31999R1125



Official Journal L 135 , 29/05/1999 P. 0041 - 0046


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1125/1999

tat-28 ta’ Mejju 1999

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 111/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 fuq programm biex jipprovdu lill-Federazzjoni Russa bil-prodotti ta’ l-agrikultura

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 tas-17 ta’ Diċembru 1998 fuq programm biex tagħti prodotti ta’ l-agrikultura lill-Federazzjoni Russa [1], u partikolarment l-Artikolu 4(2) tiegħu,

(1) Billi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 111/1999 [2] jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ provvista skond l-arranġamenti introdotti bir-Regolament (KE) Nru 2802/98.

(2) Billi bidliet iridu jsiru għal dawk ir-regoli ġenerali biex jieħdu kunsiderazzjoni ta’ l-arranġamenti tekniċi li saru bejn il-Federazzjoni Russa u l-Kummissjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dak ir-Regolament, li jirrelata partikolarment mar-regoli biex jieħdu f’idejhom il-prodotti tal-pajjiżi benefiċjarji għall-proċeduri ta’ kontroll li kienu implimentati mill-Kummissjoni biex jissorveljaw l-esekuzzjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-provvista.

(3) Billi l-provvedimenti li jirrelataw maċ-ċertifikazzjoni tal-konformità tal-prodotti pproċessati minn prodotti li ġejjin minn ħażniet ta’ intervent jew mobbilizzati fuq is-suq tal-Komunità iridu jiġu emendati biex jieħdu kunsiderazzjoni ta’ l-organizzazzjoni tal-kontrolli u r-regoli biex jieħdu f’idejhom il-prodott mill-operatur li ngħata l-kuntratt biex iġorr il-prodotti barra mill-Komunità irid ikun speċifikat.

(4) Billi sabiex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni ta’ l-operaturi fil-proċedura ta’ l-appalt, jaqbel li jiġu llaxkati xi wħud mill-kundizzjonijiet stipulati inizjalment biex jinħareġ l-appalt u biex jispeċifikaw xi wħud mir-regoli li jirregolaw l-esekuzzjoni ta’ l-operazzjonijiet tal-provvista.

(5) Billi l-applikazzjoni immedjata tal-bidliet li saru minħabba l-arranġamenti tekniċi li kkonkludew ma’ l-awtoritajiet Russi li jikkonċernaw it-teħid f’idejhom tal-prodotti kif ukoll ta’ ċerti provvedimenti ta’ kontroll li huma rrelatati mat-tneħħija tal-prodotti jew ir-rilaxx ta’ sigurtajiet favur l-operaturi għandhom jiġu stipulati.

(6) Billi l-miżuri pprovduti għalihom f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitati ta’ Ġestjoni relevanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 111/1999 huwa minn issa emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 4(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. L-aġenziji ta’ intervent għandhom jissodisfaw lilhom infushom li l-appaltaturi u l-sottokuntratturi, il-produtturi tar-ross mitħun għal kollox u l-biċċeriji involuti fil-mobilizzazzjoni ta’ laħam tal-majjal indikati fl-appalt għandhom il-kapaċità teknika u finanzjarja biex iwettqu l-obbligazzjonijiet ta’ l-operazzjoni ta’ provvista li għalihom ikunu tefgħu l-offerta ta’ l-appalt.";

2. L-Artikolu 5(1)(e)(4) huwa mibdul b’dan li ġej:

"4) Ir-rotta, li tinkludi postijiet tal-qsim tal-fruntiera jridu jindikaw il-postijiet eżatti fejn il-prodotti se jkunu trasferiti minn mezz ta’ trasport għall-ieħor barra mit-territorju tad-dwana tal-Komunità; f’dawn il-każi l-appaltatur jintrabat li jikkomunika bil-miktub ma’ l-awtoritajiet u l-korpi indikati lill-appaltatur mill-Kummissjoni, mill-inqas tliet ijiem qabel, f’liema dati se jsir it-trasbord u d-dati probabbli ta’ l-operazzjonijiet prinċipali, partikolarment għal dak li għandu x’jaqsam mat-tagħbija u l-wasla fid-destinazzjoni;"

3. L-Artikolu 5(1)(e)(6) huwa mibdul b’dan li ġej:

"6) L-obbligu ta’ l-appaltatur li jissottometti, fil-każ li jirbaħ l-appalt hu, l-oriġinali tal-polza ta’ assigurazzjoni li saret biex tassigura kontra r-riskji rrelatati mat-trasport;"

4. L-Artikolu 5(1)(f)(3) hu mibdul b’dan li ġej:

"3) L-isem u l-indirizz(i) tan-negozju li jipproduċi r-ross mitħun għal kollox u tas-sottokuntratturi kollha u aġenti li jibagħtu l-merkanzija li se jintużaw fl-operazzjoni;"

5. Fl-Artikolu 5(1)(f), il-punt (4) jitneħħa;

6. L-Artikolu 5(1)(ġ)(1) hu mibdul b’dan li ġej:

"1) L-ammont ta’ kull tunnellata (nett) li sar l-appalt għalih, li jieħu akkont l-ispiża ta’ l-ipproċessar, ippakkjar, trasport u ħażna sal-post speċifikat fl-invit ta’ l-appalt;"

7. L-Artikolu 5(1)(ġ)(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3) L-isem u l-indirizz(i) tal-biċċeriji involuti fil-mobilizzazzjoni tal-prodotti u tas-sottokuntratturi kollha u aġenti li jibagħtu l-merkanzija li se jintużaw fl-operazzjoni;"

8. Fl-Artikolu 5(1)(ġ), il-punt (4) jitneħħa;

9. Fl-Artikolu 5(1)(i), "skond l-Anness III" huwa mibdul bi "skond l-Anness IV";

10. L-aħħar subparagrafu ta’ l-Artikolu 5(1) huwa mibdul b’dan li ġej:

"Is-sigurtajiet ipprovduti għalihom f’dan ir-Regolament għandhom ikunu magħmula minn istituzzjonijiet ta’ kreditu approvati mill-Istati Membri u inkluzi fil-lista stipulata mill-Kummissjoni (1) skond l-Artikolu 3(7) u 10(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE (2) Sigurtà magħmulha minn istituzzjoni approvata li mhix inkluża fil-lista tkun ammissibbli jekk l-istituzzjoni tal-kreditu tindika fid-dokument tas-sigurtà r-riferenza għad-deċiżjoni nazzjonali li approvatha. Sigurtajiet iridu jkunu akkumpanjati bid-dettalji tal-persuna jew persuni awtorizzati biex jiffirmaw id-dokumenti finanzjarji, kif ukoll il-kariga tagħhom uffiċjali u kampjun tal-firma tagħhom.";

11. L-Artikolu 5(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. L-Appalti jkunu validi għal 15 il-ġurnata minn wara l-aħħar data biex jingħataw l-istess appalti.";

12. Is-subparagrafu li jmiss huwa miżjud ma’ l-Artikolu 6(1):

"L-aġenzija ta’ intervent jew aġenziji kkonċernati għandhom, fiż-żmien speċifikat fis-subparagrafu ta’ qabel, jagħtu lill-Kummissjoni, għal kull lott, kopja kompleta ta’ l-aktar żewġ tenders favorevoli li rċevew, akkompanjati b’kopja tas-sigurtà u ta’ l-obbligu finanzjarju msemmija fl-Artikolu 5(1)(h) u (i) u kampjun tal-firem tal-persuni awtorizzati biex joħorġu dawk id-dokumenti.";

13. L-Artikolu 6(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-appaltatur rebbieħ bl-għoti tal-kuntratt mill-aktar fis possibbli u għandha tibgħat kopja ta’ dik id-deċiżjoni lill-aġenzija ta’ intervent jew aġenziji li rċevew l-offerti ta’ l-appalt.";

14. Fl-Artikolu 6, il-paragrafu (5) jitneħħa;

15. L-Artikolu 7(1) huwa mibdul b’dan li ġej:

"1. Fil-każ ta’ operazzjoni ta’ provvista msemmi fl-Artikolu 2(1)(a) jew (b), l-appaltatur rebbieħ għandu jagħmel, fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol minn mindu rċieva notifika ta’ l-għoti ta’ l-appalt, garanzija għall-provvista ta’ ammont ekwivalenti għall-kwantitajiet li se jitneħħew għal kull vapur jew għal kull destinazzjoni, immultiplikat bl-ammont unitarju mniżżel fl-avviz ta’ l-invit għall-appalt.

It-tneħħija tal-prodotti tista’ tibda la darba l-aġenzija ta’ intervent tingħata prova li l-garanzija għall-provvista saret skond il-paragrafu 4.";

16. L-Artikolu 7a li ġej għandu jiżdied:

"L-Artikolu 7a

1. Għar-rigward ta’ l-operazzjonijiet ta’ provvista li jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ ross mitħun għal kollox u l-mobilizzazzjoni ta’ laħam tal-majjal fis-suq tal-Komunità, l-appaltatur rebbieħ għandu jitħallas somma f’daqqa ta’ EUR 0,45 kull tunnellata (nett) kuljum għar-ross u EUR 0,90 kull tunnellata (nett) kuljum għal-laħam tal-majjal biex ikopri l-ispejjeż kollha (parkeġġ, assigurazzjoni, sigurtà, sigurtajiet, eċċ.) fil-każ li t-trasportatur ma jkunx jista’ jieħu l-prodott fiż-zmien stipulat minħabba raġunijiet li m’għandux kontroll fuqhom.

2. Fir-rigward ta’ l-operazzjoni ta’ provvista msemmi fl-Artikolu 2(1)(a), iċ-ċertifikati tat-tneħħija għandhom jinħarġu mill-aġenzija ta’ intervent fi żmien tliet ijiem ta’ xogħol mit-tmiem ta’ l-operazzjonijet biex jitneħħew il-kwantitajiet kollha maħżuna fil-maħżen indikat fir-Regolament li jirregola l-provvista msemmija. L-aġenzija ta’ intervent għandha tkun responsabbli biex tħallas l-ispejjeż tal-ħruġ tard taċ-ċertifikat, dik l-ispiża se tkun ikkalkulata billi japplikaw rata ta’ imgħax ekwivalenti għar-rata ta’ riferenza msemmija fl-Anness VII applikabbli fl-Istat Membru kkonċernat fl-aħħar jum li fih ingħataw l-appalti miżjud b’punt perċentwali u nofs.";

17. Fl-Artikolu 9(1), l-aħħar subparagrafu huwa mibdul b’li ġej:

"Fil-każ ta’ operazzjoni ta’ provvista li jikkonċerna l-produzzjoni ta’ ross mitħun għal kollox jew il-mobilizzazzjoni tal-laħam tal-majjal fis-suq tal-Komunità, iċ-ċertifikat tat-tneħħija stipulat skond l-Anness V u ċċekjat u ffirmat mill-aġenzija ta’ kontroll għandu jiċċertifika l-konformità tal-prodott mar-regoli stipulati għall-istess provvista.";

18. L-Artikolu 9(5) huwa mibdul b’dan li ġej:

"5. Fil-każ ta’ provvista ta’ ċanga/vitella u laħam tal-majjal, l-aġenzija ta’ intervent li qed iżżomm il-prodott u l-appaltatur rebbieħ, jew, fejn applikabbli, min jaħżen f’isem l-appaltatur rebbieħ, għandu jkun soġġett għal kwalsijasi kontrolli mitluba u magħmula minn aġenti maħtura mill-pajjiż li qed jiċievi fit-territorju tad-dwana tal-Komunità.";

19. L-Artikolu 9(6) huwa mibdul b’dan li ġej:

"6. L-aġenzija responsabbli għall-kontrolli għandha tissiġilla l-mezzi tat-trasport li jħallu t-territorju tad-dwana tal-Komunità fil-ħin tat-tagħbija. Fil-każ ta’ trasbordi barra mit-territorju tad-dwana tal-Komunità, l-aġenzija maħtura mill-Kummissjoni għandha tivverifika li s-siġilli fuq il-mezzi tat-trasport li jaslu fil-punt ta’ trasbord huma intatti, u għandha tissiġilla l-mezzi ġodda tat-trasport li jintużaw wara t-trasbord.";

20. L-Artikolu 10 huwa mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 10

1. Applikazzjonijiet għall-pagament tal-provvista għandhom ikunu mogħtija lill-aġenzija ta’ intervent imsemmija fl-Artikolu 4 fi żmien xahrejn mit-tmiem tal-perijodu stipulat għall-provvista fin-notifika ta’ l-appalt. Minbarra fil-każi ta’ force majeure, u fejn dan il-provvediment ma jkunx imħares l-ammont ta’ ħlas għandu jkun imnaqqas b’ 10 % għall-ewwel xahar tard u 5 % għal kull xahar wara dan.

2. Applikazzjonijiet għal-pagament għandhom ikunu akkompanjati minn dokumenti ta’ appoġġ li ġejjin:

(a) fejn l-Artikolu 2(1)(b) japplika:

- kopja tad-dokumenti tat-trasport,

- l-oriġinal taċ-ċertifikat tat-teħid maħruġ mill-aġenzija ta’ kontroll maħtura mill-Kummissjoni u ffirmat mir-rappreżentant tal-pajjiż li qed jirċievi skond l-Anness għar-Regolament ta’ l-invit għall-appalt għall-provvista. Dak id-dokument għandu jinkiteb skond l-Anness I,

- iċ-ċertifikat tal-konformità fil-punt tal-konsenja msemmi fl-Artikolu 9(7),

- skond il-każ, kopja tal-liċenzja ta’ esportazzjoni jew id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni fejn il-liċenzja ta’ esportazzjoni ma hemmx bżonnha skond il-leġislazzjoni għall-organizzazzjoni komuni tas-suq;

(b) u fejn l-Artikolu 2(1)(a) japplika, mad-dokumenti indikati fl-(a) iktar ’il fuq applikazzjonijiet għandhom ikunu akkompanjati mid-dokument ta’ kontroll imsemmi fl-Artikolu 14(2).

3. Fil-każ tal-provvisti msemmijin fl-Artikolu 2(1)(a) jew (b), il-pagament ta’ l-appalt għandu jsir għall-kwantità mniżżla fiċ-ċertifikat tat-teħid maħruġ mill-aġenzija ta’ kontroll maħtura mill-Kummissjoni u ffirmat mir-rappreżentant tal-pajjiż li jirċievi indikat fl-Anness għar-Regolament ta’ l-invit għall-appalt ta’ provvista. Dak id-dokument għandu jkun skond l-Anness I.

4. Fil-każ ta’ provvisti kif imsemmijin fl-Artikolu 2(2), il-kwantità tal-prodott ta’ intervenzjoni li jingħata se jkun disponibbli għall-appaltatur rebbieħ meta tiġi ppreżentata prova li saret is-sigurtà skond l-Artikolu 7(2).

5. Fil-każ ta’ provvisti skond l-Artikolu 2(3), il-pagament lill-appaltatur rebbieħ għall-mobilizzazzjoni tal-prodott għandu jsir wara l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat tat-tneħħija magħmul skond l-Anness V, maħruġ mit-transportatur maħtur u ffirmat mill-aġenzija ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 9(1) wara li l-lott kollu jkun tgħabba.

6. Meta t-teħid mir-rappreżentant ta’ dak li se jirċievi fil-punt tal-konsenja jittardja minħabba ċirkustanzi li l-appaltatur rebbieħ ma jkollux kontroll fuqhom, l-ispejjeż addizzjonali li ħallas dan ta’ l-aħħar għandhom jiġu mħallsa lura mill-pajjiż li qed jirċievi wara eżami tad-dokumenti ta’ appoġġ.

7. Fil-każ ta’ trasport bi trakk fit-toroq tal-Federazzjoni Russa, l-appaltatur għandu, skond l-obbligu li ta bħala riżultat ta’ l-appalt tiegħu, jagħti lill-awtoritajiet Russi l-fatturi għall-ispejjeż stabbiliti skond l-appendiċi teknika għall-Memorandum ta’ Ftehim imsemmi fl-Artikolu 15.";

21. fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 12(2), il-punt (b) huwa mibdul b’dan li ġej:

"(b) fil-każijiet ta’ provvisti skond l-Artikolu 2(2) u (3), billi jippreżentaw iċ-ċertifikat tat-tneħħija magħmul skond l-Anness V, maħruġ mit-transportatur u ffirmat mill-aġenzija ta’ kontroll imsemmija fl-Artikolu 9(1).";

22. L-Artikolu 12(3) huwa mibdul b’dan li ġej:

"3. Meta jkun hemm tardjar fil-punt meta għandu jkun hemm il-provvista, is-sigurtà tal-provvista għandha tintilef għal dak li jirrigwarda l-kwantitajiet li ma ttieħdux fil-limitu ta’ żmien jew li ġew ikkonsenjati barra mil-limitu ta’ żmien, sa ammont ta’ EUR 0,75 kull tunnellata kull ġurnata ta’ tardjar. Bis-seħħ mill-11-il jum ta’ dewmien l-ammont mitluf se jiżdied għall-EUR 1,00 kull tunnellata kull jum żejjed. Dawn il-provvedimenti se japplikaw fejn id-dewmien ta’ teħid jew ta’ konsenja huwa tort ta’ l-appaltatur rebbieħ.";

23. L-Artikolu 12(4) huwa mibdul b’dan li ġej:

"4. Fil-każijiet ta’ provvisti kif hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2(1)(a) jew (b), is-sigurtà ta’ provvista għandha tiġi rrilaxxjata skond il-kondizzjonijiet stipulati hawn fuq jew bin-nofs ta’ 20 % kull darba li jiġu ppreżentati provi li 20 % tal-kwantità tal-lott kienu kkonsenjati.";

24. Fl-Artikolu 13, is-subparagrafu li ġej huwa miżjud:

"Il-pagament akkont ta’ sigurtà għandha tkun irrilaxxjata meta jiġu rrispettati l-kondizzjonijiet stipulati għall-ħlas tal-bilanċ tal-provvisti, skond l-Artikolu 10.";

25. L-Artikolu 14 huwa mibdul b’dan li ġej:

"L-Artikolu 14

1. Il-liċenzji ta’ esportazzjoni rikjesti u kkonsenjati għall-esekuzzjoni tal-provvisti, fl-applikazzjoni fejn xieraq tal-leġlisazzjoni fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq, fil-Kaxxa 20 għandu jiddaħħal dan li ġej:

‘Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98. Mhux eliġibbli għar-rifużjoni ta’ esportazzjoni.’

2. Id-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni u d-dokument ta’ kontroll li nħareġ skond l-Artikolu 3 tar-Regolament (KEE) Nru 3002/92 għandu jindika dan li ġej:

‘Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 111/1999 jistipula regoli ġenerali għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2802/98 għal programm ta’ għotja ta’ prodotti ta’ l-agrikultura lill-Federazzjoni Russa. Mhux eliġibbli għar-rifużjoni ta’ esportazzjoni.’

3. Meta l-esportazzjoni tal-prodott huwa soġġett għall-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal-liċenzja ta’ esportazzjoni, l-applikazzjoni għandha tkun akkompanjata bi prova li l-applikant huwa appaltatur rebbieħ ta’ provvista skond ir-Regolament (KE) Nru 2802/98. Provi bħal dawn għandhom ikunu pprovduti b’kopja tad-deċiżjoni li l-kuntratt ingħata kif hemm imsemmi fl-Artikolu 6(3).

Liċenzji ta’ esportazzjoni għandhom joħorġu biss jekk ikun hemm provi li s-sigurtà ta’ provvista saret skond l-Artikolu 7. Meta ssir is-sigurtà tfisser ukoll illi saret is-sigurtà tal-liċenzja. Permezz ta’ deroga minn Titolu III, Sezzjoni 4, tar-Regolament (KEE) Nru 3719/88, għandha tiġi rrilaxxjata skond il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 12(2).";

26. L-Anness II huwa mibdul bl-Anness A għal dan ir-Regolament;

27. Fl-Anness IV, l-aħħar subparagrafu huwa mibdul b’dan li ġej:

"Il-garanzija tagħna se tinħareġ skond l-Artikolu 7 ta’, u l-Anness III, għar-Regolament (KE) Nru 111/1999.";

28. L-Anness B għal dan ir-Regolament huwa miżjud bħala l-Anness VII.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol bis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika għall-inviti ta’ appalt miftuħa wara d-dħul fis-seħħ bl-eċċezzjoni tal-provvedimenti msemmija fl-Artikolu 1, punti 17, 20, 21, 23 u 24 li huma applikabbli għall-appalti kollha.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-28 ta’ Mejju 1999.

Għal-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 349, ta' l-24.12.1998, p. 12.

[2] ĠU L 14, tad-19.1.1999, p. 3.

--------------------------------------------------

ANNESS A

"

“ANNESS II

L-Appalt maqsum kull EUR/tunnellata [1]

1. Spejjeż ta’ l-immaniġġar u t-tagħbija

2. Spejjeż ta’ dispaċċ

3. Spejjeż ta’ tqegħid fob

4. Trasport bil-baħar

5. Prezz tat-tagħbija fuq il-vaguni

6. Spejjeż tal-ferrovija qabel it-trasbord

7. Spejjeż tat-trasbord għal fuq il-vaguni

8. Spejjeż tal-ferrovija wara t-trasbord għall-fruntiera Russa

9. Prezz ta’ trasport fuq l-art bit-trakk għall-fruntiera Russa

10. Prezz ta’ l-assigurazzjoni biex tkopri r-riskji rrelatati mat-trasport

11. Prezz tal-garanziji tal-bank

12. Spejjeż amministrattivi (ċertifikati, dokumenti tad-dwana, eċċ.)

13. Spejjeż oħrajn

Total EUR/tunnellata…

"

[1] Jekk l-appalt ikun aċċetatt, skond l-artikolu 5(1)(e)(5), għandu jkollu numru għall-titolu rilevanti f'dan l-Anness, b’konsiderazzjoni għat-tip ta' operazzonji ta' provvista.

--------------------------------------------------

ANNESS B

"

“ANNESS VII

Rata ta’ riferenza ta’ imgħax imsemmija fl-Artikolu 7(a)(2)

- Il-Belġju: Rata ta’ imgħax fuq ċertifikat ta’ tliet xhur tat-Teżor (Bank Ċentrali Ewropew)

- Id-Danimarka: Rata ta’ imgħax interbank ta’ tliet xhur(Bank Ċentrali Daniż)

- Il-Ġermanja: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur (Bank Ċentrali Ewropew)

- Il-Greċja: Tliet xhur ATHIBOR (Reuters)

- Spanja: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur interbank (Bank Ċentrali Spanjol)

- Il-Finlandja: Tliet xhur HELIBOR (Bank Ċentrali Ewropew)

- Franza: Tliet xhur PIBOR (Bank Ċentrali Ewropew)

- L-Irlanda: Tliet xhur rata fissa interbank (Bank Ċentrali Ewropej)

- L-Italja: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur interbank (FT)

- Il-Lussemburgu: Rata ta’ imgħax fuq tliet xhur ċertifikat tat-Teżor (Bank Ċentrali Ewropew)

- L-Olanda: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur interbank (Bank Ċentrali Ewropej)

- L-Awstrija: Tlett xhur VIBOR (Bank Ċentrali Ewropew)

- Il-Portugall: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur interbank (Bank Ċentrali Portugis)

- L-Isvezja: Tliet xhur STIBOR (Bank Ċentrali Ewropew)

- Ir-Renju Unit: Rata ta’ imgħax ta’ tliet xhur interbank”

"

--------------------------------------------------