Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2022 tar-Rumanija u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tar-Rumanija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Dan jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari biex jippromwovi t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, filwaqt li jsaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Tgħin ukoll biex jissaħħu l-finanzi pubbliċi sostenibbli u tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq perjodu medju u twil ta’ żmien. Il-kontribuzzjoni finanzjarja massima għal kull Stat Membru taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza [ġiet] aġġornata fi [XX] ta’ Ġunju 2022, f’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2021/241.
(2)Fl-24 ta’ Novembru 2021, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2022 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-impenn konġunt affermat mill-ġdid tas-Summit Soċjali ta’ Porto ta’ Mejju 2021 biex ikompli jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022 fit-25 ta’ Marzu 2022. Fl-24 ta’ Novembru 2021, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lir-Rumanija bħala waħda mill-Istati Membri li għalih ikun hemm bżonn analiżi dettaljata. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll il-proposta għar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi tal-2022 li janalizza l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi u l-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie adottat mill-Kunsill fl-14 ta’ Marzu 2022.
(3)L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, wara l-pandemija globali, biddlet b’mod sinifikanti l-kuntest ġeopolitiku u ekonomiku. L-impatt tal-invażjoni fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri nħass pereżempju permezz ta’ prezzijiet ogħla tal-enerġija u tal-ikel u prospetti ta’ tkabbir aktar dgħajfa. Il-prezzijiet ogħla tal-enerġija huma partikolarment ta’ piż fuq l-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli li jgħixu fil-faqar enerġetiku jew li jinsabu f’riskju ta’ faqar enerġetiku. L-UE qed tara wkoll influss bla preċedent ta’ nies li qed jaħarbu mill-Ukrajna. F’dan il-kuntest, fl-4 ta’ Marzu 2022, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja ġiet attivata għall-ewwel darba, u tat lill-persuni spostati mill-Ukrajna d-dritt li jibqgħu legalment fl-UE, kif ukoll l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, is-suq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-assistenza soċjali. Appoġġ eċċezzjonali huwa disponibbli għar-Rumanija taħt l-inizjattiva Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) u permezz ta’ prefinanzjament addizzjonali taħt il-programm Assistenza għall-Irkupru għall-Koeżjoni u t-Territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jiġu indirizzati b’mod urġenti l-ħtiġijiet ta’ akkoljenza u integrazzjoni għal dawk li qed jaħarbu mill-Ukrajna.
(4)B’kont meħud tas-sitwazzjoni ekonomika u ġeopolitika li qed tinbidel malajr, is-Semestru Ewropew jerġa’ jibda l-koordinazzjoni wiesgħa tiegħu tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-2022, filwaqt li jevolvi f’konformità mar-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kif deskritt fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli tal-2022. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet adottati għall-irkupru u r-reżiljenza hija essenzjali għat-twettiq tal-objettivi ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika taħt is-Semestru Ewropew, billi l-pjanijiet jindirizzaw mill-inqas subsett sinifikanti tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti maħruġa fiċ-ċikli tas-Semestru tal-2019 u l-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 u tal-2020 jibqgħu ugwalment rilevanti wkoll għall-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza riveduti, aġġornati, jew emendati f’konformità mal-Artikoli 14, 18 u 21 tar-Regolament (UE) 2021/241, flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-preżentazzjoni tal-pjan modifikat.
(5)Il-klawżola Liberatorja Ġenerali ilha attiva minn Marzu 2020. Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma wkoll li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Inċertezza akbar u riskji negattivi qawwija għall-perspettiva ekonomika fil-kuntest tal-gwerra fl-Ewropa, żidiet bla preċedent fil-prezzijiet tal-enerġija u disturbi kontinwi fil-katina tal-provvista jiġġustifikaw l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir sal-2023.
(6)Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida wiesgħa għall-politika fiskali fl-2023, bil-għan li tappoġġa t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri u b’hekk issaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika. Il-Kummissjoni nnotat li, fuq il-bażi tal-prospettiva makroekonomika tat-tbassir tax-xitwa 2022, it-tranżizzjoni minn pożizzjoni fiskali ta’ appoġġ aggregata fl-2020-2022 għal pożizzjoni fiskali aggregata ġeneralment newtrali tidher xierqa fl-2023, filwaqt li tinsab lesta li tirreaġixxi għas-sitwazzjoni ekonomika li qed tevolvi. Il-Kummissjoni ħabbret li r-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 għandhom ikomplu jiddifferenzjaw bejn l-Istati Membri u jqisu l-effetti konsegwenzjali possibbli bejn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex jirriflettu l-gwida fil-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tagħhom. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li timmonitorja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi u taġġusta l-gwida politika tagħha kif meħtieġ u mhux aktar tard mill-pakkett tagħha tar-rebbiegħa tas-Semestru tal-aħħar ta’ Mejju 2022.
(7)Fir-rigward tal-gwida fiskali pprovduta fit-2 ta’ Marzu 2022, ir-rakkomandazzjonijiet fiskali għall-2023 iqisu l-perspettiva ekonomika li marret għall-agħar, l-inċertezza akbar u aktar riskji negattivi, u l-inflazzjoni ogħla meta mqabbla mat-tbassir tax-xitwa. Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-rispons fiskali għandu jespandi l-investiment pubbliku għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali u għas-sigurtà tal-enerġija, u jsostni l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi l-aktar vulnerabbli sabiex jittaffa l-impatt taż-żieda fil-prezz tal-enerġija u jgħin biex jiġu limitati l-pressjonijiet inflazzjonarji mill-effetti sekondarji permezz ta’ miżuri mmirati u temporanji; il-politika fiskali għandha tibqa’ aġli sabiex taġġusta għaċ-ċirkostanzi li qed jevolvu b’mod rapidu, u tkun differenzjata bejn il-pajjiżi skont is-sitwazzjoni fiskali u ekonomika tagħhom, inkluż fir-rigward tal-esponiment għall-kriżi u l-influss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna.
(8)Fil-31 ta’ Mejju 2021, ir-Rumanija ppreżentat il-pjan nazzjonali tagħha għall-irkupru u r-reżiljenza lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) 2021/241. Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni vvalutat ir-rilevanza, l-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-linji gwida tal-valutazzjoni tal-Anness V ta’ dak ir-Regolament. Fit-3 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tiegħu dwar l-approvazzjoni tal-valutazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza għar-Rumanija. Ir-rilaxx tal-pagamenti parzjali jiddependi fuq deċiżjoni mill-Kummissjoni, meħuda f’konformità mal-Artikolu 24(5) tar-Regolament (UE) 2021/241, li r-Rumanija tkun issodisfat b’mod sodisfaċenti l-istadji importanti u l-miri rilevanti stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill. It-twettiq sodisfaċenti jippresupponi li l-kisba tal-istadji importanti u l-miri preċedenti ma tkunx treġġgħet lura.
(9)Fit-12 ta’ Mejju 2022, ir-Rumanija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha għall-2022 u, fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Programm ta’ Konverġenza tagħha għall-2022, lil hinn mill-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati flimkien. F’konformità mal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 jirrifletti wkoll ir-rappurtar biannwali tar-Rumanija dwar il-progress li sar fil-kisba tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha.
(10)Il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tal-pajjiż tal-2022 għar-Rumanija fit-23 ta’ Mejju 2022. Huwa vvaluta l-progress tar-Rumanija fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti adottati mill-Kunsill fl-2019, l-2020 u l-2021, u ħa kont tal-implimentazzjoni tar-Rumanija tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, li jibni fuq it-Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Fuq il-bażi ta’ din l-analiżi, ir-rapport tal-pajjiż identifika lakuni fir-rigward ta’ dawk l-isfidi li mhumiex indirizzati jew li mhumiex indirizzati biss parzjalment mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll sfidi ġodda u emerġenti, inklużi dawk li jirriżultaw mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. Huwa vvaluta wkoll il-progress tar-Rumanija fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fil-kisba tal-miri ewlenin tal-UE dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar, kif ukoll il-progress fil-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU.
(11)Il-Kummissjoni wettqet analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 għar-Rumanija u ppubblikat ir-riżultati tagħha fit-23 ta’ Mejju 2022. Il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Rumanija għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, il-vulnerabbiltajiet huma relatati ma’ kontijiet esterni, marbuta ma’ defiċits fiskali kbar, u ma’ kwistjonijiet ta’ kompetittività li qed jerġgħu jitfaċċaw.
(12)Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (UE) 2020/509, dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija minħabba nuqqas ta’ konformità mal-kriterju tad-defiċit fl-2019. Fit-3 ta’ April 2020, il-Kunsill ħareġ ukoll Rakkomandazzjoni bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija sa mhux aktar tard mill-2022. Fid-dawl tat-tnaqqis profond fl-attività ekonomika marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u tal-ħtieġa relatata li l-politiki fiskali jappoġġaw l-irkupru fl-2021 u l-2022, fit-18 ta’ Ġunju 2021 il-Kunsill ħareġ Rakkomandazzjoni ġdida lir-Rumanija biex ittemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024. Jenħtieġ li r-Rumanija tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-gvern estiż ta’ 8,0 % tal-PDG fl-2021, ta’ 6,2 % tal-PDG fl-2022, ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2023, u ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2024, li huma konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 3,4 % fl-2021, ta’ 1,3 % fl-2022, ta’ 0,9 % fl-2023 u ta’ 0,0 % fl-2024. Dan jikkorrispondi għal bilanċ strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024. Il-proċedura ilha sospiża mill-ħarifa tal-2021 wara valutazzjoni tal-azzjoni effettiva mill-Kummissjoni.
(13)Fl-2021, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tar-Rumanija kien ta’ 7,1 % tal-PDG, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż baqa’ 48,8 % tal-PDG. Dan huwa konformi mal-mira tad-defiċit nominali tal-2021 rakkomandata mill-Kunsill. L-aġġustament fil-bilanċ strutturali għall-2021 huwa ta’ 1.5 pp tal-PDG, ogħla mill-0.7 pp rakkomandat.
(14)Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-proġettazzjonijiet baġitarji fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 huwa realistiku fl-2022 u favorevoli minn hemm ’il quddiem. Il-Gvern jipproġetta li l-PDG reali jikber b’ 2.9 % fl-2022 u b’4.4 % fl-2023. B’paragun ma’ dan, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta tkabbir tal-PDG reali aktar baxx ta’ 2,6 % fl-2022 u 3,6 % fl-2023. Id-differenzi huma prinċipalment minħabba inflazzjoni għolja li taffettwa l-kapaċità tal-akkwist tal-unitajiet domestiċi, l-impatt tad-deterjorament fil-fiduċja li jirriżulta mill-ambjent internazzjonali fuq il-konsum u l-investiment, u kontribut negattiv mill-esportazzjonijiet netti, billi l-prezzijiet għall-komoditajiet tal-enerġija huma mistennija li jkomplu jogħlew. Fil-programm ta’ Konverġenza tiegħu tal-2022, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali se jonqos għal 6.2 % tal-PDG fl-2022 u għal 4.4 % fl-2023. It-tnaqqis fl-2022 jirrifletti prinċipalment tkabbir qawwi fil-PDG nominali, żieda mistennija fl-effiċjenza tal-ġbir tat-taxxi, iffriżar fuq il-maġġoranza tal-pagi tas-settur pubbliku, u l-pjan biex iż-żieda fin-nefqa fuq l-oġġetti u s-servizzi, l-assistenza soċjali u trasferimenti oħra tinżamm taħt ir-rata ta’ tkabbir tal-PDG nominali. Skont il-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 49.4 % fl-2022 u għal 49.7 % fl-2023. Fuq il-bażi ta’ miżuri ta’ politika magħrufa fid-data tal-għeluq tat-tbassir, it-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta defiċit tal-gvern għall-2022 u l-2023 ta’ 7.5 % tal-PDG u 6.3 % tal-PDG, rispettivament. Dan huwa ogħla mid-defiċit imbassar fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2022, prinċipalment minħabba nefqa soċjali u tal-imgħax ogħla mistennija, l-effett nett stmat ogħla tal-miżuri biex ilaħħqu maż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, suppożizzjoni aktar kawta dwar il-gwadanji mistennija fil-ġbir tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ miżuri ta’ konsolidazzjoni speċifikati fuq in-naħa tan-nefqa fil-Programm. It-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni jipproġetta proporzjon ogħla ta’ dejn tal-gvern estiż mal-PDG, ta’ 50.9 % fl-2022 u 52.6 % fl-2023. Id-differenza hija prinċipalment dovuta għad-defiċits ogħla mbassra.
Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni, it-tkabbir potenzjali (il-medja fuq 10 snin) huwa stmat għal 3.6 %. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza u li jistaq’ jagħti spinta lit-tkabbir potenzjali tar-Rumanija.
(15)Fl-2022, il-gvern neħħa gradwalment il-maġġoranza tal-miżuri meħuda b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, b’tali mod li l-miżuri temporanji ta’ appoġġ ta’ emerġenza huma pproġettati li jonqsu minn 1.1 % tal-PDG fl-2021 għal 0.2 % tal-PDG fl-2022. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat mill-miżuri adottati biex jikkumbattu l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, li fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huma stmati għal 0.7 % tal-PDG fl-2022 u 0.1 % tal-PDG fl-2023. Dawn il-miżuri jikkonsistu prinċipalment f’limiti fuq il-prezzijiet bl-imnut u bl-ingrossa fuq in-naħa tan-nefqa, u tassazzjoni tal-profitti żejda tal-produtturi tal-enerġija fuq in-naħa tad-dħul. Miżuri oħra jinkludu skemi ta’ kumpens għall-unitajiet domestiċi u l-kontijiet tal-enerġija u l-gass tal-SMEs u l-kwoti tal-enerġija lill-konsumaturi vulnerabbli. Dawn il-miżuri tħabbru bħala temporanji. Madankollu, f’każ li l-prezzijiet tal-enerġija jibqgħu għoljin ukoll fl-2023, xi wħud minn dawn il-miżuri jistgħu jitkomplew. Xi wħud minn dawn il-miżuri mhumiex immirati, b’mod partikolari l-limitu massimu ġenerali tal-prezzijiet tal-enerġija għall-unitajiet domestiċi. Id-defiċit tal-gvern huwa affettwat ukoll mill-ispejjeż biex tiġi offruta protezzjoni temporanja lill-persuni spostati mill-Ukrajna, li fit-tbassir tar-rebbiegħa tal-2022 tal-Kummissjoni pproġettat li jkun ta’ 0.1 % tal-PDG kemm fl-2022 kif ukoll fl-2023, kif ukoll iż-żieda fl-ispiża tan-nefqa għad-difiża b’ 0.5 punti perċentwali tal-PDG fl-2023.
(16)Id-defiċit nominali pproġettat għall-2022 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huwa ta’ 1.3 pp tal-PDG ogħla mill-mira tad-defiċit nominali rakkomandata mill-Kunsill, filwaqt li l-aġġustament fil-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun ta’ -0.2 pp. Tal-PDG fl-2022, meta mqabbel mal-1.8 pp rakkomandat tal-PDG. Dan jitlob analiżi bir-reqqa bbażata fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Fl-2022, it-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għal miżuri ta’ darba u għall-miżuri ta’ politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) huwa pproġettat għal 9.6 % fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni,’il fuq mill1.3 % rakkomandat. It-tkabbir ipproġettat fin-nefqa aggregata fl-2022 huwa prinċipalment xprunat miż-żieda fin-nefqa soċjali minħabba l-indiċjar tal-pensjonijiet u l-miżuri soċjali bbaġitjati, u għall-ispiża baġitarja tal-miżuri biex jiġu limitati l-prezzijiet tal-enerġija (nett mill-miżuri tad-dħul) u biex jiġi indirizzat il-fluss ta’ persuni spostati mill-Ukrajna. It-tkabbir fin-nefqa tal-konsum intermedju, prinċipalment xprunat minn inflazzjoni għolja mistennija fil-prezzijiet tal-konsumatur, għandu rwol ukoll, għalkemm sa ċertu punt inqas. Id-devjazzjoni tat-tkabbir nett tan-nefqa mir-rakkomandazzjoni tmur fl-istess direzzjoni bħad-devjazzjoni tal-aġġustament fil-bilanċ strutturali, għalkemm b’daqs akbar (2.7 punti perċentwali tal-PDG fil-każ ta’ tkabbir nett fin-nefqa meta mqabbel ma’ 2.0 punti perċentwali tal-PDG fil-każ tal-bilanċ strutturali). Id-differenza tista’ tiġi spjegata parzjalment mill-proporzjon ogħla tad-dħul mal-PDG imbassar għall-2022 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni meta mqabbel mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni (ogħla b’ 0.9 punti perċentwali tal-PDG), li jtejjeb il-bilanċ strutturali iżda ma jaffettwax il-parametru referenzjarju tan-nefqa. Fuq il-bażi tal-analiżi bir-reqqa, ir-Rumanija tinsab f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miri fiskali għall-2022 stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021.
(17)Id-defiċit nominali pproġettat għall-2023 fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni huwa ta’ 1.9 pp tal-PDG ogħla mill-mira tad-defiċit nominali rakkomandata mill-Kunsill, filwaqt li l-aġġustament fil-bilanċ strutturali huwa mbassar li jkun ta’ 0.0 pp tal-PDG fl-2022, meta mqabbel mal-1.7 pp tal-PDG rakkomandati. Dan jitlob analiżi bir-reqqa bbażata fuq il-valur referenzjarju tan-nefqa. Fl-2023, it-tkabbir nett fin-nefqa primarja (aġġustat għal miżuri ta’ darba u għall-miżuri ta’ politika fiskali fuq in-naħa tad-dħul) huwa mbassar li jkun ta’ 1.7 % fit-tbassir tar-rebbiegħa 2022 tal-Kummissjoni,’il fuq mill0.9 % rakkomandat, minħabba n-nuqqas ta’ miżuri konkreti biex jintlaħqu l-miri. Fuq il-bażi tal-analiżi bir-reqqa, ir-Rumanija tinsab f’riskju ta’ nuqqas ta’ konformità mal-miri fiskali għall-2023 stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021. Fid-dawl tar-riskji li ma jintlaħqux il-miri fiskali rakkomandati fl-2022 u l-2023, miżuri baġitarji addizzjonali jidhru rilevanti biex ikun hemm konformità mal-perkors ta’ aġġustament u tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tiegħu sal-2024.
(18)Fil-programm ta’ Konverġenza tal-2022, id-defiċit tal-gvern estiż huwa mistenni li jonqos gradwalment għal 2.95 % tal-PDG fl-2024 u għal 2.9 % tal-PDG sal-2025. Għalhekk, id-defiċit tal-gvern estiż huwa ppjanat li jerġa’ lura għal taħt it-3 % tal-PDG fl-2024. Il-konsolidazzjoni fiskali hija prinċipalment ippjanata li sseħħ fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit. Madankollu, ma tingħata l-ebda informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konsolidazzjoni sottostanti previsti. Skont il-Programm, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG huwa mistenni li jistabbilizza sal-2025, speċifikament bi tnaqqis għal 49.4 % fl-2024, u għal 48.9 % fl-2025. Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Kummissjoni, ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn jidhru għoljin fuq terminu medju.
(19)F’konformità mal-Artikolu 19(3), il-punt (b), u l-kriterju 2.2 tal-Anness V tar-Regolament (UE) 2021/241, il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi sett estensiv ta’ riformi u investimenti li jsaħħu lil xulxin li għandhom jiġu implimentati sal-2026. Dawn jgħinu biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi u soċjali kollha jew subsett sinifikanti minnhom deskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lir-Rumanija mill-Kunsill fis-Semestru Ewropew fl-2019 u l-2020 u flimkien ma’ kwalunkwe rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż maħruġa sad-data tal-adozzjoni ta’ pjan. B’mod partikolari, il-pjan jindirizza d-diġitalizzazzjoni sħiħa tal-amministrazzjoni tat-taxxa u l-eliminazzjoni gradwali tal-inċentivi eċċessivi tat-taxxa bil-għan li jittejbu l-kwalità u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Il-pjan jikkontribwixxi wkoll biex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u l-ġustizzja tas-sistema tal-pensjonijiet pubbliċi. Ir-riformi tal-kura tas-saħħa, akkumpanjati minn investimenti fid-diġitalizzazzjoni, huma mistennija li jtejbu l-aċċess, il-kosteffiċjenza u r-reżiljenza tal-kura tas-saħħa. It-teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażat fuq l-evidenza, l-ippjanar fit-tul u l-konsultazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll il-miżuri mmirati lejn it-titjib tal-proċess tal-akkwist pubbliku huma mistennija li jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika li jwasslu għal assorbiment aħjar tal-fondi tal-UE. Billi jsaħħaħ l-indipendenza u jżid l-effiċjenza tal-ġudikatura, itejjeb l-aċċess għall-ġustizzja, u jintensifika l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-pjan għandu l-għan li jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin relatati mar-rispett tal-istat tad-dritt fir-Rumanija f’konformità mal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u filwaqt li jqis ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti tal-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (CVM), ir-rapporti tal-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta’ Venezja, u r-Rapporti dwar l-Istat tad-Dritt. Riformi ewlenin dwar l-iffissar tal-paga minima u l-introjtu ta’ inklużjoni minima, dwar it-tisħiħ tal-governanza korporattiva tal-intrapriżi tal-istat u dwar id-djalogu soċjali jindirizzaw ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li ilhom jeżistu. Il-pjan jintroduċi wkoll sistema ta’ edukazzjoni u kura unitarja, inklużiva u ta’ kwalità bikrija tat-tfal akkumpanjata minn investimenti fl-indukrar tat-tfal. Il-pjan jippromwovi investimenti sostenibbli u diġitali u jappoġġa attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp. Ir-riformi u l-investimenti ewlenin fid-dekarbonizzazzjoni, dwar l-istabbiliment ta’ cloud tal-gvern u l-użu tal-karta tal-identità elettronika jikkontribwixxu għall-appoġġ tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
(20)L-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tar-Rumanija hija mistennija li tikkontribwixxi biex isir aktar progress fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-miżuri li jappoġġaw l-objettivi klimatiċi fir-Rumanija jammontaw għal 41 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan, filwaqt li l-miżuri li jappoġġaw l-objettivi diġitali jammontaw għal 21 % tal-allokazzjoni totali tal-pjan. L-implimentazzjoni sħiħa tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri rilevanti, se tgħin lir-Rumanija tirkupra malajr mill-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19, filwaqt li ssaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-involviment sistematiku tas-sħab soċjali u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra jibqa’ importanti għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, kif ukoll ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi oħra li jmorru lil hinn mill-pjan, biex tiġi żgurata sjieda wiesgħa tal-aġenda ta’ politika ġenerali.
(21)Ir-Rumanija ppreżentat id-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni fl-14 ta’ April 2022 għall-Ftehim ta’ Sħubija u fis-6 ta’ Mejju 2022 għall-ewwel programm tagħha. F’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021, ir-Rumanija għandha tqis ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti fl-ipprogrammar tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni 2021–2027. Dan huwa prerekwiżit għat-titjib tal-effettività u l-massimizzazzjoni tal-valur miżjud tal-appoġġ finanzjarju li għandu jiġi rċevut mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, filwaqt li jiġu promossi l-koordinazzjoni, il-komplementarjetà u l-koerenza bejn dawn il-fondi u strumenti u fondi oħra tal-Unjoni. L-implimentazzjoni b’suċċess tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tiddependi wkoll mit-tneħħija ta’ ostakli għall-investiment biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u l-iżvilupp territorjali bbilanċjat.
(22)Bi tweġiba għall-mandat tal-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE stabbilit fid-Dikjarazzjoni ta’ Versailles, il-pjan REPowerEU għandu l-għan li jelimina gradwalment id-dipendenza tal-Unjoni Ewropea fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili mir-Russja malajr kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, l-aktar proġetti, investimenti u riformi xierqa fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-UE qed jiġu identifikati fi djalogu mal-Istati Membri. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jnaqqsu d-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili u jispostaw l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili lil hinn mir-Russja.
(23)Skont id-data tal-2020, it-taħlita tal-enerġija tar-Rumanija hija bbażata ħafna fuq il-fjuwils fossili; iż-żejt u l-gass jirrappreżentaw madwar 30 % kull wieħed filwaqt li l-faħam jammonta għal 10 % oħra. Ir-Rumanija nnifisha tipproduċi madwar 80 % tal-gass li tikkonsma, filwaqt li l-bqija jiġi mir-Russja (b’mod ġenerali l-UE, l-importazzjonijiet tal-gass jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tal-konsum b’medja ta’ 44 % tal-importazzjonijiet mir-Russja). Fir-rigward taż-żejt, l-importazzjonijiet mir-Russja jirrappreżentaw 32 % tat-total, meta mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 26 %. Ir-Rumanija hija impenjata għat-tneħħija gradwali tal-faħam sal-2032. Biex tintlaħaq din il-mira ambizzjuża, il-pjan Rumen għall-irkupru u r-reżiljenza u fondi oħra tal-UE, bħall-Fond għall-Modernizzazzjoni, jinkludu investimenti sinifikanti fit-trawwim tad-dekarbonizzazzjoni permezz tal-installazzjoni ta’ kapaċità ġdida ta’ enerġija rinnovabbli. Madankollu, it-tranżizzjoni ekoloġika u ż-żieda kbira mbassra fil-konsum tal-enerġija se jeħtieġu titjib sinifikanti fin-netwerks tat-trażmissjoni tal-enerġija u se jħaffu l-implimentazzjoni tal-infrastruttura ekoloġika. Dan se jirrikjedi qafas regolatorju mtejjeb u investiment akbar, kif ukoll l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi biex ikunu jistgħu jipparteċipaw b’mod attiv, individwalment jew kollettivament permezz tal-komunitajiet tal-enerġija, fis-suq tal-elettriku. Il-forniment minn qabel tal-investiment fl-infrastruttura bħall-ħżin, kif ukoll l-interkonnessjonijiet tal-gass u tal-elettriku ma’ pajjiżi ġirien jista’ jżid id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, l-istabbiltà tas-suq u l-adattabilità għall-varjazzjonijiet reġjonali. Dan għandu jitqies fil-kuntest kemm tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja kif ukoll tat-tnaqqis tad-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, billi s-sistema tal-enerġija għadha tiddependi ħafna fuq il-fjuwils fossili. Barra minn hekk, iż-żoni tal-gass offshore skoperti fil-Baħar l-Iswed joffru opportunità importanti għar-Rumanija biex tkompli tibni l-indipendenza enerġetika tagħha u tappoġġa b’mod sinifikanti lill-Istati Membri ġirien fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja. Huwa rrakkomandat li investimenti ġodda fl-infrastruttura u fin-networks relatati mal-gass ikunu validi għall-futur fejn possibbli, sabiex jiffaċilitaw is-sostenibbiltà fit-tul tagħhom permezz ta’ adattament futur għal fjuwils sostenibbli. Barra minn hekk, iż-żoni tal-gass offshore skoperti fil-Baħar l-Iswed joffru opportunità importanti għar-Rumanija biex tkompli tibni l-indipendenza enerġetika tagħha u tappoġġa b’mod sinifikanti lill-Istati Membri ġirien fit-tnaqqis tad-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tal-gass naturali mir-Russja. Fl-istess ħin, il-pjan Rumen għall-irkupru u r-reżiljenza jipprevedi EUR 3 biljun f’miżuri ta’ effiċjenza enerġetika fil-bini residenzjali pubbliku u privat kif ukoll fis-setturi industrijali. Hemm bżonn li wieħed imur lil hinn minn din l-ewwel mewġa ta’ rinnovazzjoni biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija u d-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, billi l-mira tal-pjan ta’ rkupru u reżiljenza mhux se jkopri l-istokk kollu tal-bini. Jeħtieġ li r-Rumanija tkompli ttejjeb il-qafas ta’ politika biex tħaffef ir-rinnovazzjoni tal-bini. Se jkun meħtieġ tnaqqis aktar ambizzjuż tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u żieda fl-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika biex ikunu konformi mal-objettivi “Lesti għall-mira ta’ 55 %”.
(24)Filwaqt li l-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika u lil hinn mill-fjuwils fossili se toħloq spejjeż ta’ ristrutturar sinifikanti f’diversi setturi, ir-Rumanija tista’ tagħmel użu mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta fil-kuntest tal-politika ta’ koeżjoni biex ittaffi l-impatt soċjoekonomiku tat-tranżizzjoni fir-reġjuni l-aktar milquta. Barra minn hekk, ir-Rumanija tista’ tagħmel użu mill-Fond Soċjali Ewropew Plus biex ittejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg u ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali.
(25)Il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022 tar-Rumanija u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.
(26)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2022 u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2022. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet 1, 2 u 3 hawn taħt. Il-politiki fiskali msemmija fir-rakkomandazzjoni 1 jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi marbuta mad-defiċit kbir u persistenti fil-kont kurrenti billi bilanċi fiskali aħjar se jgħinu biex jitnaqqsu l-ħtiġijiet kbar ta’ finanzjament estern tal-ekonomija Rumena kollha kemm hi. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni 2 jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kompetittività. Il-politiki msemmija fir-rakkomandazzjoni 3 jgħinu fost l-oħrajn biex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet marbuta mal-kontijiet esterni fit-tul.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija tieħu azzjoni fl-2022 u l-2023 biex:
1.Issegwi politiki fiskali f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija.
2.Tipproċedi bl-implimentazzjoni tal-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tagħha, f’konformità mal-istadji importanti u l-miri inklużi fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal-3 ta’ Novembru 2021. Tiffinalizza malajr in-negozjati mal-Kummissjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2021-2027 bil-ħsieb li tibda l-implimentazzjoni tagħhom.
3.Titnaqqas id-dipendenza ġenerali fuq il-fjuwils fossili. Tiffaċilita l-espansjoni ulterjuri tal-produzzjoni tal-enerġija sostenibbli billi taċċellera l-iżvilupp ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, ittejjeb il-grilji ta’ trażmissjoni tal-enerġija u żżid l-interkonnessjoni mal-Istati Membri ġirien. Iżżid il-pass u l-ambizzjoni tar-rinnovazzjonijiet biex tavvanza l-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President