5.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 184/88


P9_TA(2021)0430

Is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (2020/2261(INI))

(2022/C 184/06)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Preambolu u l-Artikoli 2, 3 u 4 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO dwar l-Istatus tal-Artist,

—

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-22 ta' Mejju 2018 intitolata “Nibnu Ewropa iktar b'saħħitha: ir-rwol tal-politiki taż-żgħażagħ, tal-edukazzjoni u tal-kultura”(COM(2018)0268),

—

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu “Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura” (COM(2018)0267),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2019-2022 (1),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi (2),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti (3),

—

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (4),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2019/790 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2019 dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-Suq Uniku Diġitali u li temenda d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE (5),

—

wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolamentazzjoni jew b'azzjoni amministrattiva fl-Istat Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-midja awdjoviżivi (id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżivi) (6),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (mill-2021 sal-2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (7),

—

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/523 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Marzu 2021 li jistabbilixxi l-Programm InvestEU u li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 (8),

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2020 dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qasam tal-kultura,

—

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-18 ta' Mejju 2021 dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-setturi kulturali u kreattivi,

—

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni (MMK) tal-Esperti tal-Istati Membri tat-22 ta' Marzu 2018 dwar ir-rwol tal-politiki pubbliċi fl-iżvilupp tal-potenzjal intraprenditorjali u innovattiv tas-setturi kulturali u kreattivi,

—

wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu “The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union — Background Analysis”, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fl-1 ta' Frar 2021 (9),

—

wara li kkunsidra t-tgħarrif bit-titolu “The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union: Rakkomandazzjonijiet ta' Politika”, ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu fl-4 ta' Mejju 2021 (10),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0283/2021),

A.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti, il-Parlament diġà talab espliċitament lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew jimplimentaw qafas legali u istituzzjonali għall-attività artistika kreattiva permezz tal-adozzjoni jew l-applikazzjoni ta' għadd ta' miżuri koerenti u komprensivi fir-rigward tal-kuntratti, is-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni tal-mard, it-tassazzjoni diretta u indiretta u l-konformità mar-regoli Ewropej;

B.

billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa, il-Parlament issottolinja l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kulturali u kreattivi u ħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (CCSI);

C.

billi l-kultura għandha valur intrinsiku bħala espressjoni ta' umanità, demokrazija u impenn ċiviku li jistgħu jkunu kruċjali għall-avvanz tal-iżvilupp sostenibbli;

D.

billi l-kultura u l-libertà tal-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-vitalità ta' soċjetà u jippermettu lis-segmenti kollha tas-soċjetà jesprimu l-identitajiet tagħhom, jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u d-djalogu interkulturali u jwittu t-triq għal Unjoni Ewropea dejjem eqreb, kif ukoll ikollhom rwol strumentali fit-trawwim tat-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi;

E.

billi l-kultura, l-arti, il-patrimonju kulturali u d-diversità kulturali huma ta' valur kbir għas-soċjetà Ewropea mil-lat kulturali, edukattiv, demokratiku, ambjentali, soċjali, ekonomiku u f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, u jenħtieġ li dawn jiġu promossi u appoġġjati. billi s-CCSI tal-Ewropa tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għal identità Ewropea komuni u għall-valuri tagħna, għas-saħħa mentali u għall-ġid ekonomiku tagħna, u, fit-tul, għall-ħolqien ta' sfera pubblika Ewropea;

F.

billi s-CCSI Ewropea tirrappreżenta bejn 4 u 7 % tal-PDG tal-UE u 8,7 miljun impjieg fl-UE;

G.

billi l-Unjoni s'issa kellha biss kompetenza limitata fil-qasam tal-kultura; billi l-Parlament kellu jiġġieled ħafna biex jikseb żieda sinifikanti fil-baġit għall-Programm Ewropa Kreattiva; billi l-programm Ewropa Kreattiva huwa l-uniku programm tal-Unjoni ddedikat għall-kultura; billi l-finanzjament ta' dan il-programm għadu 'l bogħod mill-ħtiġijiet tal-artisti Ewropej tagħna u tas-CCSI kollha kemm hi;

H.

billi s-CCSI tikkonsisti prinċipalment minn organizzazzjonijiet mikro, żgħar u ta' daqs medju u intrapriżi b'aċċess ristrett għas-swieq finanzjarji, kif ukoll artisti li jaħdmu għal rashom, ħaddiema kulturali, professjonisti freelance u intraprendituri, li huma aktar probabbli li jaħdmu part-time u ta' spiss jużaw dħul irregolari u mħallat minn sorsi differenti;

I.

billi r-rati ta' impjieg indipendenti huma ogħla (33 %) fis-CCSI milli fl-impjieg għall-ekonomija (14 %) kollha kemm hi, u billi l-ħaddiema kulturali u artistiċi huma aktar probabbli li jaħdmu part-time, li jwassal għal sfidi fl-aċċess għal miżuri ta' appoġġ u xbieki ta' sikurezza, u jnaqqas ir-reżiljenza ġenerali ta' dawk li jaħdmu għal rashom fis-CCSI;

J.

billi f'xi Stati Membri ċerti professjonisti kulturali u kreattivi ma jgawdu l-ebda status legali;

K.

billi l-miżuri ta' konteniment li ttieħdu b'reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19 dgħajfu serjament l-ekosistema kulturali u kreattiva fraġli, u b'hekk ipperikolaw il-ħolqien u l-espressjoni kulturali u artistiċi u dgħajfu l-kontribut tal-arti u l-kultura għall-benesseri, id-diversità kulturali, id-demokrazija u aktar; billi s-CCSI esperjenzaw telf ta' fatturat ta' aktar minn 30 % fl-2020 – telf kumulattiv ta' EUR 199 biljun – bis-setturi tal-mużika u tal-arti tal-ispettaklu jesperjenzaw telf ta' 75 % u 90 % rispettivament (11);

L.

billi l-kultura hija ekosistema li mhux biss tiġġenera valur ekonomiku għoli (li tirrappreżenta 4,4 % tal-PDG tal-UE f'termini ta' fatturat totali u timpjega madwar 7,6 miljun persuna), iżda għandha wkoll impatt soċjali sostanzjali, tikkontribwixxi għal soċjetajiet demokratiċi, sostenibbli, ħielsa u inklużivi u tirrifletti u ssaħħaħ id-diversità, il-valuri, l-istorja u l-libertajiet Ewropej tagħna;

M.

billi ġie ppruvat b'mod konklużiv li l-kontenut kulturali distribwit matul il-perjodi ta' lockdown tal-COVID-19 tejjeb ħafna l-kundizzjoni psikoloġika taċ-ċittadini Ewropej u evita l-aggravar tal-kwistjonijiet tas-saħħa mentali kkawżati mill-iżolament fit-tul;

N.

billi l-kultura u l-artisti tradizzjonali għandhom jiġu appoġġjati sabiex jiġi protett il-wirt kulturali;

O.

billi l-iżvilupp ta' qafas Ewropew multidimensjonali għall-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CCSI se jirrikjedi koordinazzjoni mal-politiki tal-UE dwar l-impjiegi, il-kompetizzjoni, is-suq intern, il-politika soċjali, id-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza, id-drittijiet tal-awtur u l-finanzjament għall-kultura, kif ukoll monitoraġġ permanenti tal-progress li sar mill-Istati Membri fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CCSI u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ l-oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha;

P.

billi mis-sejħa tal-Parlament għal titjib fis-sitwazzjoni tal-artisti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta' Ġunju 2007, Novembru 2016 u Settembru 2020, ma sarx ħafna progress u l-biċċa l-kbira tat-talbiet tagħhom għadhom validi, speċjalment fid-dawl tad-differenzi kbar bejn l-iskemi ta' appoġġ għall-artisti u l-professjonisti kulturali fi Stati Membri differenti u l-fatt li s-sitwazzjoni tal-artisti marret għall-agħar u għalhekk il-biċċa l-kbira tat-talbiet tal-Parlament saru urġenti;

Q.

billi l-kriżi tal-COVID-19 kixfet il-vulnerabbiltajiet preeżistenti tas-CCSI, ikkaratterizzati mill-intermittenza, l-eteroġeneità u l-instabbiltà, l-għajxien fraġli tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali, kif ukoll il-baġits stretti ta' ħafna istituzzjonijiet kulturali u l-insuffiċjenza tal-finanzjament pubbliku, u poġġiet l-artisti u l-professjonisti u l-ħaddiema kulturali u kreattivi f'sitwazzjonijiet saħansitra aktar prekarji, peress li t-telf ta' qligħ ta' freelancers u ħaddiema mhux standard, li ħafna drabi kienu jikkostitwixxu miżuri tas-sigurtà nazzjonali aktar dgħajfa, u dan wassal biex il-maġġoranza tas-CCSI kienet dgħajfa;

R.

billi l-impatt kontinwu tal-pandemija għamilha impossibbli għall-maġġoranza tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi li jwettqu l-attivitajiet tagħhom u li jżommu l-impjiegi tagħhom, filwaqt li ħolqot ukoll inċertezza dwar il-prospetti futuri li diġà qed jikkawżaw lill-professjonisti jitilqu mis-settur, li se jkollu effett dejjiemi fuq il-kompożizzjoni u d-diversità tas-CCSI Ewropea kollha kemm hi u jiskoraġġixxi liż-żgħażagħ, kif ukoll persuni minn gruppi marġinalizzati, milli jaħdmu f'dawn is-setturi u se jnaqqas il-kreattività tas-soċjetà Ewropea u tal-ekonomija tal-UE kollha kemm hi;

S.

billi bosta Stati Membri implimentaw miżuri ta' emerġenza sostanzjali ta' għajnuna għas-CCSI biex jissopravvivu l-kriżi; billi, madankollu, dan l-appoġġ varja ħafna fost l-Istati Membri, mhux dejjem kien adattat għas-CCSI kollha u xi drabi ngħata b'dewmien li jipperikola partijiet mis-CCSI; billi l-appoġġ ma kienx disponibbli għal diversi kategoriji ta' ħaddiema kulturali, artisti u professjonijiet ta' medjazzjoni kulturali minħabba l-istatus tax-xogħol partikolari tagħhom u bħala tali ma kienx biżżejjed biex jiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol sostenibbli; billi l-appoġġ pubbliku tard u xi drabi insuffiċjenti wassal biex is-settur ikollu jiddependi fuqu nnifsu għall-appoġġ, filwaqt li enfasizza l-ħtieġa għal mekkaniżmi ta' appoġġ li jiffunzjonaw biex jissalvagwardjaw id-drittijiet soċjali tal-artisti u l-professjonisti kulturali u biex jipproteġu d-diversità tal-espressjoni kulturali;

T.

billi l-mobilità transfruntiera tibqa' komponent essenzjali tal-karrieri tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali; billi, madankollu, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti ta' finanzjament attwali li jappoġġjaw il-mobilità ma jistimolawx biżżejjed il-mobilità ambjentalment u soċjalment sostenibbli u jfixklu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-artisti u l-professjonisti kulturali;

U.

billi l-Pjan ta' Ħidma tal-Kunsill għall-Kultura 2019–2022 jagħmilha prijorità li tiġi stabbilita ekosistema li tappoġġja l-artisti u l-professjonisti kulturali u kreattivi, u jirrikonoxxi l-ħtieġa għal azzjoni konġunta f'dan il-qasam; billi hemm ħtieġa urġenti għal tali azzjoni konġunta;

V.

billi diversi definizzjonijiet ta' artisti u ħaddiema kulturali jeżistu flimkien fl-UE, u dan jagħmel l-armonizzazzjoni potenzjali diffiċli; billi ħafna ħaddiema fis-CCSI, inklużi, iżda mhux limitati għal, kittieba, tradutturi letterarji, produtturi u tekniċi jsofru minn inċertezza minħabba n-nuqqas ta' definizzjoni konsistenti tal-istatus tagħhom;

W.

billi diversi Stati Membri għandhom leġiżlazzjoni speċifika fis-seħħ li tipprevedi status speċjali għall-artisti biex tiggarantilhom aċċess għall-benefiċċji soċjali; billi, madankollu, din il-leġiżlazzjoni tvarja b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri, u dan ifixkel ir-rikonoxximent reċiproku tal-istatus tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi u l-kollaborazzjoni u l-mobilità transfruntiera, u b'hekk joħloq ostakli għall-ħolqien kulturali u artistiku, l-espressjoni u l-moviment liberu, u fl-aħħar mill-aħħar għad-diversità kulturali Ewropea u għas-sostenibbiltà soċjali;

X.

billi l-appoġġ finanzjarju għas-CCSI jvarja ħafna bejn l-Istati Membri, f'termini tad-daqs tal-baġits, il-prijoritajiet u l-valuri ta' gwida, li jikkontribwixxi għal aktar diverġenza fis-sostenibbiltà tal-karrieri tal-ħaddiema kulturali madwar il-pajjiżi u jfixkel l-inklużività, is-sostenibbiltà u l-bilanċ tal-kollaborazzjoni u l-mobilità transfruntiera;

Y.

billi l-artisti u l-ħaddiema kulturali u kreattivi għandhom it-tendenza li jinvolvu ruħhom f'mudelli ta' xogħol atipiċi minħabba n-natura tas-settur innifsu u ħafna drabi huma soġġetti għal arranġamenti tax-xogħol prekarji li jimpedixxu l-aċċess tagħhom għal protezzjoni sħiħa tas-sigurtà soċjali u jeskluduhom mill-pensjoni, il-kura tas-saħħa u l-pagamenti tal-qgħad;

Z.

billi r-remunerazzjoni tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali u kreattivi spiss tkun instabbli u inċerta, tiġi minn sorsi differenti bħal kuntratti, royalties, għotjiet u sussidji, li jrendi l-introjtu tagħhom imprevedibbli ħafna, tħallihom f'sitwazzjonijiet prekarji u ddgħajjef ir-reżiljenza tagħhom;

AA.

billi l-pandemija tal-COVID-19 u l-lockdowns illimitaw b'mod sever il-flussi ta' dħul possibbli għall-maġġoranza l-kbira tal-artisti, l-artisti u l-ħaddiema kulturali; billi d-dħul kontinwu mid-drittijiet tal-awturi u dawk kontigwi baqa' wieħed mill-ftit sorsi ta' dħul li kien għad fadal; billi f'ħafna Stati Membri tali drittijiet mhumiex rispettati kif xieraq mill-pjattaformi ta' distribuzzjoni, li jagħmlu pressjoni fuq id-detenturi tad-drittijiet biex jirrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom, xi drabi b'mod perpetwu, bħala parti mill-kuntratti tagħhom, u b'hekk jillimitaw severament il-kapaċità tagħhom li jsostnu lilhom infushom minn xogħolhom;

AB.

billi l-awturi, l-artisti u l-ħallieqa kulturali kollha għandu jkollhom aċċess għal standards minimi garantiti ta' sigurtà soċjali, inklużi l-impjieg u l-assigurazzjoni tas-saħħa u l-fondi tal-pensjoni, sabiex ikunu jistgħu jikkonċentraw bis-sħiħ fuq il-proċess artistiku u l-kreattività tagħhom;

AC.

billi n-nuqqas ta' negozjar kollettiv, u l-ostakli għalih, għall-artisti li jaħdmu għal rashom u għall-ħaddiema kulturali u kreattivi jservu wkoll biex jimminaw il-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol u jwasslu għal nuqqas ta' protezzjonijiet soċjali adegwati u effett negattiv fit-tul fuq il-pożizzjoni u s-sigurtà tagħhom; billi l-ġestjoni kollettiva tad-drittijiet tal-awturi tirrappreżenta sors ewlieni ta' dħul għall-maġġoranza tal-kreaturi u l-artisti fl-Ewropa, filwaqt li tiżgura r-remunerazzjoni kontinwa tagħhom u għandha tipproteġihom ukoll minn prattiki inġusti ta' kumpaniji kbar u dominanti tal-midja u l-pjattaformi tal-istreaming;

AD.

billi l-mobilità transfruntiera hija parti essenzjali mix-xogħol tal-artisti, tal-awturi, tal-artisti u tal-kreaturi kulturali kollha u tal-ħaddiema kulturali iżda spiss hija mxekkla minn proċeduri burokratiċi, nuqqas ta' informazzjoni ċara u għadd kbir ta' regoli u rekwiżiti amministrattivi madwar l-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni soċjali u t-tassazzjoni, kif ukoll proċeduri kkumplikati u għaljin għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-trasport għal tagħmir artistiku fraġli; billi dawn l-ostakli għall-mobilità kulturali transkonfinali jimminaw il-prinċipju tal-moviment liberu;

AE.

billi l-għotjiet pubbliċi huma meqjusa bħala l-aktar forma vitali u effettiva ta' appoġġ finanzjarju għas-CCSI, iżda spiss ikunu insuffiċjenti, burokratiċi żżejjed u diffiċli wisq biex jiġu aċċessati jew inaċċessibbli b'mod partikolari għal gruppi emarġinati u xi drabi preġudikati bħala riżultat ta' influwenza politika li tiskoraġġixxi b'mod partikolari lill-artisti aspiranti u lill-ħallieqa milli japplikaw; billi, barra minn hekk, in-nuqqas ta' strateġija ta' finanzjament globali Ewropea għas-settur mill-Kummissjoni, is-sorsi differenti fi ħdan il-qafas finanzjarju pluriennali u n-nuqqas ta' integrazzjoni tagħhom ifixklu wkoll l-aċċess għall-għotjiet pubbliċi;

AF.

billi l-freelancers ibatu mill-ogħla livell ta' inċertezza fir-rigward tal-aċċess kemm għall-iskemi soċjali kif ukoll għall-għotjiet, il-fondi u opportunitajiet oħra ta' finanzjament nazzjonali u tal-UE;

AG.

billi l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat id-dipendenza tal-artisti fuq appoġġ finanzjarju pubbliku u privat fuq terminu qasir u appoġġ ibbażat fuq proġetti ta' nofs it-terminu u billi dan żvela d-diffikultajiet strutturali ġenerali fis-settur;

AH.

billi l-aċċess għall-finanzjament jibqa' l-isfida ewlenija, speċjalment għal atturi iżgħar fis-CCSI, inklużi artisti individwali, artisti kollettivi, u ħaddiema kulturali u kreattivi, li spiss ma jkunux eliġibbli għal self u garanziji bankarji, u dan iżid l-importanza tal-aċċess għal għotjiet u sussidji pubbliċi u privati u d-disponibbiltà tagħhom; itenni l-importanza li jingħata appoġġ lis-setturi kulturali kollha, inklużi l-professjonijiet tal-medjazzjoni kulturali, li għandhom rwol vitali bħala interfaċċja bejn il-pubbliku u x-xogħol artistiku jew il-wirt artistiku, u b'hekk jiggarantixxu l-aċċess għall-kultura u t-tixrid tagħha lil udjenza wiesgħa;

AI.

billi ħafna investituri privati u finanzjaturi pubbliċi naqqsu jew ikkanċellaw kompletament l-appoġġ finanzjarju tagħhom għal proġetti kulturali, speċjalment dawk b'dimensjoni transfruntiera, matul il-kriżi; billi dan jenfasizza l-importanza ta' finanzjament pubbliku affidabbli u kostanti;

AJ.

billi l-edukazzjoni u l-kultura huma kruċjali għall-bini ta' soċjetajiet inklużivi u koeżivi għal kulħadd, it-trawwim tal-integrazzjoni, u s-sostenn tal-kompetittività Ewropea;

AK.

billi s-servizzi ta' streaming ibbażati barra mill-UE żiedu l-investimenti tagħhom fl-infrastrutturi tas-CCSI tal-Istati Membri, bil-għan li jinħoloq aktar kontenut destinat għad-distribuzzjoni online;

AL.

billi l-artisti spiss ikunu soġġetti għal razziżmu, ksenofobija, diskriminazzjoni u esklużjoni bbażati fuq l-identità perċepita tagħhom bħala riżultat ta' razziżmu u tokeniżmu strutturali u istituzzjonali li jirriżultaw f'relazzjonijiet u kollaborazzjonijiet diffiċli mal-istituzzjonijiet rilevanti, kif ukoll fl-ostakolar tal-libertà artistika tagħhom;

AM.

billi l-artisti b'diżabilità huma esklużi mill-politika u l-finanzjament fis-CCSI minħabba n-nuqqas ta' kunsiderazzjoni, pereżempju, tal-mobilità ristretta jew tal-isfidi li jirriżultaw minn proċeduri burokratiċi ta' finanzjament;

AN.

billi għalkemm il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-CCSI hija għolja, għad hemm ħafna diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, kif ukoll nuqqas ta' aċċess, differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u ostakli għar-rappreżentanza u l-viżibbiltà; billi n-nisa rarament jokkupaw rwoli kreattivi ewlenin jew pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet kulturali; billi l-artisti nisa spiss jiġu msikkta u soġġetti għal kritika sproporzjonata bħala riżultat tax-xogħol tagħhom, u huwa aktar probabbli li n-nisa u l-artisti LGBTIQ+ ikunu fil-mira ta' attakki jew soġġetti għal restrizzjonijiet;

AO.

billi artisti u professjonisti kulturali minn gruppi emarġinati, inklużi nisa, żgħażagħ, rappreżentanti ta' minoranzi razzjali, etniċi u ġeografiċi, persuni bi sfond soċjoekonomiku vulnerabbli, persuni b'diżabilità u persuni LGBTIQ+, għandhom inqas aċċess għal karrieri artistiċi u kulturali u inqas opportunitajiet biex jiżviluppaw karrieri fit-tul fis-settur; billi l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 kien partikolarment b'saħħtu fuq in-nisa u aggrava l-ostakli diġà eżistenti f'termini ta' aċċess, ħlas indaqs, rappreżentanza u viżibbiltà fis-CCSI esperjenzata minn dawn il-gruppi;

AP.

billi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-arti, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, bħalissa jinsabu mhedda f'diversi Stati Membri bħala riżultat ta' interferenza mill-istat u restrizzjonijiet immotivati politikament u xi drabi huma mxekkla mill-użu ta' leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu jew allegazzjonijiet li xogħlijiet artistiċi jinsultaw sentimenti reliġjużi jew simboli nazzjonali, jew jitqiesu bħala offensivi jew mhux xierqa, li jirriżultaw ukoll f'każijiet ta' awtoċensura;

AQ.

billi l-istat tal-programmi nazzjonali ta' għajnuna matul il-kriżi, b'mod partikolari l-għajnuna lill-ħaddiema tas-CCSI li ma jaqgħux taħt id-definizzjonijiet nazzjonali tal-artisti, inklużi, iżda mhux limitati għal, freelancers bħall-kittieba u l-awturi, kien u għadu frammentat;

AR.

billi, fid-dawl tal-konsegwenzi tal-pandemija, ġenerazzjoni sħiħa ta' artisti żgħażagħ u ħaddiema kulturali se jsibuha diffiċli biex isibu impjieg kulturali jew jirreġistraw f'edukazzjoni ogħla tal-arti bħala riżultat tat-tnaqqis tal-opportunitajiet; billi l-artisti taħt l-età ta' 30 sena huma aktar probabbli li jkunu qiegħda, li jaċċettaw xogħol bla ħlas u li jkunu soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol abbużivi bħal salarji mhux imħallsa u kuntratti prekarji;

1.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur intrinsiku tal-kultura, kif ukoll ir-rwol fundamentali tal-kultura għas-soċjetà, il-progress u l-benesseri tagħha, l-ekonomija u l-inklużività, u jittraduċu dan ir-rikonoxximent f'appoġġ finanzjarju u strutturali adegwat u kontinwu;

2.   

Jiddispjaċih għall-fatt li l-attività kulturali spiss tqieset bħala mhux essenzjali; ifakkar li l-kultura għandha rwol essenzjali fis-soċjetà tagħna, aktar u aktar matul kriżi, u jitlob, għalhekk, il-ftuħ mill-ġdid tal-ispazji kulturali kollha kemm jista' jkun malajr; jirrikonoxxi li biex is-settur kulturali u kreattiv jissopravvivi l-isfidi attwali, huwa essenzjali mhux biss li jiġi żgurat appoġġ immedjat u li jiġu stabbiliti l-miżuri ta' emerġenza kollha meħtieġa, iżda wkoll li ssir riflessjoni dwar it-tnedija mill-ġdid ordnata ta' dan is-settur vitali, li jipprovdi appoġġ strutturali mhux biss permezz ta' programmi ta' innovazzjoni u riżorsi baġitarji, iżda wkoll permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim f'dan il-qasam għall-ġenerazzjoni żagħżugħa;

3.   

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u tikkonsolida l-qafas tal-politika industrijali għall-ekosistema tas-CCSI fi strateġija koerenti, kompetittiva u fit-tul sabiex tagħti spinta lill-kompetittività tagħhom, il-valur strateġiku tagħhom għall-ekonomija Ewropea u l-istil ta' ħajja Ewropew, u tippermettilhom jilħqu l-potenzjal tagħhom f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi u tkabbir; jenfasizza l-potenzjal tas-CCSI fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ u r-reindustrijalizzazzjoni u, b'mod partikolari, l-opportunitajiet dejjem jikbru fis-CCSI għaż-żgħażagħ maħluqa mill-ambjent diġitali;

4.   

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu s-CCSI fl-għodod ta' appoġġ finanzjarju kollha, bħall-InvestEU u n-NextGenerationEU; jenfasizza l-importanza li dawn ir-riżorsi jiġu diretti abbażi tal-partikolaritajiet tas-setturi differenti u d-dimensjonijiet tal-benefiċjarji potenzjali sabiex jiġu żgurati soluzzjonijiet kompatibbli li ma joħolqux aktar inugwaljanzi fl-UE;

5.   

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirrikonoxxu l-valur miżjud Ewropew tal-kooperazzjoni transfruntiera u jeliminaw l-ostakli kollha għall-mobilità transfruntiera sostenibbli u inklużiva fl-UE, u ma' pajjiżi terzi għall-artisti u l-professjonisti kulturali;

6.   

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jipprovdu lill-awturi, l-artisti u professjonisti u ħaddiema kreattivi oħra fis-CCSI b'informazzjoni ċara u linji gwida dwar l-opportunitajiet ta' mobilità u rieżami u, fejn meħtieġ, jirrevedu r-rekwiżiti amministrattivi fl-Istati Membri kollha, inkluż dwar il-viżi, it-tassazzjoni, is-sigurtà soċjali u l-aċċess għat-taħriġ u r-rikonoxximent ta' lawrji edukattivi artistiċi, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-kwalifiki akkademiċi, bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat u unifikat l-aċċess għal dan kollu msemmi hawn fuq, kif ukoll għall-programmi u l-fondi tal-Unjoni mmirati li jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom b'mod speċifiku, bħall-Ewropa Kreattiva, bħal pereżempju s-CCSIs; jitlob li jkun hemm programmi speċifiċi ddedikati għall-mobilità ta' kreaturi u innovaturi żgħażagħ sabiex jiġu promossi l-iskambji u l-innovazzjoni fl-oqsma tal-kultura u l-kreattività;

7.   

Jilqa' l-istabbiliment ta' punti ta' informazzjoni dwar il-mobbiltà biex jipprovdu assistenza lill-artisti u lill-professjonisti kulturali u biex jappoġġa l-mobbiltà sostenibbli; jistieden lill-Istati Membri kollha jistabbilixxu tal-anqas punt wieħed ta' mobbiltà u informazzjoni ta' dan it-tip biex joffru appoġġ bla ħlas u personalizzat lill-artisti u lill-ħaddiema kulturali u kreattivi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni konsistenti, aktar komprensiva u personalizzata għall-ħaddiema kulturali transfruntiera, kif ukoll għall-awturi, l-artisti u l-kreaturi, dwar il-mobbiltà permezz ta' inizjattivi bħal settijiet ta' għodod u manwali aġġornati;

8.   

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni ċara lill-artisti dwar kwistjonijiet ta' mobbiltà relatati mar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit;

9.   

Jikkundanna l-fatt li l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw id-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali fil-ħin u qabel l-iskadenza tas-7 ta' Ġunju 2021; jiddispjaċih dwar il-fatt, madankollu, li l-Kummissjoni ppubblikat il-linji gwida tlett ijiem biss qabel l-iskadenza għall-implimentazzjoni; jemmen li dan juri li hemm bżonn li r-regolament ikopri wkoll kwistjonijiet proċedurali;

10.   

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippermettu lill-professjonisti kulturali u kreattivi jnaqqsu mit-taxxi tagħhom l-ispejjeż tan-negozju fir-rigward tal-attività artistika tagħhom u kif ukoll l-ispejjeż relatati mat-tagħmir jew it-taħriġ (titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid);

11.   

Jissottolinja li hemm bżonn ta' data u statistika dettaljati u komparabbli diżaggregati skont il-ġeneru dwar l-impjiegi u l-introjtu kulturali fis-CCSI;

12.   

Jinkoraġġixxi sinerġija akbar bejn is-setturi kulturali u edukattivi, u l-promozzjoni ta' parteċipazzjoni akbar ta' skejjel u istituzzjonijiet artistiċi u kulturali f'attivitajiet taħt Erasmus+, u f'azzjonijiet oħra taħt programmi tal-UE, kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema; jistieden lill-Istati Membri jinkludu u jippromwovu bis-sħiħ l-aċċess għall-edukazzjoni tal-arti, it-taħriġ vokazzjonali u edukattiv u l-kwalifiki akkademiċi, bħala parti minn approċċ olistiku għall-irkupru tas-CCSI u dak tas-soċjetà kollha kemm hi; jinnota l-importanza li jingħata aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid u fost affarijiet oħra t-taħriġ permezz ta' programmi ta' mentoring, kif ukoll l-iżvilupp ta' materjali ta' taħriġ madwar l-UE għat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għal impjieg kulturali u kreattiv;

13.   

Jappella lill-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva (UE) 2019/790 dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali b'enfasi qawwi fuq il-protezzjoni ta' xogħlijiet kulturali u kreattivi u ta' dawk li joħolquhom u b'mod partikolari biex jiggarantixxu remunerazzjoni ġusta, xierqa u proporzjonata għall-awturi u l-artisti; jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib li dawn il-prinċipji ewlenin jiġu implimentati b'mod effettiv;

14.   

Jirrimarka l-importanza tal-liċenzji territorjali fil-mudell kummerċjali tal-maġġoranza tal-entitajiet tas-CCSI; ifakkar fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Kummissjoni tar-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat; jirrimarka li qabel ma tiġi kkunsidrata kwalunkwe miżura ta' segwitu, hemm bżonn li jingħata widen għall-ilħna tad-detenturi tad-drittijiet meta jkun qed jiġi diskuss il-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur; ifakkar li d-dħul mid-drittijiet tal-awtur mhux biss jirrappreżenta l-qalba tar-remunerazzjoni ġusta tal-artisti u l-kreaturi, iżda wkoll ta' ħafna atturi żgħar fis-CCSI; ifakkar li kwalunkwe bidla drastika f'dan il-qasam tista' twassal għal konsegwenzi drammatiċi għal ħafna minnhom;

15.   

Jiddispjaċih għall-fatt li t-traspożizzjoni nazzjonali tad-Direttivi (UE) 2019/790 u 2019/789 (12) hija xi ftit jew wisq ittardjata, filwaqt li ftit Stati Membri biss ħatfu l-opportunità mogħtija mill-Artikolu 18 biex jimplimentaw mekkaniżmi ta' rimunerazzjoni xierqa; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw il-mekkaniżmi effettivi ta' rimunerazzjoni previsti fl-Artikolu 18 tad-Direttiva (UE) 2019/790;

16.   

Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ġestjoni tad-drittijiet kollettivi meta timplimenta d-direttivi adottati reċentement dwar id-drittijiet tal-awtur, kif ukoll fl-inizjattivi li jmiss tagħha biex tiżgura r-remunerazzjoni ġusta tal-kreaturi u aċċess wiesa' għax-xogħlijiet kulturali u kreattivi għall-pubbliku;

17.   

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta b'mod effettiv l-inizjattivi tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-inklużjoni u l-integrazzjoni fl-oqsma kulturali u awdjoviżivi permezz tal-Programm Ewropa Kreattiva u timmonitorja r-riżultati tagħhom;

18.   

Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt tal-pjattaformi tal-istreaming tal-mużika fl-Ewropa, sabiex tiżgura t-trasparenza tal-algoritmi tar-rakkomandazzjoni tagħhom, peress li sa ċertu punt jiddeterminaw liema kontenut il-konsumaturi tagħhom jisimgħu u jaraw fuq il-playlists u l-interfaċċi tal-utenti tas-servizzi, u biex tikkunsidra l-introduzzjoni ta' obbligi pożittivi għall-promozzjoni tad-diversità kulturali u l-iskopribbiltà tax-xogħlijiet Ewropej fis-servizzi tagħhom;

19.   

Jikkundanna bil-qawwa l-isterjotipi, is-sessiżmu u l-fastidju sesswali fis-CCSI;

20.   

Jilqa' l-inizjattivi ta' xi Stati Membri biex jinkoraġġixxu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-għażla għal pożizzjonijiet ogħla fl-istituzzjonijiet kulturali pubbliċi;

21.   

Jirrikonoxxi r-rwol kruċjali tal-kultura u l-arti fil-promozzjoni tad-diversità kulturali u t-trawwim ta' soċjetajiet inklużivi, u fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni;

22.   

Jenfasizza li l-pandemija attwali ssotolinjat l-importanza tal-isfera diġitali u amplifikat id-dipendenza tal-artisti u l-utenti fuq il-pjattaformi diġitali dominanti; f'dan ir-rigward, jenfasizza li hemm bżonn ta' aktar trasparenza; ifakkar li għal xi artisti u kreaturi li prinċipalment kienu jiddependu fuq avvenimenti pubbliċi, din il-bidla fil-paradigma ekonomika tirrappreżenta sfida f'termini ta' stabbiltà tad-dħul; jinsab imħasseb dwar il-fatt li f'dan il-mudell ta' negozju ġdid, ħafna artisti u kreaturi ma jistgħux jiksbu l-istess ammont ta' dħul minħabba li l-prattika minn pjattaformi ta' streaming dominanti jew kbar li jimponu klawżoli ta' akkwiżizzjoni ċċaħħad lill-awturi mir-royalties tagħhom u xxekkel ir-remunerazzjoni adegwata u proporzjonata għall-kreaturi; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, tevalwa s-sitwazzjoni u tieħu miżuri biex tiżgura li d-dħul jitqassam kif xieraq u b'mod ġust lill-kreaturi, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet kollha;

23.   

Jilqa' l-valutazzjoni tal-impatt tal-bidu tal-Kummissjoni u l-konsultazzjoni pubblika reċenti dwar in-negozjar kollettiv għal dawk li jaħdmu għal rashom, li teżamina l-possibbiltà li jitneħħew l-ostakli tal-liġi tal-kompetizzjoni għan-negozjar kollettiv għal dawk li jaħdmu għal rashom u għall-freelancers; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, li l-Kummissjoni tieħu l-approċċ l-aktar wiesa' possibbli, sabiex tiżgura aċċess għal negozjar kollettiv għall-ħaddiema kollha li jaħdmu għal rashom waħedhom, inklużi l-artisti u l-ħaddiema kulturali; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa aktar ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat u l-applikazzjoni tagħhom għas-CCSI u l-ħtiġijiet possibbli għall-adattament; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta' assoċjazzjoni għall-ħaddiema kollha fis-CCSI u jippromwovu n-negozjar kollettiv;

24.   

Jirrimarka li l-impjieg atipiku (kuntratti part-time u b'tul ta' żmien fiss, xogħol temporanju u impjieg indipendenti ekonomikament dipendenti) huwa komuni fis-settur tal-midja u l-kultura, u spiss iwassal għal sitwazzjonijiet ta' xogħol prekarju għall-artisti u l-professjonisti kulturali; jissottolinja l-bżonn urġenti li jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-CSSI; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw konverġenza 'l fuq biex jistabbilixxu standards minimi għall-artisti u l-professjonisti kulturali fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-remunerazzjoni ġusta u s-sigurtà soċjali, filwaqt li jirrikonoxxu l-karatteristiċi speċjali tas-CCSI bħax-xogħol staġjonali u l-kwalità tal-kreattività mhux monetizzata;

25.   

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Status Ewropew tal-Artist, li jistabbilixxi qafas komuni għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards minimi komuni għall-pajjiżi kollha tal-UE, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u tal-UE fir-rigward tas-suq tax-xogħol u l-politika kulturali, billi tadotta jew tapplika għadd ta' linji gwida koerenti u komprensivi fir-rigward, fost l-oħrajn, tal-kuntratti, mezzi ta' rappreżentanza u ġestjoni kollettivi, tas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni kontra l-mard u l-qgħad, l-iskemi tal-pensjoni, it-tassazzjoni diretta u indiretta, l-ostakli nontariffarji u l-asimmetriji tal-informazzjoni; jilqa' d-diskussjonijiet li jmiss tal-MMK bejn l-Istati Membri dwar l-istatus tal-artisti, li huma l-ewwel pass f'dan ir-rigward; jitlob li jitwaqqaf grupp ta' ħidma fil-qafas tal-MMK sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, kif ukoll biex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-progress fir-rigward tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti;

26.   

Jistieden lill-Kummissjoni timmappja d-definizzjonijiet eżistenti ta' artisti u ħaddiema kulturali fl-Istati Membri kollha bil-ħsieb li jiġi żviluppat fehim komuni li għandu jiġi rifless fit-tfassil tal-politika u fl-istatistika kulturali tal-UE; jinnota li tali definizzjoni għandha tqis in-natura orjentata lejn il-proċess tax-xogħol kulturali u tirrikonoxxi l-intensità tax-xogħol tal-istadji differenti tal-proċess kreattiv; iqis li tali definizzjoni għandha tkun allinjata wkoll mar-Rakkomandazzjoni tal-UNESCO tal-1980 dwar l-Istatus tal-Artist;

27.   

Jappella biex ikun hemm rikonoxximent u portabbiltà transfruntiera akbar tal-ħiliet, il-kwalifiki u d-diplomi kulturali u kreattivi biex tiġi ffaċilitata l-mobbiltà għall-persuni li jaħdmu fis-CCSI;

28.   

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jappoġġaw programmi u inizjattivi ta' taħriġ vokazzjonali għall-iżvilupp tal-karriera tal-awturi, l-artisti u l-kreaturi kulturali kollha, u, b'mod partikolari, jagħtuhom appoġġ biex jiksbu ħiliet diġitali, intraprenditorjali u ħiliet oħra sabiex jibbenefikaw minn opportunitajiet diġitali biex jippromwovu xogħolhom u jikkollaboraw ma' artisti oħra;

29.   

Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jissodisfaw ir-responsabbiltà u l-obbligu tagħhom li jrawmu u jiddefendu l-libertà artistika sabiex jirrispettaw id-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgawdu liberament kreazzjonijiet artistiċi u jipparteċipaw fil-kultura, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tissanzjona lil dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni twettaq aktar riċerka dwar is-suġġett u tħejji pjan direzzjonali għall-kisba ta' protezzjoni aħjar tal-libertà tal-espressjoni artistika fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu b'mod konġunt djalogu strutturat fost l-artisti, l-esperti legali u l-partijiet interessati rilevanti biex jiddeterminaw standards komuni għal-libertà tal-espressjoni artistika u jiżviluppaw u jimplimentaw linji gwida rilevanti;

30.   

Jilqa' l-konklużjonijiet reċenti tal-Kunsill dwar l-irkupru, ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-CCSI, b'mod partikolari fir-rigward tas-sejħa għal suq tax-xogħol ġust u sostenibbli u protezzjonijiet soċjali għall-professjonisti tas-CCSI, kif ukoll il-ħtieġa li jiġi żgurat id-dħul tal-artisti; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw dawn il-konklużjonijiet mill-aktar fis;

31.   

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess sħiħ għall-protezzjoni soċjali għall-artisti u l-ħaddiema kulturali, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tagħhom, inkluż l-aċċess għall-allowance tal-qgħad, il-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu miżuri speċifiċi għall-kategoriji differenti ta' professjonijiet kreattivi sabiex jindirizzaw id-dħul instabbli, ix-xogħol mhux imħallas u l-insigurtà tal-impjiegi, u jissalvagwardjaw standard minimu għad-dħul tagħhom;

32.   

Jistieden lill-Istati Membri jqisu kif xieraq is-sitwazzjoni unika tal-artisti minn gruppi emarġinati fl-iżvilupp tal-politiki, il-programmi ta' finanzjament u l-attivitajiet rilevanti kollha, u jneħħu l-ostakli kollha għall-kisba tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-settur, b'mod partikolari billi jintroduċu miżuri li jippermettu l-aċċess, il-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza ugwali tal-ħaddiema u l-artisti kulturali kollha;

33.   

Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-appoġġ tagħhom lis-CCSI permezz tat-tisħiħ tal-investiment pubbliku u l-inkoraġġiment tal-investiment privat fis-CCSI, kif ukoll is-sħubijiet pubbliċi-privati; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess aktar faċli għall-finanzi għall-artisti u l-kreaturi kulturali kollha;

34.   

Jistieden lill-Istati Membri jiddiversifikaw is-sorsi ta' appoġġ lis-CCSI u jiżguraw li ma jiġi implimentat l-ebda tnaqqis finanzjarju jew tnaqqis tal-fondi eżistenti, peress li s-settur għadu qed jitħabat mal-konsegwenzi tal-aħħar ċiklu ta' tnaqqis;

35.   

Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għal għotjiet u self pubbliċi billi jnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fl-istadji kollha tal-proċessi ta' applikazzjoni u rapportar, u biex jiżguraw it-trasparenza; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi sinerġiji bejn l-iskemi ta' finanzjament rilevanti kollha tal-UE b'ammonti speċifiċi ddedikati għas-settur kulturali u kreattiv, bħal Orizzont Ewropa, Ewropa Kreattiva, InvestEU, Ewropa Diġitali, il-fondi tal-politika ta' koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, li għandhom jiġu sfruttati sabiex jiġu appoġġati aħjar l-artisti u l-ħaddiema kulturali u jiġu pprovduti flussi ta' finanzjament ġodda, aċċessibbli u, fejn possibbli, regolari;

36.   

Jenfasizza l-importanza li proporzjon adegwat tal-miżuri ta' rkupru ekonomiku jiġi indirizzat lis-CCSI; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu l-kultura fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza u biex mill-inqas 2 % tal-pakkett baġitarju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jallokawh għall-kultura permezz ta' miżuri inklużivi li huma aċċessibbli għal kulħadd u li ma jħallu lil ħadd barra; jinsab allarmat li f'xi Stati Membri, il-pjanijiet ippreżentati jidhru li jallokaw perċentwal aktar baxx tal-finanzjament iddedikat għal dawk is-setturi jew saħansitra ma jallokaw xejn; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika data dwar l-ammonti u l-iskopijiet tal-fondi allokati fil-pjanijiet sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u tiffaċilità s-sorveljanza demokratika;

37.   

Itenni l-importanza li jingħata appoġġ lis-setturi kulturali kollha, inklużi l-professjonijiet tal-medjazzjoni kulturali, li għandhom rwol vitali bħala interfaċċja bejn il-pubbliku u x-xogħol artistiku jew il-wirt artistiku, u b'hekk jiggarantixxu l-aċċess għall-kultura u t-tixrid tagħha lil udjenza wiesgħa;

38.   

Jenfasizza li s-CCSI kienu l-ewwel setturi li ntlaqtu mill-pandemija, intlaqtu bl-aktar mod sever u kienu l-aħħar li rkupraw u minħabba r-restrizzjonijiet fil-kapaċità ta' avvenimenti u postijiet kulturali, l-irkupru tas-CCSI huwa mistenni li jkun saħansitra aktar bil-mod; jissottolinja li l-irkupru tas-CCSI jrid jimxi id f'id mat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tas-settur; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-irkupru fuq żmien qasir tal-ekosistema kulturali kollha u jsaħħu r-reżiljenza, il-kompetittività u l-innovazzjoni tas-CCSI fuq terminu twil, u jsaħħu dawn is-setturi billi jipprovdu appoġġ ġust u strutturat lil kulħadd, speċjalment lill-aktar atturi vulnerabbli, u jrawmu opportunitajiet ta' impjieg għall-artisti, l-awturi, l-artisti tal-ispettaklu, il-ħaddiema kulturali u l-professjonisti tal-medjazzjoni kulturali billi jappoġġaw il-kooperazzjoni f'oqsma dixxiplinari, kif ukoll jiżguraw monitoraġġ komprensiv tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fis-CCSI bl-għajnuna tal-Qafas Ewropew għall-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex jissurmontaw kwalunkwe kriżi maġġuri bl-iktar mod effettiv possibbli fil-futur u biex jakkumpanjaw it-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi tagħhom;

39.   

Jissottolinja li kwalunkwe azzjoni meħuda biex tgħin lis-CCSI fl-irkupru tagħhom jenħtieġ li mhux biss tkun immirata lejn l-irkupru ekonomiku, iżda tintuża wkoll għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u l-professjonisti kulturali, għat-titjib u t-taħriġ mill-ġdid ta' dawk il-ħaddiema biex ikunu jistgħu jinvolvu ruħhom fl-era diġitali u fid-dinja, u għall-investiment fis-saħħa tal-innovazzjoni ekoloġika tas-CCSI, li huma xprun tas-sostenibbiltà, kif ukoll dawk li jadottaw u jiffaċilitaw it-teknoloġiji fixkiela meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima; jenfasizza l-isfidi imposti mid-diġitalizzazzjoni fuq is-CCSI u għalhekk il-ħtieġa għal reviżjoni u tfassil mill-ġdid kostanti tal-mudelli tan-negozju sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet xprunati mis-suq abbażi tal-big data, il-cloud computing, l-ICT, l-intelliġenza artifiċjali u r-rwol b'saħħtu tal-pjattaformi tal-internet; jissottolinja l-importanza li d-detenturi tad-drittijiet tas-CCSI Ewropej ikollhom aċċess għal data tal-udjenza u sistemi ta' rakkomandazzjoni tal-kontenut u li dawn ikunu trasparenti; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' finanzjament garantit għad-diġitalizzazzjoni, il-preservazzjoni u d-disponibbiltà online ta' kontenut kulturali u kreattiv u l-wirt kulturali Ewropew tagħna;

40.   

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiġbru u jikkondividu data affidabbli dwar l-aħjar prattiki u metodi għad-distribuzzjoni tal-għajnuna lis-CCSI; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki b'rabta mal-aktar modi effiċjenti biex jitqassam il-finanzjament għall-irkupru fi żmien qasir u medju, sabiex tiġi żgurata kopertura massima tas-CCSI biex l-ebda artist jew ħaddiem kulturali ma jitħalla barra;

41.   

Jenfasizza l-importanza tar-remunerazzjoni għall-awturi u l-artisti online u offline, speċifikament permezz tal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv;

42.   

Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja kontinwament is-CCSI bi studji regolari dwar is-sitwazzjoni tal-artisti bil-għan li jkun hemm data preċiża, affidabbli, aġġornata u speċifika għas-settur fil-livell Ewropew sabiex tfassal tfassil ta' politika solida, kif ukoll biex ittejjeb l-immappjar tas-CCSI u tkun imħejjija aħjar f'każ ta' kriżijiet futuri;

43.   

Jilqa' l-fatt li matul il-kriżi ħafna ekosistemi kulturali ta' ħaddiema u organizzazzjonijiet adattaw għal formati ta' distribuzzjoni diġitali ġodda billi adottaw modi innovattivi biex jilħqu l-udjenza tagħhom; jirrimarka madankollu li l-involviment diġitali m'għandux jissostitwixxi l-esperjenzi kulturali personali;

44.   

Jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-użu ta' teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali sabiex l-artisti jkunu jistgħu jesploraw modi ġodda biex joħolqu u jxerrdu xogħolhom u jibbenefikaw aktar mill-opportunitajiet li joffri l-ambjent diġitali;

45.   

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12.

(2)  ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.

(3)  ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(4)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 152.

(5)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 92.

(6)  ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34.

(8)  ĠU L 107, 26.3.2021, p. 30.

(9)  Studju – “The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union”, Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B — Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 1 ta' Frar 2021.

(10)  Briefing – “The Situation of Artists and Cultural Workers and the post-COVID-19 Cultural Recovery in the European Union”, Parlament Ewropew, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku B — Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, 4 ta' Mejju 2021.

(11)  Ernst & Young, Rebuilding Europe: The cultural and creative economy before and after the COVID-19 crisis, Jannar 2021.

(12)  Id-Direttiva (UE) 2019/789 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 li tistabbilixxi regoli dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-awtur u ta' drittijiet relatati li japplikaw għal ċerti trażmissjonijiet online tal-organizzazzjonijiet tax-xandir u għal trażmissjonijiet mill-ġdid talprogrammi tat-televiżjoni u tar-radju u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 82).