European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/59

26.3.2026

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/59

tas-6 ta’ Jannar 2026

li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 43(2),

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) 2016/2031 għandu l-għan li jipprovdi protezzjoni fit-territorju tal-Unjoni kontra t-tixrid tal-organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti, filwaqt li jistabbilixxi l-miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid tagħhom. L-Artikolu 43(1) ta’ dak ir-Regolament jipprevedi rekwiżiti speċifiċi għall-introduzzjoni ta’ materjal ta’ imballaġġ magħmul mill-injam fit-territorju tal-Unjoni. Materjal tal-injam għall-imballaġġ bħal dan għandu jikkonforma mal-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji Nru 15 (ISPM 15): “Regulation of Wood Packaging Material in International Trade” (2), li jiggarantixxi li l-materjal tal-injam għall-imballaġġ ikun ġie soġġett għal trattament fitosanitarju approvat.

(2)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1456 (3) awtorizza lill-Istati Membri sabiex jipprevedu deroga temporanja mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007. Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/1456 skada fil-31 ta’ Lulju 2025.

(3)

L-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1456 ippreveda li l-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin għandu jipprovdi, fuq bażi annwali, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ kunsinni introdotti fit-territorji tagħhom u b’rapport dwar il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Peress li l-validità tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1456 skadiet, jenħtieġ li jiġu adottati regoli ġodda sabiex jippermettu l-introduzzjoni ta’ tali kaxxi tal-munizzjon b’ċerti kundizzjonijiet anke fil-futur.

(5)

Fil-31 ta’ Lulju 2024, l-Istati Uniti tal-Amerka talbu estensjoni tad-deroga stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1456. L-Istati Uniti tal-Amerika ġġustifikaw it-talba billi spjegaw li l-programm ipprovda għażla effettiva għaċ-ċaqliq tal-munizzjonijiet maħżuna minn tmien imħażen ewlenin.

(6)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Uniti tal-Amerka, ir-rapportar dwar l-importazzjonijiet ippreżentat mill-Istati Membri, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1456, u l-fehmiet espressi mill-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar is-Saħħa tal-Pjanti, li ġie kkonsultat fil-21 ta’ Jannar 2025, li l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1456 għall-introduzzjoni fit-territorju tal-Unjoni ta’ materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka hija biżżejjed biex tiżgura t-tnaqqis tar-riskju fitosanitarju għat-territorju tal-Unjoni għal livell aċċettabbli.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2022/1456 jinżammu f’dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li tali materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, ikun jista’ jiġi introdott fit-territorju tal-Unjoni, kif ukoll jinħażen u jiġi ttrasportat fih, dment li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(8)

Sabiex ikun żgurat li hemm kontrolli effettivi u stampa sħiħa tar-riskji fitosanitarji potenzjali, jenħtieġ li kwalunkwe operatur li jittrasporta jew li jaħżen il-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, wara l-kontrolli rilevanti rispettivi, jinnotifika lill-awtorità kompetenti rispettiva dwar it-trasport jew il-ħżin tal-kaxxi kkonċernati.

(9)

Sabiex ikun żgurat rispons rapidu għal kwalunkwe riskju fitosanitarju potenzjali li jirriżulta mill-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, jenħtieġ li minnufih l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin u lill-Kummissjoni meta jsiru jafu b’kunsinna li ma tikkonformax mar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet għall-introduzzjoni fl-Unjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, jenħtieġ li, fuq bażi annwali, dawn jipprovdu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet li jkunu saru, sabiex tiġi vvalutata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(10)

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet għad-deroga introdotti b’dan ir-Regolament japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2030, biex ikun jista’ jsir ir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-miżuri tiegħu, u biex jiġi eżaminat jekk dawn jindirizzawx b’mod effettiv ir-riskju fitosanitarju tal-importazzjoni ta’ dak il-materjal tal-injam għall-imballaġġ,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Objettiv tad-deroga

Il-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi, li jintuża fit-trasport tal-munizzjon, immanifatturat qabel l-1 ta’ Settembru 2007, u li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerka taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti (“il-kaxxi”), huwa eżentat mir-rekwiżiti tal-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031, meta dan jissodisfa r-rekwiżiti previsti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Obbligu ta’ notifika

1.   L-importatur għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul bl-intenzjoni tiegħu li jintroduċi fit-territorju tal-Unjoni mill-inqas 5 ijiem tax-xogħol qabel l-introduzzjoni prevista ta’ kunsinna kif imsemmi fl-Artikolu 1. Fl-istess perjodu, l-importatur għandu jipprovdi wkoll l-istess notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin, meta dak il-post ikun differenti mill-punt tad-dħul.

2.   In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

id-data tal-introduzzjoni prevista;

(b)

l-inventarju tal-kunsinna kkonċernata li jidentifika l-kaxxi li jagħmlu parti minnha;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-importatur;

(d)

l-indirizz tal-punt tad-dħul tal-introduzzjoni prevista;

(e)

l-indirizz tal-ewwel post tal-ħżin, meta dan ikun differenti mill-punt tad-dħul.

Artikolu 3

Kontrolli mill-awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-punt tad-dħul ta’ kunsinna kif imsemmi fl-Artikolu 1 għandhom jikkontrollaw il-prezenza u l-kompletezza tad-dokument deskritt fil-punt 7 tal-Anness. Huma għandhom jikkontrollaw ukoll il-konformità ta’ kampjun rappreżentattiv minn kull kunsinna mal-punti li ġejjin tal-Anness:

(a)

il-punti (1) u (2) dwar il-wiri tal-marki rispettivi;

(b)

il-punt (3) dwar il-kaxxi msewwija;

(c)

il-punt (4) dwar l-assenza tal-qoxra tas-siġar;

(d)

il-punt (5) dwar il-livell tal-kontenut tal-umidità.

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, fejn l-ewwel post tal-ħżin ikun differenti mill-punt tad-dħul, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin għandhom iwettqu l-kontroll deskritt f’dak il-paragrafu.

Artikolu 4

Ħżin u ċaqliq tal-kaxxi

1.   Qabel u wara t-twettiq tal-kontrolli msemmija fl-Artikolu 3, il-kaxxi għandhom jibqgħu maħżuna f’bini magħluq.

2.   Kwalunkwe trasport tal-kaxxi jista’ jsir biss f’kontenituri magħluqa, jew b’għata protettiva sħiħa.

Artikolu 5

Notifika ta’ nuqqas ta’ konformità

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull kunsinna li ma tikkonformax mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness. Dik in-notifika għandha ssir sa mhux aktar tard minn 3 ijiem xogħol minn dakinhar li l-awtorità kompetenti ssir taf b’tali nuqqas ta’ konformità.

Artikolu 6

Rappurtar dwar l-importazzjonijiet

Sal-31 ta’ Jannar ta’ kull sena, l-Istat Membru tal-ewwel post tal-ħżin għandu jipprovdi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni dwar l-għadd ta’ kunsinni introdotti fit-territorji tagħhom u b’rapport dwar il-kontrolli msemmija fl-Artikolu 3, imwettqa bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel.

Artikolu 7

Data tal-iskadenza

Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2030.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Jannar 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 317, 23.11.2016, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/2031/oj.

(2)   Standards Adottati (ISPMs) — Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti.

(3)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1456 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi deroga mill-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-importazzjoni għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-materjal tal-injam għall-imballaġġ fil-forma ta’ kaxxi tal-munizzjon li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerka, taħt il-kontroll tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti, u mmanifatturati sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 229, 5.9.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/1456/oj).


ANNESS

Kundizzjonijiet għall-introduzzjoni tal-kaxxi tal-munizzjon, kif imsemmi fl-Artikolu 1

Il-kaxxi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

juru marka li tikkonferma li ġew immanifatturati sal-31 ta’ Awwissu 2007;

(2)

juru marka li tindika li ġew ittrattati bi preżervattiv tal-injam approvat mill-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Ambjent tal-Istati Uniti tal-Amerka;

(3)

f’każ li dawn il-kaxxi jkunu ssewwew minn meta ġew immanifatturati, l-injam użat għal dak il-għan jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tar-Regolament (UE) 2016/2031;

(4)

il-kaxxi jkunu magħmula mill-injam. Dak l-injam irid jew tkun tneħħietlu kompletament il-qoxra tas-siġra jew ikun fih biss biċċiet żgħar tal-qoxra li jidhru separati u distinti minn xulxin. Dawk il-biċċiet tal-qoxra tas-siġra jridu jikkonformaw ma’ wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ikunu anqas minn 3 cm fil-wisa’ (irrispettivament mit-tul);

(b)

meta jkunu akbar minn 3 cm fil-wisa’, l-erja tas-superfiċe totali ta’ kull biċċa qoxra tas-siġra tkun anqas minn 50 cm2;

(5)

il-livell tal-kontenut tal-umdità tagħhom ma jkunx aktar minn 20 %;

(6)

kienu nħażnu f’bini magħluq u trasportati f’kontenituri magħluqa, jew b’għata protettiva sħiħa;

(7)

ikunu akkumpanjati minn dokument maħruġ mid-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti tal-Amerka li jikkonferma l-konformità tal-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (4), (5) u (6).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2026/59/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)