KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit-12 ta’ Novembru 2020 ( 1 )
Kawża C‑515/19
Eutelsat SA
vs
Autorité de régulation des communications électroniques et des postes,
Inmarsat Ventures SE, li kienet Inmarsat Ventures Ltd,
fil-preżenza ta’
Viasat Inc.,
Viasat UK Ltd
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Deċiżjoni 2007/98/KE – Użu armonizzat tal-ispektrum tar-radju fil-meded ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz – Sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita – Deċiżjoni Nru 626/2008/KE – Għażla u awtorizzazzjoni – Artikolu 2(2) – Sistema mobbli permezz tas-satellita – Kunċett ta’ ‘stazzjon mobbli terrestri’ – Kunċett ta’ ‘komponenti terrestri ‘kumplimentari’ – Artikolu 4(1)(ċ)(ii) – Obbligu li tkopri tal-inqas 60 % tat-territorju tal-Unjoni – Artikolu 7(1) – Nuqqas ta’ osservanza – Konsegwenzi”
I. Introduzzjoni
|
1. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il‑Kunsill tal-Istat, Franza) tirrigwarda s-sistema “European Aviation Network” (Network tal-Avjazzjoni Ewropea, iktar ’il quddiem is‑“sistema NAE”) implimentata minn Inmarsat Ventures SE, li kienet Inmarsat Ventures Ltd, (iktar ’il quddiem “Inmarsat”), li hija intiża sabiex tipprovdi konnessjoni tal-internet lil ajruplani li jkunu qegħdin itiru fit‑territorju tal-Unjoni. |
|
2. |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat minn Eutelsat SA kontra deċiżjoni tal-Autorité de régulation des communications électroniques et des postes (l-Awtorità Regolatorja għall‑Komunikazzjonijiet Elettroniċi u Postali, iktar ’il quddiem l‑“ARKEP”) li tawtorizza lil Inmarsat tuża komponenti terrestri kumplimentari fil-qafas tas-sistema NAE. |
|
3. |
Din id-deċiżjoni tal-ARKEP issegwi d-Deċiżjoni 2009/449/KE ( 2 ) li permezz tagħha l-Kummissjoni għażlet lil Inmarsat u Solaris Mobile Limited bħala operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita awtorizzati jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, b’mod konformi mad-Deċiżjoni 2007/98/KE ( 3 ) u mad-Deċiżjoni Nru 626/2008/KE ( 4 ). |
|
4. |
Essenzjalment, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju huma intiżi sabiex jistabbilixxu jekk is-sistema NAE implimentata minn Inmarsat, u b’mod partikolari, il-komponent terrestri ta’ din is-sistema, huwiex konformi mal-kriterji stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
5. |
Jiena ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għal dawn id-domandi fl-affermattiv. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-Deċiżjoni 2007/98
|
6. |
L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2007/98/KE jistipula: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li jiġu armonizzati l-kundizzjonijiet għad-disponibbiltà u l-effiċjenza ta’ l-użu tal-medda ta’ frekwenzi 1980 ‑ 2010 MHz (mid-Dinja sal-ispazju) u 2170 – 2200 MHz (mill‑ispazju sad‑Dinja) għal sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli [f l‑Unjoni].” |
|
7. |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni, “sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli” huma s-sistemi li kapaċi jipprovdu servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju bejn stazzjon mobbli terrestri u stazzjon wieħed jew iktar spazjali, jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri permezz ta’ stazzjon spazjali wieħed jew iktar, jew bejn stazzjon mobbli terrestri u stazzjonijiet terrestri kumplimentari wieħed jew iktar użati f’postijiet fissi. |
|
8. |
L-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni jistipula: “1. L-Istati Membri għandhom jassenjaw u joffru sa mill-1 ta’ Lulju 2007 il-meded kollha ta’ frekwenzi 1980 – 2010 MHz and 2170 ‑ 2200 MHz għal sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli. […] 2. Kull stazzjon kumplimentari bbażat fuq l-art għandu jkun parti integrali minn sistema satellitari mobbli u għandu jkun ikkontrollat mis‑sistema tal-ġestjoni tar-riżorsi u tan-netwerk satellitari. Għandu juża l-istess direzzjoni ta’ trasmissjoni u l-istess partijiet tal-meded ta’ frekwenzi li jużaw komponenti satellitari assoċjati miegħu u ma għandux iżid ir-rekwiżit ta’ l-spektrum għas-sistemi satellitari mobbli assoċjati miegħu.” |
B. Id-Deċiżjoni Nru 626/2008
|
9. |
L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 huwa fformulat kif ġej: “L-għan ta’ din id-Deċiżjoni huwa li tiffaċilita l-iżvilupp ta’ suq intern kompetittiv għas-servizzi mobbli permezz tas-satellita (“servizzi MSS”) madwar [l-Unjoni] u li tiżgura kopertura gradwali fl-Istati Membri kollha. Din id-Deċiżjoni toħloq proċedura Komunitarja għall-għażla komuni ta’ l-operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita li jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz konformement mad-Deċiżjoni 2007/98/KE, inkluż l-ispektrum tar-radju minn 1980 sa 2010 MHz għandhom japplikaw mid-dinja għall-ispazju, u minn 2170 sa 2200 MHz għall‑komunikazzjoni mill-ispazju għad-dinja. Id-Deċiżjoni tistipula wkoll dispożizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni kkoordinata mill-Istati Membri ta’ l-operaturi magħżula sabiex jużaw l-ispektrum tar-radju allokat fi ħdan din il-medda għall-operazzjoni ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita.” |
|
10. |
L-Artikolu 2(2) ta’ din id-deċiżjoni jistipula: “Id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:
|
C. Id-Deċiżjoni 2009/449
|
11. |
Sabiex teżegwixxi d-Deċiżjoni Nru 626/2008, il-Kummissjoni għażlet, permezz tad-Deċiżjoni 2009/449, lil Inmarsat u Solaris Mobile Limited bħala operaturi ta’ sistemi mobbli permezz tas-satellita awtorizzati jużaw il-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz, skont id‑Deċiżjoni 2007/98. |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
|
12. |
Bid-Deċiżjoni Nru 2014‑1257 tal-21 ta’ Ottubru 2014, l-ARKEP awtorizzat lil Inmarsat sabiex tuża l-frekwenzi msemmija fid‑Deċiżjoni 2009/449 fi Franza metropolitana. |
|
13. |
Bid-Deċiżjoni Nru 2018‑0001 tat-22 ta’ Frar 2018, l-ARKEP tat lil Inmarsat l-awtorizzazzjoni li tuża komponenti terrestri kumplimentari ta’ sistema mobbli permezz tas-satellita. |
|
14. |
Huwa kontra din it-tieni deċiżjoni li Eutelsat ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Kunsill tal-Istat. Viasat Inc u Viasat UK Ltd (iktar ’il quddiem, flimkien, “Viasat”) intervjenew fil-kawża prinċipali insostenn ta’ dan ir-rikors. |
|
15. |
Mill-provi prodotti minn dik il-qorti jirriżulta li Inmarsat għandha l-ħsieb li tuża l-awtorizzazzjoni mogħtija permezz tad‑Deċiżjoni 2009/449 sabiex tiżviluppa s-sistema NAE. |
|
16. |
Is-sistema NAE tippermetti li jiġi żgurat servizz mobbli għal ajruplani permezz ta’ trażmissjonijiet bis-satellita, li jiġu rċevuti permezz ta’ terminal li jinsab fuq il-qafas tal-ajruplani, u ta’ trażmissjonijiet li jitilqu minn komponenti terrestri kumplimentari stazzjonati fit-territorju tal-Unjoni, li jiġu rċevuti minn terminal li jinsab taħt il-qafas tal-ajruplani. Dawn it‑trażmissjonijiet kollha jseħħu fuq il-medda ta’ frekwenza mogħtija lil Inmarsat bid-Deċiżjoni 2009/449. Din is-sistema tuża satellita li bdiet tintuża fid-29 ta’ Awwissu 2017. |
|
17. |
Insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, Eutelsat ressqet diversi argumenti intiżi sabiex juru li s-sistema NAE implimentata minn Inmarsat ma hijiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, li jwassal għan-nullità tad-deċiżjoni tal-ARKEP tat-22 ta’ Frar 2018. |
|
18. |
Wara li kkonstata li dawn l-argumenti kienu jippreżentaw diversi diffikultajiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s‑segwenti domandi preliminari:
|
|
19. |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tat‑28 ta’ Ġunju 2019 ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2019. |
|
20. |
Eutelsat, Inmarsat, Viasat, il-Gvern Franċiż, Belġjan u dak tar‑Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u wieġbu bil-miktub diversi mistoqsijiet li saru mill-Qorti tal‑Ġustizzja. |
IV. Analiżi
|
21. |
Mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l‑kawża ppreżentata minn Eutelsat, u sostnuta minn Viasat, quddiem il‑qorti tar-rinviju tagħmel parti minn numru ta’ kawżi, ippreżentati quddiem il-qrati tal-Unjoni ( 5 ) u quddiem il-qrati nazzjonali b’mod partikolari fir-Renju Unit, fil-Ġermanja, fl-Italja, fi Spanja u fil-Belġju, li permezz tagħhom dawn il-partijiet qegħdin jippruvaw jipprekludu l-użu minn Inmarsat tal-medda ta’ frekwenza ta’ 2 GHz permezz ta’ komponenti terrestri kumplimentari. |
|
22. |
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba, essenzjalment, teżamina tliet argumenti mressqa minn Eutelsat sabiex tikkonstata l-validità tal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-ARKEP lil Inmarsat sabiex tuża komponenti terrestri kumplimentari fi Franza, liema eżami jirrikjedi l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni. Dawn it-tliet argumenti jikkorrispondu għat-tliet domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju. |
|
23. |
Fl-ewwel lok, Eutelsat issostni li, f’sistema bħas-sistema NAE implimentata minn Inmarsat, it-terminal installat taħt il-qafas tal-ajruplan sabiex jikkomunika mal-komponenti terrestri kumplimentari ma jikkostitwixxix “stazzjon mobbli terrestri”, b’tali mod li dawn il‑komponenti ma jiffurmawx parti integrali ta’ “sistema mobbli permezz tas-satellita” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
24. |
Fit-tieni lok, Eutelsat tiddikjara li l-komponenti terrestri ma jistgħux, fid-dawl tal-importanza predominanti tagħhom, jiġu kkunsidrati bħala “kumplimentari” f’sistema bħas-sistema NAE, b’tali mod li din tal‑aħħar ma tikkostitwixxix “sistema mobbli permezz tas-satellita” fis‑sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. |
|
25. |
Fit-tielet lok, Eutelsat tiddikjara li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jagħtu lil Inmarsat l-awtorizzazzjoni li tuża komponenti terrestri kumplimentari fit-territorju tagħhom minħabba li din tal-aħħar ma osservatx l-obbligi ta’ kopertura tat-territorju fid-data prevista fl‑Artikolu 4(1)(ċ)(ii) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
26. |
Fil-kumplament tal-konklużjonijiet tiegħi, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li hemm lok li kull argument invokat minn Eutelsat jiġi miċħud. Fi kliem ieħor, jiena ser nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula fis-sens li d‑dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ma jikkontestawx il‑validità tal-awtorizzazzjoni miksuba minn Inmarsat sabiex tuża komponenti terrestri kumplimentari fi Franza. |
A. Fuq il-kunċetti ta’ “sistema mobbli permezz tas-satellita” u ta’ “stazzjon mobbli terrestri” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 (l-ewwel domanda)
|
27. |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sistema bħas-sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-komponenti terrestri kumplimentari jikkomunikaw ma’ “stazzjon mobbli terrestri” u, għalhekk, jiffurmaw parti integrali minn “sistema mobbli permezz tas-satellita”, fid-dawl tal‑fatt li din is-sistema tinkludi żewġ terminals ta’ riċezzjoni separati konnessi permezz ta’ apparat ta’ komunikazzjoni, l-ewwel wieħed imqiegħed fuq il-qafas ta’ ajruplan u li jikkomunika ma’ satellita, it-tieni wieħed imqiegħed taħt il-qafas u li jikkomunika mal-komponenti terrestri kumplimentari. |
|
28. |
Eutelsat u Viasat ipproponew li din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv, għall-kuntrarju ta’ Inmarsat, tal-Gvern Franċiż, Belġjan u dak tar-Renju Unit kif ukoll tal-Kummissjoni. |
|
29. |
Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, hemm lok li nitilqu mit-test tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008. Din id‑dispożizzjoni tiddefinixxi s-“sistemi mobbli permezz tas-satellita” bħala “netwerks ta’ komunikazzjoni elettronika u faċilitajiet assoċjati” li jkunu kapaċi jipprovdu tliet tipi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju:
|
|
30. |
It-tieni u t-tielet domanda magħmula jkopru t-tielet tip ta’ komunikazzjoni bir-radju, dik bejn stazzjon mobbli terrestri u komponenti terrestri kumplimentari. |
|
31. |
Preliminarjament, nemmen li huwa utli li jiġu ċċarati t-tifsiriet tat‑termini “mobbli”, “terrestri”, “spazjali” u “satellita” użati sabiex jiġu deskritti dawn is-servizzi ta’ komunikazzjoni bir-radju. |
|
32. |
Bħall-partijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet, ma nara l‑ebda oġġezzjoni li f’dan ir-rigward, jintużaw id-definizzjonijiet stabbiliti bir-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju adottat mill‑Konferenza Dinjija tal-Komunikazzjoni bir-Radju tal-1995 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament tal-Komunikazzjoni bir-Radju”) ( 6 ). Fil-fatt, jekk dawn it-termini jittieħdu waħidhom, ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn dan ir-regolament u d-Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
33. |
Qabelxejn, nirrileva li diversi dispożizzjonijiet tad‑Deċiżjoni 2007/98 u tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 jużaw l-espressjoni “stazzjon spazjali” u t-terminu “satellita” b’mod interkambjabbli, jew tal‑inqas mingħajr ma jikkjarifikaw ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ kunċetti ( 7 ). Minkejja li din l-isfumatura ma hijiex determinanti għad‑deċiżjoni tal-kawża prinċipali, nispjega li, f’dan il-kuntest regolatorju, il-kunċett ta’ “stazzjon spazjali” jidhirli li jirrikjedi l‑preżenza mhux biss ta’ satellita iżda wkoll ta’ ċerti elementi tekniċi supplimentari; fi kliem ieħor, dan il-kunċett huwa iktar restrittiv minn dak ta’ “satellita” ( 8 ). Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, ma huwiex ikkontestat li s-sistema NAE tinkludi stazzjon spazjali, kif jirrikjedi l‑Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 ( 9 ). |
|
34. |
Sussegwentement, stazzjon “terrestri”“jinsab jew fuq wiċċ id‑dinja, jew fil-parti prinċipali tal-atmosfera terrestri” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 10 ). Stazzjon li jinsab fuq ajruplan, bħal fis-sistema NAE, għandu jiġi kklassifikat bħala stazzjon terrestri. |
|
35. |
Finalment, stazzjon “mobbli” terrestri huwa b’mod partikolari “intiż sabiex jintuża meta jkun qed jiċċaqlaq jew meta jieqaf f’destinazzjonijiet mhux stabbiliti” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 11 ). L‑ewwel domanda magħmula tirrigwarda dan il-kunċett ta’ “stazzjon mobbli terrestri”. |
|
36. |
Fid-dawl ta’ dan, issa nista’ neżamina l-argumenti mressqa minn Eutelsat u sostnuti minn Viasat, kemm quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll quddiem il-qorti tar-rinviju, u li jkopru t-tielet kategorija ta’ komunikazzjoni bir-radju deskritta fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, jiġifieri dik bejn stazzjon mobbli terrestri u komponenti terrestri kumplimentari. |
|
37. |
Essenzjalment, Eutelsat u Viasat jippruvaw juru li l-komponenti terrestri kumplimentari ma jikkomunikawx ma’ stazzjon mobbli terrestri f’sistema bħas-sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li ma jiffurmawx parti integrali minn “sistema mobbli permezz tas‑satellita” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
38. |
Jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. |
|
39. |
Is-silloġiżmu propost minn Eutelsat u Viasat jista’ jitqassar kif ġej. Il-kunċett ta’ “stazzjon mobbli terrestri” jirrikjedi li tali stazzjon ikun jista’ jikkomunika ma’ satellita ( 12 ) (maġġuri). Is-sistema NAE tikkomunika mal-komponenti terrestri kumplimentari permezz ta’ terminal imqiegħed taħt il-qafas tal-ajruplan, li jikkostitwixxi stazzjon awtonomu li ma jistax jikkomunika ma’ satellita (minuri). Konsegwentement, il-komponenti terrestri kumplimentari użati fil-qafas tas-sistema NAE ma jikkomunikawx ma’ stazzjon mobbli terrestri u, għalhekk, ma jiffurmawx parti integrali minn sistema mobbli permezz tas-satellita. |
|
40. |
Fl-opinjoni tiegħi, dan l-argument huwa vvizzjat b’żewġ żbalji irrimedjabbli li jaffettwaw il-parti maġġuri u dik minuri ta’ dan is‑silloġiżmu. |
|
41. |
Fl-ewwel lok, u kuntrarjament għal dak li jiddikjaraw Eutelsat u Viasat, il-kunċett ta’ “stazzjon mobbli terrestri”, fis-sens tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, ma jirrikjedix li tali stazzjon ikun jista’ jikkomunika ma’ satellita. F’dan ir-rigward, infakkar li dan il-kunċett ma ġiex espressament iddefinit mil-leġiżlatur tal-Unjoni. |
|
42. |
Dawn il-partijiet jiddeduċu dan ir-rekwiżit mir-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju. Fil-kuntest ta’ dan ir-regolament, fil-fatt, mill-Artikoli 1.63 u 1.68 tiegħu jista’ jiġi dedott li kull stazzjon mobbli terrestri għandu jikkomunika jew ma’ stazzjon spazjali, jew ma’ stazzjon mobbli terrestri ieħor bl-għajnuna ta’ oġġett spazjali ( 13 ). |
|
43. |
Madankollu, ma hemm xejn fid-Deċiżjoni Nru 626/2008 ( 14 ), u lanqas fid-Deċiżjoni 2007/98, li jissuġġerixxi li d-definizzjonijiet tar‑Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju għandhom jiġu trasposti b’mod integrali fil-kuntest ta’ dawn id-deċiżjonijiet, kif korrettement irrilevat Inmarsat. |
|
44. |
F’dak li jirrigwarda b’mod iktar preċiż il-kunċett ta’ “stazzjon mobbli terrestri”, fl-opinjoni tiegħi hemm raġuni li tipprekludi kategorikament tali traspożizzjoni. Kif enfasizzat il-Kummissjoni, il‑kunċett ta’ “sistema mobbli permezz tas-satellita” iddefinit fl‑Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 ma jikkorrispondix ma’ “servizz mobbli permezz tas-satellita” li jinsab fl-Artikolu 1.25 tar‑Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju ( 15 ). |
|
45. |
Sabiex id-differenzi bejn dawn iż-żewġ kunċetti jinftiehmu aħjar, għandha ssir distinzjoni bejn erba’ kategoriji ta’ komunikazzjoni.
|
|
46. |
Kif turi t-tabella hawn fuq, l-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 huwa kemm iktar restrittiv (inkwantu ma jinkludix il‑komunikazzjonijiet bejn stazzjonijiet spazjali) u iktar wiesa’ (inkwantu jinkludi l-komunikazzjonijiet bejn stazzjon mobbli terrestri u komponenti terrestri kumplimentari) mill-Artikolu 1.25 tar-Regolament dwar il‑Komunikazzjoni bir-Radju. |
|
47. |
B’hekk, peress li r-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju ma jinkludix il-komunikazzjonijiet bejn stazzjon mobbli terrestri u komponenti terrestri kumplimentari, li huma preċiżament inkwistjoni f’din il-kawża, id-definizzjonijiet li dan ir-regolament jistabbilixxi f’dan ir-rigward ma għandhomx jiġu trasposti fil-kuntest tal-Artikolu 2(2)(a) tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
48. |
Jekk nibqgħu mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, huwa ċar li “sistema mobbli permezz tas-satellita”, kif imsemmija fl‑Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-deċiżjoni, għandha neċessarjament tinkludi mill-inqas stazzjon mobbli terrestri li jista’ jikkomunika ma’ stazzjon spazjali. Dan jirriżulta mill-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni li tistipula li tali sistema tinkludi “mill-anqas stazzjon terrestri [spazjali] wieħed”, kif ukoll mill-isem stess ta’ din is-sistema li jimplika l-preżenza ta’ “satellita”. |
|
49. |
Madankollu, dan ir-rekwiżit ma jeskludix li tali sistema tinkludi wkoll stazzjonijiet mobbli terrestri oħra, intiżi sabiex jikkomunikaw ma’ komponenti terrestri kumplimentari, mingħajr madankollu ma jkunu jistgħu jikkomunikaw ma’ satellita. |
|
50. |
Fi kliem ieħor, jekk ma hemmx dubju li sistema mobbli permezz tas-satellita għandha tinkludi stazzjon mobbli terrestri li jista’ jikkomunika ma’ satellita, ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandu jiġi kkunsidrat, abbażi tad-definizzjonijiet stabbiliti bid-Deċiżjoni Nru 626/2008, li l-istazzjonijiet mobbli terrestri kollha integrati f’din is‑sistema għandhom ikunu jistgħu jikkomunikaw ma’ satellita. |
|
51. |
B’hekk, l-argumenti ta’ Eutelsat u ta’ Viasat, imqassra fil-punt 39 ta’ dawn il-konklużjonijiet, għandhom jiġu miċħuda fuq din l-ewwel bażi. Kuntrarjament għal dak li dawn il-partijiet iddikjaraw, stazzjon li jikkomunika ma’ komponenti terrestri kumplimentari jista’ jiġi kklassifikat bħala “stazzjon mobbli terrestri”, fis-sens tal‑Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, anki jekk ma jkunx jista’ jikkomunika ma’ satellita. |
|
52. |
Fit-tieni lok, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li kull“stazzjon mobbli terrestri” għandu neċessarjament ikun jista’ jikkomunika ma’ satellita, l-argument ta’ Eutelsat u ta’ Viasat xorta huwa vvizzjat inkwantu huwa bbażat fuq separazzjoni artifiċjali bejn il‑komponenti tekniċi tas-sistema NAE. |
|
53. |
Skont dan l-argument, ikun hemm, minn naħa waħda, it-terminal li jirċievi li jinsab fuq il-qafas tal-ajruplan, li jikkomunika mas-satelliti, u, min-naħa l-oħra, it-terminal li jirċievi li jinsab taħt il-qafas, li jikkomunika mal-komponenti terrestri kumplimentari. Peress li dan tal‑aħħar ma jistax jikkomunika ma’ satellita, ma jistax jikkostitwixxi stazzjon mobbli terrestri u b’hekk ma jissodisfax id-definizzjoni stabbilita fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, interpretata – b’mod żbaljat fl-opinjoni tiegħi – bħala li tirrikjedi tali kapaċità. |
|
54. |
Din is-separazzjoni ma jidhirlix li tikkorrispondi mar-realtà teknika tas-sistema NAE. Simili għall-pożizzjoni difiża, essenzjalment, minn Inmarsat, mill-Gvern Franċiż, dak Belġjan u tar-Renju Unit u mill‑Kummissjoni, jidhirli li huwa artifiċjali, minn perspettiva funzjonali, li taqsam sistema, bħas-sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, f’żewġ stazzjonijiet separati u indipendenti. Fil-fatt, il-partijiet jaqblu li ż-żewġ terminals ta’ riċezzjoni tas-sistema NAE huma konnessi bejniethom b’apparat ta’ komunikazzjoni li jistabbilixxi, skont iċ‑ċirkustanzi, it-terminal – satellitarju jew terrestri – użat biex jirċievi jew jibgħat is-sinjal dieħel jew ħiereġ. |
|
55. |
F’dan il-kuntest, is-sempliċi fatt li dawn iż-żewġ terminals huma fiżikament separati, peress li tpoġġew fuq u taħt il-qafas rispettivament, ma għandux jimplika, fih innifsu, li jikkostitwixxu żewġ “stazzjonijiet” differenti. Għall-kuntrarju, jidhirli li l-ġestjoni ċentralizzata tas-sinjali rispettivi tagħhom timplika li dawn it-terminals jiffurmaw parti minn “stazzjon” wieħed li huwa l-istess, kif b’mod partikolari enfasizzaw ġustament il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni. |
|
56. |
Din l-interpretazzjoni hija sostnuta bl-Artikolu 1.61 tar‑Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju, li jipprevedi li “stazzjon” huwa “trażmettitur jew riċevitur wieħed jew iktar, jew grupp ta’ trażmettituri u ta’ riċevituri, inkluż it-tagħmir aċċessorju, neċessarju sabiex jiġi żgurat servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju jew għas-servizz ta’ radjuastronomija, f’post partikolari” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
57. |
Il-fatt li tali “trażmettituri” ma jkunux tpoġġew fiżikament fl-istess kaxxa ma għandux ikun determinanti f’dan ir-rigward, għaliex inkella jkun hemm ir-riskju li l-kwistjoni taqa’ f’formaliżmu legali b’diskrepanza mar-realtà teknika li tirrikjedi li l-antenni ta’ dawn it‑terminals jitqiegħdu jħarsu ’l fuq (għall-komunikazzjoni mas-satelliti) u ’l isfel (għall‑komunikazzjoni mal-komponenti terrestri kumplimentari) rispettivament, kif spjegat minn Inmarsat. |
|
58. |
F’dan ir-rigward, il-Gvern Franċiż żied li l-eżistenza ta’ żewġ terminals ta’ riċezzjoni hija meħtieġa wkoll, fuq il-livell tekniku, mill‑eżistenza ta’ lingwi tal-informatika differenti għall-komunikazzjoni mas-satelliti (lingwa “DVB‑S”) u mal-komponenti terrestri kumplimentari (lingwa “LTE”) ( 16 ). |
|
59. |
Il-Gvern tar-Renju Unit spjega din is-sitwazzjoni b’eżempju ta’ “common sense” (sens komun). Dan il-gvern spjega li telefon ċellulari jinkludi diversi komponenti li jistgħu jaqbdu ma’ network 3G, ma’ network 4G u ma’ network Wifi, jew inkella jistabbilixxu konnessjoni Bluetooth. Xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-komponenti kollha jiffurmaw parti minn stazzjon wieħed li huwa l-istess, jiġifieri l-imsemmi telefon ċellulari. Dan l-eżempju sempliċi, fl-opinjoni tiegħi, huwa suffiċjenti sabiex jiġi miċħud l-argument ta’ Eutelsat u ta’ Viasat. |
|
60. |
B’hekk, u kuntrarjament għal dak li dawn il-partijiet iddikjaraw, oġġett magħmul minn żewġ terminals ta’ riċezzjoni differenti konnessi permezz ta’ operatur ta’ komunikazzjoni, l-ewwel wieħed imqiegħed fuq il-qafas tal-ajruplan u li jikkomunika ma’ satellita, it-tieni mqiegħed taħt il-qafas u li jikkomunika ma’ komponenti terrestri kumplimentari, għandu jiġi kklassifikat bħala “stazzjon mobbli terrestri”. |
|
61. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti r-risposta segwenti għall-ewwel domanda. L‑Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sistema bħas-sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-komponenti terrestri kumplimentari jikkomunikaw ma’ “stazzjon mobbli terrestri” u, għalhekk, jiffurmaw parti integrali minn “sistema mobbli permezz tas-satellita”, fid-dawl tal-fatt li din is-sistema tinkludi żewġ terminals ta’ riċezzjoni separati konnessi b’apparat ta’ komunikazzjoni, l-ewwel wieħed imqiegħed fuq il-qafas ta’ ajruplan u li jikkomunika ma’ satellita, it-tieni wieħed imqiegħed taħt il-qafas u li jikkomunika ma’ komponenti terrestri kumplimentari. |
B. Fuq il-kunċett ta’ “komponenti terrestri ‘kumplimentari’” fis‑sens tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 (it-tieni domanda)
|
62. |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-komponenti terrestri użati f’sistema bħas‑sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kumplimentari” minkejja l-fatt li dawn il-komponenti għandhom rwol predominanti fil-funzjonament ta’ din is-sistema, ikopru t‑territorju tal-Unjoni kollu u jippermettu li titjieb il-kwalità tas-servizzi ta’ komunikazzjoni offruti. |
|
63. |
Nispjega li, f’każ ta’ risposta negattiva għal din id-domanda, is‑sistema NAE implimentata minn Inmarsat ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala “sistema mobbli permezz tas-satellita” fis-sens tad‑dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq, peress li din il-klassifikazzjoni titlob il-preżenza ta’ komponenti terrestri “kumplimentari”. |
|
64. |
Qabel ma nressaq xi punti bħala risposta għad-domanda magħmula, inqis li huwa utli li nagħti xi punti fattwali dwar in-natura u r-rwol tal-komponenti terrestri kumplimentari fil-funzjonament tas‑sistema NAE implimentata minn Inmarsat. |
|
65. |
Qabelxejn, mill-osservazzjonijiet ta’ Inmarsat, jirriżulta, u dan ma ġiex ikkontestat mill-partijiet l-oħra, li l-komponenti terrestri kumplimentari huma komparabbli mal-istazzjonijiet użati fil-kuntest tan‑network 4G tat-telefonija ċellulari, “bid-differenza li dawn jippuntaw vertikalment lejn is-sema minflok orizzontalment fuq l-art” ( 17 ). Huwa mifhum li din l-orjentazzjoni vertikali hija spjegabbli bil-ħtieġa li jintbagħtu s-sinjali rilevanti lejn l-ajruplani waqt titjira, fejn jinsabu t‑terminals ta’ riċezzjoni tas-sistema NAE. |
|
66. |
Sussegwentement, Inmarsat stess irrikonoxxiet li l-konnessjoni mal-komponenti terrestri kumplimentari tippreżenta diversi vantaġġi tekniċi meta mqabbla mal-konnessjoni ma’ satellita. Minn naħa waħda, il-konnessjoni mal-elementi terrestri hija ta’ kwalità aħjar minħabba d‑distanza sinjifikattivament inqas li jivvjaġġa s-sinjal (36000 km għas‑satellita, inqas minn 100 km għall-komponent terrestri). Min-naħa l-oħra, u kuntrarjament għall-konnessjoni satellitari, il-konnessjoni terrestri tista’ faċilment titjieb, f’każ ta’ konġestjoni, biż-żieda ta’ komponenti fuq l-art ( 18 ). |
|
67. |
Finalment, il-partijiet jaqblu li l-komponenti terrestri kumplimentari għandhom, minħabba s-superjorità teknika tagħhom ( 19 ), rwol predominanti fil-funzjonament tas-sistema NAE. B’hekk, skont il‑konklużjonijiet eċċellenti tar-Relatur Pubbliku fil-kawża prinċipali, “ma hemmx dubju li din is-sistema mobbli permezz tas-satellita hija bbażata essenzjalment, fir-realtà, mhux fuq il-komunikazzjonijiet satellitari, iżda fuq il-komunikazzjonijiet mal-komponenti terrestri kumplimentari, li jippermettu flussi ħafna iktar rapidi, u li kif irrilevat mill-qrati Brittaniċi u mir-regolatur Ġermaniż jiżguraw 99 % tas-servizz, peress li s-satellita ma jkunx hemm bżonn li tintuża ħlief fiż-żoni mhux koperti minn dawn il-komponenti terrestri kumplimentari (i.e. fuq l‑ibħra)” ( 20 ). |
|
68. |
Huwa proprju minħabba dan ir-rwol predominanti li għandhom il‑komponenti terrestri fil-funzjonament tas-sistema NAE li Eutelsat u Viasat isostnu li dawn il-komponenti ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala “kumplimentari” u, għalhekk, li tali sistema ma tistax tiġi kklassifikata bħala “sistema mobbli permezz tas-satellita” fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008. Essenzjalment, dawn il-partijiet jikkritikaw is-sistema NAE għaliex ma hijiex sistema ta’ komunikazzjoni satellitari kkompletata b’komponenti terrestri, iżda sistema ta’ komunikazzjoni terrestri kkompletata b’komponent satellitari. |
|
69. |
Jiena ma naqbilx ma’ dan ir-raġunament. Fi kliem ieħor, u bħall‑pożizzjoni difiża minn Inmarsat, mill-Gvern Franċiż, dak Belġjan u tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni, inqis li dawn il-komponenti terrestri jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kumplimentari” minkejja r-rwol predominanti tagħhom fil-funzjonament tas-sistema NAE. |
|
70. |
Fl-opinjoni tiegħi, mid-Deċiżjoni Nru 626/2008 jistgħu jiġu dedotti żewġ rekwiżiti f’dak li jirrigwarda l-komponent satellitarju ta’ “sistema mobbli permezz tas-satellita”. |
|
71. |
Minn naħa waħda, tali sistema għandu jkollha satellita. Minbarra isimha stess (“sistema mobbli permezz tas-satellita”), dan ir-rekwiżit jirriżulta mill-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 (“Tali sistema għandha tinkludi mill-anqas stazzjon terrestri [spazjali] wieħed” ( 21 )), u anki mill-anness ta’ din id-deċiżjoni li minnu jirriżulta li l-manifattura u l-varar ta’ satellita huma stadji indispensabbli fil-proċess ta’ għażla tal-operaturi. |
|
72. |
Min-naħa l-oħra, is-satellita ma għandhiex tkun biss preżenti, iżda għandha tkun ukoll użata, kif irrileva l-Gvern tar-Renju Unit. Dan ir‑rekwiżit jirriżulta, b’mod impliċitu, mill-Artikolu 8(3)(ċ) tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008, li jipprovdi li “l-operazzjoni indipendenti ta’ komponenti terrestri komplementari f’każ ta’ defiċjenza tal-komponent tas-satellita tas-sistema mobbli assoċjata ma għandhiex iddum għal aktar minn tmintax-il xahar” ( 22 ). Fi kliem ieħor, il-prinċipju huwa l-funzjonament konġunt tal-komponenti terrestri u tal-komponent satellitarju. |
|
73. |
Fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-komponent satellitarju huwa użat effettivament meta l-ajruplani mgħammra bis-sistema NAE jtiru fuq il-baħar jew fuq it-territorju tas-Serbja, jew inkella meta xi problema tostakola l‑funzjonament tajjeb tal-komponenti terrestri. Inmarsat spjegat li, minħabba l-affidabbiltà u l-istabbiltà tas-sinjal tas-satellita, il-komponent satellitarju jiżgura l-kontinwità tas-servizzi ta’ komunikazzjoni. Naturalment, il-verifika tal-użu effettiv tal-komponent satellitarju taqa’ fil-kompetenzi tal-qorti nazzjonali, li hija l-unika waħda awtorizzata tivverifika l-fatti fil-kuntest ta’ proċedura għal deċiżjoni preliminari. |
|
74. |
Minkejja dan, jiena ma nqisx li minn din id-deċiżjoni jista’ jiġi dedott rekwiżit addizzjonali dwar l-importanza tar-rwoli li għandhom il‑komponenti satellitari u terrestri, rispettivament, ta’ tali sistema. |
|
75. |
Qabelxejn, l-aġġettiv “kumplimentari” ma jidhirlix li jeskludi rwol predominanti tal-komponenti terrestri meta mqabbla ma’ dak tal‑komponent satellitarju, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ Eutelsat u ta’ Viasat. |
|
76. |
Skont id-dizzjunarju tal-Académie française, “complémentaire” tfisser “qui sert à compléter”, jiġifieri “rendre complet”, kif irrileva l‑Gvern Franċiż. Fil-lingwa Ingliża, id-dizzjunarju ta’ Oxford jiddefinixxi t-terminu “complementary” kif ġej: “combining in such a way as to form a complete whole or enhance each other” ( 23 ). Il-verżjoni fil-lingwa Ġermaniża tuża t-terminu “ergänzende”, li għandu tifsira simili ( 24 ). |
|
77. |
Minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li t-terminu “kumplimentari” ma jirreferix għall-importanza relattiva tal-elementi kkunsidrati. B’hekk, dan it-terminu ma jeskludix li l-komponenti terrestri jkollhom rwol predominanti, meta mqabbla mal-komponent satellitarju, f’sistema mobbli permezz tas-satellita. Dawn il-komponenti jistgħu “jikkompletaw” tali sistema billi jkollhom rwol predominanti fiha. |
|
78. |
Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni spjegat li t-terminu “kumplimentari” jenfasizza n-natura fakultattiva tal-komponenti terrestri, għall-kuntrarju tal-preżenza obbligatorja tal-komponent satellitarju. |
|
79. |
Il-fatt li d-Deċiżjoni Nru 626/2008 ma tgħid xejn dwar l‑importanza relattiva tal-komponenti terrestri u satellitari jidhirli li huwa sinjifikattiv ukoll. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni seta’ jispjega li r-rwol tal-komponenti terrestri għandu jibqa’ “sekondarju”, “inċidentali”, jew inkella “sussidjarju” meta mqabbel mal-komponent satellitarju, kif irrimarkaw il-Gvern Belġjan u dak Franċiż, jew inkella jiddefinixxi perċentwali massima ta’ komunikazzjonijiet li setgħu jiġu żgurati mill‑komponenti terrestri. |
|
80. |
Issa, din id-deċiżjoni ma tagħmilx tali dikjarazzjonijiet. Skont id‑definizzjoni li tingħata fl-Artikolu 2(2)(b), il-komponenti terrestri kumplimentari jintużaw f’siti fissi sabiex itejbu d-disponibbiltà tas‑servizz mobbli permezz tas-satellita fiż-żoni ġeografiċi fejn il-komunikazzjonijiet satellitari ma jkunux żgurati bil-kwalità meħtieġa. |
|
81. |
Fl-opinjoni tiegħi, din id-definizzjoni ma tipprojbixxix, bl-iktar mod ċar, li l-komponenti terrestri jkollhom rwol predominanti fis-sistema inkwistjoni. |
|
82. |
Faċilment nammetti li ċerti termini (b’mod partikolari “f’siti fissi”) jistgħu jiġu interpretati, li kieku kellhom magħhom dispożizzjonijiet ċari f’dan is-sens, bħala li jirrikjedu rwol predominanti tal-komponent satellitarju. B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħalla dubju dwar il-portata eżatta tal-kunċett ta’ “komponenti terrestri kumplimentari”. |
|
83. |
Madankollu, ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali jipprojbixxu li d‑dibattitu dwar il-portata ta’ dan il-kunċett jiġi deċiż b’mod li jmur kontra l-interessi tal-operaturi magħżula skont id-Deċiżjoni Nru 626/2008, kif issostni Inmarsat. Fi kliem ieħor, jiena tal-opinjoni li, f’ċirkustanzi simili, id-dubju għandu jmur favur l-operaturi magħżula iktar minn għaxar snin ilu mill-Kummissjoni, u li wettqu għażliet ekonomiċi u aċċettaw investimenti sinjifikattivi billi bbażaw ruħhom fuq qari kompatibbli mat-termini ta’ din id-deċiżjoni. |
|
84. |
L-unika limitazzjoni, f’dan ir-rigward, hija preċiżament dik li għandu jiġi vverifikat jekk is-sistema ta’ komunikazzjoni implimentata minn dawn l-operaturi hijiex kompatibbli mat-termini użati fid-Deċiżjoni Nru 626/2008. |
|
85. |
Jiena diġà spjegajt, fil-punti 75 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-raġunijiet li għalihom jiena nikkunsidra li t-terminu “kumplimentari” ma jeskludix rwol predominanti tal-komponenti terrestri. |
|
86. |
Issa nirrileva li d-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 2(2)(b) tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008 ma tistabbilixxix limitu massimu ta’ “siti fissi” li fihom komponenti terrestri jistgħu jintużaw, kif irrimarkat il‑Kummissjoni. Għalhekk, huwa possibbli, għal operatur magħżul, li jinstalla tali komponenti fit-territorju kollu tal-Unjoni. |
|
87. |
Barra minn hekk, jidhirli li huwa diffiċli li jiġi kkontestat, fir‑rigward tal-punti fattwali msemmija fil-qosor fil-punti 64 sa 67 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li l-komponenti terrestri jtejbu kemm id‑“disponibbiltà” u l-“kwalità” tas-servizzi ta’ komunikazzjoni mogħtija, fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. |
|
88. |
B’mod partikolari, ma nara l-ebda raġuni valida għaliex il-kwalità tas-servizzi ta’ komunikazzjoni għandha tkun “limitata”, b’mod arbitrarju, għall-kwalità massima li tista’ tkun offruta minn komponent satellitari, kif issuġġerixxew Eutelsat, Viasat u l-Kummissjoni, għaliex dan imur kontra l-interessi tal-konsumaturi. |
|
89. |
Jiena ma naqbilx mal-argument imressaq mill-Kummissjoni li għandu jiġi “żgurat li r-rekwiżiti ġuridiċi ma jiġux evitati, jiġifieri li s-satellita ma għandhiex rwol marġinali”. Minn naħa waħda, mill‑punti 77 sa 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet jirriżulta li l-ebda “rekwiżit ġuridiku” li jkopri r-rwol rispettiv tal-komponenti satellitari u terrestri ma jista’ jiġi dedott mid-Deċiżjoni Nru 626/2008. Min-naħa l‑oħra, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li din id-deċiżjoni tkun “kompletata”, billi jiżdied limitu massimu għall-kwalità tas-servizzi pprovduti, minkejja li tali limitu ma huwiex previst mil-leġiżlatur tal‑Unjoni. |
|
90. |
Kif sostnew Inmarsat u l-Gvern Franċiż, dak Belġjan u tar-Renju Unit, il-kriterju tal-kwalità huwa ddefinit b’mod wiesa’ fl‑Artikolu 2(2)(b) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, b’tali mod li kull operatur huwa liberu li jistabbilixxi l-kwalità tas-servizzi li jixtieq joffri. Kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal għal limitazzjoni artifiċjali, mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, tas-servizzi ta’ komunikazzjoni proposti, b’diskrepanza mar-realtà teknoloġika u kummerċjali ta’ dawn is-servizzi. |
|
91. |
Għall-kuntrarju, il-libertà offruta lill-operaturi magħżula sabiex jużaw komponenti terrestri, sa fejn dawn ikunu jaħdmu aħjar mill‑komponent satellitarju, tippermetti l-użu l-iktar effikaċi possibbli tal‑medda ta’ frekwenza ta’ 2 GHz, punt saħansitra iktar importanti f’kuntest fejn il‑meded ta’ frekwenzi disponibbli huma riżorsi rari ( 25 ). Din l‑interpretazzjoni hija konformi mal-promozzjoni tal-kompetizzjoni u tal‑innovazzjoni kif ukoll mal-interessi tal-konsumaturi, għanijiet li għandhom jintlaħqu mid-Deċiżjoni Nru 626/2008 ( 26 ), kif enfasizzaw ġustament Inmarsat u l-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit. |
|
92. |
Sabiex inkun eżawrjenti, nenfasizza wkoll li l-premessa 18 tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008, li ma hijiex vinkolanti min-natura tagħha, ma tinkludix, fost l-oħrajn, terminoloġija li tista’ tikkontesta l‑interpretazzjoni li pproponejt ( 27 ). |
|
93. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta segwenti għat-tieni domanda. L‑Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008 għandu jiġi interpretat fis‑sens li l-komponenti terrestri użati f’sistema bħas-sistema NAE inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jiġu kklassifikati bħala “kumplimentari” minkejja l-fatt li dawn il-komponenti għandhom rwol predominanti fil-funzjonament ta’ din is-sistema, li jkopru t-territorju tal‑Unjoni kollu u li jippermettu li titjieb il-kwalità tas-servizzi ta’ komunikazzjoni offruti. |
C. Fuq il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi ta’ kopertura tat-territorju fid-data prevista fl-Artikolu 4(1)(ċ)(ii) tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008 (it-tielet domanda)
|
94. |
Fir-rigward tat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Viasat UK u Viasat ( 28 ), kellha l-opportunità li tirrispondi fin-negattiv għal domanda simili u fformulata f’termini kważi identiċi. |
|
95. |
F’dan ir-rigward, ikun suffiċjenti jekk nirreferi għar-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dik il-kawża. |
V. Konklużjoni
|
96. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposti għad-domandi preliminari magħmula mill‑Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) bil-mod segwenti:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Mejju 2009 dwar l-għażla ta’ operaturi ta’ sistemi pan-Ewropej li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU 2009, L 149, p. 65).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Frar 2007 dwar l-użu armonizzat tal-ispektrum ta’ frekwenzi tar-radju fil-medda ta’ frekwenzi ta’ 2 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi satellitari mobbli (ĠU 2007, L 219M, p. 216).
( 4 ) Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU 2008, L 172, p. 15).
( 5 ) Viasat ippreżentat rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni kontra l-Kummissjoni fl-24 ta’ April 2017. Ara l-Kawża T‑245/17, Viasat vs Il-Kummissjoni, preżentement pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali.
( 6 ) Ir-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju ġie adottat mill-Konferenza Dinjija tal-Komunikazzjoni bir-Radju tal-1995 (CMR-95), u rivedut mill-Konferenzi Dinjija tal-Komunikazzjoni bir-Radju sussegwenti: CMR-97 (Genève, 1997), CMR‑2000 (Istanbul, 2000), CMR-03 (Genève, 2003), CMR-07 (Genève, 2007), CMR-12 (Genève, 2012), CMR-15 (Genève, 2015) u CMR-19 (Sharm El-Sheikh, 2019), disponibbli fl-indirizz https://www.itu.int/pub/R-REG-RR-2020/fr.
( 7 ) Ara, pereżempju, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2007/98 u l-Artikolu 2(2)(a) tad‑Deċiżjoni Nru 626/2008, li jiddefinixxu l-kunċetti ta’ “sistemi mobbli permezz tas-satellita” billi jirrikjedu l-preżenza ta’ stazzjon spazjali.
( 8 ) Jiena niddeduċi din l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, mill-istadji suċċessivi deskritti fl-Anness tad-Deċiżjoni Nru 626/2008, li minnu jirriżulta li stazzjon spazjali ma għandux bżonn biss il-manifattura u l-varar tas-satelliti, iżda wkoll l‑integrazzjoni ta’ modulu ta’ komunikazzjoni u ta’ modulu ta’ servizz. Din l‑interpretazzjoni hija, fl-opinjoni tiegħi, ikkorroborata bid-definizzjoni ta’ “stazzjon spazjali” stabbilita fl-Artikolu 1.64 tar-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir‑Radju, li jipprevedi li tali stazzjon għandu “jkun fuq oġġett li jinsab, u li huwa intiż sabiex imur, jew mar, lil hinn mill-parti prinċipali tal-atmosfera terrestri” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Satellita artifiċjali, jiġifieri mmanifatturata mill-bniedem, tista’ effettivament tkun tali “oġġett” intiż sabiex jilqa’ fih “stazzjon spazjali”.
( 9 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Ara l-Artikolu 1.63 tar-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju. Dan il‑kunċett ġie ddefinit b’kuntrast ma’ dak ta’ “stazzjon spazjali”.
( 11 ) Ara l-Artikolu 1.68 tar-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju.
( 12 ) Biex nuża t-termini użati minn Eutelsat, “stazzjon mobbli terrestri għandu neċessarjament jikkomunika ma’ satellita sabiex ikun jista’ jiġi kklassifikat bħala tali”.
( 13 ) Skont l-Artikolu 1.68 tar-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju, “stazzjon mobbli terrestri” huwa “stazzjon terrestri tas-servizz mobbli permezz tas-satellita intiż sabiex jintuża meta jkun qed jiċċaqlaq jew meta jieqaf f’destinazzjonijiet mhux stabbiliti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. L-Artikolu 1.63 ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l-kunċett ta’ “stazzjon terrestri” bħala “stazzjon li jinsab jew fuq wiċċ id‑dinja, jew fil-parti prinċipali tal-atmosfera terrestri, u intiż sabiex jikkomunika jew ma’ stazzjon spazjali wieħed jew iktar, jew ma’ stazzjon tal-istess tip wieħed jew iktar, permezz ta’ satellita riflettriċi waħda jew iktar jew oġġetti spazjali oħra.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (korsiv miżjud minni).
( 14 ) Skont il-premessa 10 ta’ din id-deċiżjoni, “[i]r-regolamenti ta’ l-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (ITU) jipprevedu proċeduri għall‑koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għas-satelliti bħala għodda għall‑immaniġġar ta’ interferenzi dannużi, iżda ma jkoprux l-għażla jew l‑awtorizzazzjoni”.
( 15 ) Skont l-Artikolu 1.25 tar-Regolament dwar il-Komunikazzjoni bir-Radju, “servizz mobbli permezz tas-satellita” huwa “servizz ta’ komunikazzjoni bir-radju jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri u stazzjon spazjali wieħed jew iktar, jew bejn stazzjonijiet spazjali użati minn dan is-servizz, jew bejn stazzjonijiet mobbli terrestri, permezz ta’ stazzjon spazjali wieħed jew iktar” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
( 16 ) L-użu ta’ dawn iż-żewġ lingwi tal-informatika ġie rrilevat ukoll minn Eutelsat u Viasat.
( 17 ) Rapport ta’ M. Sharkey prodott minn Inmarsat, nru 7.4: “The CGC [Complementary Ground Components] network consists of approximately 300 ground-based stations at fixed locations on the ground, similar to 4G base stations, with the difference that they point vertically to the sky rather than horizontally over the ground.”
( 18 ) Rapport ta’ M. Sharkey prodott minn Inmarsat, nru 23: “In general, while the satellite provides efficient and continuous coverage performance and resilience, terrestrial systems inherently provide very efficient throughput performance, since: a) there is only one satellite, in space located 36,000 km from the earth with a given power, forming a limited number of beams that may have a diameter of several hundreds of kilometers; and b) CGC [Complementary Ground Components] terrestrial systems consisting of a large number of towers, with higher power, can be installed within relatively short distances of each other and within a limited distance of the users i.e. < 100 km, and can be supplemented by additional towers when congestion occurs.”
( 19 ) F’dan ir-rigward, Inmarsat spjegat li l-komponenti terrestri kumplimentari joffru kapaċità li l-ebda satellita, tkun kemm tkun b’saħħitha, ma tista’ tagħti filwaqt li tuża l‑kwantità limitata ta’ riżorsi ta’ frekwenzi mogħtija lilha bid‑Deċiżjoni 2009/449 (15 MHz għal darbtejn).
( 20 ) Il-Kunsill tal-Istat, Kawża Nru 420128 Eutelsat, konklużjonijiet ta’ Guillaume Odinet, Relatur Pubbliku, 28 ta’ Ġunju 2019, punt 2, disponibbli fuq l-indirizz http://www.conseil-etat.fr/fr/arianeweb/CRP/conclusion/2019-06-28/420128.
( 21 ) Dwar ir-relazzjoni bejn il-kunċetti ta’ “satellita” u ta’ “stazzjon spazjali”, ara l-punt 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 22 ) Korsiv miżjud minni.
( 23 ) “Jingħaqdu b’mod li jiffurmaw oġġett komplet jew biex jikkumplimentaw lil xulxin”.
( 24 ) Id-dizzjunarju Duden jiddefinixxi “ergänzen” kif ġej: “durch Schließen entstandener Lücken wieder vollständig machen; durch Hinzufügen von etwas vervollständigen, bereichern“ (“tirrendi komplet bil-mili tal-lakuni li dehru; tikkompleta, tarrikkixxi biż-żieda ta’ xi ħaġa”).
( 25 ) Infakkar li l-frekwenzi tal-ispektrum tar-radju huma disponibbli f’numru limitat, li jispjega l-ħtieġa li l-użu tagħhom jiġi rregolat. Ara l-premessa 8 tad-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil‑Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju): “Il-politika dwar l‑ispettru tar-radju ma titax tiġi bbażata biss fuq parametri tekniċi iżda wkoll teħtieġ li jingħata kont ta’ konsiderazzjonijiet ekonomiċi, politiċi, kulturali, ta’ saħħa u soċjali. B’żieda, t-talba dejjem tikber għall-provvista mhux infinita ta’ spettru tar‑radju disponibbli twassal għall-pressjonijiet konfliġġenti għall‑akkommodazzjoni tal-ġruppi varji ta’ utenti ta’ l-ispettru tar-radju f’setturi bħal dawk ta’ komunità ta’ telekomunikazzjonijiet, xandir, trasport, infurzar tal-liġi, militari u xjentifiċi. Għalhekk, il-politika dwar l-ispettru tar-radju għandha tikkunsidra as-setturi kollha u tibbilanċja l-ħtiġiet rispettivi.”
( 26 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1 u 5, u l-Artikolu 6(1)(a) tad-Deċiżjoni Nru 626/2008.
( 27 ) B’mod iktar preċiż, it-terminoloġija użata f’din il-premessa ma teskludi l-ebda interpretazzjoni. Dan japplika, b’mod partikolari, mill-estratt tal-frażi “[dawn il‑komponenti] huma wżati, tipikament, sabiex itejbu s-servizzi offruti permezz tas‑satellita” minħabba l-preżenza tat-terminu “tipikament” (korsiv miżjud minni).
( 28 ) Sentenza tal-5 ta’ Marzu 2020 (C‑100/19, EU:C:2020:174).