KONKLUŻJONIJIET TAL‑AVUKAT ĠENERALI

NORKUS

ippreżentati fit‑22 ta’ Mejju 2025 ( 1 )

Kawża C‑117/24

JYSK Kereskedelmi Kft.

vs

Nemzeti Élelmiszerlánc-biztonsági Hivatal

(talba għal domanda preliminari mressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam – Użu, kif ukoll żamma u evalwazzjoni ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta – Portata – Aċċess ta’ operatur għas-sistema tal-kumpannija omm tiegħu”

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) u (3), moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 995/2010 ( 2 ). Fil-fatt, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi dwar il-portata tal-obbligi imposti fuq l-operatur li jqiegħed injam u prodotti tal-injam fis-suq intern għall-ewwel darba u, b’mod partikolari, meta dan l-operatur ikun jagħmel parti minn grupp ta’ kumpanniji.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament (UE) Nru 995/2010

2.

L-Artikolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 995/2010, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern, kif ukoll l-obbligi tal-kummerċjanti.”

3.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[...]

(b)

‘tqegħid fis-suq’ tfisser provvista bi kwalunkwe mezz, irrispettivament mit-teknika ta’ bejgħ użata, ta’ injam jew prodotti tal-injam għall-ewwel darba fis-suq intern għad-distribuzzjoni jew l-użu waqt attività kummerċjali, kemm jekk bi ħlas kif ukoll mingħajr ħlas [...]

(c)

‘operatur’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika li tqiegħed fis-suq injam jew prodotti tal-injam;

[...]”

4.

Skont l-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Obbligi tal-operaturi”:

“1.   Għandu jkun ipprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.

2.   L-operaturi għandhom jeżerċitaw id-diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam. Għal dak il-għan, huma għandhom jużaw qafas ta’ proċeduri u miżuri, minn issa ‘l quddiem imsejħa ‘sistema ta’ diliġenza dovuta’ kif dispost fl-Artikolu 6.

3.   Kull operatur għandu jżomm u jevalwa regolarment is-sistema ta’ diliġenza dovuta li juża, ħlief jekk l-operatur juża sistema ta’ diliġenza dovuta stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8. Is-sistemi ta’ superviżjoni eżistenti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti u kull katina volontarja ta’ mekkaniżmu ta’ kustodja li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintużaw bħala bażi għal sistema ta’ diliġenza dovuta.”

5.

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, intitolat “Sistemi ta’ diliġenza dovuta”, jipprevedi:

“1.   Is-sistema ta’ diliġenza dovuta msemmija fl-Artikolu 4(2) għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni li ġejja dwar il-forniment ta’ injam jew prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq:

–

deskrizzjoni, inkluż l-isem kummerċjali u t-tip ta’ prodott, kif ukoll l-isem komuni tal-ispeċi tas-siġar u, fejn ikun applikabbli, l-isem xjentifiku sħiħ,

–

il-pajjiż tal-ħsad, u fejn ikun applikabbli:

(i)

ir-reġjun sub-nazzjonali fejn l-injam ġie maħsud; u

(ii)

il-konċessjoni tal-ħsad,

–

il-kwantità (espressa f’volum, piż jew numru ta’ unitajiet),

–

l-isem u l-indirizz tal-fornitur għall-operatur,

–

l-isem u l-indirizz tal-kummerċjant intern li jkunu ġew ipprovduti lilu l-injam jew il-prodotti tal-injam,

–

dokumenti jew informazzjoni oħra li tindika l-konformità ta’ dak l-injam u tal-prodotti tal-injam mal-leġiżlazzjoni applikabbli;

(b)

proċeduri ta’ stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.

Dawk il-proċeduri għandhom jieħdu kont tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) kif ukoll ta’ kriterji rilevanti ta’ stima tar-riskju, li jinkludu:

–

garanzija ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, li tista’ tinkludi ċertifikazzjoni jew skemi oħra verifikati minn parti terza li jkopru l-konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli,

–

prevalenza ta’ ħsad illegali ta’ speċi ta’ siġar speċifiċi,

–

prevalenza ta’ ħsad jew prattika illegali fil-pajjiż tal-ħsad u/jew fir-reġjun sub-nazzjonali fejn ġie maħsud l-injam, inkluża l-kunsiderazzjoni tal-prevalenza ta’ kunflitt armat,

–

sanzjonijiet imposti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet tal-injam,

–

kumplessità tal-katina ta’ forniment tal-injam u prodotti tal-injam;

(c)

ħlief fejn ikun negliġibbli r-riskju identifikat matul il-proċeduri ta’ stima tar-riskju imsemmija fil-punt (b), il-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju li huma magħmulin minn sett ta’ miżuri u proċeduri li huma adegwati u proporzjonati biex jimminimizzaw b’mod effettiv dak ir-riskju u li jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ informazzjoni jew dokumenti addizzjonali u/jew il-ħtieġa ta’ verifika minn parti terza.

[...]”

6.

L-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 995/2010, intitolat “Awtoritajiet kompetenti”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Kull Stat Membru għandu jaħtar l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

[...]”

7.

L-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ”, jipprovdi:

“1.   Organizzazzjoni ta’ monitoraġġ għandha:

(a)

iżżomm u tevalwa regolarment sistema ta’ diliġenza dovuta kif stabbilit fl-Artikolu 6 u tagħti d-dritt lill-operaturi biex jużawha;

(b)

tivverifika l-użu korrett tas-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta minn dawk l-operaturi;

(c)

tieħu miżuri adatti fil-każ fejn operatur jonqos milli juża korrettament is-sistema tagħha ta’ diliġenza dovuta, inkluża n-notifika tal-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ nuqqas sinifikanti jew ripetut mill-operatur.

[...]”

8.

L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kontrolli fuq l-operaturi”, jipprevedi:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu kontrolli biex jivverifikaw jekk l-operaturi humiex konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 4 u 6.

2.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitwettqu skont pjan rivedut perjodikament skont approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, jistgħu jitwettqu kontrolli wkoll meta awtorità kompetenti jkollha f’idejha tagħrif rilevanti, inkluż fuq il-bażi ta’ tħassib sostanzjali mogħti minn partijiet terzi, rigward il-konformità ta’ operatur ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jinkludu, inter alia:

(a)

eżami tas-sistema ta’ diliġenza dovuta, inklużi l-valutazzjoni tar-riskju u l-proċeduri tal-mitigazzjoni tar-riskju;

(b)

eżami ta’ dokumentazzjoni u rekords li juru t-tħaddim kif suppost tas-sistema u l-proċeduri ta’ diliġenza dovuta;

(c)

kontrolli għal għarrieda, inklużi verifiki fil-post.

[...]”

B.   Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 607/2012

9.

L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 607/2012 ( 3 ), intitolat “Iż-żamma tar-reġistri mill-operaturi”, jipprevedi:

“1.   Informazzjoni dwar forniment tal-operatur kif stipulat fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament [Nru 995/2010] u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju għandhom ikunu ddokumentati permezz rekords adegwati, li għandhom jinħażnu għal 5 snin u jinżammu disponibbli għal kontrolli mill-awtorità kompetenti.

2.   Bl-applikazzjoni tas-sistema tagħhom ta’ diliġenza dovuta l-operaturi għandhom ikunu kapaċi juru kif l-informazzjoni miġbura ġiet ivverifikata mal-kriterji tar-riskju stipulati fl-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament [Nru 995/2010], kif ittieħdet deċiżjoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u kif l-operatur iddetermina l-grad tar-riskju.”

II. Il-kawża prinċipali, id-domanda preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10.

JYSK Kereskedelmi Kft (iktar ’il quddiem “JYSK Ungerija”) hija kumpannija rregolata mid-dritt Ungeriż li tqiegħed fis-suq injam u prodotti tal-injam u, f’dan il-kuntest, timporta injam u prodotti tal-injam minn pajjiżi terzi. Hija tappartjeni kompletament lill-kumpannija omm tagħha LLG A/S (iktar ’il quddiem il-“kumpannija omm”), irreġistrata fid-Danimarka u attiva fil-bejgħ ta’ prodotti tal-injam. JYSK Ungerija twettaq l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni b’mod awtonomu, mingħajr l-intervent tal-kumpannija omm tagħha.

11.

Matul is-sena 2023, in-Nemzeti Élelmiszerlánc-biztonsági Hivatal (l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sigurtà tal-Katina tal-Ikel ) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju nazzjonali”), li huwa l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 995/2010 fl-Ungerija, wettaq kontroll fuq JYSK Ungerija sabiex jivverifika, b’mod partikolari, jekk din tal-aħħar kellhiex sistema ta’ diliġenza dovuta (iktar ’il quddiem is-“SDD”) konformi ma’ dan ir-regolament. Waqt dan il-kontroll, irriżulta li JYSK Ungerija tuża SDD li ġiet żviluppata mill-kumpannija omm tagħha u hija bbażata fuq analiżijiet ta’ riskju mwettqa kemm minn din tal-aħħar kif ukoll mill-Preferred by Nature, organizzazzjoni ta’ monitoraġġ fis-sens tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament. Il-kumpannija omm għandha diversi sussidjarji fl-Ewropa li jużaw din l-istess SDD.

12.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Mejju 2023, l-Uffiċċju nazzjonali kkonstata ksur tar-Regolament Nru 995/2010 minn JYSK Ungerija, impona fuqha multa u ordnalha tistabbilixxi SDD tagħha stess minħabba li hija ma kellhiex SDD stabbilita f’isimha stess u speċifikament maħluqa għall-attività li hija teżerċita, u lanqas ma kienet tuża SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 995/2010.

13.

JYSK Ungerija qiegħdha tikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), li hija l-qorti tar-rinviju f’din il-kawża, billi ssostni li s-SDD miżmuma mill-kumpannija omm tagħha tista’ titqies bħala s-sistema tagħha stess. Ir-Regolament Nru 995/2010 jimponi biss l-obbligu li tintuża SDD u mhux li tinħoloq waħda.

14.

L-Uffiċċju nazzjonali iqis, min-naħa l-oħra, li operatur fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010 huwa obbligat iżomm huwa stess SDD. Sa fejn il-kumpannija omm tafda lis-sussidjarji tagħha b’kompiti awtonomi fil-qasam tal-importazzjonijiet, li huwa l-każ ta’ JYSK Ungerija li twettaq hija stess direttament importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea, dan ir-regolament jimponi fuq is-sussidjarji u għalhekk fuq JYSK Ungerija b’mod partikolari li jżommu s-SDD tagħhom stess.

15.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-portata tal-obbligu li għandu l-operatur fil-kuntest ta’ SDD, previst mir-Regolament Nru 995/2010, u b’mod partikolari jekk, sabiex jissodisfa dan l-obbligu, huwiex biżżejjed li operatur juża SDD sabiex iwettaq il-ġbir tad-data, l-evalwazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju f’dak li jirrigwarda l-injam u l-prodotti tal-injam li huwa jqiegħed fis-suq intern għall-ewwel darba, jew jekk, għall-kuntrarju, tali operatur għandux ikollu SDD stabbilita f’ismu stess u speċifikament maħluqa għall-attività li huwa jeżerċita.

16.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fid-dawl tan-natura awtonoma tal-attività ta’ JYSK Ungerija, din stess hija, bħala operatur fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010, suġġetta għall-obbligi fil-kuntest ta’ SDD. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tindika li, waqt kontroll tas-sussidjarja Ġermaniża tal-kumpannija omm, l-awtorità kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament fil-Ġermanja qieset li din is-sussidjarja kienet tissodisfa l-obbligi tagħha fil-kuntest ta’ SDD billi tuża s-sistema miżmuma mill-kumpannija omm.

17.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament [Nru 995/2010], moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa konformi ma’ dawn id-dispożizzjonijiet il-fatt li operatur ikollu aċċess għall-elementi, imsemmija fl-Artikolu 6(1) tiegħu, tas-[SDD] miżmuma u evalwata mill-kumpannija parent tiegħu jew użata minnha u stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, fis-sens tal-Artikolu 8 [tar-regolament iċċitat]?”

18.

Id-deċiżjoni tar-rinviju, tal‑1 ta’ Frar 2024, waslet fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Frar 2024. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Uffiċċju nazzjonali, konvenut fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Spanjol u minn dak Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet ikkonċernati, kif ukoll ir-rikorrenti u l-konvenut fil-kawża prinċipali, ipparteċipaw ukoll għas-seduta li nżammet fis‑26 ta’ Frar 2025.

III. Analiżi

19.

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-prattika ta’ sussidjarja li tikkonsisti f’li jkollha aċċess għall-elementi ta’ SDD, prevista mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, miżmuma u evalwata mill-kumpannija omm tagħha jew stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8 u użata minn din il-kumpannija omm, hijiex konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan ir-regolament. Għalhekk, hija tistaqsi dwar il-portata tal-obbligi li għandhom l-operaturi, stabbiliti fl-Artikolu 4(2) u (3) tal-imsemmi regolament. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk dan l-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll l-Artikolu 6(1) tal-istess regolament jimponux fuq l-operaturi li jkollhom SDD f’isimhom stess u speċifikament maħluqa għall-attività li huma jeżerċitaw.

20.

Għandu jiġi osservat li l-kunċett ta’ SDD, li madwaru ddur id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża, ma huwiex iddefinit fid-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 995/2010 jipprevedi li dan huwa qafas ta’ proċeduri u ta’ miżuri, li l-kriterji tiegħu huma elenkati fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Għalhekk, jista’ jiġi dedott, minn qari ta’ dawn l-artikoli flimkien, li dan huwa metodu fi stadji li permezz tiegħu l-operaturi jistgħu jidentifikaw u jimmitigaw riskju ta’ tqegħid fis-suq ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn tali injam. Dokument ta’ gwida għar-Regolament tal-Unjoni dwar l-Injam ( 4 ) maħruġ mill-Kummissjoni iżid li dan il-metodu fi stadji, iddokumentat u ttestjat, jinkludi kontrolli u għandu l-għan li jipproduċi, fi proċess tan-negozju, riżultat kompatibbli mal-objettivi mixtieqa.

21.

Madankollu, waqt is-seduta ġie ċċarat li s-SDD, maħluqa mill-kumpannija omm u mqiegħda għad-dispożizzjoni tas-sussidjarja tagħha, kienet tagħti aċċess għall-elementi kollha tagħha fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, u li l-kumpannija omm kienet twettaq, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju għas-sussidjarja tagħha. Sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, waqt l-eżami tal-portata tal-obbligi li għandhom l-operaturi skont l-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll skont l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ser nieħu għalhekk inkunsiderazzjoni dawn il-kjarifiki.

22.

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi interpretata dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li din tkun tagħmel parti minnha ( 5 ).

A.   Interpretazzjoni testwali

23.

Fir-rigward tal-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, l-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 995/2010 jipprovdi li, sabiex jeżerċitaw diliġenza dovuta meta jqiegħdu fis-suq injam jew prodotti tal-injam, l-operaturi għandhom “jużaw” SDD. Dan l-artikolu jipprevedi, fil-paragrafu 3 tiegħu, li kull operatur “għandu jżomm u jevalwa regolarment is-[SDD] li juża, ħlief jekk l-operatur juża [SDD] stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8”.

24.

Preliminarjament, għandu jiġi nnotat li mill-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 4(2) u (3) jirriżulta li żewġ tipi ta’ obbligi huma imposti fuq l-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam għall-ewwel darba: l-obbligu li tintuża SDD, minn naħa, u l-obbligu li din tinżamm u tiġi evalwata, min-naħa l-oħra ( 6 ).

25.

L-ewwel obbligu dwar l-użu ta’ SDD huwa speċifikat fl-imsemmi Artikolu 4(2), li jirreferi espressament għall-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 995/2010, li jistabbilixxi l-elementi li għandha tinkludi din is-SDD. Minn qari ta’ dawn l-artikoli flimkien jirriżulta li l-obbligu li tintuża SDD huwa inseparabbli mit-teħid tal-miżuri adattati bbażati fuq l-elementi kollha li jifformaw din is-SDD. F’dan ir-rigward, dawn il-miżuri għandhom (i) jipprovdu lill-operatur aċċess għall-informazzjoni relatata mal-injam u mal-prodotti tal-injam li jqiegħed fis-suq, (ii) jippermettulu jwettaq, abbażi ta’ din l-informazzjoni, l-analiżi u l-evalwazzjoni tar-riskju li jitqegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam li ġejjin minn tali injam, u (iii) jippermettulu jimmitiga tali riskju, jekk dan ma jkunx negliġibbli ( 7 ).

26.

Barra minn hekk, l-obbligu li tintuża SDD jikkonċerna direttament il-kontenut tagħha, jiġifieri l-elementi konkreti li jifformawha u li, loġikament, jistgħu jvarjaw skont l-attività kummerċjali proprja ta’ kull operatur. Għandu jingħad ukoll li, fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ dawn l-elementi, esposti fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, is-SDD għandha, fil-fehma tiegħi, tkun marbuta mal-attività kummerċjali li permezz tagħha l-operatur iqiegħed fis-suq l-injam jew il-prodotti tal-injam. Dawn l-elementi għandhom iwasslu, b’mod partikolari, għal evalwazzjoni u mitigazzjoni tar-riskju speċifiku ġġenerat minn din l-attività ( 8 ).

27.

B’kuntrast ma dan, it-tieni obbligu dwar iż-żamma u l-evalwazzjoni ta’ SDD japplika, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 995/2010, għall-qafas stess li fih huma integrati l-elementi ta’ SDD. Għalhekk, minħabba l-evalwazzjonijiet regolari li dan l-obbligu jimponi, dan l-obbligu jaffettwa, b’mod iktar ġenerali meta mqabbel mal-obbligu msemmi fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, il-funzjonament stess ta’ SDD bħala metodu ( 9 ), li għandu, loġikament, ikun adattat għall-attività kummerċjali ta’ operatur.

28.

Madanakollu, għandu jiġi rrilevat li r-regolament inkwistjoni ma jiddefinixxix il-kliem “juża”, “iżomm” u “jevalwa”, użati sabiex jiddeskrivu l-obbligi li huwa jimponi fuq l-operaturi. Madankollu, it-tifsira normali ta’ dan il-kliem fil-kuntest tat-tqegħid fis-suq ta’ injam jew ta’ prodotti tal-injam tagħti x’tifhem li dan jirreferi għall-azzjoni ta’ applikazzjoni, ta’ pussess u ta’ evalwazzjoni ta’ SDD.

29.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza d-differenza bejn iż-żamma ta’ SDD, li tikkonsisti f’li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-miżuri u tal-proċeduri previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 995/2010, obbligu impost fuq l-operaturi, u l-istabbiliment ta’ din is-sistema, li ma jaqax taħt il-kompetenza tagħhom ( 10 ). L-Uffiċċju nazzjonali, min-naħa tiegħu, jiddistingwi bejn, minn naħa, l-istabbiliment, l-applikazzjoni u l-kontrolli perijodiċi tas-SDD tal-operatur stess, u min-naħa l-oħra, l-użu ta’ SDD, imfassla minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ speċifikament għall-attività tas-suq inkwistjoni, u li l-użu tajjeb ta’ din is-sistema huwa vverifikat b’mod regolari mill-imsemmija organizzazzjoni. Għall-bqija, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, JYSK Ungerija ġiet ikkritikata, b’mod partikolari, talli ma kellhiex SDD stabbilita f’isimha stess u speċifikament stabbilita għall-attività li hija teżerċita ( 11 ).

30.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-obbligu li tiġi stabbilita SDD la huwa previst u lanqas iddefinit mir-Regolament Nru 995/2010, li jillimita espressament l-obbligi tal-operaturi fil-kuntest ta’ SDD għall-użu, għaż-żamma u għall-evalwazzjoni tagħha ( 12 ). Mill-kliem “juża”, “iżomm” u “jevalwa” ma jirriżultax li dawn jinkludu l-istabbiliment ta’ SDD mill-operatur. Għall-kuntrarju, l-użu tal-kliem “[SDD] li juża [l-operatur]” b’kuntrast ma’ “[SDD] stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ” fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 995/2010 jippermetti li tiġi enfasizzata d-differenza li teżisti bejn id-dmirijiet rispettivi ta’ dawn l-atturi.

31.

Fit-tieni lok, l-azzjonijiet ta’ użu, ta’ żamma u ta’ evalwazzjoni jaqgħu, skont il-kliem ta’ dan l-Artikolu 4(2) u (3) tar-Regolament Nru 995/2010, fuq l-operaturi. B’mod partikolari, fir-rigward tal-obbligu li tintuża SDD, il-formulazzjoni użata fl-Artikolu 4(2) timponi, kif nifhimha jien, dan l-obbligu ( 13 ) b’mod inkundizzjonat fuq l-operatur biss. Fi kliem ieħor, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma tagħti l-ebda possibbiltà lil operatur li jeħles minn dan l-obbligu billi jiddelegah lil persuna fiżika jew ġuridika oħra ( 14 ).

32.

Madankollu, sa fejn dan l-Artikolu 4(2) għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, dan il-qari flimkien jidher li jissuġġerixxi ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti elementi ta’ SDD, imsemmija f’dan l-aħħar artikolu. Fir-rigward, minn naħa, tal-element tas-SDD dwar it-teħid tal-“miżuri u proċeduri li jipprovdu aċċess għall-informazzjoni [marbuta mal-]injam jew [mal-]prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq”, għandu jiġi kkonstatat li l-formulazzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 995/2010 ma tippermettix li jiġi eskluż li l-informazzjoni li għandu jkollu aċċess għaliha l-operatur tkun tista’ tinġabar minn terz f’isem dan l-operatur.

33.

Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-elementi ta’ SDD relatati, essenzjalment, mal-“proċeduri ta’ stima tar-riskju”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, għandu jiġi nnotat li dan l-Artikolu 6(1) jipprevedi, fl-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt (b) tiegħu, li wieħed mill-kriterji rilevanti għall-evalwazzjoni tar-riskji, jiġifieri l-garanzija tal-osservanza tal-leġiżlazzjoni applikabbli, jista’ jinkludi ċertifikazzjoni jew sistemi oħra ta’ verifika minn terz. Fir-rigward tal-“proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskju” fis-sens tal-Artikolu 6(1)(c) ta’ dan ir-regolament, dan l-artikolu jipprovdi li dawn jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ verifika minn terz. B’hekk, il-formulazzjoni ta’ dan l-ewwel inċiż tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu (b) u tal-paragrafu (c), b’mod partikolari, l-użu tal-kliem “tista’ tinkludi” u “jistgħu jinkludu l-ħtieġa ta’ informazzjoni […] u/jew il-ħtieġa ta’ verifika minn parti terza” jissuġġerixxu li dawn huma għażliet li jitħallew għad-diskrezzjoni tal-operaturi, li jistgħu jagħżlu li jkunu assistiti minn terzi fl-applikazzjoni ta’ ċerti elementi ta’ SDD ( 15 ).

34.

Għandu jitfakkar li, kif ġie ċċarat waqt is-seduta, il-kumpannija omm twettaq il-proċeduri ta’ evalwazzjoni u ta’ mitigazzjoni tar-riskju għas-sussidjarja tagħha u tibgħatilha r-riżultati tagħhom. Madankollu, in-nuqqas ta’ esklużjoni espressa relatata mal-fatt li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament Nru 995/2010 hija miġbura minn terz għal u/jew f’isem l-operatur jew anki li dan ikun assistit, sa ċertu punt, waqt l-evalwazzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskju, previsti fl-Artikolu 6(1)(b) u (c), minn terzi, ma jistax jiġi interpretat, skont il-kliem ta’ dan l-artikolu, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, bħala li jippermetti lill-operaturi jeħilsu mill-obbligu tagħhom li jużaw SDD billi sempliċiment jaċċessaw l-elementi kollha ta’ din is-SDD, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, l-obbligu ta’ użu, fis-sens tal-Artikolu 4(2), għandu jiġi interpretat, fil-fehma tiegħi, bħala li jimponi fuq dawn tal-aħħar ir-responsabbiltà li jieħdu miżuri adattati sabiex jevitaw it-tqegħid fis-suq tal-injam u tal-prodotti tal-injam li ġejjin minn ħsad illegali, li fl-aħħar mill-aħħar jimplika aġir proattiv min-naħa tal-operatur.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sempliċi aċċess għall-elementi ta’ SDD ma jistax ikun permess fid-dawl tal-interpretazzjoni letterali tal-Artikolu 4(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, peress li dan l-aċċess jikkostitwixxi ħelsien komplet ta’ operatur milli jwettaq l-obbligu tiegħu ta’ użu fis-sens ta’ dawn l-artikoli.

36.

Fir-rigward tat-tieni obbligu li tinżamm u li tiġi evalwata regolarment SDD, minkejja li l-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 995/2010 jipprovdi li dan l-obbligu huwa impost fuq “kull operatur”, huwa jipprevedi wkoll eċċezzjoni, indikata permezz tal-introduzzjoni ta’ din tal-aħħar bil-frażi konġuntiva “ħlief”, jiġifieri, meta operatur juża SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament ( 16 ). L-interpretazzjoni letterali ta’ dan l-Artikolu 4(3) tagħti x’tifhem li l-użu ta’ SDD minn sussidjarja, meta tali sistema tkun, essenzjalment, miżmuma u evalwata mill-kumpannija omm, għandu jiġi eskluż, peress li l-unika eċċezzjoni prevista tidher li tikkonċerna l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

37.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-ipoteżi fejn sussidjarja tuża SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, filwaqt li d-dritt ta’ użu tagħha jingħata lill-kumpannija omm, għandu jiġi nnotat li din is-sitwazzjoni timplika iktar atturi milli jawtorizza espressament ir-Regolament Nru 995/2010. Tali sitwazzjoni lanqas ma hija espressament prevista fl-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll fl-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament.

38.

Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, il-portata tal-obbligi imposti fuq l-operaturi, jiġifieri l-użu ta’ SDD, fis-sens li l-operatur huwa responsabbli għat-teħid ta’ miżuri adattati konformement ma’ din is-SDD, minn naħa, u ż-żamma u l-evalwazzjoni ta’ din is-SDD, li l-eżekuzzjoni tagħhom tista’ tiġi fdata, minflok lill-operatur, lil organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, min-naħa l-oħra, tirriżulta b’mod espliċitu mill-kliem tal-Artikolu 4(2) u (3) kif ukoll tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010. Minn dan jirriżulta wkoll li dawn l-azzjonijiet ta’ użu, ta’ żamma u ta’ evalwazzjoni għandhom, loġikament, ikunu marbuta mal-attività ekonomika tal-operatur.

B.   Interpretazzjoni kuntestwali

39.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni kuntestwali tal-Artikolu 4(2) u (3) u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, din tippermetti li tiġi kkonfermata, fil-fehma tiegħi, il-portata tal-obbligi imposti fuq l-operaturi, kif tirriżulta mill-interpretazzjoni testwali tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni.

40.

B’mod partikolari, mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 995/2010 jirriżulta, essenzjalment, li l-miżuri speċifiċi previsti minn dan ir-regolament jiffokaw fuq l-aġir tal-operaturi. Il-premessa 16 tipprevedi li l-operaturi li jimportaw l-injam għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiżguraw li injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam ma jitqegħdux fis-suq intern. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 607/2012 jistabbilixxi “l-obbligu tal-operatur li jżomm miżuri […] msemmija fl-Artikolu 6(1)(a) [tar-Regolament Nru 995/2010] dwar kull kunsinna tal-injam u ta’ prodotti tal-injam mqiegħda fis-suq mill-operatur” ( 17 ). Barra minn hekk, l-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni jimponi fuq l-operaturi l-obbligu li jżommu reġistri xierqa dwar il-ġbir ta’ informazzjoni u l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ mitigazzjoni tar-riskji kif ukoll, fil-paragrafu 2 tiegħu, il-kapaċità li jindikaw, essenzjalment, kif l-informazzjoni miġbura tkun ġiet ivverifikata, kif tkun ittieħdet id-deċiżjoni dwar miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju, u kif il-grad ta’ riskju jkun ġie ddeterminat.

41.

Jirriżulta b’mod ċar minn dan il-kuntest, li fil-fehma tiegħi, jimponi wkoll aġir proattiv min-naħa tal-operatur, li l-obbligi skont ir-Regolament Nru 995/2010 jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal-operaturi, b’rabta mal-attività kummerċjali tagħhom li tikkonsisti fit-tqegħid ta’ injam jew ta’ prodotti tal-injam fis-suq intern għall-ewwel darba. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, minn dan jista’ jiġi dedott li l-element importanti, huwa l-effettività tas-sistema ta’ protezzjoni stabbilita minn dan ir-regolament, intiża li tipprevjeni l-kummerċjalizzazzjoni tal-injam maħsud b’mod illegali. Huwa loġiku li l-effettività tagħha ma tiġix żgurata jekk is-SDD użata ma tkunx adattata għall-attività ekonomika tal-operatur, jiġifieri jekk ma tkunx ibbażata fuq informazzjoni dwar l-attività ekonomika tiegħu.

42.

F’dan ir-rigward, jekk, bla ħsara għal verifika minn qorti tar-rinviju, kellu jitqies, kif spjegat minn JYSK Ungerija waqt is-seduta, li s-SDD hija adattata għall-attività kummerċjali tagħha, fis-sens li l-informazzjoni miġbura mill-kumpannija omm għas-sussidjarja tagħha tikkonċerna tassew il-prodotti mixtrija minn din tal-aħħar, u li l-evalwazzjoni kif ukoll il-mitigazzjoni tar-riskji jitwettqu abbażi ta’ din l-informazzjoni, għandu jiġi enfasizzat li ma huwiex l-operatur fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010 stess, jiġifieri s-sussidjarja, iżda l-kumpannija omm tagħha li tagħmel użu mis-SDD fis-sens tal-Artikolu 4(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, hija l-kumpannija omm li tieħu l-miżuri abbażi ta’ dawn l-elementi kollha tas-SDD, peress li s-sussidjarja jkollha biss aċċess għal dawn l-elementi.

43.

Issa, kif jirriżulta mill-punti 40 u 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-kuntest li taħtu jaqgħu l-Artikolu 4(2) u (3), kif ukoll l-Artikolu 6(1) ma jidhirx, fil-fehma tiegħi, li jippermetti li l-operatur jeħles minn dan l-obbligu billi jittrasferixxi l-eżekuzzjoni sħiħa ta’ tali obbligu lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra. Fil-fatt, bla ħsara għal ċerta flessibbiltà fl-applikazzjoni ta’ ċerti elementi tas-SDD ( 18 ), l-operatur jibqa’ marbut b’obbligu li jużaha, kif deskritt fil-punti 25, 26 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li jimplika aġir proattiv min-naħa tiegħu.

44.

F’dan il-każ, sussidjarja li teżerċita attività kummerċjali b’mod awtonomu ma tistax tittrasferixxi, b’mod konformi mas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 995/2010, it-teħid ta’ deċiżjoni u, b’mod iktar ġenerali, aġir proattiv, bħall-evalwazzjoni tar-riskju u l-adozzjoni tal-miżuri għall-mitigazzjoni tiegħu, lill-kumpannija omm tagħha, li teżerċita wkoll attività kummerċjali awtonoma. Fil-fatt, din is-sistema timponi fuq l-operatur, f’dan il-każ din is-sussidjarja, l-obbligu li jadatta l-aġir tiegħu sabiex jevita t-tqegħid fis-suq intern għall-ewwel darba ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam.

45.

Madankollu, għandu jiġi nnotat li r-Regolament Nru 995/2010 jipprevedi possibbiltà li l-operatur jinħeles mill-obbligu li jżomm u li jevalwa regolarment SDD bil-kundizzjoni li huwa juża SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ( 19 ). Madankollu, mill-kuntest li taħtu jaqgħu l-Artikolu 4(2) u (3), kif ukoll l-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, jirriżulta b’mod ċar li tali ħelsien japplika biss għal dan l-obbligu ta’ żamma u ta’ evalwazzjoni regolari. Għall-kuntrarju, l-obbligu li tintuża SDD jaqa’ dejjem fuq l-operatur ( 20 ).

46.

L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 995/2010, kif jindika t-titolu tiegħu, jirregola l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ u jipprevedi li dawn jistgħu ikunu responabbli għaż-żamma u għall-evalwazzjoni tas-SDD tagħhom imqiegħda għad-dispożizzjoni ta’ operatur. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-artikolu jimponi kundizzjonijiet speċifiċi fuq organizzazzjoni sabiex hija tkun tista’ titlob li tiġi rrikonoxxuta bħala organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ( 21 ). Fil-fatt, il-limitazzjoni stretta tal-funzjonijiet ta’ żamma u ta’ evalwazzjoni tas-SDD minn entità oħra għajr l-operatur innifsu tirriżulta mir-responsabbiltà assoċjata ma’ dan il-kompitu, jiġifieri, dik li jiġi żgurat li l-metodu applikat jipprekludi t-tqegħid fis-suq intern għall-ewwel darba ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam. Dan l-approċċ huwa ġġustifikat mill-importanza mogħtija lill-protezzjoni kontra l-ħsad illegali. Barra minn hekk, l-imsemmi Artikolu 8(1) jimponi fuq l-organizzazzjonijiet l-obbligu li jivverifikaw li l-operaturi jużaw b’mod xieraq is-SDD tagħhom u li jieħdu miżuri fil-każ ta’ użu inadegwat ta’ din is-sistema.

47.

F’dan ir-rigward, wieħed jista’ jistaqsi jekk tistax tiġi stabbilita analoġija f’dan il-każ bejn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ u kumpannija omm li żżomm u tevalwa SDD, użata mis-sussidjarja tagħha ( 22 ). Ċertament, ma jistax jiġi eskluż, fuq livell prattiku, li kull entità fi ħdan grupp ta’ kumpanniji tista’, fid-dawl tal-interessi finanzjarji ta’ dan il-grupp, tistabbilixxi SDD u tagħti d-dritt ta’ użu tagħha lil entità oħra tal-istess grupp, filwaqt li tieħu ħsieb iż-żamma u l-evalwazzjoni tagħha, kif tagħmel organizzazzjoni ta’ monitoraġġ. Madankollu, huwa importanti li r-rekwiżiti li jaqgħu fuq tali entità ma jkunux inqas minn dawk previsti fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 995/2010 għall-organizzazzjonijiet li jkunu jixtiequ jiġu rikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

48.

Wieħed jista’ leġittimament jistaqsi jekk, fi ħdan grupp ta’ kumpanniji, entità li tkun awtorizzata, fid-dawl tal-kompetenza u tal-kapaċità tagħha, li żżomm u li tevalwa SDD, bħalma tagħmel organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, effettivament tikkomunikax lill-awtoritajiet kompetenti kull nuqqas sinjifikattiv jew ripetut ta’ entitajiet tal-grupp li hija tkun ingħatat d-dritt li tuża din is-SDD ( 23 ). Dan huwa jerġa iktar inċert meta dawn l-entitajiet ikunu jappartjenu għall-istess unità ekonomika minħabba rabtiet mill-qrib fi ħdan l-istess grupp. Fil-fatt, tali komunikazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tista’ twassal fl-aħħar mill-aħħar għal sanzjoni li tista’ taffettwa l-interessi finanzjarji ta’ din l-unità kollha kemm hi. F’tali ċirkustanzi, il-fatt li jiġi ammess li, f’dan il-każ, kumpannija omm tista’ żżomm u tevalwa SDD tas-sussidjarja tagħha jista’ jwassal, b’loġika kummerċjali intiża li tiġġenera profitti, għal evażjoni tas-sistema, stabbilita mir-Regolament Nru 995/2010.

49.

Barra minn hekk, jekk sussidjarja kellha tuża SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ filwaqt li d-dritt ta’ użu tagħha jkun ingħata lill-kumpannija omm tagħha, din is-sitwazzjoni tkun ċertament problematika. Fil-fatt, meta organizzazzjoni ta’ monitoraġġ tawtorizza lil operatur juża SDD, hija tassumi obbligi speċifiċi li ma jkunux imposti fuqha fin-nuqqas ta’ tali ftehim, u, b’mod iktar ġenerali, fin-nuqqas ta’ għarfien stess ta’ tali użu. Għaldaqstant, dan l-arranġament huwa inkompatibbli mas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 995/2010.

C.   Interpretazzjoni teoloġika

50.

Fir-rigward tal-interpretazzjoni teleoloġika, għandu jitfakkar li l-għan tar-Regolament Nru 995/2010 huwa li jiġi miġġieled il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat miegħu ( 24 ). Għalhekk, bħala att li jaqa’ taħt il-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent, dan ir-regolament jsegwi, b’mod iktar ġenerali, għanijiet differenti minn dawk segwiti mill-kumpanniji.

51.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li għalkemm, fil-kummerċ, huwa importanti li jkunu jistgħu jiġu eżerċitati attivitajiet transkonfinali, li wieħed jadatta ruħu għall-kundizzjonijiet tas-suq u li jinstabu opportunitajiet kummerċjali – għalhekk l-interess li jinħoloq grupp ta’ kumpanniji li jkun jirriżulta vantaġġuż għal dan l-eżerċizzju mill-perspettiva ekonomika – tali kunsiderazzjonijiet, fil-fehma tiegħi, ftit li xejn għandhom rilevanza fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent li tikkonċerna dan il-każ.

52.

Fil-fatt, ċertament, ir-rabta bejn il-protezzjoni tal-ambjent u l-iżvilupp tal-kumpanniji għandha tinftiehem b’mod li ma jiġix ostakolat inutilment it-tkabbir tagħhom fis-suq intern. Pereżempju, għandu jiġi evitat li jiġu imposti piżijiet amministrattivi bla bżonn fuq l-operaturi għall-istabbiliment ta’ SDD ġodda jekk huma jkunu diġà jużaw sistemi konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 995/2010 ( 25 ). Huwa essenzjali wkoll li tiġi pprovduta assistenza teknika lill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u li jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni sabiex tingħatalhom għajnuna jikkonformaw mal-obbligi ambjentali tagħhom skont dan ir-regolament ( 26 ). Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet dwar l-interessi tal-kumpanniji, b’mod partikolari l-benefiċċji finanzjarji li dawn jiksbu mill-użu tal-istess SDD, fl-ebda każ ma jistgħu jipprevalu fuq il-kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq il-protezzjoni ambjentali, u lanqas ma jistgħu jeżentaw lill-operaturi mill-obbligu li jwettqu diliġenza konformement mar-rekwiżiti previsti minn dan ir-regolament.

53.

F’dan ir-rigward, il-miżuri stabbiliti mir-Regolament Nru 995/2010 huma intiżi li jilħqu riżultat konformi mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament. Fil-fatt, l-operaturi “jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam [ma humiex imqiegħda] fis-suq intern […] permezz ta’ sistema ta’ miżuri u proċeduri sabiex jiġi minimizzat ir-riskju ta’ tqegħid fis-suq intern ta’ injam li ġie maħsud b’mod illegali u ta’ prodotti tal-injam li ġejjin minn dan l-injam.” ( 27 ) Fi kliem ieħor, l-operaturi huma obbligati, fil-kuntest tal-attività kummerċjali tagħhom, jiksbu riżultat speċifiku, jiġifieri, inaqqsu r-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali u prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam, għal livell negliġibbli. L-obbligu li tiġi eżerċitata d-diliġenza dovuta, skont l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010 jixbah għalhekk lil obbligu ta’ riżultat.

54.

Minn naħa, l-obbligu li tintuża SDD għandu jitqies bħala ssodisfatt meta l-operatur ikun f’pożizzjoni li jkun jista’ juri li dan l-użu jkun ippermettielu jikseb ir-riżultat mistenni, billi jindika kif l-informazzjoni miġbura ġiet ivverifikata kontra l-kriterji ta’ riskju stipulati fl-Artikolu 6(1)(b) ta’ dan ir-regolament, kif ittieħdet deċiżjoni dwar il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju u kif l-operatur iddetermina l-grad ta’ riskju ( 28 ).

55.

Min-naħa l-oħra, l-obbligu li tinżamm u tiġi evalwata regolarment SDD, sabiex jintlaħqu r-riżultati mistennija, jista’ jitqies li jkun issodisfatt meta jintwera, permezz ta’ dokumentazzjoni relatata, li jkunu kontrolli regolari, jew mill-operatur innifsu, jew minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ ( 29 ), sabiex jiġi vverifikat il-funzjonament korrett ta’ SDD konformement mar-Regolament Nru 995/2010.

56.

Din il-konklużjoni hija msaħħa mill-fatt li l-ksur tal-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq intern ta’ injam maħsud b’mod illegali jew ta’ prodotti tal-injam ġejjin minn tali injam huwa suġġett għal sanzjonijiet, previsti mill-Istati Membri ( 30 ). Issa, is-sanzjonijiet jirrigwardaw lill-operaturi fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010, għaliex huma dawn l-operaturi li huma suġġetti għall-obbligi imposti minn dan ir-regolament.

57.

Madankollu, il-Kummissjoni tispjega li l-oriġini tar-Regolament Nru 995/2010 jirrifletti x-xewqa li titħalla ċerta flessibbiltà lill-operaturi fir-rigward tal-għażla ta’ SDD. Fil-fatt, mill-proposta għal dan ir-regolament jirriżulta li għalkemm il-leġiżlatur Ewropew xtaq, inizjalment, jimponi obbligu iktar strett fuq l-operaturi, jiġifieri l-istabbiliment ta’ SDD ( 31 ), din ix-xewqa ġiet abbandunata matul il-proċess leġiżlattiv, filwaqt li tħalliet possibbiltà għall-operaturi li jagħżlu bejn is-sistema tagħhom stess, SDD ipprovduta minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ jew sistema pprovduta minn terz ( 32 ).

58.

Fil-fehma tiegħi, din il-possibbiltà li tintuża SDD ipprovduta minn terzi li ma huwiex organizzazzjoni ta’ monitoraġġ – f’dan il-każ, entità oħra fi ħdan grupp ta’ kumpanniji – , ma tistax madankollu teħles lill-operatur mill-obbligu tiegħu li jżomm u jevalwa din is-SDD, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni. Kif intwera iktar ’il fuq ( 33 ), tali interpretazzjoni tmur kontra kemm il-formulazzjoni kif ukoll il-kuntest li jinsabu fih id-dispożizzjonijiet ikkonċernati, li jipprovdu li huma biss l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ irrikonoxxuti mill-Kummissjoni u kkontrollati regolarment mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jistgħu jassumu dawn l-obbligi. Minn dan isegwi li l-għan tal-leġiżlatur li ma jimponix l-istabbiliment ta’ SDD fuq l-operaturi ma huwiex rifless fl-għażla tiegħu li jeħlishom mill-obbligu li jżommu u jevalwaw is-SDD li huma jużaw. Fil-fehma tiegħi, it-twettieq ta’ dan l-għan għandu jinftiehem bħala l-possibbiltà li jintużaw is-SDD previsti mir-Regolament Nru 995/2010, bħal sistemi ta’ superviżjoni eżistenti taħt leġiżlazzjoni nazzjonali jew mekkaniżmi volontarji ta’ monitoraġġ tal-katina ta’ provvista, bil-kundizzjoni li dawn is-sistemi jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dan ir-regolament ( 34 ), jiġifieri s-SDD li min-natura tagħhom ma jkunux stabbiliti mill-operaturi li jkunu jużawhom.

59.

Din il-possibbiltà ma tistax tinftiehem, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament Nru 995/2010, bħala li tħalli l-possibbiltà li jkun hemm sempliċi aċċess għal SDD ipprovduta minn kwalunkwe terz, inkluż terz li jkun jappartjeni għall-istess grupp ta’ kumpanniji, li jżomm u jevalwa din is-SDD. Barra minn hekk, il-konklużjoni li l-aċċess, mis-sussidjarja, għall-elementi ta’ SDD stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, iżda li d-dritt ta’ użu tagħha jkun ngħata lill-kumpannija omm, ma tistax tiġi aċċettata fid-dawl tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament li japplika ukoll għar-raġunijiet esposti iktar ’il fuq ( 35 ).

60.

Barra minn hekk, ninnota wkoll li l-qorti tar-rinviju tirreferi, ċertament, għal sitwazzjoni li tinvolvi kumpannija omm, minn naħa, u s-sussidjarja tagħha, min-naħa l-oħra. Madankollu, jidhirli li huwa importanti, kif diġà esponejt diversi drabi waqt ir-raġunament preċedenti, li l-lezzjonijiet li għandhom jinstiltu minn din il-kawża ma jkunux limitati għal din is-sempliċi rabta ekonomika li tgħaqqad lil dawn iż-żewġ entitajiet. Huma għandhom, b’mod iktar ġenerali, japplikaw għar-rabtiet u għall-konfigurazzjonijiet kollha eżistenti fi ħdan gruppi ta’ kumpanniji. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 995/2010 ma jiddefinixxix il-kunċett ta’ “kumpannija omm” (u lanqas dak ta’ “sussidjarja”), iżda dak ta’ “operatur”, skont l-attività kummerċjali li huwa jeżerċita u mhux skont ir-rabtiet ekonomiċi li dan għandu ma’ entitajiet oħra. Għalhekk, jidhirli li huwa legalment iktar iġġustifikat li jiġi adottat approċċ li ma huwiex strettament limitat għar-rabta “kumpannija omm - sussidjarja” sabiex tiġi ttrattata s-sitwazzjoni inkwistjoni, b’mod partikolari għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja ( 36 ).

61.

Fl-aħħar, jidhirli li l-elementi li esponejt iktar ’il fuq huma suffiċjenti sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet dwar jekk ir-regoli nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta jaqgħux taħt il-miżuri ta’ protezzjoni msaħħa fis-sens tal-Artikolu 193 TFUE. Din l-analiżi tidher inqas essenzjali peress li, kif ikkonferma waqt is-seduta, l-Uffiċċju nazzjonali qiegħed jikkritika lil JYSK Ungerija talli kisret l-obbligu tagħha bħala operatur, skont l-Artikolu 4(2) moqri flimkien mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010.

62.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, inqis li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) u (3), moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010, għandhom jiġu interpretati bħala inkompatibbli mal-fatt li operatur, li huwa kumpannija li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, għandu aċċess għall-elementi, imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ SDD miżmuma u evalwata minn kumpannija oħra tal-istess grupp, jew li ġiet stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament u użata minn din il-kumpannija l-oħra. Filwaqt li l-possibbiltà ta’ xi għajnuna minn terz fl-applikazzjoni tal-elementi ta’ SDD fis-sens tal-Artikolu 6(1) ma hijiex eskluża, l-operatur għandu juri aġir proattiv fit-teħid ta’ miżuri konformi ma’ din is-SDD. Issa, sempliċi aċċess għall-elementi ta’ din is-SDD huwa inkompatibbli mar-rekwiżiti li jirriżultaw minn dan l-istess regolament.

IV. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula mill-Fġvárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) u (3), moqrija flimkien ma’ dawk tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

dawn huma inkompatibbli mal-fatt li operatur, li huwa kumpannija li tappartjeni għal grupp ta’ kumpanniji, għandu aċċess għall-elementi, imsemmija fl-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, ta’ sistema ta’ diliġenza dovuta miżmuma u evalwata minn kumpannija oħra tal-istess grupp, jew li ġiet stabbilita minn organizzazzjoni ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, u użata minn din il-kumpannija l-oħra.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2010, L 295, p. 23).

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 607/2012 tas‑6 ta’ Lulju 2012 dwar regoli dettaljati li jikkonċernaw is-sistema ta’ diliġenza dovuta u l-frekwenza u n-natura tal-kontrolli fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam (ĠU 2012, L 177, p. 16) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).

( 4 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Dokument ta’ gwida għar-Regolament tal-Unjoni dwar l-Injam (C(2016) 755 final, tat‑12 ta’ Frar 2016. Dan id-dokument, li jista’ jiġi kklassifikat bħala “soft law” jew bħala regoli mhux ġuridikament vinkolanti, jikkostitwixxi madankollu riferiment utli għall-finijiet tal-implimentazzjoni u tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 995/2010.

( 5 ) Sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2024, W. GmbH, C‑67/23, EU:C:2024:680, punt 70.

( 6 ) Din l-interpretazzjoni hija meħtieġa, minn naħa, minħabba l-istruttura stess tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 995/2010, li jiddistingwi l-obbligi fil-paragrafi 2 u 3, u, min-naħa l-oħra, minħabba t-terminoloġija differenti użata sabiex jiġu deskritti dawn l-obbligi kif ġie espost f’dan il-punt ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 7 ) Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 995/2010. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan l-Artikolu 6(1)(b) u (c), moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament, jirreferi għall-evalwazzjoni u għall-mitigazzjoni tar-riskju għall-kuntrarju tal-evalwazzjoni ta’ SDD prevista fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

( 8 ) Din il-konklużjoni tapplika fid-dawl tal-kliem ta’ dan l-Artikolu 6 li jirreferi għall-“informazzjoni […] dwar il-forniment ta’ injam jew ta’ prodotti tal-injam tal-operatur imqiegħda fis-suq” u għall-“proċeduri ta’ stima tar-riskju li jippermettu lill-operatur janalizza, u jagħmel stima tar-riskju li jitqiegħdu fis-suq injam maħsud b’mod illegali jew prodotti tal-injam”, jiġifieri l-azzjonijiet marbuta mal-attività kummerċjali ta’ tqegħid fis-suq ta’ dan l-injam jew ta’ dawn il-prodotti tal-injam, eżerċitata minn dan l-operatur.

( 9 ) Kif nifhimha jiena, l-obbligu espost fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 995/2010 huwa intiż li jevita kull riskju speċifiku tat-tqegħid fis-suq għall-ewwel darba ta’ kull kunsinna ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam li jirriżultaw minn ħsad b’mod illegali. Għall-kuntrarju, l-obbligu previst f’dan l-Artikolu 4(3) huwa fil-fatt intiż li jiżgura, b’mod iktar ġenerali, li din is-SDD applikata mill-operatur għall-attività kummerċjali kollha tiegħu tkun tirriżulta xierqa bħala metodu sabiex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ tali riskji u, b’mod partikolari, sabiex jiġu identifikati nuqqasijiet f’tali prevenzjoni. Sabiex nissimplifika l-argument tiegħi, inqis li l-obbligu previst fl-Artikolu 4(2) jista’ jitqies bħala azzjoni speċifika, applikata għal kull prodott li jaqa’ taħt l-attività kummerċjali tal-operatur u kkundizzjonata, mill-perspettiva ratione temporis, mit-tqegħid fis-suq ta’ dawn il-prodotti. Għalhekk, dan l-obbligu jippreżenta attività ta’ darba, sa fejn dan għandu jiġi eżegwit kull darba li tali prodotti jitqiegħdu fis-suq. Għall-kuntrarju, l-imsemmi Artikolu 4(3) jirreferi għal azzjoni ta’ portata ġenerali, li ma tapplikax għall-prodott iżda għall-metodu nnifsu. Għaldaqstant dan huwa ta’ natura perijodika.

( 10 ) Il-portata legali ta’ din id-distinzjoni tagħti x’tifhem li jkun possibbli li operatur jikkonforma mal-obbligi tar-Regolament Nru 995/2010 jekk huwa juża, iżomm u jevalwa SDD anki jekk din tkun stabbilita minn terzi. B’kuntrast ma’ dan, huwa ma jikkonformax ruħu ma’ dawn l-obbligi jekk ikun l-operatur innifsu li jkun stabbilixxa SDD, mingħajr madankollu ma juża, iżomm jew jevalwa din is-sistema hekk kif jeħtieġ dan ir-regolament.

( 11 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Fil-kuntest ta’ din il-kawża u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-kuntest fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, nifhem l-istabbiliment ta’ SDD fis-sens li din hija mfassla mill-operatur innifsu (mingħajr madankollu ma jiġi eskluż li dan it-tfassil joriġina minn terz li żviluppaha f’isem u/jew għan-nom ta’ dan l-operatur).

( 13 ) Fis-sens li dan l-obbligu huwa marbut mat-teħid ta’ miżuri abbażi tal-elementi kollha ta’ SDD.

( 14 ) Għandu jiġi nnotat li huwa stabbilit bejn il-partijiet li JYSK Ungerija hija operatur, fis-sens tar-Regolament Nru 995/2010, b’mod li, skont l-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, hija għandha tosserva l-obbligi previsti minn dan l-artikolu.

( 15 ) Dan għandu effett prattiku qawwi partikolarment għall-operaturi li jkunu persuni ġuridiċi, u dan iktar u iktar għall-gruppi ta’ kumpanniji, bħalma huwa l-każ hawnhekk.

( 16 ) Din id-differenza li tikkonċerna l-attur li fuqu jaqa’ l-oneru tal-eżekuzzjoni ta’ dan l-obbligu hija ġġustifikata, fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-fatt li organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, li hija terz għall-attività kummerċjali ta’ operatur, tieħu ħsieb biss il- “qafas” li fih huma integrati l-elementi (ara l-punt 27 ta’ dawn il-konklużjonijiet) filwaqt li t-teħid ta’ miżuri abbażi ta’ dawn l-elementi huwa dejjem impost, skont il-kliem tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fuq l-operatur (ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 17 ) Enfasi tiegħi.

( 18 ) Ara l-punti 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 19 ) Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 995/2010.

( 20 ) Fil-fatt, kif jipprovdi l-Artikolu 8(1) ta’ dan l-istess regolament, organizzazzjoni ta’ monitoraġġ “iżżomm u tevalwa regolarment [SDD] kif stabbilit fl-Artikolu 6 u tagħti d-dritt lill-operaturi biex jużawha”.

( 21 ) Dawn huma, essenzjalment, kundizzjonijiet marbuta mal-personalità ġuridika u mal-istabbiliment legali fl-Unjoni, mal-kompetenzi u mal-kapaċità li teżerċita funzjonijiet speċifiċi u mal-assenza ta’ kwalunkwe kunflitt ta’ interessi fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha.

( 22 ) Bil-kundizzjoni li dan l-użu, fis-sens deskritt fil-punti 25, 26 u 34 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ikun stabbilit.

( 23 ) Konformement mad-dmirijiet imposti fuq l-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 995/2010.

( 24 ) Premessa 31 tar-Regolament Nru 995/2010.

( 25 ) Premessa 18 tar-Regolament Nru 995/2010.

( 26 ) Premessa 25 tar-Regolament Nru 995/2010.

( 27 ) Premessa 16 tar-Regolament Nru 995/2010.

( 28 ) Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 607/2012.

( 29 ) Fir-rigward ta’ din l-organizzazzjoni ta’ monitoraġġ, għandu jiġi nnotat li din, min-naħa tagħha, hija suġġetta għal kontrolli f’intervalli regolari mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Nru 995/2010.

( 30 ) Premessa 27, Artikolu 4(1), u Artikolu 19 tar-Regolament Nru 995/2010.

( 31 ) Ara l-Artikolu 3(2) tal-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam, COM (2008) 644 final, tas‑17 ta’ Ottubru 2008.

( 32 ) Espożizzjoni tal-motivi tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, fajl interistituzzjonali: 2008/0198 (COD), 5885/4/10 REV 4 ADD 1.

( 33 ) Ara l-punti 24 sa 38, u 40 sa 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) It-tieni sentenza tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 995/2010.

( 35 ) L-obbligi relatati mal-eżerċizzju tad-diliġenza dovuta komplew jissaħħu meta ġie adottat ir-Regolament (UE) 2023/1115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Mejju 2023 dwar it-tqegħid fis-suq tal-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni ta’ ċerti komoditajiet u prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 995/2010 (ĠU 2023, L 150, p. 206) li issa jipprevedi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12 tiegħu, l-obbligu ta’ “stabbiliment” mill-operaturi ta’ sistemi ta’ diliġenza dovuta. Kif ikkonfermat mill-Kummissjoni waqt is-seduta, skont dan ir-regolament il-ġdid, l-operaturi huma suġġetti għal obbligi ta’ diliġenza dovuta iktar stretti. Din il-bidla kienet ikkundizzjonata, essenzjalment, mill-effettività limitata tar-regoli previsti mir-Regolament Nru 995/2010 kemm fir-rigward tal-operaturi kif ukoll fir-rigward tal-organizzazzjonijiet ta’ monitoraġġ.

( 36 ) Dan l-approċċ ma jikkontradixxix il-prinċipju ta’ “one case at a time”, iżda huwa intiż sempliċement li jidentifika l-elementi li verament għandhom portata ġuridika għar-risposta għad-domanda preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.