13.2.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 43/11


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/319

tad-9 ta’ Frar 2023

li taċċetta talba sottomessa mir-Repubblika Taljana skont id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(b), tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 għal ħmistax-il vettura V250 Italia/ETR700

(notifikata bid-dokument C(2023) 875)

(It-test bit-Taljan biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7(4) tagħha,

Billi:

(1)

Fid-29 ta’ Ġunju 2022, l-Italja ssottomettiet talba lill-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ applikazzjoni temporanju tal-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(b), tal-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 (2), li jirrikjedi l-installazzjoni tal-Linja Bażi 3 tas-Sistema Ewropea ta’ Kontroll tal-Ferroviji (ETCS) wara l-1 ta’ Lulju 2023 għat-tipi ta’ vetturi awtorizzati qabel l-1 ta’ Jannar 2019. Din it-talba ġiet sottomessa abbażi tal-Artikolu 7(1), il-punt (c), tad-Direttiva (UE) 2016/797, li jipprevedi l-possibbiltà ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni minħabba r-riskju li tiġi kompromessa l-vijabbiltà ekonomika tal-proġett. It-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni temporanju tikkonċerna ħmistax-il vettura ġdida V250 Italia/ETR700 bin-numri ta’ identifikazzjoni 4810, 4804, 4814, 4815, 4881, 4812, 4813, 4811, 4806, 4883, 4816, 4809, 4802, 4801, u 4807, fornuti minn AnsaldoBreda S.p.A. Dawk il-ħmistax-il vettura huma parti minn flotta ta’ sbatax-il vettura V250 Italia / ETR700 li huma proprjetà ta’ Trenitalia.

(2)

Il-punt 7.4.2.3 tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 jistabbilixxi fażi ta’ tranżizzjoni biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mil-Linja Bażi 2 tal-ECTS lejn il-Linja Bażi 3 tal-ECTS. Dan jippermetti l-installazzjoni tal-Linja Bażi 2 tal-ETCS sal-31 ta’ Diċembru 2020 fir-rigward ta’ vetturi inklużi fi proġetti jew kuntratti li bdew qabel id-data tal-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/919. Jekk tintuża l-alternattiva li jkun hemm dewmien fil-Linja Bażi 3, il-proġett għandu jiżgura l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti #2 jew #3, elenkati fit-Tabella A2 tal-Anness A tar-Regolament (UE) 2016/919, f’perjodu ta’ żmien li ma jaqbiżx l-1 ta’ Lulju 2023.

(3)

Il-ħmistax-il vettura V250 imsemmija fit-talba ġew ordnati fl-4 ta’ Awwissu 2017 (numru tal-kuntratt 3807) minn Trenitalia, bħala parti minn flotta ta’ sbatax-il vettura V250 li kellha titwassal bejn Mejju 2019 u tmiem l-2020, jiġifieri sad-data finali stabbilita fil-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(a) tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919. Fuq dawk il-ħmistax-il vettura ġiet installata l-Linja Bażi 2 tal-ETCS u ġew awtorizzati f’konformità ma’ awtorizzazzjoni tat-tip qabel il-31 ta’ Diċembru 2020.

(4)

Inizjalment, il-migrazzjoni tal-flotta mil-Linja Bażi 2 għal-Linja Bażi 3 kienet skedata għal nofs l-2023, f’konformità mal-manutenzjoni u l-operat regolari tal-vetturi fil-flotta. Madankollu, il-pandemija tal-COVID-19 kellha effett detrimentali fuq il-proċess ta’ manutenzjoni skedat tal-vetturi kkonċernati. Għaldaqstant, l-ippjanar tal-proċess ta’ manutenzjoni ta’ dawk il-vetturi kellu jiġi skedat mill-ġdid għal wara l-1 ta’ Lulju 2023.

(5)

Jekk it-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(b), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 ma tiġix aċċettata, l-operatur ikun obbligat jinstalla l-Linja Bażi 3 tal-ETCS fil-ħmistax-il vettura, u b’hekk jirtirahom temporanjament mis-servizz għal perjodu itwal minn dak tal-manutenzjoni skedata normali. Dan ikollu impatt ekonomiku fuq l-introjtu nieqes minħabba l-inabbiltà li jiġi pprovdut is-servizz kummerċjali skedat u minħabba kostijiet ogħla ta’ operazzjoni ta’ titjib barra mill-attività ta’ manutenzjoni normali. Ikollu wkoll impatt soċjoekonomiku negattiv fuq il-klijenti ta’ Trenitalia minħabba t-tfixkil tas-servizz ikkawżat mill-attività ta’ manutenzjoni barra mill-iskeda ppjanata.

(6)

Il-manifattur tal-ħmistax-il vettura, AnsaldoBreda, u s-sid tagħhom, Trenitalia, impenjaw ruħhom għal pjan ta’ inġinerija u installazzjoni biex itejbu dawk il-vetturi u l-bqija tal-flotta li jifdal b’tagħmir abbord tal-Linja Bażi 3 l-ġdida tal-ETCS. Skont l-aħħar tbassir tal-ippjanar li pprovdew, l-aġġornament għal-Linja Bażi 3 tal-ETCS jenħtieġ li jitlesta sal-31 ta’ Diċembru 2025.

(7)

Id-dewmien fil-migrazzjoni mhux se jaffettwa l-interoperabbiltà, peress li l-vetturi diġà huma mgħammra bil-Linja Bażi 2 tal-ETCS. L-ETCS maġenb il-binarji hija stabbilita għal-Linja Bażi 2 u se temigra lejn il-Linja Bażi 3 b’mod gradwali sal-2026, skont il-pjan ta’ implimentazzjoni nazzjonali tal-ERTMS tal-Italja.

(8)

Minħabba dawk ir-raġunijiet, il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1), il-punt (c), u l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva (UE) 2016/797 jenħtieġ li jitqiesu bħala ssodisfati għall-ħmistax-il vettura kkonċernati. Għalhekk, jenħtieġ li t-talba sottomessa mill-Italja biex il-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(b), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 temporanjament ma jiġix applikat għal dawk il-vetturi u biex il-migrazzjoni mil-Linja Bażi 2 tal-ETCS għal-Linja Bażi 3 tiġi differita sal-31 ta’ Diċembru 2025, tiġi aċċettata.

(9)

L-Italja impenjat ruħha li tinforma lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar u l-progress fit-titjib tal-vetturi sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 51(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-talba għan-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-punt 7.4.2.3, il-paragrafu 3(b), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2016/919 sal-31 ta’ Diċembru 2025, sottomessa lill-Kummissjoni mir-Repubblika Taljana fid-29 ta’ Ġunju 2022, hija aċċettata għal ħmistax-il vettura V250 Italia/ETR700 bin-numri ta’ identifikazzjoni 4810, 4804, 4814, 4815, 4881, 4812, 4813, 4811, 4806, 4883, 4816, 4809, 4802, 4801, u 4807.

Artikolu 2

L-Italja għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar l-ippjanar u l-progress fl-aġġornament tal-vetturi sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-limiti ġeografiċi tan-network ferrovjarju Taljan.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Għandha tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2023.

Għall-Kummissjoni

Adina-Ioana VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/919 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar l-ispeċifikazzjoni teknika għall-interoperabbiltà relatata mas-subsistema tal-“kontroll-kmand u sinjalazzjoni” tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 158, 15.6.2016, p. 1).