KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PIKAMÄE

ippreżentati fit‑8 ta’ Ġunju 2023 ( 1 )

Kawża C‑96/22

Companhia de Distribuição Integral Logista Portugal, SA

vs

Autoridade Tributária e Aduaneira

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Artikoli 7 u 9 – Portata – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv għal rata fis-seħħ f’data ulterjuri għal dik tar-rilaxx għall-konsum”

1.

F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall) b’talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 34 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118/KE ( 2 ).

2.

Ġaladarba dawn il-konklużjonijiet huma ffukati, fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, fuq it-tieni domanda preliminari, dawn sejrin ikunu kkonċentrati unikament fuq l-analiżi eżeġetika tad-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq tad-dritt sekondarju.

3.

Il-kuntest normattiv rilevanti huwa dak tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea marbuta mas-sistema ġenerali tad-dazju tas-sisa. Id-dazju tas-sisa hija taxxa indiretta fuq il-konsum li tista’ tintuża sabiex jinkiseb mhux biss l-għan ta’ kull politika fiskali, jiġifieri li jiġi pprovdut dħul għat-Teżor tal-Istat, iżda wkoll sabiex jinkisbu oġġettivi li ma humiex fiskali, bħal dak li jiġi skoraġġut il-konsum ta’ ċerti prodotti, fosthom it-tabakk.

4.

F’din il-kawża, tqum il-kwistjoni li tirrigwarda l-konformità mad-Direttiva 2008/118 ta’ sistema fiskali nazzjonali li skontha, il-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum li huwa previst għalih huma suġġetti għad-dazju tas-sisa bir-rata fis-seħħ f’data ulterjuri meta mqabbla ma’ dik tar-rilaxx għall-konsum, filwaqt li huwa speċifikat li s-sistema inkwistjoni hija intiża li tiġġieled kontra l-prattika abbużiva li tikkonsisti fl-issuġġettar tal-konsum ta’ kwantitajiet eċċessivi ta’ merkanzija għall-previżjoni ta’ żieda futura tar-rata tad-dazju tas-sisa (forestalling).

5.

Il-kawża odjerna tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara fejn tinsab il-linja diviżorja bejn il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-armonizzazzjoni implimentata mid-Direttiva 2008/118 u l-marġni ta’ manuvra li jitħalla lill-Istati Membri minn din tal-aħħar.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

6.

L-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 huma rilevanti fil-kuntest tal-kawża odjerna.

Id‑dritt Portugiż

7.

Id-Decreto-Lei no 73/2010 que aprova o Código dos Impostos Especiais de Consumo (id-Digriet Liġi Nru 73/2010 li japprova l-Kodiċi tad-Dazji tas-Sisa), tal‑21 ta’ Ġunju 2010 (Diário da República Sensiela I, Nru 118 tal‑21 ta’ Ġunju 2010, p. 2170, iktar ’il quddiem iktar “iċ-CIEC”),) ittraspona d-Direttiva 2008/118 fid-dritt Portugiż.

8.

Skont l-Artikolu 106 taċ-CIEC, intitolat “Regoli speċjali għar-rilaxx għall-konsum”:

“1.   Ir-rilaxx għall-konsum ta’ sigaretti huwa suġġett għal regoli dwar limitazzjonijiet applikabbli matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Settembru u l‑31 ta’ Diċembru ta’ kull sena kalendarja.

2.   Matul il-perijodu previst fil-paragrafu preċedenti, ir-rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, imwettqa kull xahar minn kull operatur ekonomiku, ma jistgħux jeċċedu l-limiti kwantitattivi, li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ fattur ta’ żieda ta’ 10 % mal-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul it‑tnax‑il xahar li jiġu eżatt qabel.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu preċedenti, il-kalkolu tal-medja mensili għandu jkun ibbażat fuq il-kwantità totali ta’ rilaxxi għall-konsum ta’ sigaretti, mhux eżentati, imwettqa bejn l‑1 ta’ Settembru tas-sena preċedenti u l‑31 ta’ Awwissu tas-sena segwenti.

4.   Kull operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti, mhux iktar tard mill‑15 ta’ Settembru ta’ kull sena, dikjarazzjoni inizjali li tindika l-medja mensili tiegħu u li tistabbilixxi l-limitu kwantitattiv applikabbli fil-każ tiegħu matul il-perijodu ta’ limitazzjonijiet.

5.   F’sitwazzjonijiet eċċezzjonali, debitament iġġustifikati mit-tibdil f’daqqa u limitat fiż-żmien tal-volum tal-bejgħ, tista’ tiġi awtorizzata l-inosservanza tal-imsemmija limiti kwantitattivi, minkejja li dawn ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-medja mensili għas-sena segwenti.

6.   Wara l-iskadenza tal-perijodu ta’ limitazzjonijiet u mhux iktar tard mit-tmiem tax-xahar ta’ Jannar ta’ kull sena, l-operatur ekonomiku għandu jipprovdi lill-uffiċċju doganali kompetenti dikjarazzjoni ta’ clearance li tindika l-kwantità totali ta’ sigaretti effettivament rilaxxati għall-konsum matul il-perijodu ta’ limitazzjonijiet.

7.   Il-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv imsemmi fil-paragrafu 4 huma suġġetti għall-ħlas tat-taxxa bir-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance meta l-fatt li jkunu qabżu l-limitu jiġi kkonstatat permezz ta’ pparagunar bejn l-elementi li jinsabu f’dan id-dokument u dawk ipproċessati mill-amministrazzjoni, bla ħsara, fejn xieraq, għall-proċedura ta’ ksur li hija obbligatorja.

8.   Ir-regoli previsti f’dan l-artikolu huma applikabbli individwalment fil-Portugall kontinentali, għar-reġjun awtonomu tal-Açores u għar-reġjun awtonomu ta’ Madeira, b’tali mod li l-obbligi previsti fil-paragrafi preċedenti għandhom jiġu ssodisfatti quddiem l-uffiċċju doganali fejn jiġu pproċessati r-rilaxxi għall-konsum.”

Il‑fatti li wasslu għall‑kawża, il‑proċedura fil‑kawża prinċipali, id‑domandi preliminari u l‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

9.

Il-kumpannija Companhia de Distribuição Integral Logista Portugal SA, li kienet Compañía de Distribución Integral Logista SA (iktar ’il quddiem “Logista”), hija impriża attiva fil-kummerċ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk li topera bħala magazzinier awtorizzat mill-awtorità doganali Portugiża fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira.

10.

Fil‑15 ta’ Settembru 2010, Logista, konformement mal-Artikolu 106(4) taċ-CIEC, ippreżentat quddiem l-uffiċċju doganali ta’ Funchal (il-Portugall) dikjarazzjoni inizjali tal-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar li jiġu eżatt qabel, jiġifieri bejn l‑1 ta’ Settembru 2009 u l‑31 ta’ Awwissu 2010.

11.

Fit‑22 ta’ Settembru 2010, l-uffiċċju doganali ta’ Funchal informa lil Logista li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta, kien ġie impost fuqha limitu kwantitattiv mensili ta’ 1644005 sigarett għall-perijodu ta’ limitazzjonijiet ta’ bejn Settembru u Diċembru tal‑2010, ikkalkulat konformement mal-Artikolu 106(1) sa (3) taċ-CIEC.

12.

Fit‑18 ta’ Novembru 2010, Logista talbet l-awtorizzazzjoni sabiex ma tosservax dak il-limitu kwantitattiv skont l-Artikolu 106(5) taċ-CIEC.

13.

Fis‑7 ta’ Jannar 2011, l-uffiċċju doganali ta’ Funchal adotta digriet li jiċħad din it-talba peress li l-inosservanza tal-limitu kwantitattiv inkwistjoni ma kinitx iġġustifikata minn tibdil f’daqqa u limitat fiż-żmien tal-volum tal-bejgħ, kif jirrikjedi l-Artikolu 106(5) taċ-CIEC. Sussegwentement Logista ppreżentat azzjoni amministrattiva kontra din id-deċiżjoni, liema azzjoni wkoll ġiet miċħuda.

14.

Fit‑18 ta’ Jannar 2011, Logista, konformement mal-Artikolu 106(6) taċ-CIEC, ipprovdiet lill-uffiċċju doganali ta’ Funchal dikjarazzjoni ta’ clearance li tikkonferma r-rilaxx għall-konsum ta’ kwantità ta’ sigaretti iktar minn tliet darbiet ogħla mil-limitu kwantitattiv matul il-perijodu ta’ bejn ix-xhur ta’ Settembru u Diċembru tal‑2010.

15.

Skont l-Artikolu 106(7) taċ-CIEC, Logista kienet suġġetta għal aġġustament fiskali li kien jinvolvi l-ammont ta’ EUR 4 607.69, miżjud b’EUR 1.80, fuq il-bażi tan-numru ta’ sigaretti li hija kienet irrilaxxat għall-konsum matul il-perijodu ta’ bejn Settembru u Diċembru tal‑2010 u li kien jaqbeż il-limitu kwantitattiv previst fl-Artikolu 106(2) taċ-CIEC.

16.

Logista kkontestat dan l-aġġustament quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal do Funchal (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Funchal, il-Portugall), li ċaħdet ir-rikors. Sussegwentement, Logista appellat minn dik is-sentenza quddiem is-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema).

17.

Quddiem il-qorti tar-rinviju, Logista ssostni, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance kienet tikser l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118, li skonthom il-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata applikabbli huma dawk fis-seħħ fid-data li fiha t-tabakk ġie rrilaxxat għall-konsum. L-Autoridade Tributária e Aduaneira (l-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet u tad-Dwana, il-Portugall) twieġeb lura li s-sistema inkwistjoni hija konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet.

18.

Huwa proprju f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Il-limiti kwantitattivi fuq ir-rilaxx għall-konsum imposti permezz tal-Artikolu 106 tal-CIEC, sa fejn għandhom bħala effett li jobbligaw lill-operaturi, fl-aħħar erba’ xhur ta’ kull sena, li jirrilaxxaw fis-suq kwantitajiet li ma jaqbżux dawk ekwivalenti għall-kwantità medja mensili ta’ sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul it-tnax-il xahar li jiġu eżatt qabel, jistgħu jikkostitwixxu restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni jew miżuri ta’ effett ekwivalenti, fis-sens tal-Artikolu 34 TFUE?

2)

L-issuġġettar tal-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum imsemmi fl-Artikolu 106(2) tal-CIEC għat-taxxa bir-rata fis-seħħ fid-data tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance, skont il-paragrafu 7 tal-istess artikolu, imur kontra r-regoli rigward l-eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa introdotti permezz tal-Artikoli 7 u 9 tad-[Direttiva 2008/118]?”

19.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Logista, mill-Amministrazzjoni tal-Kontribuzzjonijiet u tad-Dwana, mill-Gvern Portugiż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

20.

Is-sottomissjonijiet orali tal-Gvern Portugiż u tal-Kummissjoni nstemgħu waqt is-seduta li seħħet fit‑22 ta’ Marzu 2023.

Analiżi

21.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum li huwa previst fiha huma suġġetti għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’data ulterjuri għal dik tar-rilaxx għall-konsum.

Osservazzjonijiet preliminari

22.

Qabelxejn, jeħtieġ jitfakkar li d-Direttiva 2008/118, li ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 92/12/KEE ( 3 ), ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 113 TFUE). Bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, il-leġiżlatur tal-Unjoni jista’ jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali marbuta mat-taxxi indiretti, b’mod partikolari mad-dazji tas-sisa, sa fejn din l-armonizzazzjoni tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern u sabiex jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

23.

B’hekk, id-Direttiva 2008/118 hija intiża li tiggarantixxi l-funzjonament tajjeb tas-suq intern permezz tal-moviment liberu tal-merkanzija suġġetta għad-dazju tas-sisa fl-Unjoni Ewropea. Għal dan il-għan, din id-direttiva tirrikjedi l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw dawn it-tipi ta’ taxxi bil-għan li jiġi żgurat li l-kunċett ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu jkunu identiċi fl-Istati Membri kollha ( 4 ).

24.

Is-sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa stabbilita minn din id-direttiva tapplika unikament għall-prodotti elenkati fl-Artikolu 1(1) tagħha, jiġifieri l-prodotti tal-enerġija u tal-elettriku, l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, kif ukoll it-tabakk immanifatturat.

25.

L-effettività ta’ din is-sistema tirrikjedi li l-issuġġettar għad-dazju tas-sisa jseħħ fil-mument malli jfeġġ wieħed minn dawn il-prodotti fis-suq intern. Minn dan jirriżulta li n-natura ta’ taxxa fuq il-konsum tad-dazju tas-sisa titlob li l-eżiġibbiltà tkun l-eqreb possibbli tal-konsumatur finali.

26.

Il-leġiżlatur tal-Unjoni ttraduċa dawn ir-rekwiżiti kif ġej. L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi li l-avveniment taxxabbli tad-dazju tas-sisa huwa kkostitwit mill-produzzjoni jew mill-importazzjoni tal-imsemmija prodotti fit-territorju tal-Unjoni. L-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi li d-dazju tas-sisa jsir eżiġibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum, u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din tal-aħħar jiddikjara li l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli huma dawk fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà fl-Istat Membru fejn iseħħ ir-rilaxx għall-konsum.

27.

Bħala regola ġenerali, jilħaq jiddekorri perijodu ta’ żmien bejn l-okkorrenza tal-fatt taxxabbli u l-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa. Huwa għalhekk li l-leġiżlatur tal-Unjoni ppreveda l-possibbiltà li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitpoġġew taħt sistema ta’ sospensjoni tad-dazju, iddefinit fil-punt 7 tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/118 bħala “arranġament tat-taxxa applikat għall-produzzjoni, l-ipproċessar, iż-żamma jew il-moviment ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa mhux koperti minn proċedura jew arranġament doganali sospensiv, bid-dazju tas-sisa jkun sospiż”. F’dan il-każ, ir-rilaxx għall-konsum jiġi pospost sal-ħruġ, regolari jew mhux regolari, tal-prodott inkwistjoni minn din is-sistema, b’tali mod li kull tranżazzjoni fuq il-prodott tista’ titwettaq mingħajr ma jsir eżiġibbli d-dazju tas-sisa.

28.

L-ipoteżijiet l-oħrajn ta’ “rilaxx għall-konsum” huma, konformement mal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/118, iż-żamma, il-produzzjoni (regolari jew irregolari) u l-importazzjoni (regolari jew irregolari) ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa minbarra sistema ta’ sospensjoni tad-dazju.

29.

Huwa biss filwaqt li jinżamm l-ispirtu ta’ dan il-kuntest normattiv li, fl-opinjoni tiegħi, tista’ tiġi adottata pożizzjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba li tipprovdi fil-kawża odjerna.

Fuq ir‑rabta bejn l‑Artikolu 7 u l‑Artikolu 9 tad‑Direttiva 2008/118

30.

Jeħtieġ jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 106 taċ-CIEC, id-dazju tas-sisa marbut mal-kwantità ta’ sigaretti li taqbeż il-limitu kwantitattiv li huwa previst fih isir eżiġibbli fix-xahar ta’ Jannar tas-sena ta’ wara dik tar-rilaxx tagħhom għall-konsum, sa fejn dan tal-aħħar jitwettaq matul il-perijodu ta’ bejn l‑1 ta’ Settembru u l‑31 ta’ Diċembru ta’ sena kalendarja.

31.

Huwa stabbilit li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata mill-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji tar-Repubblika Portugiża billi jiġi evitat li l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jirrilaxxaw għall-konsum sigaretti fi kwantitajiet eċċessivi fl-aħħar tas-sena b’antiċipazzjoni ta’ żieda tar-rata tad-dazju tas-sisa, sa fejn tali prattika tikkostitwixxi forma ta’ abbuż.

32.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, tqum il-kwistjoni dwar jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi mas-sistema stabbilita mid-Direttiva 2008/118.

33.

It-tweġiba tirrikjedi li tiġi ddeterminata r-rabta eżatta bejn l-Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118.

34.

Għal dan il-għan, hemm lok, l-ewwel, li l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva jiġi mifhum mill-angolu letterali u teleoloġiku.

35.

Il-qari tal-kliem ta’ dan tal-aħħar jirrileva li l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa tiskatta fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodott ikkonċernat, sa fejn l-ipoteżijiet ta’ “rilaxx għall-konsum” huma elenkati b’mod eżawrjenti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

36.

L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li jiġi armonizzat il-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa sabiex jiġi ggarantit il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Din ir-rabta funzjonali bejn l-għan tagħha u dak, iktar ġenerali, tad-Direttiva 2008/118 hija barra minn hekk ikkonfermata mill-proposta tal-Kummissjoni marbuta mad-Direttiva 92/12 ( 5 ), li tipprevedi l-introduzzjoni ta’ “kunċett komunitarju ġdid” ta’ eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa peress li “huwa indispensabbli li l-eżiġibbiltà tkun marbuta mar-rilaxx għall-konsum ( 6 )”.

37.

In-natura ċara u mhux ikkundizzjonata tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118, kif ukoll l-assenza ta’ kull riferiment għad-drittijiet tal-Istati Membri, meqjusa flimkien mar-rwol ċentrali ta’ din id-dispożizzjoni għall-finijiet tal-ikkompletar tal-għan ta’ armonizzazzjoni ta’ din id-direttiva, jimmilitaw favur interpretazzjoni li skontha d-dispożizzjoni inkwistjoni ma hijiex kompatibbli ma’ regola nazzjonali li torbot l-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa ma’ mument differenti minn dak tar-rilaxx għall-konsum.

38.

Fir-rigward tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, dan jipprovdi, fl-ewwel paragrafu tiegħu, li l-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà u r-rata tad-dazju tas-sisa li għandhom japplikaw huma dawk fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà fl-Istat Membru li fih isir ir-rilaxx għall-konsum u, fit-tieni paragrafu tiegħu, li d-dazji tas-sisa jiġu imposti, miġbura u, fejn xieraq, irrimborsati jew maħfura skont il-proċeduri stabbiliti minn kull Stat Membru.

39.

Dan it-tieni paragrafu ma jikkostitwixxix, kif isostni b’mod partikolari, il-Gvern Portugiż waqt is-seduta, eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118. Fil-fatt, l-ebda element tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva ma jissuġġerixxi l-eżistenza ta’ tali relazzjoni bejn dawn iż-żewġ regoli. Għall-kuntrarju, l-eżami ta’ dan tal-aħħar jirrileva li dan l-artikolu għandu l-funzjoni li jiddelimita l-perimetru tas-setgħa regolatorja tal-Istati Membri lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae kopert mid-dispożizzjonijiet armonizzati.

40.

Fil-fatt, hemm lok li jiġi osservat li l-“kondizzjonijiet tal-impożizzjoni tal-ħlas” imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 għandhom neċessarjament jiġu distinti mill-kundizzjonijiet marbuta mal-kunċett ta’ eżiġibbiltà, li, skont il-premessa 8 ta’ din id-direttiva, għandhom jibqgħu identiċi fl-Istati Membri kollha ( 7 ).

41.

Dawn tal-aħħar, li huma speċifikati fl-Artikolu 7(1) u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, jikkonċernaw il-mument li fih isir eżiġibbli d-dazju tas-sisa, l-Istat Membru li fih dan għandu jinġabar kif ukoll id-data rilevanti għall-identifikazzjoni tar-rata tad-dazju tas-sisa u tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà applikabbli. Madankollu, il-“kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà” previsti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 huma ċertament kundizzjonijiet oħrajn, bħal dawk li jikkonċernaw, kif speċifikat fit-tieni paragrafu ta’ dan l-artikolu, il-modalitajiet ta’ ġabra, ta’ rkupru, ta’ maħfra jew rimbors tad-dazji tas-sisa.

42.

Barra minn dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, fis-sentenza Van de Water ( 8 ), li l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12, li ġie ssostitwit, mingħajr ebda tibdil sostanzjali, mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, kellu jinftiehem b’dan il-mod. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li “billi jiżgura, fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [92/12], li r-regoli marbuta mal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa huma identiċi fl-Istati Membri kollha, il-leġiżlatur [tal-Unjoni], evidentement ma jfittix li jarmonizza l-modalitajiet li jirregolaw il-ġbir u l-irkupru tad-dazju tas-sisa minn dawn tal-aħħar” u li “[p]ermezz tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, huwa, għall-kuntrarju, espressament ħalla f’idejn l-Istati Membri r-responsabbiltà li jiddeterminaw l-imsemmija modalitajiet”.

43.

Fi kliem ieħor, l-eżerċizzju tas-setgħa regolatorja tal-Istati Membri jibqa’ limitat għad-determinazzjoni tal-modalitajiet marbuta mal-impożizzjoni, mal-ġbir, mal-maħfra u mar-rimbors tad-dazju tas-sisa. B’hekk, fl-ebda każ ma jinċidi fuq il-kunċett ta’ eżiġibbiltà u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu, inkluża dik li skontha d-dazju tas-sisa isir eżiġibbli fil-mument tar-rilaxx għall-konsum tal-prodotti suġġetti għalih, u dan sabiex ma jiġix ippreġudikat l-għan ta’ armonizzazzjoni li jikkostitwixxi l-iskop innifsu tad-Direttiva 2008/118 ( 9 ).

44.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fl-osservazzjonijet bil-miktub tagħha, fil-kawża odjerna, konklużjoni analoga għal dik tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall ( 10 ) ma tistax tintlaħaq hawnhekk ( 11 ).

45.

Il-kawża li tat lok għal dik is-sentenza kienet tikkonċerna sistema fiskali Portugiża li tipprovdi li l-pakketti tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum matul sena finanzjarja partikolari setgħu jinbiegħu u jiġu kkummerċjalizzati sat-tmiem tat-tielet xahar tas-sena ta’ wara dik li matulha dawn kienu ġew irrilaxxati għall-konsum ( 12 ). Ġaladarba l-pakketti tas-sigaretti kollha li ma kinux inbiegħu qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu kienu sejrin jiġu suġġetti għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’dik is-sena, il-Kummissjoni kienet sostniet li s-sistema fiskali Portugiża kellha l-effett li ġġiegħel lill-operaturi ekonomiċi li jħallsu dazju tas-sisa addizzjonali għal pakketti tas-sigaretti li kienu diġà ġew legalment irrilaxxati għall-konsum, bi ksur tal-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118.

46.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din is-sistema fiskali ma kellhiex bħala l-effett tagħha li d-dazju tas-sisa dovut jintalab f’data differenti minn dik tar-rilaxx għall-konsum. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li din is-sistema kienet tinkludi fiha regola li skontha, fl-iskadenza tat-terminu ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ bejgħ lill-pubbliku, l-operaturi ekonomiċi setgħu jiksbu rilaxx għall-konsum ġdid tal-imsemmija pakketti, billi jpoġġu fuqhom timbru fiskali ġdid (jew, fil-każ ta’ dazji tas-sisa diġà mħallsa, dawn l-operaturi setgħu jiġu rrimborsati bil-kundizzjoni li dawn il-pakketti jiġu meqruda taħt il-kontroll doganali) ( 13 ).

47.

Kien għal din ir-raġuni li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li d-dritt irrikonoxxut favur l-Istati Membri fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 neċessarjament jimplika li dawn tal-aħħar għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom is-setgħa li jadottaw miżuri tan-natura ta’ dik prevista mill-imsemmija sistema.

48.

Dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami. Kif ġie espost preċedentement, is-sistema fiskali stabbilita mill-Artikolu 106 taċ-CIEC tipprovdi b’mod konsistenti li r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli għall-pakketti tas-sigaretti rrilaxxati għall-konsum bi ksur tal-limitu kwantitattiv previst fih ma hijiex ir-rata fis-seħħ fil-mument tar-rilaxx għall-konsum, kif kien jeżiġi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, iżda dik fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ clearance, jiġifieri f’data sussegwenti għal dik tar-rilaxx għall-konsum. Fil-fatt, u kif ġie kkonfermat mill-Gvern Portugiż waqt is-seduta, ma huwa previst l-ebda rilaxx għall-konsum ġdid tal-imsemmija prodotti mid-dritt Portugiż.

49.

F’dan ir-rigward, il-Gvern Portugiż sostna b’mod partikolari li, fil-punt 59 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jadottaw miżuri adatti sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbuż possibbli hija għan segwit mid-Direttiva 2008/118. Għaldaqstant, kellu jiġi kkunsidrat, skont dan l-Istat Membru, li huwa kellu dritt li jadotta sistema fiskali bħal dik ineżami, sa fejn din is-sistema hija intiża li tiġġieled kontra l-prattika abbużiva tal-forestalling.

50.

Issa, xejn ma jikkontesta l-fatt li l-Istati Membri bħala prinċipju għandhom id-dritt jadottaw sistema fiskali intiża li tilħaq dawn l-għanijiet. Madankollu jirriżulta b’mod evidenti li dan id-dritt huwa ssubordinat għall-kundizzjoni li tali sistema ma tkunx tmur lil hinn mill-parametri tas-setgħa regolatorja kkonferita lil dawn l-Istati Membri mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118.

51.

Madankollu, din il-kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ, sa fejn is-sistema prevista fl-Artikolu 106 taċ-CIEC timplika li r-rata applikabbli għall-pakketti tas-sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv previst hija dik fis-seħħ f’data ulterjuri għal dik tar-rilaxx għall-konsum. Permezz ta’ dan, din il-leġiżlazzjoni tinċidi fuq il-mument tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa u b’hekk fuq il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet armonizzati tad-Direttiva 2008/118.

52.

Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni proposta f’dawn il-konklużjonijiet hija sostnuta minn element ta’ natura kuntestwali li jidhirli li huwa ta’ importanza partikolari. Fil-fatt nosserva li s-sitwazzjonijiet li fihom id-dazji tas-sisa marbuta ma’ prodott diġà rrilaxxat għall-konsum huma eżiġibbli f’mument ulterjuri għal dak tar-rilaxx għall-konsum huma previsti b’mod espliċitu fil-Kapitolu V tad-Direttiva 2008/118 (“Movimenti u tassazzjoni tal-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa wara r-rilaxx għall-konsum”). Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu, li jissodisfaw ir-rekwiżit li tiġi ggarantita l-osservanza tal-prinċipju ta’ territorjalità fiskali, li skontu l-ħlas tad-dazju tas-sisa għandu jsir fil-pajjiż tal-konsum reali, u li tiġi evitata t-taxxa doppja tal-prodotti kkonċernati ( 14 ), huma, skont il-premessa 26 ta’ din id-direttiva bla ħsara għall-istruttura ġenerali ta’ din id-direttiva ( 15 ).

53.

Dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw sitwazzjonijiet li fihom, wara r-rilaxx għall-konsum ta’ prodott suġġett għad-dazju tas-sisa u wara l-ħlas tad-dazju tas-sisa marbut miegħu, dan il-prodott ikun ġie ċċirkulat fi ħdan l-Unjoni. B’mod iktar speċifiku, it-Taqsima 1 tal-imsemmi kapitolu tikkonċerna l-prodotti akkwistati mill-individwi u ttrasportati fi Stat Membru ieħor, it-Taqsima 2 tikkonċerna l-prodotti miżmuma għal finijiet kummerċjali fi Stat Membru ieħor, u t-Taqsima 3 hija relatata mal-bejgħ mill-bogħod meta l-magazzinier awtorizzat jew id-destinatarju rreġistrat li jkun xtara l-prodotti jkun stabbilit fi Stat Membru ieħor ( 16 ). Huwa stabbilit li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża odjerna ma taqa’ taħt l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet.

54.

Fl-aħħar jeħtieġ li jiżdied li d-Direttiva (UE) 2020/262 ( 17 ), li reċentement ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2008/118, toffri element addizzjonali insostenn tal-interpretazzjoni adottata f’dawn il-konklużjonijiet. Minkejja li din id-direttiva ma hijiex applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, hija tista’ madankollu sservi bħala element ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 2008/118.

55.

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2020/262, li jissostitwixxi l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118, jinkludi fih it-tielet paragrafu (ġdid), li skontu “[b’]deroga mill‑ewwel paragrafu, meta r-rati tad-dazju tas-sisa jinbidlu, stokks ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa li jkunu diġà rilaxxati għall-konsum jistgħu jkunu soġġetti, fejn adatt, għal żieda, jew tnaqqis, tad-dazju tas-sisa” ( 18 ), filwaqt li l-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jirriproduċi dak tal-imsemmi Artikolu 9. Evidentement, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’hekk xtaq jidderoga mid-dispożizzjoni li skontha r-rata tad-dazju tas-sisa applikabbli hija dik fis-seħħ fid-data tal-eżiġibbiltà tad-dazju tas-sisa, billi l-Istati Membri jiġu awtorizzati, fil-każ ta’ tibdil tar-rata tad-dazju tas-sisa, li japplikaw għall-imsemmija stokkijiet ta’ prodotti r-rata miżjuda jew imnaqqsa, u mhux ir-rata fis-seħħ fil-mument tar-rilaxx għall-konsum ta’ dawn il-prodotti ( 19 ).

56.

Fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li l-introduzzjoni ta’ din id-deroga espressa mil-leġiżlatur tal-Unjoni tixhed ir-rieda tiegħu li jnaqqas il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118.

57.

Dan il-paragrafu l-ġdid għandu l-effett li jiskansa lis-sistemi fiskali, bħal dik ineżami fil-kawża odjerna, mill-armonizzazzjoni segwita permezz tal-istabbiliment ta’ sistema ġenerali tad-dazji tas-sisa. Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja, l-Istati Membri issa jgawdu minn setgħa regolatorja li tippermettilhom b’mod partikolari li jadottaw miżuri bħal dawk li huma intiżi li jiġġieldu kontra l-forestalling.

58.

B’differenza mid-Direttiva 2020/262, l-Artikolu 7 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2008/118 ma jħallu lill-Istati Membri l-ebda setgħa regolatorja fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kunċett ta’ eżiġibbiltà u tal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dan il-kunċett li huma previsti fiha. A contrario, dan jimplika li sistema fiskali bħal dik ineżami, li tista’ tkun konformi mad-Direttiva 2020/262, ma hijiex legali skont id-Direttiva 2008/118.

59.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għat-tieni domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema) li l-Artikolu 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118 jopponu sistema legali bħal dik prevista fl-Artikolu 106 taċ-CIEC.

Konklużjoni

60.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti r-risposta li ġejja għat-tieni domanda preliminari magħmula mis-Supremo Tribunal Administrativo (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Portugall):

L-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jopponu leġiżlazzjoni nazzjonali li skontha l-kwantitajiet ta’ sigaretti li jaqbżu l-limitu kwantitattiv ta’ rilaxx għall-konsum li huwa previst fiha jiġu suġġetti għar-rata tad-dazju tas-sisa fis-seħħ f’data ulterjuri għal dik tar-rilaxx għall-konsum.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

( 3 ) Direttiva tal-Kunsill tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39). Peress li d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/12 għandhom portata essenzjalment identika għal dawk tad-Direttiva 2008/118, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja marbuta mad-Direttiva 92/12 hija applikabbli wkoll għad-Direttiva 2008/118. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2022, IMPERIAL TOBACCO BULGARIA (C‑55/21, EU:C:2022:459, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 4 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessa 8 tad-Direttiva 2008/118.

( 5 ) Ara, f’dan is-sens, il-proposta għad-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema ġenerali, iż-żamma u l-moviment ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (COM(90)431 final) (ĠU 1990, C 322, p. 1). Hemm lok li jiġi osservat li l-espożizzjoni tal-motivi u l-kummentarju artikolu b’artikolu bil-lingwa Franċiża huma disponibbli biss fid-dokument li jinkludi fih il-verżjoni bil-lingwa Portugiża.

( 6 ) Ara p. 4 tal-verżjoni bil-lingwa Portugiża tal-Proposta COM(90)431 final. Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-kummentarju msemmi jikkonċerna l-Artikolu 4 ta’ din il-proposta, li sar, mingħajr ebda tibdil sostanzjali fi tmiem il-proċedura leġiżlattiva, l-Artikolu 6 tad-Direttiva 92/12. It-test ta’ dan tal-aħħar sussegwentement ġie riprodott mill-Artikoli 7 u 9 tad-Direttiva 2008/118.

( 7 ) F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li d-Direttiva 2008/118 tagħmel riferiment f’diversi dispożizzjonijiet tagħha għall-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà mingħajr madankollu ma tipprovdi definizzjoni. Minbarra l-premessa 8 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, ara l-Artikoli 33 u 36 tagħha.

( 8 ) Sentenza tal‑5 ta’ April 2001, (C‑325/99, EU:C:2001:201, punt 40).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑8 ta’ Frar 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑590/16, EU:C:2018:77, punt 56), li skontha tali interpretazzjoni “twassal sabiex tiġi awtorizzata, praeter legem, deroga mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118 u tipperikola l-għan ta’ armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ eżiġibbiltà tad-dazji tas-sisa”.

( 10 ) Sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017 (C‑126/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall (C‑126/15, EU:C:2017:504).

( 11 ) Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-deċiżjoni tar-rinviju, dwar il-possibbiltà li tapplika l-konklużjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għalihom fis-sentenza tagħha Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, fid-dawl tal-fatt li l-kuntest ġuridiku taż-żewġ kawżi ma huwiex l-istess.

( 12 ) Id-dispożizzjonijiet tad-dritt Portugiż li jirregolaw din is-sistema huma l-Artikolu 27 tad-Digriet Ministerjali Nru 1295/2007 u l-punt 4.2.9 tal-Kapitolu XII tal-Manwal tad-Dazji tas-Sisa.

( 13 ) Is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Il-Portugall, punt 57.

( 14 ) Proposta (COM(90)431 final), punti 13 u 16.

( 15 ) Din il-premessa hija redatta kif ġej: “Huwa xieraq li jiġu ċċarati, mingħajr ma tiġi affettwata l-istruttura ġenerali, ir-regoli dwar it-tassazzjoni u r-regoli proċedurali relatati mal-moviment ta’ prodotti li fuqhom id-dazju tas-sisa jkun diġà tħallas fi Stat Membru.”

( 16 ) Mill-proposta tad-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sistema ġenerali ta’ dazji tas-sisa (COM(2008) 78 final/2), tas‑26 ta’ Frar 2008, jirriżulta li l-Kapitolu V jissostitwixxi l-Artikoli 7 sa 10 tad-Direttiva 92/12 u jirriproduċi l-proposta tal-Kummissjoni marbuta ma’ emenda ta’ dawn l-artikoli ppreżentata fid-dokument (COM(2004)227 final) tat‑2 ta’ April 2004.

( 17 ) Direttiva tal-Kunsill tad‑19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU 2020, L 58, p. 4, rettifika fil-ĠU 2020, L 409, p. 38).

( 18 ) Il-korsiv huwa miżjud minni.

( 19 ) Jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkonfermat, waqt is-seduta, li sistema legali bħal dik prevista fl-Artikolu 106 taċ-CIEC hija prevista fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2020/262.