Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Portugall għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġitu s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u partikolarment l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija. L-istrateġija tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.
(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jagħmlu “il-linji gwida integrati” li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.
(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Portugall għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-Programm ta’ Stabbiltà aġġornat tal-Portugall għall-perjodu 2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Portugall għall-2015.
(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Portugall ma ġiex identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq analiżi fil-fond.
(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk kienu aċċelerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.
(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għall-Portugall. Dan ivvaluta l-progress li għamel il-Portugall fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tal-analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ speċifiku. Huwa veru li nkiseb progress konsiderevoli permess tal-programm ta' aġġustament, kemm fir-rigward tal-aġġustament ekonomiku kif ukoll fejn għandhom x'jaqsmul-politiki. Minkejja dan, għad fadal riskji sinifikanti, marbuta mal-livelli għolja tal-pożizzjoni tad-dejn intern u estern f'firxa ta' setturi varji, u dawn jistħoqqilhom attenzjoni mill-qrib. Hemm ukoll pressjonijiet tat-tnaqqis fl-ingranaġġ b'saħħithom fil-kuntest ta' tkabbir baxx, inflazzjoni baxxa u qgħad għoli.
(7)Fit-28 ta' April 2015, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2015 u l-Programm ta' Stabilità tiegħu għall-2015. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(8)Il-Portugall bħalissa jinsab fil-parti korrettiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tiegħu, il-gvern qed jippjana li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2015 f'konformità mal-iskadenza stabbilita mill-Kunsill. Huwa qed jippjana li jnaqqas id-defiċit nominali għal 2.7% tal-PDG fl-2015 u gradwalment aktar għal 0.6% tal-PDG fl-2018. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-gvern qed jippjana li jilħaq l-objettiv fuq perjodu ta’ żmien medju - defiċit strutturali ta' 0.5% tal-PDG - fl-2016. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern għall-PDG mistenni jonqos għal 124.2% fl-2015 u aktar għal madwar 112.1% fl-2018. Ix-xenarju makroekonomiku li jsejjes dawn il-projjezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2015 u l-2016, iżda pjuttost ottimistiku għall-2017 u l-2018 li għalihom ġew identifikati xi riskji mill-Kunsill tal-Finanzi Pubbliċi Portugiż.
Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, għadha mhix żgurata korrezzjoni f'waqtha u fit-tul tad-defiċit eċċessiv għall-2015, iżda tista' tintlaħaq. Fl-istess ħin, l-isforz fiskali jinsab taħt dak irrakkomandat mill-Kunsill. Jekk wieħed jassumi li d-defiċit eċċessiv jiġi korrett, il-Portugall ikun suġġett għall-parti preventiva tal-Patt mill-2016. Miżuri li jtejjbu l-bilanċ biex jappoġġjaw il-miri ppjanati għad-defiċit mill-2016 'il quddiem għad mhumiex speċifikati biżżejjed u jidhru li mhumiex kbar biżżejjed. Għalhekk, jidher li hemm riskju ta' devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv fuq terminu medju fl-2016, u ser ikunu meħtieġa miżuri strutturali ulterjuri. Skont il-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jqis il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-fehma li hemm ir-riskju li l-Portugall ma jikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(9)Il-konsolidazzjoni fiskali trid tissaħħaħ b'effiċjenza u kwalità miżjuda tal-ispiża pubblika fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika u b'riformi ulterjuri tas-sistema ta' ġestjoni tal-finanzi pubbliċi. B'mod partikolari, huma neċessarji sforzi ulterjuri biex jiżguraw kontroll strett tan-nefqa bl-infurzar tal-liġi tal-kontroll tal-impenji u biex isaħħu l-obbligu ta' rendikont. Il-liġi dwar is-salarju uniku ġiet ippubblikata f'Settembru tal-2014 u ġiet applikata minn Jannar tal-2015; qed titħejja l-implimentazzjoni tad-Digriet-liġi dwar l-iskala tas-supplimenti uniċi. Ir-ristrutturar tal-intrapriża tal-Istat għadu ma tlestiex. Kien hemm progress limitat fl-iżvilupp ta' miżuri komprensivi ġodda bħala parti mir-riforma tal-pensjonijiet li għaddejja. Il-Portugall saritlu riforma komprensiva tas-sistema fiskali tiegħu fl-aħħar sentejn, immirata għat-taxxa fuq il-kumpaniji, it-taxxa fuq id-dħul personali u t-tassazzjoni ambjentali. Għandu jiġi evalwat l-impatt kumplessiv ta' din ir-riforma. Hemm ambitu wiesa' għal riformi ulterjuri biex jimmodernizzaw l-amministrazzjoni tad-dħul u biex ikomplu jtejjbu l-konformità mar-regoli min-naħa tal-kontribwenti.
(10)Is-sistema ta’ negozjar kollettiv riċentement sarulha diversi riformi, għalkemm mhux kollha kemm huma jippromwovu allinjament tas-salarji mal-produttività fil-livell tas-setturi u tal-kumpaniji. L-isfida tas-sistema hija li tippermetti lill-kumpaniji jaġġustaw għal ċirkostanzi speċifiċi. Dan jinkludi l-użu effettiv ta' dispożizzjonijiet eżistenti għall-kumpaniji biex jidderogaw minn ftehimiet kollettivi settorjali skont ċirkostanzi speċifiċi. Minkejja l-iffriżar fi snin riċenti, is-salarju minimu żdied b'mod ħafna aktar mgħaġġel mis-salarju medju f'termini nominali mill-2008 (bi 18.5% vs 3.5% bejn l-2008 u l-2014) u l-proporzjon ta' ħaddiema koperti mis-salarju minimu kiber minn 5% fl-2005 għal 12.9% fl-2014.
(11)Sar progress sinifikanti fir-rigward tal-użu ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol u tar-riforma ta' servizzi pubbliċi għall-impjieg. Madanakollu, jifdal sfidi fir-rigward tal-ilħuq ta' żgħażagħ li mhumiex impjegati u lanqas fl-edukazzjoni jew it-taħriġ. Hemm bżonn li tiżdied id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi li jieħdu ħsieb l-adattament għas-suq tax-xogħol. L-iżgurar ta' kopertura xierqa ta' assistenza soċjali, inkluża l-iskema ta’ dħul minimu, jibqgħu wkoll sfida ewlenija. Sar xi ftit tal-progress fit-titjib tal-kwalità u r-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni. Il-Portugall irriforma l-kurrikuli u l-istatuti tal-għalliema sabiex itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni. L-użu tal-għodda ta' monitoraġġ u d-diversifikazzjoni ta' perkorsi bi programmi ġodda ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali għandhom jindirizzaw it-tluq bikri mill-iskola u jgħinu fit-titjib tar-rati ta' prestazzjoni. Riformi riċenti huma mfassla biex itejjbu s-sistema ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, iżda tibqa' l-isfida biex din is-sistema ssir aktar attraenti għall-istudenti. It-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien bejn l-edukazzjoni għolja, kumpaniji tas-settur privat u organizzazzjonijiet ta' riċerka wkoll jirrappreżenta sfida.
(12)Id-dejn għoli ta' kumpaniji Portugiżi għadu joħloq piż fuq ir-rendiment tagħhom u jimpedixxi investimenti ġodda, u d-dejn tal-unitajiet domestiċi naqas b'mod sinifikanti. B'segwitu għall-eżerċizzju ta' Valutazzjoni Komprensiva, il-bank ċentrali żied il-monitoraġġ tal-likwidità u l-pożizzjoni kapitali tal-banek, kif ukoll ivvaluta l-pjan għall-irkupru tal-banek. Il-proporzjon ta' self korporattiv improduttiv għadu għoli (fuq it-18%) u huwa piż fuq il-karti bilanċjali tal-banek. Ir-riforma tat-taxxa fuq id-dħul korporattiv li nbdiet fl-2014 issaħħaħ il-limiti tal-possibilità ta' tnaqqis ta' spejjeż finanzjarji netti, iżda l-preferenza għal dejn għoli fit-tassazzjoni korporattiva tista' tiġi indirizzata ulterjorment. Il-pjattaformi/proċessi ta' ristrutturar korporattivi PER u SIREVE qed jitfasslu mill-ġdid, b'enfasi msaħħa fuq l-għajnuna lil kumpaniji biex jibqgħu fin-negozju minflok jidħlu f'likwidazzjoni. Iċ-ċifri tat-tnaqqis fl-ingranaġġ għall-2014 juru progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-miżuri biex jitnaqqas id-dejn korporattiv eċċessiv. Il-pjan strateġiku għar-ristrutturar tad-dejn korporattiv, ippubblikat f'Mejju 2014, qed jieħu l-forma bilmod fil-leġiżlazzjoni permezz ta' diversi miżuri. Qed isir progress ukoll fit-twessigħ tal-firxa ta' alternattivi għall-finanzjament disponibbli għal kumpaniji mhux finanzjarji billi jiġu inkoraġġuti investimenti ta' ekwità. L-Istituzzjoni tal-Finanzi għall-Iżvilupp, stabbilita formalment f'Settembru 2014, beħsiebha tindirizza l-fallimenti tas-suq li jxekklu l-aċċess għall-finanzi tal-SMEs.
(13)Hemm lok biex jissaħħu l-miżuri biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-kwalità tas-sistema ġudizzjarja, b'mod partikolari fir-rigward tal-evelwazzjoni tal-attivitajiet tal-qrati u l-użu ta' għodod onlajn, u biex isir stħarriġ tal-utenti tal-qorti jew professjonisti legali. Skont It-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għall-2015, il-proċedimenti ta' infurzar fil-kawżi ċivili u kummerċjali jkomplu jkunu twal (386 ġurnata). In-numru ta' kawżi ta’ eżekuzzjoni għadu qed jonqos bi ftit, filwaqt li ż-żmien għat-tlestija jibqa' twil (1045 ġurnata fl-2014). Ir-riformi relatati mal-qrati tat-taxxa u dawk amministrattivi mexjin b'pass inqas mgħaġġel minn riformi ġudizzjarji oħra. Iż-żieda fin-numru ta' każijiet ta' insolvenza enfasizzat il-bżonn li jiżdiedu r-riżorsi u t-taħriġ għal qrati tal-ewwel istanza f'dan il-qasam. Il-likwidità tan-negozji tkompli tiġi aggravata minn dewmien twil fil-ħlasijiet, l-aktar mis-settur pubbliku. Ma ttieħdu l-ebda miżuri ġodda u ma saru l-ebda impenji biex jiġu indirizzati dawn il-ħlasijiet tard. Hemm nuqqas ta' trasparenza fir-rigward ta' sħubijiet pubbliċi-privati fil-livelli ta' gvern lokali u reġjonali u fil-qasam ta' konċessjonijiet fil-livelli kollha. Il-prevenzjoni ta' korruzzjoni hija mxekkla mill-applikazzjoni ineffettiva ta' qafas legali eżistenti, li fiha jeħtieġ li jitjiebu l-monitoraġġ, l-implimentazzjoni u l-infurzar tas-sanzjonijiet.
(14)L-awtorità regolatorja tat-trasport il-ġdida għadha mhijiex operazzjonali. Il-miżuri ta' liberalizzazzjoni ta' konċessjonijiet fil-portijiet, fis-settur ferrovjarju u t-trasport pubbliku metropolitan qed idumu, u b'hekk jonqsu milli jistimulaw l-investiment. Kien hemm progress limitat fl-implimentazzjoni tal-pjan tat-trasport fit-tul u l-iskeda għar-riforma tas-settur tal-portijiet. Kien hemm dewmien fil-konċessjonijiet tat-trasport għaż-żoni metropolitani ta' Lisbona u Porto. Barra minn hekk, sar progress limitat fin-negozjar mill-ġdid tal-konċessjonijiet fil-portijiet u fis-settur ferrovjarju. Il-fużjoni bejn l-operaturi tal-infrastruttura ferrovjarja (REFER) u dawk tat-toroq (EP) maħsuba biex ittejjeb is-sostenibilità finanzjarja tal-korp infrastrutturali l-ġdid tat-toroq u ferrovjarju, għadha għaddejja. In-numru tal-persunal tnaqqas fl-intrapriżi tal-Istat fis-settur tat-trasport.
(15)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabilità u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fi snin preċedenti. Hija kkunsidrat mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Protugall iżda wkoll il-konformita tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa biex tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE f'deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 5 hawn taħt.
(16)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta' Stabbiltà tal-Portugall, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.
(17)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) No 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 4 hawn taħt.
(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro inġenerali. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Il-Portugall għandu jiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet;
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2015 u l-2016 biex:
1.Jiżgura korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv fl-2015 billi jieħu miżuri kif meħtieġ. Jikseb aġġustament fiskali ta' 0.6 % tal-PDG lejn l-objettiv fuq terminu medju fl-2016. Jinforza l-liġi tal-kontroll tal-impenji biex jikkontrolla n-nefqa aħjar. Itejjeb is-sostenibilità tas-sistema tal-pensjoni fuq terminu medju. Jissalvagwardja s-sostenibilità finanzjarja tal-intrapriżi tal-istat. Itejjeb ulterjorment il-konformità tat-taxxa u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa.
2.Jippromwovi l-allinjament tas-salarji mal-produttività, f'konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali u f'konformità mal-prattiki nazzjonali, filwaqt li jqis id-differenza fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali kif ukoll diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika fost ir-reġjuni, setturi u kumpaniji. Jiżgura li żviluppi relatati mas-salarju minimu jkunu konsistenti mal-objettivi ta' promozzjoni tal-impjieg u l-kompetittività
3.Itejjeb l-effiċjenza tas-servizzi pubbliċi għall-impjieg, b'mod partikolari billli jżid l-ilħiq għal żgħażagħ mhux irreġistrati. Jiżgura attivazzjoni effettiva ta' dawk li jirċievu l-benefiċċji u kopertura xierqa tal-iskema ta' dħul minimu.
4.Jieħu miżuri biex inaqqas id-dejn korporattiv eċċessiv, biex jindirizza l-proporzjon ta' self mhux produttiv korporattiv fil-banek u biex inaqqas il-preġudizzju ta' dejn għal korporattivi taħt id-dispożizzjonijiet tat-taxxa. Itejjeb l-efiċjenza tal-għodod ta' ristrutturar tad-dejn għal kumpaniji vijabbli billi jintroduċi inċentivi għal banek u debituri biex jinvolvu ruħhom fi proċessi ta' ristrutturar fi stadju bikri.
5.Jaċċellera l-miżuri u jżid it-trasparenza fir-rigward ta' konċessjonijiet, inkluż fis-settur tat-trasport, u sħubijiet pubbliċi-privati f'livell lokali u reġjonali.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President