European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2602

8.10.2024

FTEHIM BEJN IR-RENJU TAN-NORVEĠJA U L-UNJONI EWROPEA DWAR MEKKANIŻMU FINANZJARJU NORVEĠIŻ GĦALL-PERJODU BEJN MEJJU 2021 U APRIL 2028

ARTIKOLU 1

(1)   Objettivi

Ir-Renju tan-Norveġja jimpenja ruħu li jikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi u soċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet tiegħu mal-Istati Benefiċjarji, permezz ta’ Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż separat fil-prijoritajiet tematiċi elenkati fl-Artikolu 3 (1).

(2)   Valuri u Prinċipji Komuni

Il-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż (2021–2028) huwa bbażat fuq il-valuri u l-prinċipji komuni tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

Il-programmi u l-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż għandhom ikunu konsistenti mar-rispett għal dawn il-valuri u l-prinċipji u jastjenu milli jappoġġaw operazzjonijiet li jistgħu jonqsu milli jagħmlu dan. L-implimentazzjoni tagħhom għandha tikkonforma mad-drittijiet u l-obbligi fundamentali minquxa fl-istrumenti u l-istandards rilevanti.

ARTIKOLU 2

Impenji

L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 1 għandu jkun ta’ EUR 1 380 000 000. Kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali ta’ EUR 83 000 000 għandha tkun disponibbli wkoll għall-proġetti relatati mal-isfidi esperjenzati bħala riżultat tal-invażjoni tal-Ukrajna. Dawn il-kontribuzzjonijiet għandhom ikunu disponibbli għal impenn f’porzjonijiet annwali ta’ EUR 209 000 000 matul il-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2021 sat-30 ta’ April 2028, iż-żewġ dati inklużi.

L-ammont totali għandu jikkonsisti minn allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż kif speċifikat fl-Artikolu 6, flimkien mal-fondi speċifikati fl-Artikolu 7.

ARTIKOLU 3

(1)   Prijoritajiet tematiċi

L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu disponibbli biex jippromwovu l-prijoritajiet tematiċi ġenerali li ġejjin:

(a)

it-tranżizzjoni ekoloġika Ewropea;

(b)

id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

(c)

l-inklużjoni soċjali u r-reżiljenza.

F’dawn il-prijoritajiet tematiċi, l-oqsma tal-programm huma stabbiliti fl-Anness ta’ dan il-Ftehim. Il-kontenut ta’ dawn l-oqsma tal-programm se jiġi ddeterminat wara konsultazzjoni mal-Istati Benefiċjarji.

(2)   Ħtiġijiet tal-Istati Benefiċjarji

L-oqsma tal-programm għandhom jintgħażlu, jiġu kkonċentrati u adattati, biex jirrispondu għall-ħtiġijiet differenti f’kull Stat Benefiċjarju, filwaqt li jitqiesu d-daqs tiegħu u l-ammont tal-kontribuzzjoni. Għal dan l-għan, il-proċedura li għandha tiġi segwita hija stabbilita fl-Artikolu 9, il-paragrafu 5.

ARTIKOLU 4

(1)   Memoranda ta’ Qbil

Sabiex tinkiseb konċentrazzjoni u tiġi żgurata implimentazzjoni effiċjenti, f’konformità mal-objettivi ġenerali msemmija fl-Artikolu 1, u filwaqt li jitqiesu l-politiki tal-UE u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, kif ukoll il-Ftehimiet ta’ Sħubija konklużi bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju tan-Norveġja għandu jinnegozja ma’ kull Stat Benefiċjarju Memorandum ta’ Qbil f’konformità mal-Artikolu 9, il-paragrafu 5.

(2)   Konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea

Il-konsultazzjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għandhom isiru f’livell strateġiku u għandhom isiru matul in-negozjati tal-Memoranda ta’ Qbil bil-ħsieb li jippromwovu l-komplementarjetà u s-sinerġiji mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE.

ARTIKOLU 5

(1)   Kofinanzjament

Fir-rigward ta’ programmi skont l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għalihom l-Istati Benefiċjarji għandu jkollhom ir-responsabbiltà tal-implimentazzjoni, il-kontribuzzjoni tar-Renju tan-Norveġja ma għandhiex taqbiżx il-85 % tal-kost tal-programm, sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mir-Renju tan-Norveġja.

(2)   Għajnuna mill-Istat

Ir-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jiġu rrispettati.

(3)   Responsabbiltà

Ir-responsabbiltà tar-Renju tan-Norveġja għall-proġetti hija limitata li tipprovdi l-fondi skont il-pjan maqbul. Għaldaqstant, ir-Renju tan-Norveġja mhuwa se jassumi l-ebda responsabbiltà lejn partijiet terzi.

ARTIKOLU 6

Allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż

L-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż għandhom isiru disponibbli għall-Istati Benefiċjarji li ġejjin: il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Ċipru,,, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja,, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja, f’konformità mad-distribuzzjoni li ġejja:

Stat Benefiċjarju

Fondi (EUR)

Bulgarija

127 197 491

Kroazja

65 092 127

Ċipru

8 613 472

Repubblika Ċeka

110 034 588

Estonja

35 081 761

Ungerija

124 271 436

Latvja

53 529 539

Litwanja

57 575 226

Malta

5 462 877

Polonja

452 283 429

Rumanija

291 616 358

Slovakkja

63 904 256

Slovenja

24 437 440

L-ammonti ppreżentati jinkludu l-allokazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li għandhom ikunu disponibbli għal kull Stat Benefiċjarju f’konformità mal-Artikolu 9, il-paragrafu 5, u s-sehem tal-fond għas-soċjetà ċivili msemmi fl-Artikolu 7 li għandu jkun ta’ benefiċċju għal kull Stat Benefiċjarju.

ARTIKOLU 7

Fil-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż, għandhom ikunu disponibbli tliet fondi. Huma għandhom jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż (2021–2028) kif definiti fl-Artikolu 1, u għall-prijoritajiet tematiċi msemmija fl-Artikolu 3. Entitajiet Norveġiżi jistgħu jipparteċipaw bħala sħab fil-fondi.

(1)   Fond għas-soċjetà ċivili

10 % tal-ammont totali għal fond għandu jitwarrab għas-soċjetà ċivili. Il-koeffiċjent tad-distribuzzjoni għall-Istati Benefiċjarji huwa stabbilit fl-Artikolu 6.

5 % tal-fond għandu jiġi allokat għal inizjattivi tranżnazzjonali.

(2)   Fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali

2 % tal-ammont totali għandu jitwarrab għal fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali, fost oħrajn, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OECD u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (European Union Agency for Fundamental Rights, FRA). Dan il-fond se jippromwovi l-prijoritajiet tematiċi fl-Istati Benefiċjarji.

(3)   Fond għal djalogu soċjali u xogħol deċenti

1 % tal-ammont totali għandu jitwarrab għal fond għal djalogu soċjali u xogħol deċenti.

ARTIKOLU 8

(1)   Koordinazzjoni mal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE

Il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 1 għandha tkun ikkoordinata mill-qrib mal-kontribuzzjoni mill-Istati tal-EFTA prevista fil-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE. B’mod partikolari, ir-Renju tan-Norveġja għandu jiżgura li l-proċeduri u l-modalitajiet ta’ implimentazzjoni jkunu essenzjalment l-istess għaż-żewġ mekkaniżmi finanzjarji.

(2)   Koordinazzjoni mal-politika ta’ koeżjoni tal-UE

Għandha titqies kwalunkwe bidla rilevanti fil-politika ta’ koeżjoni tal-UE, kif xieraq.

ARTIKOLU 9

Dan li ġej għandu japplika għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż:

(1)   Kooperazzjoni

L-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż imsemmija fl-Artikolu 1 għandhom jiġu segwiti f’qafas ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Benefiċjarji u r-Renju tan-Norveġja, li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji u jikkonforma mad-drittijiet u l-obbligi msemmija fl-Artikolu 1, il-paragrafu 2.

(2)   Prinċipji ta’ implimentazzjoni

L-ogħla grad ta’ trasparenza, responsabbilità u kosteffiċjenza għandu jkun applikat fil-fażijiet kollha ta’ implimentazzjoni, flimkien mar-rispett għall-prinċipji ta’ governanza tajba, is-sħubija u l-governanza f’diversi livelli, l-iżvilupp sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u n-nondiskriminazzjoni.

(3)   Ġestjoni tal-fondi

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jopera u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni, inklużi l-ġestjoni u l-kontroll, tat-tliet fondi stabbiliti fl-Artikolu 7.

(4)   Ġestjoni mir-Renju tan-Norveġja

Ir-Renju tan-Norveġja, jew entità maħtura minnu, għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż. Aktar dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż, inklużi miżuri ta’ simplifikazzjoni mmirati lejn l-iżgurar tal-effiċjenza u l-effettività fl-implimentazzjoni, se jinħarġu mir-Renju tan-Norveġja wara konsultazzjonijiet mal-Istati Benefiċjarji li jistgħu jiġu assistiti mill-Kummissjoni Ewropea. Ir-Renju tan-Norveġja għandu jagħmel ħiltu biex joħroġ dawn id-dispożizzjonijiet qabel l-iffirmar tal-Memoranda ta’ Qbil.

(5)   Negozjati ta’ Memoranda ta’ Qbil

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jinnegozja ma’ kull Stat Benefiċjarju Memorandum ta’ Qbil dwar l-allokazzjoni rispettiva speċifika għall-pajjiż, esklużi l-fondi msemmija fl-Artikolu 7 u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-Memorandum ta’ Qbil għandu jistabbilixxi l-programmi, id-distribuzzjoni ta’ fondi bejn l-oqsma tal-programm, l-istrutturi għall-ġestjoni u l-kontroll u l-kundizzjonijiet applikabbli.

(6)   Implimentazzjoni

(a)

Fuq il-bażi tal-Memoranda ta’ Qbil, l-Istati Benefiċjarji għandhom jippreżentaw proposti għal programmi speċifiċi lir-Renju tan-Norveġja li għandhom jivvalutaw u japprovaw il-proposti u jikkonkludu ftehimiet ta’ għotja, bil-kundizzjonijiet, il-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni rilevanti, mal-Istati Benefiċjarji għal kull programm.

(b)

L-implimentazzjoni tal-programmi miftiehma għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Istati Benefiċjarji li għandhom jipprevedu sistema xierqa ta’ ġestjoni u kontroll sabiex jiżguraw implimentazzjoni u ġestjoni tajba.

(c)

Ir-Renju tan-Norveġja jista’ jwettaq kontrolli skont ir-rekwiżiti interni tiegħu. L-Istati Benefiċjarji għandhom jipprovdu l-assistenza, l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa kollha għal dan il-għan.

(d)

Biex jiżgura l-konformità mal-obbligi, ir-Renju tan-Norveġja jista’, wara valutazzjoni, u wara li jkun sema’ lill-Istat Benefiċjarju, jieħu miżuri xierqa u proporzjonati, inklużi s-sospensjoni tal-pagamenti u l-irkupru ta’ fondi.

(e)

Meta xieraq, għandhom jiġu applikati sħubiji fit-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja sabiex tiġi żgurata parteċipazzjoni wiesgħa. Is-sħab jistgħu ikunu, fost oħrajn, fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll is-settur privat, is-soċjetà ċivili u sħab soċjali fl-Istati Benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja.

(f)

Kwalunkwe proġett skont il-programmi fl-Istati Benefiċjarji jista’ jiġi implimentat f’kooperazzjoni bejn, fost oħrajn, entitajiet ibbażati fl-Istati Benefiċjarji u fir-Renju tan-Norveġja, f’konformità mar-regoli applikabbli dwar l-akkwist pubbliku.

(7)   Kostijiet ta’ ġestjoni

Il-kostijiet ta’ ġestjoni tar-Renju tan-Norveġja għandhom jiġu koperti mill-ammont totali msemmi fl-Artikolu 2, u għandhom jiġu speċifikati fid-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Il-kostijiet ta’ ġestjoni għall-Fondi msemmija fl-Artikolu 7 se jiġu koperti mill-ammont allokat għall-Fondi.

(8)   Rapportar

Ir-Renju tan-Norveġja għandu jirrapporta dwar il-kontribuzzjoni tiegħu għall-objettivi tal-Mekkaniżmu Finanzjarju Norveġiż.

ARTIKOLU 10

(1)

Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri rispettivi tagħhom. L-istrumenti ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni għandhom jiġu depożitati mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

(2)

Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara li jkun ġie ddepożitat l-aħħar strument ta’ ratifika jew ta’ approvazzjoni.

(3)

Sakemm jitlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi proviżorja mill-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li tkun ġiet iddepożitata l-aħħar notifika għal dan il-għan.

ARTIKOLU 11

Dan il-Ftehim, imfassal f’kopja oriġinali waħda bl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Irlandiż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Olandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Taljan, Ungeriż, Żvediż u Norveġiż, bit-test f’kull wieħed minn dawn l-ilsna jkun ugwalment awtentiku, għandu jiġi depożitat mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jibgħat kopja ċertifikata lil kull waħda mill-Partijiet ta’ dan il-Ftehim.

Image 1

Image 2


(1)  F’dan il-Ftehim, ir-referenzi għall-artikoli, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-artikoli f’dan il-Ftehim.


ANNESS

It-tranżizzjoni ekoloġika

Negozju ekoloġiku u innovazzjoni

Riċerka u innovazzjoni

Edukazzjoni, taħriġ u impjieg taż-żgħażagħ

Kultura

Żvilupp lokali, governanza tajba u inklużjoni

Integrazzjoni u awtonimizzazzjoni tar-Rom

Saħħa pubblika

Prevenzjoni tad-diżastri u tħejjija għalihom

Is-settur tal-ġustizzja inklużi l-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, l-aċċess għall-ġustizzja, is-servizzi korrettivi, il-kriminalità serja u organizzata

Ażil, migrazzjoni u integrazzjoni

Kooperazzjoni interistituzzjonali u bini tal-kapaċitajiet

L-Istati Benefiċjarji se jibbenefikaw ukoll minn proġetti ffinanzjati minn:

 

Fond għas-soċjetà ċivili

 

Fond għall-bini tal-kapaċitajiet u l-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali

 

Fond għal djalogu soċjali u xogħol deċenti

L-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-diġitalizzazzjoni se jiġu integrati u jiffurmaw parti mill-oqsma rilevanti kollha tal-programm.


ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2602/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)