52010PC0109

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tirrigwarda emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar koperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet /* KUMM/2010/0109 finali - NLE 2010/0060 */


[pic] | KUMMISSJONI EWROPEA |

Brussel 24.3.2010

KUMM(2010)109 finali

2010/0060 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tirrigwarda emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar koperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1. Il-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati taż-ŻEE tal-EFTA li qegħdin barra mill-erba’ libertajiet.

2. L-abbozz tad-Deciżjoni tal-Kumintat Konġunt taż-ŻEE, mehmuż mad-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta, huwa mmirat biex jimmodifika l-Protokoll 31 bl-għan li l-Partijiet Kontraenti jinkoraġġixxu koperazzjoni kif xieraq bejn l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u entitajiet oħra kompetenti fit-territorji rispettivi tagħhom biex b'hekk jipprovdu għall-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati mill-Istati taż-ŻEE tal-EFTA fil-proġett SESAR, inklużi l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007.

3. L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim taż-ŻEE jipprevedi li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn, fuq proposta mill-Kummissjoni.

4. Il-Kummissjoni tippreżenta l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għall-adozzjoni mill-Kunsill bħala l-pożizzjoni tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tittama li tkun fil-qagħda li tippreżentaha fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE kemm jista' jkun malajr.

2010/0060 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE li tirrigwarda emenda għall-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar koperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE fih dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati taż-ŻEE tal-EFTA li qegħdin barra mill-erba’ libertajiet.

(2) B'kunsiderazzjoni għall-inkorporazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-Ajru Uniku Ewropew fil-Ftehim, u għar-rwol ewlieni tal-proġett SESAR fl-iżvilupp ġejjieni tal-miżuri ta' implimentazzjoni fi ħdan dak il-qasam, u fid-dawl tal-parteċipazzjoni mill-Istati EFTA fil-finanzjament pubbliku tal-proġett permezz tas-7 programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, huwa xieraq li għandha tiġi inkoraġġita koperazzjoni adattata bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim fi kwistjonijiet li huma koperti mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007[2], sabiex il-partijiet interessati mill-Istati tal-EFTA jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw fil-proġett SESAR.

(3) Huwa għalhekk neċessarju li jiġi emendat il-Protokoll 31,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar emenda prevista tal-Protokoll 31 għall-Ftehim taż-ŻEE dwar il-koperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra l-erba' libertajiet hija stabbilita fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi Brussell, [...]

Għall-Kunsill

Il-President […]

ANNESS Abbozz

DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru

ta'

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE dwar koperazzjoni f'oqsma speċifiċi barra mill-erba' libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", u b'mod partikolari l-Artikolu 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru .../... ta' …[3].

(2) B'kunsiderazzjoni għall-inkorporazzjoni tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-Ajru Uniku Ewropew fil-Ftehim, u għar-rwol ewlieni tal-proġett SESAR fl-iżvilupp ġejjieni tal-miżuri ta' implimentazzjoni fi ħdan dak il-qasam, u bil-għan tal-parteċipazzjoni mill-Istati EFTA fil-finanzjament pubbliku tal-proġett permezz tas-7 programm Qafas dwar ir-Riċerka u l-Iżvilupp, huwa xieraq li tiġi inkoraġġita koperazzjoni adattata bejn il-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim fi kwistjonijiet li huma koperti mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR kif stipulat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007[4], sabiex il-partijiet interessati mill-Istati tal-EFTA jiġu inkoraġġiti jipparteċipaw fil-proġett SESAR.

(3) Il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu jiġi emendat sabiex jippermetti li din il-koperazzjoni estiża sseħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara paragrafu 8 fl-Artikolu 1 (Riċerka u żvilupp tekniku) tal-Protokoll 31 għall-Ftehim:

‘8a. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinkoraġġixxu l-koperazzjoni xierqa bejn l-organizzazzjonijiet, l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra kompetenti fit-territorji rispettivi tagħhom, sabiex jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati mill-Istati tal-EFTA fuq bażi ugwali ma' dawk mill-Istati Membri tal-UE fil-proġett SESAR, inklużi attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR f'konformità mar-Regolament bażiku tagħha(1).

L-Istati EFTA jipparteċipaw bis-sħiħ, bl-eċċezzjoni tad-dritt għal vot, fil-kumitat tal-KE dwar l-Ajru Uniku Ewropew li jassisti lill-Kummissjoni tal-UE fil-ġestjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta SESAR.

(1) 32007 R 0219: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR) (ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1).’

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim*.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

[1] ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

[2] ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

[3] ĠU L …

[4] ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.

* [L-ebda obbligi kostituzzjonali mhuma indikati.] [Obbligi kostituzzjonali huma indikati.]