24.11.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 418/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2043

tat-18 ta’ Novembru 2021

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43 flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt(a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

Fid-9 ta’ Diċembru 2019 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim ta’ sħubija ġdid dwar is-sajd sostenibbli u protokoll ta’ implimentazzjoni ġdid tiegħu.

(2)

In-negozjati ntemmu b’suċċess bl-inizjalar, fil-11 ta’ Jannar 2021, tal-Ftehim ta’ Sħubija ġdid dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija”) u l-Protokoll li jimplementa l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (“il-Protokoll”).

(3)

Il-Ftehim ta’ Sħubija jħassar il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu ta’ Greenland, min-naħa l-oħra (2), li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Ġunju 2007.

(4)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/793 (3), il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ġew iffirmati fit-22 ta’ April 2021.

(5)

Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll bdew japplikaw b’mod proviżorju sa mid-data tal-iffirmar tagħhom.

(6)

Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu approvati.

(7)

L-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija jistabbilixxi l-Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu u l-Artikolu 4 u l-Artikolu 7 tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ jadotta ċerti modifiki għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ tali modifiki, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun awtorizzata, soġġetta għal kondizzjonijiet sostantivi u proċedurali speċifiċi, li tapprovahom f’isem l-Unjoni skont proċedura simplifikata.

(8)

Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar il-modifiki proposti għall-Protokoll. Jenħtieġ li l-modifiki proposti jiġu approvati dment li minoranza ta’ Stati Membri li timblokka skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ma toġġezzjonax għal dawk il-modifiki,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim ta’ Sħubija”) u l-Protokoll li jimplementa l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra (“il-Protokoll”) huma b’dan awtorizzati f’isem l-Unjoni (4).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 20 tal-Ftehim ta’ Sħubija u n-notifika prevista fl-Artikolu 14 tal-Protokoll.

Artikolu 3

F’konformità mal-proċedura u l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, il-modifiki għall-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Novembru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. ČERNAČ


(1)  Approvazzjoni tal-5 ta’ Ottubru 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)   ĠU L 172, 30.6.2007, p. 4.

(3)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/793 tas-26 ta’ Marzu 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern ta’ Greenland u l-Gvern tad-Danimarka, min-naħa l-oħra, u l-Protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 175, 18.5.2021, p. 1).

(4)  It-testi tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huma ppubblikati fil-ĠU L 175 tat-18 ta’ Mejju 2021.


ANNESS

PROĊEDURA U KONDIZZJONIJIET GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ MODIFIKI GĦALL-PROTOKOLL LI GĦANDU JIĠI ADOTTAT MILL-KUMITAT KONĠUNT

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija u skont l-Artikoli 4 u 7 tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin.

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c)

tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)

Qabel ma tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Il-Kunsill għandu jivvaluta l-konformità tal-modifiki proposti mal-kriterji stabbiliti fil-punt (1).

(4)

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni, dment li għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonawx għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-modifiki proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim, inkluż fuq il-post, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill, skont il-proċedura stabbilita fil-punti (2) sa (4), sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, fiż-żmien dovut, biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, meta dan ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u t-tressiq ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħrajn li ma jikkonċernawx modifiki għall-Protokoll skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Sħubija u skont l-Artikoli 4 u 7 tal-Protokoll, il-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita skont it-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.