Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1738/2006 tat- 23 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 930/2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea
Official Journal L 329 , 25/11/2006 P. 0001 - 0002
Official Journal L 200 , 01/08/2007 P. 0197 - 0198
20061123 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1738/2006 tat- 23 ta’ Novembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 930/2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 290 tiegħu, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 28 u 41 tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal- 15 ta' April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea [1] u r-Regolament tal-Kunsill Nru 1 tal- 15 ta' April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika [2], minn hawn 'il quddiem imsejħin "ir-Regolament Nru 1", Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 930/2004 ta' l- 1 ta' Mejju 2004 dwar miżuri temporanji ta' deroga dwar it-tfassil fil-lingwa Maltija ta' l-atti ta' l-Istituzzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea [3], u b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 3 tiegħu, Billi: (1) Bir-Regolament (KE) Nru 930/2004, il-Kunsill iddeċieda li, b'deroga mir-Regolament Nru 1 u għal perijodu transitorju ta' tliet snin li jibda mill- 1 ta' Mejju 2004, l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni m'għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu li jfasslu l-atti kollha bil-Malti u li jippubblikawhom b'dik il-lingwa fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea. (2) F'dak l-istadju, il-Kunsill qabel, fl-Artikolu 2 tar-Regolament imsemmi, li sa mhux aktar tard minn tletin xahar wara l-adozzjoni tar-Regolament, kellu jirrevedi kif qed jaħdem ir-Regolament u jiddetermina jekk jestendihx għal perijodu ieħor ta' sena. (3) Sa mill-bidu tal-perijodu transitorju, il-kondizzjonijiet tat-traduzzjoni minn u għall-Malti tjiebu konsiderevolment, tant li l-estensjoni tad-deroga temporanja ma tkunx ġustifikata. Permezz tad-Deċiżjoni ta' l- 24 ta' Ottubru 2006, il-Kunsill iddeċieda għaldaqstant li ma baqax lok għal tali estensjoni. Għalhekk il-perijodu transitorju ser jintemm fit- 30 ta' April 2007. (4) L-Artikolu 3 tar-Regolament imsemmi madankollu jipprevedi li, fi tmiem il-perijodu transitorju, l-atti kollha li si dak id-data jkunu għadhom ma ġewx pubblikati bil-Malti, għandhom jiġu pubblikati wkoll b'din il-lingwa. Madankollu, jidher li hu diffiċli ħafna li l-atti msemmija kollha jkunu jistgħu jiġu tradotti u pubblikati l-għada tat- 30 ta' April 2007. Ikun jaqbel għalhekk li l-imsemmi Artikolu 3 jiġi emendat bil-għan li l-istituzzjonijiet jingħataw żmien supplimentari li jippermettilhom li jlaħħqu t-total ta' l-atti li ma jkunux ġew pubblikati bil-Malti fi tmiem il-perijodu transitorju. ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 L-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 930/2004 għandu jinbidel b' dan li ġej: "Artikolu 3 L-atti kollha li ma jkunux ġew diġa pubblikati bil-Malti fit- 30 ta' April 2007 għandhom jiġu pubblikati f'dik il-lingwa wkoll sa mhux aktar tard mill- 31 ta' Diċembru 2008." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, 23 ta’ Novembru 2006. Għall-Kunsill Il-President S. Huovinen [1] ĠU 17, 6.10.1958, p. 385/58. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005 (ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3). [2] ĠU 17, 6.10.1958, p. 401/58. Regolament emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 920/2005. [3] ĠU L 169, 1.5.2004, p. 1. --------------------------------------------------