Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

15 ta’ Ottubru 2026 (*)

“Appell – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tal-aggressjoni militari kontra l-Ukraina – Deċiżjoni 2014/145/PESK – Artikolu 2(1), in fine – Miżuri restrittivi imposti fuq persuna fiżika assoċjata ma’ persuna fiżika oħra li hija stess tinsab suġġetta għal miżuri restrittivi – Kunċett ta’ ‘assoċjazzjoni’ fil-każ ta’ żewġ persuni li għandhom relazzjoni familjali”

Fil-Kawża C‑695/23 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis‑16 ta’ Novembru 2023,

Galina Evgenyevna Pumpyanskaya, residenti f’Ekaterinburg (ir-Russja), irrappreżentata inizjalment minn A. Egger, P. Goeth, G. Lansky u E. Steiner, Rechtsanwälte, sussegwentement minn M. F. Ciancio u A. Saccucci, avvocati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

konvenut fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn B. Smulders, President tal-Awla, M. L. Arastey Sahún (Relatriċi), Presidenta tal-Ħames Awla, u J. Passer Imħallef,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: V. Di Bucci,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstemgħet l-Avukata Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑6 ta’ Settembru 2023, Pumpyanskaya vs Il‑Kunsill (T‑272/22, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2023:491), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/397 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 80, p. 31, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 118 u fil-ĠU 2022, L 156, p. 160), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/396 tad‑9 ta’ Marzu 2022 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU 2022, L 80, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2022, L 117, p. 117 u fil-ĠU 2022, L 154, p. 76) (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“atti kontenzjużi”), sa fejn dawn iż-żewġ atti jinkludu isimha fil-listi annessi magħhom.

 Il-kuntest ġuridiku u l-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-kuntest fattwali u ġuridiku ta’ din il-kawża huwa espost fil-punti 2 sa 17 tas-sentenza appellata. Għall-finijiet tal-proċedura preżenti, dan jista’ jiġi miġbur fil-qosor u kkompletat kif ġej.

3        Il-kawża ineżami taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mis-sena 2014 b’reazzjoni għall-azzjonijiet li jikkompromettu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina.

4        L-appellanti hija ta’ nazzjonalità Russa.

5        Fis‑17 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 16, rettifika fil-ĠU  L, 2023/90130).

6        Fl-istess jum, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 269/2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina (ĠU 2014, L 78, p. 6, rettifika fil-ĠU 2014, L 294, p. 64).

 Id-Deċiżjoni 2014/145

7        L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/145, kif emendata, b’mod partikolari, bid-Deċiżjoni 2022/329 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2014/145”), jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jieħdu l-miżuri neċessarji, bla ħsara għad-derogi speċifikati fil-paragrafi 2, 3 u 6 ta’ dan l-Artikolu 1, sabiex jipprevjenu d-dħul fit-territorju tagħhom jew it-tranżitu mit-territorju tagħhom, fost oħrajn, tal-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji previsti b’mod partikolari fil-Artikolu 1(1)(e) tiegħu kif ukoll il-persuni fiżiċi assoċjati magħhom.

8        L-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu b’mod partikolari lill-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterji ddefiniti minn dan il-punt (g), kif ukoll lill-persuni fiżiċi assoċjati magħhom, fejn dan il-kriterju huwa essenzjalment identiku għal dak previst fl-Artikolu 1(1)(e) ta’ din id-deċiżjoni. L-Artikolu 2(1) tal-imsemmija deċiżjoni jinqara kif ġej:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta’, jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

[…]

(g)      negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

[…]

u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.”

9        L-Artikolu 2(3) sa (5), (7) u (8) tad-Deċiżjoni 2014/145 jipprevedi, essenzjalment, li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu, f’ċerti ċirkustanzi u kundizzjonijiet, jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati u jawtorizzaw pagamenti lil ċerti entitajiet u li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi inklużi fil-lista li tinsab fl-Anness ta’ din id-deċiżjoni jistgħu jwettqu pagamenti dovuti abbażi ta’ kuntratt konkluż qabel id-data li fiha huma ġew inklużi f’din il-lista.

10      It-tielet paragrafu tal-Artikolu 6 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi li din tal-aħħar għandha tkun is-suġġett ta’ monitoraġġ kontinwu u li għandha tiġi estiża jew, jekk ikun il-każ, emendata, jekk il-Kunsill iqis li l-għanijiet tagħha ma jkunux intlaħqu.

 Ir-Regolament Nru 269/2014

11      L-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014, kif emendat b’mod partikolari bir-Regolament 2022/330 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 269/2014”), jipprevedi, flimkien mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi li jappartjenu b’mod partikolari lill-persuni fiżiċi li jissodisfaw il-kriterju li dan il-punt (g) jiddefinixxi, kif ukoll lill-persuni fiżiċi assoċjati magħhom, b’mod essenzjalment identiku għal dak li jipprevedi l-Artikolu 2(1)(g) u in fine, tad-Deċiżjoni 2014/145.

12      L-Artikoli 4 sa 6b tal-imsemmi regolament jirriproduċu, essenzjalment, l-istess dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fil-paragrafi 3 sa 5, 7 u 8 tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2014/145, rispettivament.

13      L-Artikolu 14(4) tal-istess regolament jipprovdi li l-lista li tinsab fl-Anness I tiegħu għandha tiġi rreveduta f’intervalli regolari u mill-inqas kull tnax‑il xahar.

 L-atti kontenzjużi

14      Fid‑9 ta’ Marzu 2022, fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fl-Ukraina, il-Kunsill adotta l-atti kontenzjużi. Permezz ta’ dawn l-atti, isem l-appellanti ġie inkluż fil-lista annessa mad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll f’dik li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014, rispettivament, għar-raġunijiet segwenti:

“[L-appellanti] hija l-Presidenta tal-Bord ta’ Fiduċjarji ta’ BF ‘Sinara’, fondazzjoni li twettaq l-attivitajiet karitatevoli ta’ impriżi kbar, fosthom PJSC Pipe Metallurgical Company. L-appellanti hija mart Dmitry Alexandrovich Pumpyanskiy, il-President tal-Bord tad-Diretturi ta’ PJSC Pipe Metallurgical Company, manifattur Russu fuq livell mondjali ta’ pajpijiet tal-azzar għall-industrija taż-żejt u tal-gass. Dmitry A. Pumpyanskiy huwa negozjant biljunarju Russu. Huwa wkoll il-President u membru tal-Bord ta’ Fiduċjarji tal-grupp Sinana. Iż-żewġ kumpanniji jappoġġjaw lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa u intrapriżi tal-Istat, b’mod partikolari Russian Railways, Gazprom u Rosneft u jibbenefikaw minn kooperazzjoni magħhom.

[L-appellanti] hija għaldaqstant persuna fiżika assoċjata ma’ negozjant ewlieni, involut f’setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukraina.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑17 ta’ Mejju 2022, l-appellanti ppreżentat rikors intiż għall-annullament tal-atti kontenzjużi sa fejn dawn kienu jikkonċernawha. Fil-kuntest tar-rikors għal annullament tagħha, hija kkontestat, permezz tal-ewwel motiv, l-evalwazzjoni tal-Kunsill li s-sitwazzjoni tagħha kienet tissodisfa l-kriterju previst fl-Artikolu 1(1) in fine u fl-Artikolu 2(1) in fine tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll tal-Artikolu 3(1) in fine tar-Regolament Nru 269/2014 (iktar ’il quddiem il-“kriterju tal-assoċjazzjoni”), sa fejn hija allegatament “assoċjata” ma’ żewġha li huwa stess kien is-suġġett ta’ miżuri restrittivi skont il-kriterju previst fl-Artikolu 1(1)(e) u fl-Artikolu 2(1)(g) tad-Deċiżjoni 2014/145 kif ukoll fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 269/2014 (iktar ’il quddiem il-“kriterju (g)”). Permezz tat-tieni motiv, hija qieset ukoll li l-Kunsill kien kiser id-drittijiet fundamentali tagħha kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

16      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-appellanti. Wara li, fil-punti 49 sa 60 ta’ dik is-sentenza, hija qieset li l-Kunsill ma kienx wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta inkluda fil-lista li tinsab fl-Anness tad-Deċiżjoni 2014/145 u fl-Anness I tar-Regolament Nru 269/2014 ir-raġel tal-appellanti abbażi tal-kriterju (g), din il-qorti ddeċidiet, fil-punti 62 sa 84 tal-imsemmija sentenza, li l-Kunsill seta’ validament iqis li l-appellanti kienet fil-fatt assoċjata ma’ żewġha, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni.

17      F’dan l-aħħar rigward, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” jirreferi għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma, b’mod ġenerali, konnessi b’interessi komuni, mingħajr madankollu ma jeħtieġu konnessjoni permezz ta’ attività ekonomika, iżda li madankollu ma jistgħux ikunu bbażati esklużivament fuq relazzjoni familjali. Hija għaldaqstant qieset, fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza, li, minkejja li l-appellanti ma kinitx teżerċita funzjonijiet diretti f’żewġ kumpanniji li fihom żewġha kien involut, iż-żewġ konjuġi kienu konnessi b’interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali li kienet tgħaqqadhom, minħabba l-fatt li l-appellanti kienet tokkupa funzjonijiet importanti f’fondazzjoni inkarigata mill-ġestjoni tal-attivitajiet karitatevoli ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji. Minn dan il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 71 tal-imsemmija sentenza, li l-Kunsill kien ipproduċa sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li setgħu juru l-assoċjazzjoni tal-appellanti ma’ negozjant ewlieni, fis-sens tal-kriterju (g), kemm minħabba r-relazzjoni familjali kif ukoll minħabba r-relazzjoni ta’ negozju li kienet tgħaqqadhom. Wara li qieset li l-argumenti l-oħra tal-appellanti ma kinux jikkontestaw din il-konklużjoni, hija ċaħdet, fil-punt 85 tal-istess sentenza, l-ewwel motiv bħala infondat.

18      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti. Essenzjalment, fil-punti 89 sa 109 ta’ dik is-sentenza, hija qieset li l-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti, ikkawżata mill-miżuri restrittivi adottati kontriha, kienet tissodisfa l-erba’ kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fosthom dik dwar il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Barra minn hekk, fil-punti 110 sa 120 tal-imsemmija sentenza, hija ddeċidiet li, billi adotta miżuri restrittivi kontra l-appellanti, il-Kunsill ma kienx kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li lanqas ma kien kiser il-prinċipju ta’ ċertezza legali minkejja l-fatt li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” kien ifformulat b’mod wiesa’ u kien jagħtih setgħa diskrezzjonali.

19      Għaldaqstant, peress li ċaħdet iż-żewġ motivi tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 121 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz tal-appell tagħha, l-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi b’mod definittiv il-kwistjoni u tannulla l-atti kontenzjużi sa fejn jikkonċernawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fl-ewwel istanza, jew

–        sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ispejjeż irriżervati.

21      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tannulla s-sentenza appellata u li tiddeċiedi l-kawża, tiċħad ir-rikors fuq il-mertu, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

22      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2024, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jissospendi l-kawża sakemm tingħata s-sentenza fil-Kawża C‑696/23. Fis‑26 ta’ Marzu 2026, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245). Permezz ta’ deċiżjoni tal-istess jum, il-proċedura fil-kawża preżenti tkompliet.

23      Permezz ta’ ittri tar-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑21 ta’ April 2026, il-partijiet ġew informati dwar l-għoti ta’ dik is-sentenza u ġew mistoqsija dwar il-konsegwenzi li setgħu jinsiltu minnha għall-finijiet tal-kawża preżenti. Il-Kunsill u l-appellanti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward, permezz ta’ ittri tat‑13 ta’ Mejju 2026 u tal‑21 ta’ Mejju 2026, rispettivament.

 Fuq l-appell

24      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka tliet aggravji bbażati fuq żbalji ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet, l-ewwel nett, billi qieset li żewġha seta’ jiġi kklassifikat bħala “negozjant ewlieni involut fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (g), it-tieni nett, meta ddeċidiet li hija kienet “assoċjata” ma’ żewġha, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni, u, it-tielet nett, billi ddeċidiet li l-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha kienu proporzjonati u ma kinux jiksru d-drittijiet fundamentali tagħha.

 Fuq l-ewwel aggravju

25      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 49 u 54 tas-sentenza appellata, qieset li l-Kunsill ma kienx wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta kklassifika lil żewġha bħala “negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta’ dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa”, fis-sens tal-kriterju (g).

26      Il-Kunsill isostni li l-ewwel aggravju huwa inammissibbli sa fejn l-appellanti tfittex li tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali. Fi kwalunkwe każ, din l-istituzzjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.

27      Għandu jiġi rrilevat li, mistoqsija dwar il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245), l-appellanti ddikjarat li kienet qiegħda tirrinunzja għall-ewwel aggravju tagħha.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwaru u lanqas dwar l-ilment ta’ inammissibbiltà mqajjem mill-Kunsill.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

29      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kunsill seta’ validament jikklassifikaha bħala persuna “assoċjata” ma’ żewġha, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni. Fil-fehma tagħha, fil-punti 64 u 65, 70 u 71, 74 sa 76 u 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva lir-relazzjoni familjali li tgħaqqadha ma’ żewġha, filwaqt li madankollu hija kienet esponiet, fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, li l-interessi komuni li jorbtu żewġ membri ta’ familja ma setgħux ikunu bbażati esklużivament fuq ir-relazzjoni familjali li tgħaqqad lil dawn il-membri sabiex jiġi ssodisfatt il-kriterju tal-assoċjazzjoni.

30      Barra minn hekk, billi qieset, f’dan l-istess punt kif ukoll fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” ikopri persuni konnessi b’interessi komuni li jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali li torbothom flimkien, il-Qorti Ġenerali adottat, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, interpretazzjoni mhux biss eċċessivament wiesgħa iżda wkoll insuffiċjentement ċara fuq il-livell kunċettwali, peress li r-relazzjoni familjali hija ta’ spiss ikkaratterizzata minn interessi komuni li ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ relazzjoni li tmur lil hinn minn tali konnessjoni.

31      L-appellanti ssostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li hija kellha relazzjoni ta’ negozju mar-raġel tagħha. Qabelxejn, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, l-appellanti qatt ma okkupat funzjonijiet fi ħdan il-kumpanniji li fihom żewġha kien jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu, jiġifieri TMK u l-grupp Sinara, fatt li barra minn hekk il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza.

32      Barra minn hekk, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali qieset li l-attivitajiet rispettivi eżerċitati minnha u minn żewġha f’entitajiet differenti kienu jistabbilixxu b’mod suffiċjenti l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ negozju bejniethom. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali injorat li, fil-fondazzjoni, hija kienet tokkupa biss funzjoni ta’ volontiera onorarja, b’tali mod li ma kellhiex tiddeċiedi, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-kwistjoni tal-assenza ta’ kontroll tal-appellanti fuq din il-fondazzjoni kienet irrilevanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza billi qieset li l-imsemmija fondazzjoni kienet konnessa “mill-qrib” ma’ TMK u mal-grupp Sinara, filwaqt li madankollu kienet ikkonstatat, fil-punt 69 tal-imsemmija sentenza, li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu biss investituri fost oħrajn tagħha u għalhekk kellhom rabta dgħajfa magħha. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li teżisti relazzjoni ta’ negozju bejn l-appellanti u żewġha meta dan tal-aħħar kien ittrasferixxa l-azzjonijiet tiegħu fl-imsemmija kumpanniji u li huwa kien okkupa funzjonijiet uffiċjali fi ħdanhom sempliċement sabiex jiżgura trasferiment mingħajr xkiel qabel ma rriżenja mill-funzjonijiet tiegħu.

33      L-appellanti tqis ukoll li l-Qorti Ġenerali ma kinitx ċara meta, fil-punti 64, 70, 71 u 74 tas-sentenza appellata, qieset li hija kienet assoċjata ma’ żewġha kemm b’relazzjoni ta’ negozju kif ukoll b’interess komuni. Barra minn hekk, is-sentenza appellata ma hijiex suffiċjentement motivata sabiex jiġi stabbilit li l-funzjoni tal-appellanti fi ħdan l-organizzazzjoni karitatevoli kienet ta’ natura li tistabbilixxi interess li kien jikkonċernaha mhux biss lilha nnifisha iżda li kien jikkonċerna wkoll lil żewġha, peress li tali interess għandu tal-inqas jilħaq livell minimu ta’ intensità sabiex jippermetti assoċjazzjoni bejn żewġ individwi.

34      Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi għal membru mhux eżekuttiv tal-Bord ta’ Fiduċjarji ta’ organizzazzjoni karitatevoli, bħall-appellanti, ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija kemm mill-Artikolu 21 TUE kif ukoll mill-atti kontenzjużi u ma hijiex ibbażata, skont l-Artikolu 215 TFUE, fuq rabta suffiċjenti mal-Istat terz li għalih l-Unjoni topponi, jiġifieri, f’dan il-każ, il-Federazzjoni Russa.

35      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li s-sentenzi ċċitati mill-Qorti Ġenerali insostenn tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ assoċjazzjoni, jiġifieri s-sentenzi tat‑8 ta’ Marzu 2023, Prigozhina vs Il-Kunsill (T‑212/22, EU:T:2023:104), tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑330/15 P, EU:C:2016:601) u tal‑4 ta’ Settembru 2015, NIOC et vs Il-Kunsill (T‑577/12, EU:T:2015:596), ma japplikawx fil-każ tagħha, sa fejn, rispettivament, hija ma għandha ebda kumpannija flimkien ma’ żewġha, ma tokkupa ebda pożizzjoni għolja fir-Russja u lanqas ma hija xi entità.

36      Filwaqt li jqis li, permezz tal-argumenti tagħha miġbura fil-qosor fil-punt 31 tas-sentenza preżenti, l-appellanti tfittex li tikkontesta konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, li jirrendi dawn l-argumenti inammissibbli, il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti kollha tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-ilment tal-appellanti bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” fil-punt 63 tas-sentenza appellata, dan għandu jiġi miċħud.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju jeżiġi, minn naħa, li d-dispożizzjonijiet legali jkunu ċari u preċiżi u, min-naħa l-oħra, li l-applikazzjoni tagħhom tkun prevedibbli għall-partijiet fil-kawża, b’mod partikolari meta dawn jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli. B’mod partikolari, dan il-prinċipju jeżiġi li leġiżlazzjoni tippermetti lill-partijiet ikkonċernati jkunu jafu b’eżattezza l-portata tal-obbligi li hija timponi fuqhom u li dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u jkunu jistgħu jaġixxu fid-dawl tagħhom. Madankollu, dawn ir-rekwiżiti ma jistgħux jinftiehmu bħala li jipprekludu lil-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ regola li jadotta, milli juża kunċett ġuridiku astratt, u lanqas bħala li jimponu li tali regola astratta ssemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom hija tista’ tapplika, peress li dawn il-każijiet kollha ma jistgħux jiġu ddeterminati minn qabel mil-leġiżlatur u lanqas mill-qorti tal-Unjoni meta tinterpreta din ir-regola (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 188 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” kien ikopri persuni li huma ġeneralment konnessi b’interessi komuni mingħajr madankollu ma jeħtieġu konnessjoni permezz ta’ attività ekonomika u lanqas ma jibbażaw ruħhom esklużivament fuq relazzjoni familjali.

40      Madankollu, minn naħa, din id-definizzjoni ma twassalx sabiex jiġi limitat il-kunċett ta’ assoċjazzjoni, fir-rigward tal-persuni fiżiċi, għall-eżistenza ta’ sempliċi relazzjoni familjali. L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali timplika fil-fatt li interessi komuni li jmorru oġġettivament lil hinn minn tali konnessjoni għandhom jiġu stabbiliti sabiex dawn il-membri jkunu jistgħu jitqiesu li huma “assoċjati”, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-interessi komuni ta’ tali membri għandhom imorru lil hinn mis-sempliċi komunjoni ta’ interessi inerenti għal kull relazzjoni familjali (sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il-Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punti 29 u 30).

41      Min-naħa l-oħra, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali identifikat kriterji suffiċjentement ċari u preċiżi għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-kunċett fil-każ ta’ żewġ persuni li għandhom relazzjoni familjali, filwaqt li ma kienx meħtieġ li hija ssemmi fid-dettall il-każijiet li fihom l-imsemmi kunċett seta’ japplika minħabba l-fatt li, minn naħa, dan għandu jingħata interpretazzjoni wiesgħa u li, min-naħa l-oħra, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata u hekk kif l-appellanti stess tammetti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tipi ta’ relazzjoni li dan il-kunċett jista’ jkopri jiddependu “mill-kuntesti u miċ-ċirkustanzi inkwistjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il-Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punti 32 u 34).

42      Fit-tieni lok, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, fil-punti 64, 65, 70, 71, 74 sa 76 u 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tatx importanza eċċessiva lir-relazzjoni familjali li tgħaqqadha ma’ żewġha. Għalkemm huwa minnu li l-Qorti Ġenerali tfakkar ripetutament, fil-punti 64, 71, 74 u 78 ta’ dik is-sentenza, li l-Kunsill qies li l-appellanti kienet konnessa ma’ żewġha minħabba r-relazzjoni familjali tagħhom u relazzjoni ta’ negozju i u li barra minn hekk hija kkonstatat, fil-punt 65 tal-imsemmija sentenza, li l-appellanti hija miżżewġa lil D. A. Pumpyanskiy, xorta jibqa’ l-fatt li, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” mogħtija fil-punt 63 tal-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punti 70, 75 u 76 tagħha, li din ir-relazzjoni ta’ negozju bejn l-appellanti u żewġha kienet tirrifletti l-eżistenza ta’ interessi komuni li kienu jmorru lil hinn mir-relazzjoni familjali li tgħaqqadhom u li l-assoċjazzjoni tagħhom għalhekk ma kinitx ibbażata esklużivament fuq din l-aħħar relazzjoni.

43      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma naqsitx miċ-ċarezza minħabba li allegatament qieset li l-appellanti kienet assoċjata ma’ żewġha kemm b’relazzjoni ta’ negozju kif ukoll b’interess komuni. Fil-fatt, mill-punti 70 u 71 tas-sentenza appellata, moqrija flimkien mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” fil-punt 63 ta’ dik is-sentenza, jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk teżistix assoċjazzjoni bejn żewġ persuni, għandha tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ interessi komuni bejniethom, peress li tali interessi jistgħu b’mod partikolari jieħdu l-forma ta’ relazzjoni ta’ negozju. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali qieset, f’dawn il-punti 70 u 71, li l-appellanti u żewġha kellhom interessi komuni fil-forma ta’ relazzjoni ta’ negozju, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni.

44      Fit-tielet lok, billi qieset li l-Qorti Ġenerali affermat b’mod żbaljat, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li hija kienet tokkupa funzjonijiet fi ħdan TMK jew fi ħdan il-grupp Sinara, l-appellanti tinterpreta dan il-punt b’mod żbaljat. Fl-imsemmi punt, il-Qorti Ġenerali sempliċement fakkret li l-Kunsill kien qies li l-appellanti kienet assoċjata ma’ żewġha minħabba r-relazzjoni familjali tagħhom u r-relazzjoni ta’ negozju li kienet torbothom fid-dawl tal-funzjonijiet “rispettivi” tagħhom fi ħdan TMK, il-grupp Sinara u l-fondazzjoni BF Sinara. Mill-aġġettiv “rispettiv”, moqri flimkien mal-konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 67 u 68 tas-sentenza appellata, jirriżulta li l-appellanti kienet tokkupa funzjonijiet fi ħdan il-fondazzjoni BF Sinara, filwaqt li żewġha kien jokkupa funzjonijiet fi ħdan TMK u l-grupp Sinara, fatt li barra minn hekk huwa kkonfermat mill-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 70 ta’ dik is-sentenza.

45      Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 32 tas-sentenza preżenti u li l-ammissibbiltà tagħhom hija kkontestata mill-Kunsill, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 256 TFUE u l-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-appell huwa limitat għall-punti ta’ liġi u li l-Qorti Ġenerali biss għandha l-kompetenza, minn naħa, sabiex tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. Din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, bla ħsara għall-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja. Meta l-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat jew evalwat il-fatti, il-Qorti tal-Ġustizzja jkollha l-kompetenza li teżerċita, skont l-Artikolu 256 TFUE, stħarriġ fuq il-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li tkun siltet minnhom il-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 158 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

46      Barra minn hekk, meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż il-provi li allegatament ġew żnaturati mill-Qorti Ġenerali u juri l-iżbalji ta’ analiżi li, fil-fehma tiegħu, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 378 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li kien hemm relazzjoni ta’ negozju bejnha u żewġha minkejja li dan tal-aħħar kien ittrasferixxa l-azzjonijiet tiegħu fl-imsemmija kumpanniji u li huwa kien okkupa funzjonijiet uffiċjali fi ħdan il-korpi ta’ dawn tal-aħħar sempliċement sabiex jiżgura trasferiment mingħajr xkiel, għandu jiġi kkonstatat li dan l-argument huwa marbut mill-qrib mal-ewwel aggravju li għalih tirreferi l-appellanti. Fid-dawl tal-fatt li hija rrinunzjat għal dan l-aggravju, għandu jitqies li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq dan l-argument. Fi kwalunkwe każ, fil-punti 183 sa 185 tas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill (C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li, fil-punti 63 u 65 tas-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2023, Pumpyanskiy vs Il-Kunsill (T‑270/22), il-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta essenzjalment qieset li, sabiex ir-raġel tal-appellanti jiġi kklassifikat bħala “negozjant ewlieni”, ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit li dan kien għadu jeżerċita, sad-data tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, kontroll reali u effettiv fuq dawn il-kumpanniji.

48      It-tieni nett, fir-rigward tal-kumplament tal-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 32 tas-sentenza preżenti, dawn għandhom jiġu ddikjarati ammissibbli fl-intier tagħhom, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 45 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-appellanti ma tfittix, permezz ta’ dawn l-argumenti, li sempliċement tikkontesta l-konstatazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali, iżda tikkritika l-klassifikazzjoni ġuridika tar-relazzjoni ta’ negozju magħmula mill-Qorti Ġenerali, billi ssostni b’mod partikolari żnaturament tal-provi.

49      It-tielet nett, taħt il-benefiċċju tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 40 sa 43 tas-sentenza preżenti, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet essenzjalment, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, li, skont iċ-ċirkustanzi, żewġ persuni fiżiċi bħall-appellanti u żewġha jistgħu, filwaqt li jokkupaw funzjonijiet f’entitajiet differenti konnessi bejniethom, jaqsmu interessi komuni fil-forma ta’ relazzjoni ta’ negozju u, għaldaqstant, ikunu “assoċjati”, fis-sens tal-kriterju tal-assoċjazzjoni, peress li r-relazzjoni ta’ negozju hekk iġġenerata tmur oġġettivament lil hinn mir-relazzjoni familjali li tgħaqqad lil dawn il-persuni.

50      Fir-rigward b’mod iktar partikolari tal-allegat żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punt 78 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-appellanti u hekk kif jirriżulta espressament mill-punt 77 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma injoratx il-fatt li hija kienet tokkupa pożizzjoni ta’ volontiera onorarja fl-eżerċizzju tal-funzjoni tagħha ta’ president tal-Bord ta’ Fiduċjarji tal-fondazzjoni, li ma kienx jippermettilha tikkontrolla n-negozju tagħha. Madankollu, hija qieset, ġustament, li din l-allegata assenza ta’ kontroll li tirriżulta min-natura volontarja tal-funzjonijiet okkupati mir-rikorrenti fi ħdan l-imsemmija fondazzjoni kienet irrilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk hija kinitx assoċjata ma’ żewġha.

51      Fil-fatt, fil-punt 78 tal-imsemmija sentenza, moqri flimkien mal-punt 70 tagħha, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod korrett, konformement mad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “assoċjazzjoni” mogħtija fil-punt 63 tal-istess sentenza u riprodotta essenzjalment fil-punt 39 tas-sentenza preżenti, li din l-assoċjazzjoni, li ma għandhiex neċessarjament tkun riflessa minn attività ekonomika, kienet tirriżulta mill-fatt li l-appellanti kienet taqsam interessi komuni ma’ żewġha, fil-forma ta’ relazzjoni ta’ negozju, billi kienet tokkupa funzjonijiet, anki jekk ta’ natura volontarja u mhux adatti sabiex jippermettulha tikkontrolla n-negozju tagħha, fil-fondazzjoni BF Sinara inkarigata mill-ġestjoni tal-attivitajiet karitattivi ta’ żewġ impriżi li r-raġel tagħha kien jagħmel parti minnhom.

52      Fir-rigward tal-allegat żnaturament tal-provi li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fil-punt 70 tas-sentenza appellata, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali, mhux talli ma injoratx il-kontenut tal-provi msemmija, talli indikat, fil-punt 69 ta’ dik is-sentenza, li l-fondazzjoni BF Sinara kienet teżerċita l-attivitajiet karitatevoli ta’ diversi impriżi kbar u kienet taġixxi bħala l-operatur uniformi tal-ikbar kumpanniji kummerċjali tal-Oural. Madankollu, ma jistax jitqies li hija żnaturat dan il-fatt jew il-provi li fuqhom huwa bbażat billi indikat, fil-punt 70 tal-imsemmija sentenza, li din il-fondazzjoni kienet konnnessa “mill-qrib” ma’ partikolarment tnejn minn dawn l-impriżi u kumpanniji kummerċjali, jiġifieri TMK u l-grupp Sinara. Fil-fatt, sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ negozju bejn l-appellanti u żewġha, il-Qorti Ġenerali setgħet, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, tillimita ruħa għall-eżami tar-relazzjoni bejn, minn naħa, l-imsemmija fondazzjoni li fi ħdanha l-appellanti kienet tokkupa l-funzjoni ta’ Presidenta tal-Bord ta’ Fiduċjarji u, min-naħa l-oħra, TMK u l-grupp Sinara li fihom, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 tas-sentenza appellata, ir-raġel tal-appellanti kien jeżerċita attività fid-data tal-adozzjoni tal-atti kontenzjużi.

53      Fil-ħames lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li r-relazzjoni ta’ negozju kkonstatata mill-Qorti Ġenerali bejn l-appellanti u żewġha ma għandhiex intensità suffiċjenti sabiex jitqies li tali relazzjoni tmur oġġettivament lil hinn mill-interessi komuni li żewġ membri ta’ familja jistgħu normalment jikkondividu fil-kuntest tar-relazzjoni familjali li tgħaqqadhom flimkien, għandu jitqies li r-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punt 70 tas-sentenza appellata juri b’mod suffiċjenti fid-dritt li l-interessi komuni kondiviżi minn żewġ konjuġi fil-forma ta’ relazzjoni ta’ negozju jmorru oġġettivament lil hinn mir-relazzjoni maritali li tgħaqqadhom minħabba r-rabtiet stretti li jeżistu bejn l-entitajiet rispettivi li fihom dawn jeżerċitaw attività kif ukoll minħabba l-importanza ta’ dawn l-entitajiet.

54      Fis-sitt lok, fir-rigward tal-argument tal-appellanti li l-applikazzjoni ta’ miżuri restrittivi għas-sitwazzjoni tagħha ma hijiex konformi mal-għanijiet imfittxija mill-Artikolu 21 TUE u ma hijiex ibbażata, fid-dawl tal-Artikolu 215 TFUE, fuq konnessjoni suffiċjenti mal-Federazzjoni Russa, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li jekk parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv u argumenti li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li hija tiġi awtorizzata tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun tressqet quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti diskussi quddiem il-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Ottubru 2024, PT Pelita Agung Agrindustri u PT Permata Hijau Palm Oleo vs Il-Kummissjoni, C‑112/23 P, EU:C:2024:899, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Madankollu, permezz tal-argument imsemmi iktar ’il fuq u fl-assenza ta’ riferiment għal kwalunkwe punt tas-sentenza appellata fil-kuntest ta’ dan l-argument, jidher li l-appellanti ma hijiex intiża li tikkritika r-raġunament legali adottat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, iżda li tikkontesta l-validità tal-kriterju tal-assoċjazzjoni jew l-applikazzjoni li saret minnu mill-Kunsill għas-sitwazzjoni individwali tagħha, fid-dawl tal-Artikolu 21 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE, u dan, indipendentement minn dan ir-raġunament. F’dan ir-rigward, għandu jitqies li hija ssostni argument ġdid li għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

56      It-tieni nett, sa fejn l-appellanti, meta tirreferi f’dan ir-rigward għall-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, għandha sempliċemet l-intenzjoni, permezz ta’ dan l-argument, li tantiċipa, parzjalment, argument paragunabbli li hija tressaq fil-kuntest ta’ din il-parti fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, dan ser jiġi ttrattat waqt l-eżami tal-imsemmija parti.

57      Fis-seba’ lok, fir-rigward tal-argument li permezz tiegħu l-appellanti tilmenta li, fis-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq preċedenti ġurisprudenzjali li ċ-ċirkustanzi fattwali tagħhom huma fundamentalment differenti minn dawk tal-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, minbarra l-fatt li l-appellanti ma tispjegax sa fejn tali riferimenti allegatament irrilevanti kellhom effett fuq ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali u fuq id-dispożittiv tas-sentenza appellata, li dawn il-preċedenti ġew iċċitati biss mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 63, 111, 113, 115 u 118 ta’ dik is-sentenza, b’riferiment għal kunċetti u għal prinċipji legali ġenerali, indipendenti miċ-ċirkustanzi fattwali tal-kawżi li taw lok għall-imsemmija preċedenti.

58      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

59      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta essenzjalment iddeċidiet li l-miżuri restrittivi adottati mill-Kunsill fil-konfront tagħha kienu proporzjonati u la kienu jiksru d-drittijiet fundamentali tagħha u lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali.

60      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, qieset li l-kriterju tal-assoċjazzjoni ma jiksirx il-prinċipju ta’ ċertezza legali, minkejja li hija stabbilixxiet, fil-punti 114 u 115 ta’ dik is-sentenza, li l-kriterju tal-assoċjazzjoni kien ifformulat b’mod wiesa’ ħafna u f’termini vagi. L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kien messha ddeduċiet minn dan li tali formulazzjoni ma tipprovdi ebda element li jippermetti li tiġi limitata l-portata tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill, b’mod partikolari, sabiex jintgħażlu l-persuni li jistgħu jissodisfaw l-imsemmi kriterju. Kuntrarjament għal dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 111 tas-sentenza appellata, dan allegatament iwassal għal riżultati aleatorji, li barra minn hekk huwa kkonfermat mill-fatt li, mill-1 100 persuna li kienu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi fil-bidu tal-gwerra fl-Ukraina, il-Kunsill immira biss total ta’ żewġ konjuġi.

61      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ippruvat tiġġustifika, mingħajr suċċess, fil-punt 116 tas-sentenza appellata, is-setgħa ta’ evalwazzjoni llimitata mogħtija lill-Kunsill billi rreferiet għall-qafas legali ċarament iddelimitat mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni adottata fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukraina, filwaqt li l-appellanti okkupat biss funzjoni ta’ membru mhux eżekuttiv ta’ organizzazzjoni karitatevoli. L-appellanti ssostni wkoll li, kuntrarjament għal dak li indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 118 tas-sentenza appellata, żewġha ma setax iktar, wara l-bejgħ tal-azzjonijiet tiegħu, jevadi, permezz tagħha, il-miżuri restrittivi li kien suġġett għalihom huwa stess u li tali riskju ta’ evażjoni, li jeżisti wkoll fil-każ ta’ żewġ persuni li għandom relazzjoni familjali iżda li ma jissodisfawx il-kriterju tal-assoċjazzjoni, ma huwiex imsemmi fil-motivi li jiġġustifikaw il-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqu.

62      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali li rrifjutat li tqis li l-miżuri restrittivi li għalihom hija u żewġha huma suġġetti ma kinux xierqa sabiex jikkontribwixxu sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-atti kontenzjużi, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza appellata, f’li ssir pressjoni fuq il-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet li huma responsabbli għas-sitwazzjoni fl-Ukraina. F’dak li jirrigwardaha, l-appellanti tafferma li ma għandha ebda importanza għall-Gvern tal-Federazzjoni Russa b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront tagħha ma tippermettix li tiġi eżerċitata pressjoni fuq dan il-gvern u lanqas li tiżdied l-ispiża tal-gwerra fl-Ukraina għal din il-Federazzjoni. Barra minn hekk, ikun inkoerenti li jiġi rikjest, hekk kif għamlet il-Qorti Ġenerali fil-punt 104 tas-sentenza appellata, li l-appellanti tissuġġerixxi miżuri inqas restrittivi, peress li tali miżuri jkunu wkoll inadegwati sabiex jintlaħaq l-għan iċċitat iktar ’il fuq.

63      Barra minn hekk, l-appellanti tesponi li, fil-punti 96, 97 u 107 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva għar-rilevanza tar-reviżjonijiet perijodiċi tal-miżuri restrittivi. Fil-fehma tagħha, l-inklużjoni tagħha ġiet indebitament estiża diversi drabi u r-reviżjonijiet perijodiċi twettqu parzjalment mingħajr id-diliġenza meħtieġa. Barra minn hekk, il-Kunsill biddel il-kriterju (g) u l-kriterju tal-assoċjazzjoni sabiex jillimita lil dan tal-aħħar għas-sempliċi relazzjoni familjali, u b’hekk ippermetta lil din l-istituzzjoni żżomm il-miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

64      Fl-aħħar nett, l-appellanti tqis li, fil-punti 98, 99, 105 u 106 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva lill-possibbiltajiet li tintalab awtorizzazzjoni għall-użu tal-fondi ffriżati jew li jinkiseb permess għall-ivvjaġġar għal raġunijiet umanitarji, filwaqt li l-miżuri restrittivi li hija suġġetta għalihom ippreġudikaw materjalment il-kontenut essenzjali tad-drittijiet fundamentali tagħha billi ċaħħduha mill-possibbiltà li tieħu ħsieb in-neputijiet tagħha li jinsabu fl-Iżvizzera.

65      Il-Kunsill jikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tal-appellanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66      Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta, fil-punti 111, 114 sa 116 u 118 sa 120 tas-sentenza appellata, qieset li l-kriterju tal-assoċjazzjoni ma kienx jagħti setgħa ta’ evalwazzjoni eċċessiva lill-Kunsill u b’hekk kien josserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

67      F’dan ir-rigward, għandu jitqies li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod korrett il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ ċertezza legali, imfakkra fil-punt 38 tas-sentenza preżenti u fil-punti 113 u 115 tas-sentenza appellata, billi ddeċidiet, fil-punti 114 u 115 ta’ dik is-sentenza tal-aħħar, li s-setgħa ta’ evalwazzjoni mogħtija lill-Kunsill minħabba l-formulazzjoni astratta u ġenerali tal-kriterju tal-assoċjazzjoni ma hijiex inkompatibbli, fiha nnifisha, mal-prinċipju ta’ ċertezza legali sakemm ma tkunx arbitrarja u ma tmurx kontra r-rekwiżit ta’ prevedibbiltà previst minn dan il-prinċipju. Fil-fatt, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmi prinċipju ma jinkisirx minħabba li l-leġiżlatur tal-Unjoni juża kunċett ġuridiku astratt mingħajr ma jsemmi d-diversi każijiet konkreti li fihom dan jista’ japplika, peress li l-portata u l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni li tirriżulta minnu huma ddefiniti jew jistgħu jiġu ddeterminati b’mod ċar biżżejjed.

68      Il-Qorti Ġenerali lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta , fil-punti 116 u 118 sa 120 tas-sentenza appellata ddeċidiet li, fil-każ ineżami, il-kriterju tal-assoċjazzjoni josserva l-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-fatt li jaqa’ f’kuntest ġuridiku ddelimitat ċarament mill-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tirregola l-miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa, jiġifieri r-riskju ta’ evażjoni li dan il-kriterju huwa intiż li jiġġieled.

69      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-appellanti ma tikkontestax il-fatt, irrilevat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-assoċjazzjoni huwa suġġett, fil-każ tagħha, għall-“kriterju sostantiv relatat man-negozjanti ewlenin”, jiġifieri l-kriterju (g), li jirrigwarda, skont dan l-istess punt, in-negozjanti ewlenin “li jistgħu jipprovdu sorsi ta’ dħul li jippermettu li jiġu ffinanzjati l-azzjonijiet tar-Russja li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina”, b’mod li jeżerċitaw pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi, hekk kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza appellata.

70      Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment u ġustament, fakkret fil-punt 118 tas-sentenza appellata, li, bħala kriterju suġġett għal kriterju sostantiv, il-kriterju tal-assoċjazzjoni huwa intiż li jipprevjeni jew jipprekludi r-riskju mhux negliġibbli li persuna suġġetta għal miżuri restrittivi skont dan il-kriterju sostantiv tista’ teżerċita pressjoni fuq il-persuni assoċjati magħha sabiex tevadi l-effett tal-miżuri li jikkonċernawha, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fil-kuntest tad-Deċiżjoni 2014/145, li l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fuq persuni assoċjati ma’ persuni oħra li huma stess huma s-suġġett ta’ tali miżuri għandha tali għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il-Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punt 32). Għaldaqstant, minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet b’mod korrett, fil-punti 119 u 120 tas-sentenza appellata, li l-kriterju tal-assoċjazzjoni jiddefinixxi b’mod oġġettiv kategorija limitata ta’ persuni, b’tali mod li s-setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kunsill hija għalhekk limitata u konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

71      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li ma tantx huwa importanti li jiġi vverifikat jekk ir-riskju ta’ evażjoni huwiex ipprovat f’kull każ konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, VTB Bank vs Il-Kunsill, C‑729/18 P, EU:C:2020:499, punt 66) la jekk il-persuna assoċjata jkollha rabta mal-azzjonijiet tal-awtoritajiet intiżi li jikkompromettu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukraina u lanqas jekk il-miżuri restrittivi li ġew imposti fuqha skont il-kriterju tal-assoċjazzjoni jippermettux li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-reġim ta’ miżuri restrittivi adottata mill-Unjoni kontra l-Federazzjoni Russa, jiġifieri li ssir pressjoni fuq l-awtoritajiet Russi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2025, Timchenko vs Il-Kunsill, C‑703/23 P, EU:C:2025:608, punti 55, 61 u 63).

72      Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ġustament fakkret, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, li, għalkemm il-Kunsill ma jistax jadotta miżuri restrittivi kontra persuni li ma jissodisfawx il-kriterji li jservu ta’ bażi għall-impożizzjoni ta’ tali miżuri, huwa għandu setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex jiddeċiedi li jimponi dawn il-miżuri fuq il-persuni li jissodisfaw dawn il-kriterji. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 67 tas-sentenza preżenti, il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu l-Kunsill sabiex jidentifika l-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ miżuri restrittivi abbażi ta’ kriterju bħal dak tal-assoċjazzjoni ma jistax jiġi interpretata bħala ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, u lanqas ma jista’ l-Kunsill jiġi kkritikat, fid-dawl ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u tal-fatt li, bħal fil-każ ineżami, dan il-kriterju huwa konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li kiser dan il-prinċipju minħabba li l-miżuri restrittivi li huwa adotta ma jirrigwardawx il-persuni fiżiċi kollha li jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmi kriterju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 307 u 308 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

73      Fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, l-appellanti tikkritika, l-ewwel nett, lill-Qorti Ġenerali talli rrifjutat li tqis li l-miżuri restrittivi adottati kontriha u kontra żewġha ma kinux xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, jiġifieri, hekk kif jirriżulta mill-punt 104 tas-sentenza appellata, li ssir pressjoni fuq il-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet li huma responsabbli għas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

74      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-argumenti tal-appellanti miġbura fil-qosor fil-punt 86 tas-sentenza appellata, hija kienet sostniet biss li l-impożizzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tagħha, u mhux fir-rigward tal-konjuġi tagħha, ma kinitx tipparteċipa fit-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Nru 269/2014 emendat. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appellanti tinvoka, fl-istadju tal-appell, argument ġdid fir-rigward ta’ żewġha, b’tali mod li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza preżenti, dan l-argument huwa inammissibbli, għall-kuntrarju tal-argument li jikkonċernaha.

75      Fid-dawl tal-benefiċċju ta’ din l-osservazzjoni preliminari, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri restrittivi stabbiliti mill-Unjoni josservawx il-prinċipju ta’ proporzjonalità jew jekk l-indħil fid-drittijiet jew il-libertajiet iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea minħabba limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet jew libertajiet permezz ta’ att tal-Unjoni li jimponi miżuri restrittivi huwiex proporzjonat, għandu jiġi vverifikat, l-ewwel nett, jekk dawn il-miżuri jissodisfawx għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni, it-tieni nett, jekk ma jkunux manifestament inadegwati fid-dawl ta’ dan l-għan, jiġifieri jekk ma jkunux manifestament inadegwati sabiex jintlaħaq dan l-għan, u, it-tielet nett, jekk dawk il-miżuri nnifishom jew, jekk ikun il-każ, il-limitazzjoni kkonċernata ma jmorrux manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-imsemmi għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 233 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Fil-każ ineżami, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-punti 102 u 103 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat in-natura xierqa tal-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellanti. F’dan ir-rigward, fid-dawl tal-fatt li, hekk kif ġie indikat fil-punti 70 u 71 tas-sentenza preżenti, il-miżuri restrittivi imposti fuq persuni bħall-appellanti huma intiżi li jevitaw riskju ta’ evażjoni tal-miżuri restrittivi imposti b’mod primarju fuq l-assoċjat ta’ dawn il-persuni, ma kienx neċessarju għall-Qorti Ġenerali li tivverifika, fil-kuntest ta’ dan l-eżami tan-natura xierqa, jekk il-miżuri restrittivi adottati kontra l-appellanti kinux ukoll adatti sabiex issir pressjoni fuq il-persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet li huma responsabbli għas-sitwazzjoni fl-Ukraina.

77      Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument li, fil-punt 104 tas-sentenza appellata, l-Qorti Ġenerali eżiġiet b’mod żbaljat li l-appellanti tissuġġerixxi miżuri inqas restrittivi minn dawk previsti mill-miżuri restrittivi, dan l-argument ma huwiex fondat. Fil-fatt, f’dan il-punt, il-Qorti Ġenerali, wara li semmiet hija stess tali miżuri inqas vinkolanti u kkonstatat li dawn ma kinux jippermettu li jintlaħqu b’mod daqstant effikaċi l-għanijiet imfittxija, ikkonstatat li l-appellanti ma kinitx ipprovdiet eżempji oħra ta’ tali miżuri. Issa, il-Qorti Ġenerali ma tistax, fl-assenza ta’ tali eżempji, tagħmel tajjeb għan-nuqqas tal-appellanti u lanqas ma jista’ jiġi preżunt li l-eventwali miżuri alternattivi li din l-appellanti setgħet tindika kienu neċessarjament ser jitqiesu li ma humiex adatti mill-Qorti Ġenerali (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punt 241).

78      Fir-rigward, it-tielet nett, tal-argument li, fil-punti 96 sa 99 u fil-punti 105 sa 107 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali tat importanza eċċessiva għar-rilevanza tar-reviżjonijiet perijodiċi tal-miżuri restrittivi kif ukoll għall-possibbiltajiet li tintalab awtorizzazzjoni għall-użu tal-fondi jew li jinkiseb permess għall-ivvjaġġar għal raġunijiet umanitarji, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 96 sa 99 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali eżaminat dawn l-aspetti sabiex tivverifika jekk il-limitazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-appellanti mill-miżuri restrittivi adottati fil-konfront tagħha kinitx tosserva l-kontenut essenzjali ta’ dawn id-drittijiet, filwaqt li hija eżaminat mill-ġdid l-imsemmija aspetti, fil-punti 105 sa 107 tal-imsemmija sentenza, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-indħil fid-drittijiet fundamentali tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali tat “importanza eċċessiva” lill-imsemmija aspetti. Fi kwalunkwe każ, l-appellanti ma ppreċiżatx ir-raġunijiet li għalihom il-Qorti Ġenerali tathom “importanza eċċessiva” u lanqas l-iżball ta’ liġi li hija wettqet b’dan il-mod (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2026, Pumpyanskiy et vs Il-Kunsill, C‑696/23 P, C‑704/23 P, C‑711/23 P, C‑35/24 P u C‑111/24 P, EU:C:2026:245, punti 245 u 246).

79      Sa fejn l-appellanti tiddikjara li l-inklużjoni tagħha ġiet indebitament estiża diversi drabi, li r-reviżjonijiet perijodiċi twettqu parzjalment mingħajr id-diliġenza meħtieġa u li l-Kunsill sussegwentement biddel il-kriterju (g) u l-kriterju ta’ assoċjazzjoni sabiex dan tal-aħħar jiġi limitat għas-sempliċi relazzjoni familjali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dawn l-allegazzjonijiet jikkostitwixxu argumenti ġodda li, barra minn hekk, huma intiżi li jikkontestaw atti oħra adottati kontra l-appellanti, b’tali mod li għandhom jiġu deċiżi, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 tas-sentenza preżenti, bħala inammissibbli.

80      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-appell kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

81      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli tal-Proċedura, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, jipprovdi li l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

82      Peress li l-Kunsill kien talab li l-appellanti tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tal-aħħar tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mill-Kunsill.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Galina Evgenyevna Pumpyanskaya hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawn sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.