ, l-ECSA temmen li l-Kummissjoni missha tippermetti li jħaddmu t-tunnellaġġ nolleġġat sa 10 dwt (14) għal kull dwt li għandhom jew tunnellaġġ nolleġġat bla ekwipaġġ skont l-iskemi ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. L-applikazzjoni tal-proporzjoni t'hawn fuq ma tridx tkun soġġetta għal kriterji bħar-reġistru tal-Komunità. |
|
(31) |
B'konklużjoni, il-linji gwida tal-Komunità għandhom jibqgħu qafas flessibbli. Għandhom jippermettu lil Stati Membri jaddottaw miżuri xierqa fl-appoġġ tal-flotta tagħhom skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, ġaladarba l-kontribuzzjoni għall-objettivi tal-Linji Gwida hija żgurata. L-ECSA temmen li l-kumpaniji tat-tbaħħir Ewropej li jħaddmu bastimenti abbażi ta' nolleġġ jilħqu dawn l-objettivi sew, sew jekk il-bastimenti jtajru bandiera ta' Stat Membru u sew jekk le. |
6. KUMMENTI MINN FRANZA DWAR IL-KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
|
(32) |
Permezz ta' ittra datata t-28 ta' April 2014, Franza ħadet nota tal-kummenti tal-partijiet terzi. |
7. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI
7.1. Eżistenza ta' għajnuna skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE
|
(33) |
Deċiżjoni C(2003) 1476fin tqis l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ bħala skema ta' għajnuna. |
|
(34) |
Ir-raġunijiet li wasslu l-Kummissjoni biex tikkonkludi li l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ tikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont it-tifsira ta' Artikolu 107(1) TFUE għadhom validi. Partikularment, l-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ hija skema volontarja li tidderoga mir-regoli applikabbli dwar il-kalkoli ta' taxxa korporattiva billi tagħti lil ċerti kumpaniji — kumpaniji tat-tbaħħir — il-vantaġġ ekonomiku marbut ma' bażi mnaqqsa ta' taxxa, li bħala regola jirriżulta f'tassazzjoni iktar baxxa tad-dħul tagħhom. Kumpaniji tat-tbaħħir iwettqu l-attivitajiet tagħhom fi swieq soġġetti għal kompetizzjoni internazzjonali tremenda, għaldaqstant il-vantaġġi marbuta ma' taxxa fuq it-tunnellaġġ x'aktarx iwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u jaffettwaw in-negozju bejn l-Istati li huma parti mill-Ftehim ŻEE. |
|
(35) |
It-tneħħija tal-limitazzjoni li tikkonċerna l-eliġibbiltà tal-attivitajiet imwettqa fuq bastimenti nolleġġati għal żmien u b'bandiera mhux tal-UE hija miżura li tintroduċi għajnuna ġdida implimentata mingħajr notifika lill-Kummissjoni minn qabel, li tmur kuntrarju għall-Artikolu 108(3) TFUE. Hija għajnuna ġdida minħabba li ma tikkonformax mad-Deċiżjoni C(2003) 1476fin li tawtorizza l-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ u Franza ma nnotifikathiex lill-Kummissjoni. Għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tal-AdF (15), it-tneħħija ta' din il-limitazzjoni ma tistax titqies bħala miżura xierqa li temenda l-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ biex tikkonforma mal-Linji Gwida tal-2004 (16), minħabba li t-tneħħija mhijiex kompatibbli mal-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004, kif spjegat fis-sezzjoni 7.2 ta' din id-Deċiżjoni. Għaldaqstant, it-tneħħija tal-limitazzjoni li tirrigwarda l-eliġibbiltà ta' attivitajiet imwettqa f'bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-UE ma tistax tkun parti mill-għajnuna eżistenti skont it-tifsira tal-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004 (17). |
7.2. Kompatibbiltà mas-suq intern skont Artiklu 107(3) TFUE
|
(36) |
Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(c) TFUE fil-qasam tat-trasport marittimu ġew ikkjarifikati fil-Linji Gwida tal-2004. Il-kompatibbiltà tal-miżura li hija s-suġġett ta' din id-Deċiżjoni trid tkun għaldaqstant ivvalutata abbażi tal-Linji Gwida tal-2004. |
|
(37) |
Il-Linji Gwida tal-2004, bħal-Linji Gwida tal-1997, ma jippermettux għal restrizzjoni espliċita fuq l-inklużjoni ta' bastimenti nolleġġati fl-iskemi ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. Minkejja dan, f'deċiżjonijiet preċedenti (18), il-Kummissjoni xorta kkunsidrat li nolleġġaturi li jikkwalifikaw għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ iridu jikkontribwixxu għall-objettiv ta' reġistrazzjoni tal-bnadar mal-Istati Membri jew għall-objettiv li jinżamm u jitjieb l-għarfien marittimu permezz tal-ġestjoni nawtika ta' ċertu perċentwal tal-flotta tagħhom. Ebda kumpanija ma tista' tibbenifika mill-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ mingħajr ma tikkontribwixxi għall-objettivi prinċipali tal-Linji Gwida tal-2004. |
|
(38) |
Fid-dawl ta' informazzjoni statistika pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, il-Kummissjoni tinnota li, minkejja l-fatt li l-limitazzjonijiet applikabbli għal bastimenti nolleġġati għal żmien kienu mneħħija fl-2005, il-benefiċjarji tal-iskema Franċiża tat-taxxa fuq it-tunnellaġġ ikkontribwixxew biżżejjed lill-objettivi imsemmija hawn fuq minħabba li l-perċentwal ta' bastimenti nolleġġati għal żmien b'bandiera mhux tal-Komunità ma jaqbiżx il-41 % tat-tunnellaġġ totali mħaddem mill-kumpanija benefiċjarji. Dar-riżultat inkiseb jew b'rata għolja ta' bastimenti bi bnadar tal-UE/ŻEE, jew bil-ġestjoni nawtika ta' ċertu perċentwal tal-flotta (jew taħlita tat-tnejn). |
|
(39) |
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li, skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-benefiċjarji attwali jħaddmu għallinqas 25 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta tagħhom taħt bandiera Ewropea. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-prestazzjoni tajba tas-setturi tat-tbaħħir Franċiż f'termini tal-użu ta' bnadar Ewropej huwa kkonfermat ukoll minn studji esterni, pereżempju l-istudju ppubblikat mill-Oxford Economics fl-2014, The economic value of the EU shipping industry (Il-valur ekonomiku tal-industrija tat-tbaħħir tal-UE). Skont dan l-istudju, il-perċentwal ta' tunnellaġġ taħt il-bandiera Franċiża huwa ħafna għola minn 25 % tat-tunnellaġġ imħaddem (19).Peress li l-benefiċjarji tal-iskema huma obbligati li jżommu jew iżidu l-livell tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera Ewropea, mhuwiex possibbli għal iktar minn 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta tagħhom li jkun magħmul minn bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera Ewropea. |
|
(40) |
Madankollu, il-Kummissjoni trid tiġbed l-attenzjoni li l-leġiżlazzjoni Franċiża kif inhi ma tistabbilixxi ebda obbligi legali li jiżguraw li l-kumpaniji benefiċjarji li jħaddmu bastimenti nolleġġati għal żmien dejjem se jikkontribwixxu biżżejjed għall-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004. B'mod partikulari, mhemmx ebda obbligi speċifiċi fil-flotta għal parteċipanti ġodda, f'termini jew tal-bandiera jew tal-ġestjoni nawtika minima tagħhom stess. |
|
(41) |
Abbażi ta' dan, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni Franċiża kif inhi ma fihiex il-garanziji neċessarji u għaldaqstant ma tistax titqies kompatibbli mal-Linji Gwida tal-2004. |
|
(42) |
F'dal-kuntest, il-Kummissjoni tinnota li l-impenn ta' Franza li tirrimedja s-sitwazzjoni permezz tal-introduzzjoni bħala kundizzjoni għall-kumpanija li tkun tħaddem perċentwal minimu ta' bastimenti taħt bandiera Ewropea biex tkun tista' tagħżel li tidħol fl-iskema ta' taxxa b'rata fissa Dal-perċentwal se jiġi stabbilit għal 25 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta mis-sena fiskali 2015 u trid tiġi rispettata tul l-għaxar snin koperti mill-għażla għat-taxxa fuq it-tunnellaġġ. |
|
(43) |
Din il-kundizzjoni hija stretta daqs il-kundizzjoni stabbilita fid-deċiżjoni inizjali C(2003) 1476 li tawtorizza l-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. Peress li l-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004, b'mod partikulari l-ħtieġa li l-benefiċjarji jikkontribwixxu għall-objettiv ta' reġistrazzjoni tal-bnadar mal-Istati Membri jew għall-objettiv li jinżamm u jitjieb l-għarfien marittimu permezz tal-ġestjoni nawtika ta' ċertu perċentwal tal-flotta tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-impenn ta' Franza huwa biżżejjed. Permezz ta' dan l-impenn, parteċipanti ġodda għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ jikkontribwixxu wkoll għall-objettiv ta' reġistrazzjoni tal-bnadar mal-Istati Membri. |
7.3. Konklużjoni
|
(44) |
Il-Kummissjoni jirriżultalha li fl-2005, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, Franza b'mod mhux legali implimentat l-emenda għal-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa fuq it-tunnellaġġ fir-rigward ta' bastimenti nolleġġati għal żmien. |
|
(45) |
Din l-emenda mhijiex kompatibbli mat-TFUE peress li ma tiżgurax li l-parteċipanti ġodda għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ jikkontribwixxu biżżejjed għall-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004 minħabba li ma għandhom ebda obbligu legali f'termini ta' reġistrazzjoni tal-bnadar tal-flotta jew f'termini tal-attivitajiet minimi tat-tbaħħir tagħhom stess. |
|
(46) |
Kif miftiehem mal-awtoritajiet Franċiżi, ir-regoli formali eżistenti jridu jiġu aġġustati biex jiġi żgurat li, fil-ġejjieni, kumpaniji b'mill-inqas 25 % tat-tunnellaġġ tagħhom itajjar bandiera Ewropea biss ikunu jistgħu jidħlu fl-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ. Il-benefiċjarji tal-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ għaldaqstant se jikkontribwixxu għall-objettivi tal-Linji Gwida tal-2004, minkejja li l-flotta sħiħa tagħhom hija nolleġġata għal żmien. |
|
(47) |
Peress li l-benefiċjarji attwali diġà huma konformi mal-limiti msemmija hawn fuq u diġà għandhom l-obbligu li jżommu jew iżidu l-perċentwal tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Ewropea, mhemm ebda ħtieġa li tiġi rkuprata l-għajnuna, |
ADDOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-emenda għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ implimentat b'mod mhux legali minn Franza fl-2005, bi ksur tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, mhijiex kompatibbli mas-suq intern fir-rigward tar-regoli applikabbli għal bastimenti nolleġġati għal żmien.
Artikolu 2
Franza se temenda l-leġiżlazzjoni applikabbli għall-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ b'effett mis-sena fiskali 2015 skont l-impenn li tat, fejn il-benefiċjarji tal-iskema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ, hekk kif jidħlu fl-iskema, irid ikollhom mill-inqas 25 % tal-flotta tagħhom taħt bandiera ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat li huwa parti mill-Ftehim ŻEE, u sussegwentement iżommu jew iżidu dal-proporzjon.
Artikolu 3
Franza se tinforma lill-Kummissjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi leġiżlattivi riferuti fl-Artikolu 2.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta' Frar 2015.
Għall-Kummissjoni
Margrethe VESTAGER
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU C 380, 28.12.2013, p. 29.
(2) Ara n-nota ta' qiegħ il-paġna 1.
(4) Nolleġġ għal żmien huwa kuntratt li skontu sid il-bastiment jipprovdi bastiment mgħammar u b'ekwipaġġ sħiħ lin-nolleġġatur għal perjodu ta' żmien speċifikat min-nolleġġ, għal ħlas. In-nolleġġatur jeżegwi l-ġestjoni kummerċjali tal-bastiment, filwaqt li s-sid jibqa' responsabbli għall-ġestjoni nawtika.
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2003 dwar l-għajnuna mill-Istat N 737/02 dwar l-iskema Franċiża li timponi ħlas fiss abbażi tat-tunnellaġġ għall-benefiċċju ta' kumpaniji tat-tbaħħir (ĠU C 38, 12.2.2004, p. 5).
(6) ĠU C 13, 17.1.2004, p. 3. Ara l-punt 3.1, is-seba' paragrafu.
(7) Nru 1, ir-raba' paragrafu, tal-istruzzjoni amministrattiva 4-H-3-08.
(8) Nru 22, it-tieni u t-tielet paragrafu, tal-istruzzjoni amministrattiva 4-H-3-08. “L-impenn stabbilit hawn fuq” huwa l-impenn tal-kumpaniji tat-tbaħħir li jżommu jew iżidu s-sehem tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Membru Stat tal-Komunità Ewropea tul il-perjodu ta' applikazzjoni tal-iskema.
(9) It-tielet paragrafu tal-Artikolu 209-0 B(I) tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa tispeċifika li “bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Stat Membru li mhuwiex membru tal-Komunità Ewropea jistgħu ma jikkwalifikawx jekk jikkostitwixxu iktar minn 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta operata mill-kumpanija”.
(10) Premessa 35 tad-Deċiżjoni C(2003) 1476fin: “Għaldaqstant, attivitajiet imwettqa minn bastimenti nolleġġati għal żmien li ma jtajrux bandiera ta' Stat Membru tal-Komunità Ewropea jistgħu jikkwalifikaw għall-iskema li timponi tassazzjoni b'rata fissa abbażi tat-tunnellaġġ biss jekk jikkostitwixxu massimu ta' 75 % tat-tunnellaġġ nett tal-flotta mħaddma mill-kumpanija”.
(11) Membri tal-assoċjazzjoni Armateurs de France jikkostitwixxu 80 % tat-tunnellaġġ imħaddem minn sidien Franċiżi tal-bastimenti.
(12) Dawn tal-aħħar jikkostitwixxu 5 % tat-tunnellaġġ totali tas-sidien Franċiżi tal-bastimenti.
(13) L-iskema Franċiża ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ stabbilita mill-Artikolu 209-0 B tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa ġiet emendata mill-Artikolu 75 tat-Tieni Att ta' Finanzi (Emenda) għall-2014 (Liġi Nru 2014-1655 tad-29 ta' Diċembru 2014). Il-kundizzjoni l-ġdida se tapplika għal kumpaniji li jeżerċitaw l-għażla fir-rigward ta' sena fiskali li tagħlaq wara s-27 ta' Novembru 2014.
(14) Tunnellaġġ piż mejjet.
(15) Ara l-premessi (21) sa (23) ta' din id-Deċiżjoni.
(16) Ara l-punt 13 tal-Linji Gwida tal-2004.
(17) Għall-kuntrarju tal-kriterju ta' “manteniment jew … iż-żieda tal-livell tal-flotta tagħhom li ttajjar bandiera ta' Stat Membru”, li kien implimentat biex jikkonforma mal-Linji Gwida tal-2004.
(18) Ara, pereżempju, id-deċiżjoni inizjali C(2003) 1476fin u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/626/CE tal-25 ta' Frar 2009 fuq l-Iskema ta' Għajnuna C 2/08 (ex N 572/07) fuq l-emenda għas-sistema ta' taxxa fuq it-tunnellaġġ marittimu li l-Irlanda qed tippjana li timplimenta (ĠU L 228, 1.9.2009, p. 20). Ara wkoll id-deċiżjoni tal-ftuħ, il-premessi 24 sa 26.
(19) Ara, pereżempju, il-Figuri 2.3d u 2.4b fl-istudju (http://www.oxfordeconomics.com/my-oxford/projects/272456).