IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 30.7.2025
COM(2025) 439 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Id-disa’ rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
{SWD(2025) 239 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Id-disa’ rapport dwar il-monitoraġġ tal-iżvilupp tas-suq ferrovjarju skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
1SEJBIET EWLENIN
Biex nifhmu l-iżviluppi tas-suq u nieħdu deċiżjonijiet ta’ politika informati hu kruċjali li nwettqu monitoraġġ affidabbli tas-suq ferrovjarju.
Dan ir-rapport ikopri d-data sal-2022 u jirreferi għal żviluppi aktar tard fis-settur, meta disponibbli.
Hemm diversi sejbiet ewlenin għall-perjodu 2018-2022:
·It-traffiku tal-passiġġieri: il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fl-2020 ta’ 46% fit-traffiku tal-passiġġieri, meta mqabbel mal-2019. Sussegwentement kien hemm irkupru qawwi, u b’kollox fl-2022 it-traffiku ferrovjarju tal-passiġġieri tal-EU-27 laħaq it-395.5 biljun passiġġier-kilometru, jiġifieri kemxejn inqas mill-411.8 biljun irreġistrati fl-2019.
·It-traffiku tal-merkanzija: għat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, imkejjel f’tunnellati-kilometri, it-tnaqqis fl-2020 kien aktar moderat (-8% meta mqabbel mal-2019) għax tul il-pandemija s-servizzi tal-merkanzija komplew jipprovdu servizzi kritiċi lill-ekonomija. Sal-2022, it-traffiku totali tal-merkanzija laħaq kważi l-livelli ta’ qabel il-pandemija, b’416-il biljun tunnellata-kilometru.
·Is-sehem modali tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri: is-sehem modali tal-ferrovija fit-trasport fuq l-art tal-EU-27 żdied bi ftit minn 7.8% fl-2018 għal 8.1% fl-2022, minkejja t-tnaqqis qawwi ta’ 2.4 punti perċentwali mġarrab fl-2020 minħabba l-pandemija.
·Il-ferroviji veloċi: in-network ta’ veloċità għolja tal-EU-27 kiber bi kważi 1 100 km bejn l-2018 u l-2022, u laħaq it-12 015 km. Dan it-tkabbir juri impenn fit-tul għal avvanz fis-settur ferrovjarju ta’ veloċità għolja, li wera li kapaċi jħaqqaqha b’mod effettiv ma’ modi oħra tat-trasport.
·L-impjiegi fis-settur ferrovjarju: fl-2022, is-settur ferrovjarju tal-EU-27 kien jimpjega madwar 900 000 ruħ, jiġifieri tnaqqis ċkejken mill-2018.
·Is-sehem tal-parteċipanti ġodda fis-suq: sal-2022, l-operaturi l-ġodda fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija kellhom sehem ta’ 49% mis-suq, (żieda minn 39% fl-2018), u fis-servizzi tal-passiġġieri b’obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP) kellhom sehem ta’ 21% (+8 punti perċentwali meta mqabbla mal-2018). Anki fis-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri żdiedet il-kompetizzjoni u l-operaturi l-ġodda kisbu sehem ta’ 12.6% mis-suq (+6.6 punti perċentwali).
·In-nefqa ferrovjarja: fl-2022, il-kost totali tal-ferroviji (l-infiq tal-infrastruttura + il-kumpens tal-OSP) kien ta’ EUR 178.31 għal kull abitant tal-EU-27, jiġifieri żieda nominali ta’ 29% mill-2018. Iżda proporzjon kbir taż-żieda jidher li kien xprunat mill-inflazzjoni.
2METODOLOĠIJA
Dan hi d-disa’ edizzjoni tar-rapport dwar il-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju li l-Kummissjoni tippreżenta kull sentejn lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill skont l-Artikolu 15(4) tad-Direttiva 2012/34/UE. L-iskop tiegħu hu li jagħti ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fis-swieq ferrovjarji fil-kuntest tal-politika tas-suq ferrovjarju tal-UE. L-enfasi ewlenija tad-disa’ rapport hi fuq l-iżviluppi li saru bejn l-2018 u l-2022, b’referenzi għax-xejriet u l-iżviluppi ta’ politika li jmorru lil hinn mill-perjodu tar-rapportar sad-data tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport.
Apparti fuq id-data tal-monitoraġġ tas-suq ferrovjarju (RMMS) sottomessa mill-Istati Membri u min-Norveġja, dan ir-rapport hu bbażat ukoll fuq kontributi mill-ġabra statistika EU transport in figures, rapporti tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, tal-Eurostat, statistika miġbura minn organizzazzjonijiet settorjali varji, preżentazzjonijiet u studji. Meta r-Regolament RMMS ikun l-uniku sors, ir-rapport jivvaluta l-iżviluppi għall-perjodu 2018-2022 biex jiżgura li d-data tkun komparabbli. Meta jintużaw sorsi oħra, ir-rapport jippreżenta wkoll żviluppi aktar fit-tul.
Id-data u l-medji aggregati jirreferu għall-EU-27 (l-għadd attwali tal-Istati Membri tal-UE).
3FERROVIJI U SOSTENIBBILTÀ
Mill-1990 ’l hawn, il-ferroviji naqqsu l-emissjonijiet diretti tagħhom tal-gassijiet serra kważi kontinwament, filwaqt li fl-2022 ġarrew madwar 16.6% tal-merkanzija u 8.1% tal-passiġġieri fil-modi kollha tat-trasport intra-UE. Is-settur tat-trasport (inkluż tal-avjazzjoni u marittimu internazzjonali) jammonta għal kwart tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra fl-EU-27. Fis-settur tat-trasport, il-ferroviji rrappreżentaw biss 0.3% tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-modi kollha tat-trasport fl-EU-27. Fl-2022, is-settur tat-trasport irrappreżenta 31% tal-konsum finali totali tal-enerġija tal-EU-27. Fis-settur tat-trasport, il-ferroviji kienu jirrappreżentaw biss 0.6% tal-konsum finali tal-enerġija. Biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-ferroviji jeħtieġ jiksbu sehem akbar mit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija.
4IN-NETWORK FERROVJARJU TAL-UE
It-tul totali tan-network ferrovjarju tal-EU-27 fl-2022 kien madwar 202 131 binarji-kilometru, żieda żgħira ta’ 0.1% meta mqabbla mal-2018. Mill-2018 ’l hawn ġie elettrifikat madwar 57% tan-network, jiġifieri żieda ta’ 1.4%.
Illustrazzjoni 1: It-tul tan-networks nazzjonali għal kull pajjiż (elf binarji-km, l-2022) u l-bidla relattiva (2018-2022)
Sors: il-Eurostat, l-2024 (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/ttr00003/default/table?lang=en&category=t_rail)
In-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-UE kien mifrux fuq 12 015 kilometru sal-aħħar tal-2022, żieda ta’ 10.4% mill-2018. L-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti stabbiliet miri ambizzjużi għat-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja, li għandhom jirduppjaw il-volumi tat-traffiku sal-2030 u jittripplawhom sal-2050 meta mqabbla max-xenarju bażi tal-2015.
5L-EVOLUZZJONI TAS-SERVIZZI FERROVJARJI
Wara deċennju ta’ tkabbir moderat, il-kilometri ferrovarji tal-UE (tal-passiġġieri u anki tal-merkanzija) intlaqtu ħażin mill-pandemija tal-COVID-19. Fl-2020, is-servizzi tal-merkanzija naqsu bi 8% fil-kilometri ferrovjarji meta mqabbla mal-2019, filwaqt li s-servizzi tal-passiġġieri kellhom tnaqqis aktar qawwi ta’ 46%. Madankollu, sal-2021, il-volumi tal-merkanzija kienu reġgħu qamu fuq saqajhom għalkollox u laħqu l-livelli tal-2019 qabel ma reġgħu naqqsu kemxejn fl-2022. Fir-rigward tas-servizzi tal-passiġġieri, fl-2022 dawn reġgħu żdiedu għal 96% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija, u laħqu 395 biljun passiġġier-kilometru.
Illustrazzjoni 2: Volumi ta’ passiġġieri u merkanzija (passiġġier-km, tunnellata-km u ferrovija-km, 2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Fl-2022, il-ferroviji ġarru madwar 1.5 biljun tunnellata ta’ merkanzija u 6.6 biljun passiġġier, u dan juri rkupru mit-tnaqqis qawwi osservat tul il-pandemija tal-COVID-19.
Is-servizzi domestiċi tal-passiġġieri komplew jiddominaw, u jirrappreżentaw aktar minn 93% tal-passiġġieri-kilometri kollha fl-EU-27. Il-pandemija kompliet issaħħaħ in-natura fil-biċċa l-kbira domestika tat-traffiku ferrovjarju tal-passiġġieri. Qabel il-kriżi, is-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri ammontaw għal madwar 7% tat-traffiku ferrovjarju totali, iżda fl-2020 dan is-sehem naqas għal inqas minn 4% minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Sal-2022, il-proporzjon tas-servizzi ferrovjarji internazzjonali tal-passiġġieri kien irkupra għal 7%.
Illustrazzjoni 3: Evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku ferrovjarju tal-passiġġieri (domestiku, internazzjonali u l-proporzjon tat-traffiku internazzjonali fir-rigward tat-traffiku totali) (biljun passiġġier-km, 2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Fl-2020, il-propensità medja tal-Ewropej li jivvjaġġaw bil-ferrovija naqset drastikament għal 500 passiġġier-kilometru għal kull abitant fis-sena, minn 934 km fl-2019. Sal-2022, din iċ-ċifra kienet irkuprat parzjalment għal 888 km għal kull abitant. Is-sehem modali tal-ferroviji, li kien 7.8% fl-2019, naqas bi 2.4 punti perċentwali fl-2020 u aktar nies bdew jużaw il-karozzi privati. Iżda sal-2022, dan reġa’ żdied għal 8.1%, u qabeż il-livelli ta’ qabel il-pandemija, filwaqt li l-karozzi baqgħu il-mod dominanti tat-trasport bi 82.4%.
Illustrazzjoni 4: Tqassim modali tat-trasport tal-passiġġieri fuq l-art skont il-pajjiż (% fl-2022)
Sors: il-Eurostat, 2024 (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tran_hv_ms_psmod/default/table?lang=en&category=tran.tran_hv_ms)
It-traffiku totali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-EU-27 naqas minn 422 biljun tunnellata-kilometru fl-2019 għal 405 biljun fl-2020 minħabba l-pandemija. Sal-2022, kien kważi reġa’ żdied għal 416-il biljun tunnellata-kilometru, u kien qed iqarreb il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Il-proporzjon tas-servizzi internazzjonali tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija baqa’ konsistentement iżjed minn 50% tul il-perjodu kollu, laħaq il-milja ta’ 55% fl-2019 u stabbilizza ruħu għal 54% fl-2022. Din l-istabbiltà tikkuntrasta mal-impatt aktar evidenti tal-pandemija fuq it-traffiku ferrovjarju internazzjonali tal-passiġġieri.
Illustrazzjoni 5: Evoluzzjoni tal-volumi tat-traffiku tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija (domestiku, internazzjonali u proporzjon tat-traffiku internazzjonali fir-rigward tat-traffiku totali) (biljun tunnellata-km, 2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Bejn l-2018 u l-2022, it-trasport bit-triq baqa’ l-mod dominanti tat-trasport tal-merkanzija fl-EU-27, u qabeż konsistentement il-75% tas-sehem tat-trasport totali tal-merkanzija fuq l-art f’tunnellati-kilometri u laħaq il-milja ta’ 77.7% fl-2022. Tul l-istess perjodu, is-sehem modali tat-trasport ferrovjarju naqas minn 18.7% għal 17.2%, u dan juri tranżizzjoni kontinwa lejn it-trasport bit-triq, għalkemm it-trasport ferrovjarju intermodali kellu prestazzjoni relattivament aħjar mit-trasport tal-materjali bl-ingrossa u tal-vaguni li jitgħabbew individwalment. It-tnaqqis ġenerali kien partikolarment evidenti fil-Latvja, fl-Estonja u fil-Litwanja, fejn il-volumi tal-merkanzija naqsu ġmielhom minħabba tnaqqis fl-iskambji mar-Russja.
Illustrazzjoni 6: Tqassim modali tat-trasport tal-merkanzija fuq l-art skont il-pajjiż (% fl-2022) u l-bidla fil-punti perċentwali għat-trasport ferrovjarju (2018-2022)
Sors: il-Eurostat, 2024 (https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/tran_hv_ms_frmod/default/table?lang=en&category=tran.tran_hv_ms)
6L-EVOLUZZJONI TAL-KUNDIZZJONIJIET QAFAS FIS-SETTUR FERROVJARJU
Imposti infrastrutturali
Fl-2022, l-imposti tal-aċċess għall-binarji għall-ferroviji ta’ veloċità għolja (mingħajr il-marġnijiet kummerċjali) baqgħu ogħla mill-imposti għal servizzi oħra tal-passiġġieri fil-pajjiżi kollha fejn hemm imposti bħal dawn. Iżda l-imposti tal-aċċess għall-ferroviji ta’ veloċità għolja kienu ġeneralment inqas fl-2022 milli fl-2018 fl-Istati Membri li għandhom networks ta’ veloċità għolja.
Illustrazzjoni 7: Imposti tal-aċċess (mingħajr il-marġnijiet kummerċjali) għal kategoriji differenti ta’ ferroviji tal-passiġġieri, skont il-pajjiż (EUR għal kull ferrovija-km, 2022)
Sors: RMMS, 2022
L-imposti fuq il-merkanzija (mingħajr il-marġnijiet kummerċjali) jiġu monitorjati għal tliet tunnellaġġi grossi massimi differenti (1 000, 1 600, u 6 000). Fil-maġġoranza tal-Istati Membri l-oħra, l-imposti tal-aċċess jiżdiedu skont id-daqs tal-ferrovija, iżda mhux bilfors b’mod proporzjonat mat-tunnellaġġ.
Illustrazzjoni 8: Imposti tal-aċċess (mingħajr il-marġnijiet kummerċjali) għal kategoriji differenti ta’ ferroviji tal-merkanzija, skont il-pajjiż (EUR għal kull ferrovija-km, 2022)
Sors: RMMS, 2022
Biex jittaffa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, ir-Regolament (UE) 2020/1429, adottat f’Ottubru 2020, ippermetta lill-Istati Membri jirrinunzjaw, inaqqsu jew jiddiferixxu temporanjament l-imposti tal-aċċess għall-binarji. Din il-miżura tat nifs finanzjarju essenzjali lill-impriżi ferrovjarji, b’mod partikolari lil dawk tat-trasport tal-passiġġieri, hekk kif il-volumi tat-traffiku naqsu. Ir-Regolament, li fil-bidu kien ġie stabbilit għal perjodu limitat, ġie estiż erba’ darbiet, u skada b’mod definittiv fil-31 ta’ Diċembru 2022. Dan kellu rwol kruċjali fis-sostenn tal-operazzjonijiet ferrovjarji tul il-pandemija, filwaqt li appoġġa l-irkupru tas-settur hekk kif it-traffiku tal-passiġġieri reġa’ qabad.
Allokazzjoni tal-kapaċità u limitazzjonijiet infrastrutturali
Fl-2022, in-network ferrovjarju tal-EU-27 kellu intensità kkombinata tal-użu (ferroviji tal-merkanzija u tal-passiġġieri) ta’ 18.7 elf ferrovija-kilometru għal kull binarju-kilometru, kemxejn ogħla mil-livelli ta’ qabel il-pandemija (18,1 fl-2018). 79% ta’ dan l-użu kienu l-ferroviji tal-passiġġieri.
It-tul totali tal-binarji ddikjarati konġestjonati fl-EU-27 żdied drastikament bejn l-2018 u l-2020 iżda naqas bi ftit fl-2022 għal 6 711-il kilometru, fosthom 3 523 km ta’ kurituri tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija. Iż-żieda qawwija mil-livelli tal-2018 kienet dovuta l-aktar għal bidla fil-kriterji tal-Italja għad-dikjarazzjoni tal-konġestjoni.
Fil-każijiet ta’ konġestjoni, is-servizzi li l-aktar jingħataw prijorità mill-Istati Membri huma dawk ipprovduti bħala parti minn OSP, u warajhom is-servizzi internazzjonali tal-passiġġieri, filwaqt li t-traffiku tal-merkanzija rari jingħata l-akbar prijorità.
Biex jiġi promoss użu aktar effiċjenti tan-network u tiġi indirizzata l-inkompatibbiltà bejn is-sistemi nazzjonali tal-kontroll tal-ferroviji eżistenti, is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) qed tiddaħħal bħala sistema komuni Ewropea tas-sinjalar. Fil-ħin tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport, madwar 14% tan-network ewlieni kien attrezzat bl-ERTMS, u hemm kuntratti fis-seħħ għal 19% oħra. Għalkemm sar progress, l-adozzjoni għadha lura meta mqabbla mal-miri inizjali, u għalhekk hemm bżonn iżjed sforzi biex titħaffef l-implimentazzjoni.
L-infiq fuq l-infrastruttura u l-finanzjament għaliha
L-infiq nominali totali fuq l-infrastruttura tal-EU-27 żdied minn EUR 38.7 biljun fl-2018 għal EUR 50.8 biljun fl-2022. Fl-2022, l-infiq tqassam b’mod relattivament indaqs bejn il-kategoriji: 25% għall-manutenzjoni, 25% għat-tiġdid, 26% għat-titjib, u 24% għall-investimenti f’infrastruttura ġdida. Minkejja t-tkabbir nominali notevoli, l-inflazzjoni għolja tul dan il-perjodu nnewtralizzat iż-żidiet f’termini reali. Meta ġie aġġustat għal-livelli tal-prezzijiet tal-2018, it-tkabbir attwali kien aktar moderat, jiġifieri xi 5% f’termini reali.
Illustrazzjoni 9: Infiq fuq l-infrastruttura u l-proporzjon tal-manutenzjoni u t-tiġdid (EUR biljun, 2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Fl-2022, l-infiq totali fuq il-manutenzjoni u t-tiġdid fl-EU-27 ammonta għal EUR 25.2 biljun, li jirrappreżenta 50% tal-infiq totali fuq l-infrastruttura, b’varjazzjonijiet sinifikanti fost il-pajjiżi. Il-baġits nazzjonali baqgħu s-sors primarju tal-finanzjament u kkontribwew għal 70% tan-nefqa totali fuq l-infrastruttura ferrovjarja. L-UE ffinanzjat 8% filwaqt li t-22% l-oħra ġew minn sorsi oħra bħal self, finanzjament minn bejgħ tal-ishma u imposti.
Il-kwalità tas-servizzi tat-trasport ferrovjarju
Is-sikurezza tibqa’ prijorità ewlenija għaż-żona ferrovjarja unika Ewropea, u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA) tissokta timmonitorja l-progress fis-sikurezza u l-interoperabbiltà. Ir-rapport tal-ERA tal-2024 jafferma mill-ġdid li l-ferroviji Ewropej għadhom fost l-aktar modi sikuri tat-trasport, għax ir-riskju ta’ fatalità waqt vjaġġ bil-karozza hu kważi 84 darba akbar mir-riskju ta’ fatalità waqt vjaġġ bil-ferrovija, u l-ivvjaġġar bil-karozza tal-linja hu 7.3 darbiet aktar riskjuż mill-ferrovija.
Il-puntwalità medja tas-servizzi tal-passiġġieri reġjonali u lokali fl-EU-27 kienet 90% fl-2022, tnaqqis minn 94% fl-2020 iżda xorta iżjed minn qabel il-pandemija. Il-puntwalità tas-servizzi tal-passiġġieri fuq distanzi twal u ta’ veloċità għolja naqset għal 87% fl-2022, meta mqabbla ma’ 93% fl-2020.
F’termini ta’ affidabbiltà, is-sehem tas-servizzi reġjonali u lokali kkanċellati żdied minn 1.9% fl-2018 għal 4.4% fl-2022. Għas-servizzi fuq distanzi twal u ta’ veloċità għolja, il-kanċellazzjonijiet żdiedu minn 1.3% fl-2018 għal 4.9% fl-2022. Fost l-isfidi li qed jaffettwaw l-affidabbiltà hemm l-iskarsezzi tal-ħaddiema, infrastruttura li qed tiqdiem, u x-xogħol b’lura tal-manutenzjoni.
Fit-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, il-puntwalità medja tas-servizzi domestiċi fl-EU-27 kienet 56% fl-2022 filwaqt li tas-servizzi internazzjonali tal-merkanzija kienet 42%. Is-sehem tas-servizzi domestiċi tal-merkanzija kkanċellati laħaq it-8.1% fl-2022 filwaqt li s-sehem tas-servizzi internazzjonali kkanċellati kien 14.5%.
Il-kuntratti tas-servizzi pubbliċi
Fl-2022, is-servizzi tal-passiġġieri tal-OSP ammontaw għal medja ta’ 58.7% tal-passiġġieri-kilometri totali fl-EU-27, tnaqqis minn 66% fl-2020. Dan it-tnaqqis jirrifletti tranżizzjoni gradwali lejn suq ferrovjarju aktar kompetittiv. Kważi t-traffiku kollu tal-passiġġieri kien kopert minn OSP fid-Danimarka, fl-Estonja, fl-Irlanda, fil-Latvja, fil-Lussemburgu, fin-Netherlands u fir-Rumanija. Ħafna mill-OSP huma domestiċi, u jirrappreżentaw 99.1% tal-passiġġieri-kilometri tal-OSP fl-2022 bi prevalenza ta’ servizzi reġjonali fuq distanzi twal.
Is-sehem tal-operaturi kummerċjali fis-suq żdied bejn l-2018 u l-2022. Fis-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri, il-kompetituri kellhom sehem mis-suq ta’ 12.6% fl-2022, żieda minn 6% fl-2018. Fis-suq tal-OSP, is-sehem tal-kompetituri żdied għal 21% fl-2022, żieda ta’ 8 punti perċentwali mill-2018.
Illustrazzjoni 10: Sehem tat-traffiku tal-passiġġieri offrut rispettivament bħala parti minn OSP u servizzi ferrovjarji kummerċjali għal kull pajjiż (% ta’ passiġġieri-km, 2022)
Sors: RMMS, 2022
Fl-2022, 29% tal-231 biljun passiġġier-kilometru tal-OSP fl-EU-27 kienu servizzi mogħtija b’sejħiet kompetittivi għall-offerti. Simili għas-snin preċedenti, l-akbar volum tas-sejħiet kompetittivi għall-offerti għall-passiġġieri kien kkonċentrat f’żewġ pajjiżi li kienu minn tal-bidu li għamlu l-liberalizzazzjoni: il-Ġermanja (81%) u l-Iżvezja (13%). Il-kumpens għall-OSP jibqa’ sors sinifikanti ta’ dħul għall-impriżi ferrovjarji f’ħafna mill-Istati Membri tal-UE.
Il-ħruġ tal-liċenzji
Fl-2022, ġew rrapportati b’kollox 1 202 liċenzja ferrovjarja attiva fl-EU-27, żieda minn 1 192 fl-2020. Il-Ġermanja baqgħet bl-akbar ammont ta’ liċenzji attivi, b’490 impriża ferrovjarja liċenzjata, u warajha l-Polonja b’126 u ċ-Ċekja b’109.
Il-grad tal-ftuħ tas-suq u l-użu tad-drittijiet tal-aċċess
Fl-2022, is-sehem mis-suq tal-operaturi l-ġodda fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija tal-EU-27 laħaq id-49%, jiġifieri kompla xejra ’l fuq minn 39% fl-2018.
Illustrazzjoni 11: Sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għal kull pajjiż (% fl-2022) u l-bidla fil-punti perċentwali (2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Fil-qasam tat-trasport ferrovjarju kummerċjali tal-passiġġieri, l-operaturi l-ġodda kellhom sehem mis-suq ta’ 12.6% fl-2022, kważi d-doppju tas-6.6% irreġistrati fl-2020. Fis-suq nazzjonali tal-passiġġieri tal-OSP, il-kompetituri kellhom sehem mis-suq ta’ 21% fl-2022, żieda sinifikanti minn 18.5% fl-2020.
Illustrazzjoni 12: Sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tas-servizzi kummerċjali tal-passiġġieri għal kull pajjiż (% fl-2022) u l-bidla fil-punti perċentwali (2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Illustrazzjoni 13: Sehem mis-suq tal-kompetituri fis-suq tal-passiġġieri tal-OSP għal kull pajjiż (% fl-2022) u l-bidla fil-punti perċentwali (2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
Kundizzjonijiet soċjali u tax-xogħol
Sa tmiem l-2022, is-settur ferrovjarju fl-EU-27 kien jimpjega madwar 900 000 persuna, b’511 000 jaħdmu għall-impriżi ferrovjarji u 389 000 għall-meniġers tal-infrastruttura. Dan jirrifletti tnaqqis żgħir miċ-ċifri tal-2020.
Ħafna mill-forza tax-xogħol ferrovjarja għadha komposta mill-irġiel, u fl-2022 in-nisa kienu jammontaw biss għal 23% tal-impjegati, żieda ta’ punt perċentwali wieħed mill-2020.
Illustrazzjoni 14: Impjegati totali (meniġers tal-infrastruttura ewlenin flimkien ma’ impriżi ferrovjarji) skont l-istruttura tal-ġeneru, (% fl-2022)
Sors: RMMS, 2022
Tħassib partikolari jibqa’ t-tixjiħ tal-forza tax-xogħol, iżda kien hemm titjib ċkejken. Fl-2022, 41.9% tal-ħaddiema tal-impriżi ferrovjarji kienu qabżu l-50 sena, tnaqqis żgħir minn 42.4% fl-2018. Il-proporzjon tal-impjegati taħt it-30 sena żdied modestament minn 10.6% fl-2018 għal 10.9% fl-2022.
Illustrazzjoni 15: Impjegati skont il-grupp tal-età, l-impriżi ferrovjarji ewlenin u l-meniġers tal-infrastruttura (%, 2018-2022)
Sors: RMMS, 2022
L-impjieg full-time jibqa’ l-aktar status komuni tal-ħaddiema ferrovjarji, kemm tal-meniġers tal-infrastruttura kif ukoll tal-impriżi ferrovjarji.
7Konklużjonijiet
Is-settur ferrovjarju Ewropew wera reżiljenza sinifikanti wara l-pandemija tal-COVID-19. It-traffiku tal-passiġġieri, li ġarrab tnaqqis qawwi ta’ 46% fl-2020 meta mqabbel mal-2019, reġa’ żdied għal 96% tal-livelli ta’ qabel il-pandemija fl-2022, u l-passiġġieri-kilometri totali laħqu t-395 biljun. Is-servizzi tal-merkanzija esperjenzaw impatt aktar modest, u rnexxielhom iqumu fuq saqajhom sal-2021 meta l-volumi reġgħu laħqu l-livelli tal-2019. Iżda fl-2022, is-suq tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija ġarrab tnaqqis żgħir fil-volumi.
L-irkupru tas-settur ferrovjarju ngħata spinta minn interventi mmirati tal-UE, inkluż ir-Regolament (UE) 2020/1429, li ppermetta lill-Istati Membri jirrinunzjaw l-imposti tal-aċċess biex itaffu l-pressjoni finanzjarja fuq l-impriżi ferrovjarji. Dawn il-miżuri taw nifs minnufih u ppermettew lis-settur isostni l-operazzjonijiet fl-eqqel tal-pandemija. Hekk kif l-Istati Membri qed ikomplu jimplimentaw il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tal-UE, l-investimenti ferrovjarji kapaċi jaqdu rwol ċentrali biex nixprunaw it-tkabbir ekonomiku u dak relatat mal-mobbiltà.
It-trasport ferrovjarju għadu komponent kritiku tal-istrateġija tal-UE biex tilħaq il-miri klimatiċi tagħha. B’0.3% biss tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra relatati mat-trasport, il-ferroviji huma l-aktar mod tat-trasport motorizzat li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. L-elettrifikazzjoni ta’ 57% tan-network ferrovjarju tal-UE u l-modifika retroattiva kontinwa tal-vaguni tal-merkanzija b’teknoloġiji aktar silenzjużi u aktar ekoloġiċi jixhdu l-impenn tas-settur li jnaqqas l-impronta ambjentali tiegħu. L-investimenti ferrovjarji skont il-Patt Ekoloġiku u l-Istrateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti għandhom l-għan li jirduppjaw it-traffiku ferrovjarju tal-merkanzija u jittripplaw it-traffiku ferrovjarju ta’ veloċità għolja tal-passiġġieri sal-2050 meta mqabblin max-xenarju bażi tal-2015, u dan juri tranżizzjoni sinifikanti lejn it-trasport sostenibbli.
It-tniġġis tal-istorbju għadu biċċa uġigħ ta’ ras, bi 22 miljun persuna fl-Ewropa esposti għal storbju tal-ferroviji li jagħmel il-ħsara. L-inizjattivi tal-UE, fosthom il-modifika retroattiva tal-vaguni tal-merkanzija bi blokok tal-brejkijiet silenzjużi, u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-istorbju qed jindirizzaw din l-isfida. L-appoġġ finanzjarju u regolatorju kontinwu hu kruċjali biex jintlaħqu l-miri ambizzjużi tas-sostenibbiltà.
Il-liberalizzazzjoni tas-suq stimulat il-kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju Ewropew, u l-operaturi l-ġodda qed jiksbu sehem sinifikanti mis-suq, b’mod partikolari fit-trasport tal-merkanzija. F’dan is-segment, is-sehem medju mis-suq tal-kompetituri fl-EU-27 żdied minn 39% għal 49% bejn l-2018 u l-2022. Fis-suq tal-passiġġieri, iż-żieda fis-sehem mis-suq tal-kompetituri kienet notevoli wkoll, kemm għas-servizzi kummerċjali (12.6% tas-sehem mis-suq, b’żieda ta’ 6.6% bejn l-2018 u l-2022) kif ukoll għall-OSP (21% tas-sehem mis-suq, jew +8% meta mqabbel mal-2018). Iżda għad hemm bosta sfidi, fosthom disparitajiet fl-imposti tal-aċċess u l-bżonn li ssir implimentazzjoni aktar uniformi tar-regolamenti eżistenti fl-Istati Membri kollha. Bl-applikazzjoni issa sħiħa tar-regoli tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju
, hu mistenni aktar ftuħ tas-suq, li min-naħa tiegħu għandu jixpruna l-innovazzjoni u jżid il-kwalità tas-servizzi tal-passiġġieri u anki tal-merkanzija.
Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib jekk ir-Raba’ Pakkett Ferrovjarju
hux qed jissarraf b’mod korrett fil-liġi nazzjonali u jekk hux qed jiġi implimentat sew biex ikun żgurat li jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu.
Fl-2022, l-OSP kienu jirrappreżentaw porzjon sinifikanti tal-operazzjonijiet ferrovjarji tal-passiġġieri. Bħala medja, is-servizzi tal-passiġġieri tal-OSP ammontaw għal 58.7% tal-passiġġieri-kilometri totali fl-EU-27, tnaqqis minn 66% fl-2020. Dan jissuġġerixxi bidla progressiva lejn suq ferrovjarju aktar kompetittiv. Is-sejħiet kompetittivi għall-offerti tal-OSP żdiedu u fis-snin li ġejjin mistennija jkomplu jiżdiedu, filwaqt li jkomplu jitjiebu l-kwalità tas-servizzi u l-kosteffiċjenza. Iżda għad hemm sfidi biex jinstab bilanċ bejn il-liberalizzazzjoni tas-suq u li jkun żgurat aċċess ġust, b’mod partikolari fir-reġjuni inqas popolati. L-UE qed tħeġġeġ aktar trasparenza u kompetizzjoni biex tottimizza l-impatt soċjali u ekonomiku.
Il-ferroviji ta’ veloċità għolja jifirxu l-pedament tal-isforzi tal-Ewropa għal modernizzazzjoni tat-trasport. In-network espanda għal 12 015-il kilometru fl-2022, bi pjanijiet għal 1 600 kilometru oħra sal-2035. Spanja, Franza u l-Italja għadhom fuq quddiem nett fl-investimenti ta’ veloċità għolja, u jikkontribwixxu għal titjib fil-konnettivit u tnaqqis fil-ħinijiet tal-ivvjaġġar madwar il-kontinent.
L-investiment fl-infrastruttura għadu kritiku, u l-UE qed talloka finanzjament sinifikanti permezz ta’ mekkaniżmi bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-Fond ta’ Koeżjoni. Dawn l-investimenti jagħtu prijorità lill-proġetti li jindirizzaw il-konġestjonijiet, li jtejbu l-konnettività multimodali, u li jaġġornaw l-infrastruttura eżistenti. L-enfasi fuq id-diġitalizzazzjoni, inkluż fuq l-adozzjoni tal-ERTMS, tkompli ssaħħaħ il-kapaċità ferrovjarja biex din tissodisfa l-ħtiġijiet futuri tal-mobbiltà.
It-teknoloġiji diġitali mistennija jġibu titjib sinifikanti fis-settur ferrovjarju, filwaqt li jżidu l-effiċjenza operazzjonali u l-esperjenza tal-passiġġieri. L-introduzzjoni tal-ERTMS, komponent ewlieni tal-istrateġija tal-UE għal tranżizzjoni diġitali, mistennija ttejjeb l-interoperabbiltà u s-sikurezza fin-networks ferrovjarji tal-Ewropa, iżda sal-lum madwar 33% biss tan-network ewlieni huma attrezzati bl-ERTMS jew assiguraw kuntratti għall-installazzjoni tagħha. Barra minn hekk, l-investimenti f’sistemi intelliġenti tal-biljetti u fi pjattaformi tad-data fil-ħin reali se jgħinu biex it-trasport ferrovjarju jsir aktar aċċessibbli u faċli biex jintuża mill-passiġġieri.
L-innovazzjoni bl-Impriża Konġunta Sistema Ferrovjarja Ewropea qed tmexxi ’l quddiem bosta oqsma, bħal pereżempju operazzjonijiet ferrovjarji awtomatizzati, il-ġestjoni diġitali tal-merkanzija, u l-ġestjoni sostenibbli tal-assi. Dawn l-inizjattivi jallinjaw mal-għanijiet usa’ tal-UE biex il-ferroviji jsiru s-sinsla ta’ sistema tat-trasport multimodali u sostenibbli.
Hekk kif l-Ewropa qed tagħmel tranżizzjoni lejn futur aktar ekoloġiku u aktar konness, il-ferroviji se jaqdu rwol ċentrali biex jonqsu l-emissjonijiet, tissaħħaħ il-mobbiltà u jiżdied it-tkabbir ekonomiku. L-investimenti kontinwi fl-infrastruttura, fil-ftuħ tas-suq u fl-innovazzjoni teknoloġika huma essenzjali biex titwettaq il-viżjoni tal-UE li jkollha sistema tat-trasport sostenibbli sal-2050. Il-prijoritajiet ewlenin għas-snin li ġejjin jinsabu fl-implimentazzjoni sħiħa tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju, ħalli tissaħħaħ il-konnettività transfruntiera, jingħelbu r-restrizzjonijiet tal-kapaċità, u jkun żgurat aċċess aktar ġust għas-servizzi ferrovjarji.
Bl-integrazzjoni ta’ dawn l-elementi strateġiċi, is-settur ferrovjarju Ewropew għandu l-opportunità li jmexxi t-trasformazzjoni tax-xenarju tat-trasport tal-kontinent, filwaqt li jwettaq il-wegħda tiegħu li jkollu mobbiltà sostenibbli, effiċjenti u inklużiva.