17.7.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta’ Marzu 2009

dwar il-miżura C 52/07 (ex NN 64/07) implimentata minn Spanja għall-Pjan ta’ appoġġ għall-industrija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ

(notifikata bid-dokument numru C(2009) 2017)

(It-test Spanjol biss hu awtentiku)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2009/553/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 88(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq (1) u wara li kkunsidrat il-kummenti tagħhom,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fil-5 ta’ Lulju, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar programm imwaqqaf minn Spanja sabiex tgħin lill-industrija tat-tessuti tagħha (“Plan de apoyo al sector textil y de la confección”, minn hawn ‘il quddiem “il-Pjan tat-Tessuti”).

(2)

Permezz tal-ittra tal-1 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jipprovdu kull informazzjoni meħtieġa dwar il-Pjan tat-Tessuti, li għaliha wieġbu permezz tal-ittra tad-29 ta’ Settembru 2006, irreġistrata li waslet fit-2 ta’ Ottubru 2006.

(3)

Fit-13 ta’ Novembru 2007, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Wara l-pubblikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet interessati, li xtaqu jibqgħu anonimi, fit-22 ta’ Frar 2008 u fid-9 ta’ April 2008 rispettivament. Il-Kummissjoni talbet kjarifiki permezz tal-ittra tat-18 ta’ April 2008, li għaliha l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu permezz tal-ittra tat-30 ta’ Mejju 2008. Il-Kummissjoni bagħtet il-kummenti tal-partijiet interessati lill-awtoritajiet Spanjoli fis-6 ta’ Mejju 2008, li għalihom wieġbu permezz tal-ittra tat-12 ta’ Ġunju 2008.

(4)

Fil-11 ta’ Settembru 2008, saret laqgħa bejn il-Ministeri differenti Spanjoli u l-Kummissjoni. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew iktar informazzjoni permezz tal-ittra tas-17 ta’ Settembru 2008.

(5)

Fit-3 ta’ Ottubru u fid-19 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni talbet iktar informazzjoni permezz ta’ e-mail, li għaliha l-awtoritajiet Spanjoli wieġbu fil-21 ta’ Ottubru 2008 u l-20 ta’ Frar 2009.

2.   DESKRIZZJONI TAR-RIĊEVITUR U L-MIŻURI TA’ GĦAJNUNA

2.1.   Għanijiet tal-Pjan tat-Tessuti Spanjol

(6)

L-għan tal-Pjan tat-Tessuti hu li jgħin lill-kumpaniji tat-tessuti biex jaddattaw għal-liberalizzazzjoni sħiħa tal-kummerċ fit-tessuti u jrawmu l-kompetittività tagħhom, filwaqt li jżommu l-ogħla numru possibbli ta’ kumpaniji u impjiegi fi ħdan is-settur. Il-pjan kien imfassal ukoll biex jikkumpensal-effetti ħżiena tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-prodotti tat-tessuti u tal-ħwejjeġ fuq il-ħaddiema u żoni sħaħ ta’ attività.

(7)

Dan inkluda miżuri diretti biex jgħinu l-kumpaniji (riċerka teknika, proġetti innovattivi, u promozzjoni tal-esportazzjoni). Miżuri oħrajn kienu mmirati b’mod iktar speċifiku lejn kwistjonijiet ta’ taħriġ u ta’ reklutaġġ iżda kienu wkoll ta’ benefiċċju indirett għall-kumpaniji u għenu biex jippromwovu l-iżvilupp industrijali mill-ġdid ta’ reġjuni affettwati minn kumpaniji fis-settur li jmorru f’post ieħor.

2.2.   Riċevituri

(8)

Il-Pjan tat-Tessuti kien applikat għall-kumpaniji kollha fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ li l-attivitajiet industrijali tagħhom kienu affettwati minn ftehimiet kollettivi ġenerali fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ jew li ġew taħt l-intestaturi 17, 18,1 u 2 tal-Klassifikazzjoni Nazzjonali tal-Attivitajiet Ekonomiċi (CNAE). Skont l-iformazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli kien hemm 15 438 kumpanija bi 211 831 ħaddiem fis-settur fl-2001; sal-2007 dawn iċ-ċifri naqsu għal 11 554 kumpanija bi 140 541 ħaddiem u fl-2008 kien għad baqa’ biss 127 354 ħaddiem. Dan jikkorrispondi għal tnaqqis ta’ 25 % fin-numru ta’ kumpaniji bejn l-2001 u l-2007 minħabba l-globalizzazzjoni tas-settur.

(9)

75 % tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ Spanjol hu magħmul minn kumpaniji b’inqas minn 10 ħaddiema u 35 % tal-kumpaniji fis-settur għandhom impjegat 1 jew 2.

2.3.   Miżuri

(10)

Il-Kummissjoni bdiet proċedura ta’ investigazzjoni formali fir-rigward ta’ dawn il-miżuri li ġejjin:

1.   Programm biex jippromwovi r-riċerka teknika fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ

(11)

L-għan ta’ din il-miżura speċifika kien li jippromwovi l-proġetti ta’ riċerka industrijali u ta’ żvilupp teknoloġiku li jżidu l-kapaċità teknoloġika tal-kumpaniji u jrawmu l-kooperazzjoni għar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) bejn il-kumpaniji fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ u l-entitajiet tar-riċerka u jħeġġeġ wkoll it-tixrid tar-riżultati.

(12)

Il-proġetti li jikkwalifikaw għal din il-miżura ta’ għajnuna kienu proġetti R&Ż, investiment f’assi tanġibbli jew mhux tanġibbli (għall-SMEs biss, bl-għan li jkunu inkorporati teknoloġiji avvanzati fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom), proġetti li jxerrdu r-riżultati tal-attivitajiet tal-R&Ż u proġetti li joħolqu u jiżviluppaw ftehimiet ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji.

(13)

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, dan il-programm kien ibbażat fuq skema ta’ għajnuna approvata N 415/04 (2). Il-programm fittex li jippromwovi r-riċerka teknika fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ. Bejn l-2005 u l-2007 il-baġit tiegħu kien ta’ EUR 12,5 miljun fil-forma ta’ għotjiet u EUR 51 miljun fil-forma ta’ self mingħajr imgħax, li jridu jitħallsu fuq perjodu ta’ 12-il sena, li jinkludu perjodu ta’ konċessjoni ta’ sentejn.

2.   Programm għall-iżvilupp mill-ġdid industrijali ta’ żoni affettwati minn bidliet strutturali fis-settur tat-tessuti

(14)

L-għan ta’ din il-miżura kien li jgħin l-iżvilupp mill-ġdid industrijali ta’ żoni affettwati min bidliet strutturali. Dawn il-proġetti li ġejjin kienu eliġibbli:

(a)

investimenti fl-infrastruttura teknika u industrijali;

(b)

ħolqien ta’ attivitajiet industrijali ġodda;

(c)

sħubiji teknoloġiċi bejn kumpaniji innovattivi, fil-forma ta’ pereżempju park tax-xjenza/teknoloġija, ċentri ta’ innovazzjoni u ta’ teknoloġija, ċentri Ewropej ta’ innovazzjoni u ta’ teknoloġija, aġenziji ta’ żvilupp, entitajiet tat-trasferiment tat-teknoloġija;

(d)

sforzi magħmula minn diversi kumpaniji biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lill-ekonomija lokali;

(e)

żvilupp ta’ kumpaniji min setturi stabbiliti sew li inkorporaw proċessi teknoloġiċi;

(f)

ħolqien u espansjoni ta’ setturi emerġenti.

(15)

Bejn l-2006 u l-2008 kien provdut finanzjament ta’ EUR 11,1 miljun fil-forma ta’ għotjiet u EUR 155,2 miljun fil-forma ta’ self mingħajr imgħax b’terminu ta’ 15-il sena u perjodu ta’ konċessjoni ta’ 5 snin. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li l-miżura kienet ibbażata fuq skema approvata N 101/2005 (3).

3.   Self speċjali mogħti mill-Empresa Nacional de Innovación S.A. (ENISA) (4) għall-immodernizzar tal-SMEs

(16)

Il-miżura pprovdiet għal self preferenzjali ekwivalenti għall-kontribuzzjoni tal-kapital sabiex tippromwovi l-immodernizzar tal-prodotti, proċessi u ġestjoni tal-SMEs u l-ħolqien ta’ kumpaniji ġodda tat-teknoloġija f’żoni affettwati minn bidliet strutturali. SMEs ekonomikament u finanzjarjament tajbin kienu eliġibbli; kumpaniji kbar u kumpaniji li jinsabu f’diffikultà kienu esklużi. ENISA tat sussidju tar-rata ta’ imgħax ta’ 0,5 % lill-proġetti magħżula. Ir-rata fissa ta’ imgħax kienet Euribor sena + 0,25 % għas-self b’terminu ta’ 4-8 snin u perjodu ta’ konċessjoni ta’ 2-6 snin. Is-sussiju massimu għal kull kumpanija kien EUR 30 000.

(17)

Il-miżura kienet allokata baġit ta’ EUR 4,07 miljun bejn l-2006 u l-2008. Kien maħsub li l-element ta’ għajnuna (sussidju tar-rata ta’ imgħax ta’ 50 punti bażi) għandu jkun fi ħdan il-limitu de minimis ta’ EUR 200 000 (5).

4.   Self b’rati preferenzjali mogħtija mill-ICO

(18)

Taħt din il-miżura, kumpaniji bbenefikaw minn self b’rati preferenzjali għall-investimenti produttivi innovattivi. Dan is-self kien ibbażat fuq ftehim bejn il-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ u, mill-5 ta’ Settembru 2006, l-entità pubblika tal-finanzi Instituto de Crédito Oficial (ICO). L-ICO aġixxa bħala intermedjarju bejn il-banek kummerċjali involuti, filwaqt li l-Ministeru tal-Industrija, it-Turiżmu u l-Kummerċ iffinanzja r-rati preferenzjali. Il-kundizzjonijiet tal-finanzjament kienu kif ġej:

(a)

sa 70 % tal-investiment, mingħajr VAT, limitat għal-limiti tal-għajnuna mill-Istat tal-UE;

(b)

investimenti limitati għall-assi ġodda;

(c)

l-investiment irid isir fi żmien sentejn mill-firma tal-operazzjoni (tliet snin taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, soġġett għal talba motivata lill-ICO;

(d)

ir-riċevitur jista’ jagħżel bejn terminu ta’ ħames snin mingħajr perjodu ta’ konċessjoni, seba’ snin b’perjodu ta’ konċessjoni ta’ sentejn u għaxar snin b’perjodu ta’ konċessjoni ta’ sentejn;

(e)

L-istituzzjoni ta’ kreditu tista’ tagħżel bejn rata ta’ mgħax ta’ Euribor 6 snin + 0,75 % jew Euribor 6 xhur + 0,50 % jekk l-operazzjoni kienet garantita minn skema ta’ garanzija reċiproka. L-istituzzjoni ta’ kreditu ma setgħetx tirċievi kommissjoni u ħlas minn qabel kellu penali ta’ 1 % fil-każ ta’ rata ta’ mgħax fissa. L-operazzjoni kienet imwettqa minn banek parteċipanti u banek ta’ tfaddil;

(f)

il-kumpanija finali li tirċievi ħallset rata ta’ mgħax Euribor b’0,5 % imnaqqsa;

(g)

sabiex ikun eħfef għall-kumpaniji biex jirċievu garanziji, 67 % tal-ispejjeż tal-garanziji mogħtija mill-iskemi ta’ garanziji reċiproki reġjonali kien iffinanzjat mill-ġdid mill-Compañía Española de Reafianzamiento S.A. (CERSA);

(h)

il-Ministeru tal-Industruja, it-Turiżmu u l-Kummerċ ta rata ta’ mgħax annwali ta’ mhux iktar minn 1,25 % in ġenerali jew ta’ mhux iktar minn 1 % jekk garantit minn skema ta’ garanzija reċiproka.

Kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji li l-attività ewlenija tagħhom tinvolvi distribuzzjoni kienu esklużi. Il-baġit ippjanat għal din il-miżura kien ta’ EUR 450 miljun.

5.   Promozzjoni tal-esportazzjoni ta’ prodotti Spanjoli (ICEX)

(19)

L-Istitut Spanjol għall-Kummerċ Barrani (ICEX) implimenta diversi miżuri ta’ għajnuna taħt il-Pjan tat-Tessuti:

(a)

ħolqien ta’ infrastrutturi ta’ informazzjoni bħal pereżempju portali tal-Internet;

(b)

servizzi għall-kumpaniji għall-parteċipazzjoni ta’ grupp tagħhom fil-fieri kummerċjali;

(c)

konsulenza dwar il-potenzjal ta’ esportazzjoni ta’ kumpaniji li sal-lum qatt ma kienu esportaw.

(20)

Il-miżuri kienu implimentati bħala parti mill-inizjattivi bħal pereżempju l-Pjan ta’ Moda Globali (Plan Global de la Moda), il-Pjan ta’ Abitat Spanjol (Plan Hábitat de España), stands uffiċjali, pjanijiet settorjali, konsorzji tal-esportazzjoni, pjanijiet għat-twaqqif ta’ negozji barra, pjanijiet għall-promozzjoni ta’ ditti Spanjoli, pjanijiet introdutorji għall-promozzjoni ta’ kummerċ barrani (PIPE), għajnuna għall-parteċipazzjoni fil-fieri, laqgħat ta’ rappreżentanti, missjonijiet ta’ kummerċ, investiment tan-negozju u forums tal-kooperazzjoni, ħolqien u aġġornament ta’ dejtabases ta’ operaturi, komunikazzjoni u kampanji pubbliċitarji.

6.   Taħriġ kontinwu

(21)

L-għan ta’ din il-miżura kien li jipprovdi taħriġ lill-ħaddiema impjegati fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ Spanjol sabiex itejbu l-ħiliet tagħhom u b’hekk issaħħu l-kompetittività tal-kumpanija u jleħħqu mal-modernizzazzjoni.

(22)

Taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali (6), sabiex jgħinu jiffinanzjaw il-programmi ta’ taħriġ speċifiċi tagħhom, il-kumpaniji setgħu jużaw parti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa matul is-sena preċedenti lill-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali għall-programmi ta’ taħriġ speċifiċi billi jnaqssuhom mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ordinarji. Xi persentaġġi kienu imtejba għas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ:

—

għall-kumpaniji b’1 sa 2 impjegati: 100 % tal-kontribuzzjoni jew EUR 420 (EUR 420 fil-miżura ġenerali).

—

għall-kumpaniji b’3 sa 5 impjegati: 100 % tal-kontribuzzjoni jew EUR 600 (EUR 420 fil-miżura ġenerali).

—

għall-kumpaniji b’6 sa 9 impjegati: 100 % tal-kontribuzzjoni jew EUR 720 (fil-miżura ġenerali l-unika rekwiżit kien 100 % tal-kontribuzzjoni).

—

għall-kumpaniji b’10 sa 49 impjegat: 100 % tal-kontribuzzjoni (minflok 75 %).

—

għall-kumpaniji b’50 sa 249 impjegat 80 % tal-kontribuzzjoni (minflok 60 %).

—

għall-kumpaniji b’250 jew iktar impjegati: 60 % tal-kontribuzzjoni (minflok 50 %).

(23)

Il-kumpaniji kienu wkoll intitolati għall-kreditu addizzjonali ta’ 5 % biex jikkumpensal-ħin ta’ ħidma mitluf matul it-taħriġ.

(24)

Sabiex jibbenefikaw minn dawn il-miżuri l-kumpaniji kellhom jippreżentaw pjan ta’ taħriġ mill-ġdid lis-Servizz tal-Impjieg Spanjol li jiddeskrivi l-bidliet fil-proċess tal-produzzjoni, l-introduzzjoni ta’ struttura ta’ organizzazzjoni ġdida, taħriġ għall-makkinarju ġdid u taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema ssensjati. Huma kellhom ukoll jagħtu miri ta’ produttività u manteniment tal-impjieg f’karta separata u jindikaw l-ammont tal-investiment u l-kontribuzzjoni tagħhom stess. Dan il-pjan ta’ taħriġ mill-ġdid kellu bżonn ukoll l-approvazzjoni tal-Kumitat Konġunt tas-settur (50 % rappreżentanti tan-negozju u 50 % mill-unjins tas-settur tat-tessuti).

7.   Salvagwardja tal-impjiegi tal-ħaddiema ta’ età ikbar

(25)

B’konformità mal-leġiżlazzjoni ġenerali ta’ Spanja, kumpanija li timpjega ħaddiem li għandu iktar minn 60 sena hi intitolata għall-tnaqqis ta’ 50 % fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. Fil-Pjan tat-Tessuti l-età tressqet ‘il quddiem għall-55 sena għall-ħaddiema b’kuntratt miftuħ u li ħadmu mal-kumpanija għal mill-inqas 5 snin.

8.   Rinunzja tal-garanzija għall-pagamenti ddifferiti lis-sistema tas-sigurtà soċjali

(26)

Taħt il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali ġenerali ta’ Spanja (Artikolu 33(4) tad-Digriet Irjali 1415/2004 tal-11 ta’ Ġunju 2004) id-dejn tas-sigurtà soċjali jista’ jkun differit u mħallas f’pagamenti jekk ikunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, inkluża d-dispożizzjoni ta’ garanziji biex ikopru dan id-dejn. Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni tagħha (7) jippermettu lill-awtoritajiet Spanjoli biex jawtorizzaw rinunzja tal-garanzija għad-dejn tas-sigurtà soċjali f’“ċirkustanzi eċċezzjonali”.

2.4.   Bażi legali tal-iskema

(27)

Il-bażi legali għall-miżura 1 (premessi 11 sa 13) hi l-Ordni ITC/217/2005 tal-4 ta’ Frar 2005 (8), li hi bbażata fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (9).

(28)

Miżura 2 (premessi 14 u 15) kienet ibbażata fuq miżuri ta’ għajnuna N 101/05 approvati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 1523 (premessa 15) u XR/70/2007 taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-investiment reġjonali (10).

(29)

Il-bażi legali għall-miżura 3 (premessi 16 u 17) hi l-Liġi 30/2005 tad-29 ta’ Diċembru 2005 (11).

(30)

Il-bażi legali għall-miżura 4 hi l-21 dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi msemmija hawn fuq 30/2005 – Azzjoni mill-Istitut tal-Kreditu Uffiċjali dwar self għall-kumpaniji fis-settur tat-tessuti, żraben, għamara u ġugarelli.

(31)

Miżura 5 (premessi 19 u 20) kienet ibbażata fuq l-Artikoli 14(1)(d) u 17(3)(m) tal-Liġi 38/2003 tas-17 ta’ Novembru 2003.

(32)

Miżura 6 (premessi 21 sa 24) hi rregolata mid-Digriet Irjali 1046/2003 tal-1 ta’ Awwissu 2003, l-Ordni TAS/500/2004 tat-13 ta’ Frar 2004.

(33)

Id-dispożizzjoni ġenerali li tkopri l-miżura 7 (premessa 25) tinsab fil-Liġi tad-Digriet Irjali 5/2006 tad-9 ta’ Ġunju 2006.

(34)

Il-miżura 8 (premessa 26) hi koperta mill-Artikolu 33(4) tad-Digriet Irjali 1415/2004 tal-11 ta’ Ġunju 2004.

2.5.   Tul ta’ żmien tal-iskema

(35)

Il-Pjan tat-Tessuti kien apparentament iffirmat f’Ġunju 2006 u applikat sal-31 ta’ Diċembru 2008. Skont l-informazzjoni provduta mill-awtoritajiet Spanjoli fis-17 ta’ Settembru 2008, m’hemm l-ebda pjan biex ikun estiż iktar (kif imsemmi taħt l-Artikolu I(2) tal-Pjan tat-Tessuti innifsu). Madankollu, il-miżura 1 applikat mill-2005 sal-2007.

3.   RAĠUNIJIET GĦALL-BIDU TAL-PROĊEDURA

(36)

Fid-deċiżjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 2007 li tibda proċedura ta’ investigazzjoni formali (“deċiżjoni sabiex tinbeda l-proċedura”), il-Kummissjoni uriet id-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżuri mas-suq komuni u semmiet il-possibbiltà ta’ kombinazzjoni bla bżonn tal-miżuri differenti taħt il-Pjan tat-Tessuti.

(a)

Fir-rigward tal-miżura 1, l-iskema N 415/2004 applikat biss sal-2007, filwaqt li l-Pjan tat-Tessuti applika sal-2008. L-awtoritajiet Spanjoli kellhom jispjegaw kif il-miżuri ta’ għajnuna maħsuba għar-riċerka teknika kienu konformi mal-kundizzjonijiet tal-iskema N 415/2004.

(b)

Fir-rigward tal-miżura 2, il-Kummissjoni kellha dubji dwar kif il-miżura kienet konformi mal-kundizzjonijiet kollha tar-Regolament ta’ eżenzjoni ġenerali tal-Komunità għal għajnuna reġjonali (12).

(c)

Fir-rigward tal-miżura 3, ma kinitx ċara għall-Kummissjoni kif l-awtoritajiet Spanjoli ser ikunu konformi mar-Regolament de minimis.

(d)

Il-Kummissjoni kienet imħassba li l-miżura 4 de minimis tista’ tkun ikkombinata bla bżonn ma’ tipi oħra ta’ għajnuna għall-istess spejjeż eliġibbli.

(e)

Fir-rigward tal-miżura 5, l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli ma kinitx biżejjed biex tivvaluta jekk kinitx kompatibbli mar-Regolament ta’ eżenzjoni ġenerali tal-Kummissjoni għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (13).

(f)

Il-bażi legali għall-miżuri 6 u 7 ma ngħatatx.

(g)

Fir-rigward tal-miżura 8, il-Kummissjoni ma kinitx ċerta jekk il-miżura kinitx diskriminatorja u talbet notifika minn qabel lill-Kummissjoni.

4.   KUMMENTI MINN SPANJA

(37)

L-awtoritajiet Spanjoli sostnew li d-deċiżjoni li tinbeda proċedura kienet tvarja mal-każistika Italgrani II (14).

Miżura I

(38)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li minbarra l-bażi legali ta’ N 415/2004, skema għall-kumpaniji kbar, li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2007 u li kienet issemmiet f’korrispondenza preċedenti, applikat ukoll, kif ukoll l-iskema XS 50/2005 (15) għall-SMEs, u li skadiet fit-30 ta’ Ġunju 2007.

(39)

Il-baġit attwalment imħallas kien ta’ EUR 14,24 miljun f’għotjiet u EUR 36,72 miljun f’self mingħajr imgħax b’terminu ta’ 12-il sena. Fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli tennew il-konformità tagħhom mal-kondizzjonijiet stipulati fl-iskema u kkonfermaw li l-iskema N 415/04 ma kinitx u mhux ser tkun applikata wara l-31 ta’ Diċembru 2007 u li l-iskema XS 50/05 ma kinitx u mhux ser tkun applikata wara t-30 ta’ Ġunju 2008.

Miżura 2

(40)

L-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li l-iskema N 101/2005 skadiet ladarba r-Regolament 1628/2006 daħal fis-seħħ (16). L-awtoritajiet Spanjoli sussegwentement innotifikaw l-iskema N 430/2006 li kienet irtirata fis-26 ta’ Jannar 2007. Minn dakinhar, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Spanjoli fit-30 ta’ Mejju 2008, il-miżuri kienu bbażati fuq XR/70/2007 (17). L-industrija tal-fibri sintetiċi ma kinitx eliġibbli għall-iskemi N 101/2005 u XR/70/2007 skont il-paragrafu 4 tal-Ordni ITC/1014/2005 u paragarfu 4 tal-Ordni ITC/3098/2006, kif emendati mill-paragrafu 3 tal-Ordni ITC/643/2007.

(41)

L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw ukoll li l-miżura tista’ tikkwalifika bħala investiment inizjali, skont l-Ordni Ministerjali ITC/643/2007 tat-2 ta’ Ottubru 2007 li temenda l-Ordni ITC/3098/2006 (18). Id-deskrizzjoni tar-riċevituri fil-paragrafu 4 tal-Ordni Ministerjali ITC/643/2007 ikkorrespondiet mad-definizzjoni tal-investiment inizjali kif provdut mil-linji gwida dwar l-Għajnuna Reġjonali (19) u r-Regolament Nru 1628/2006.

(42)

Il-baġit imħallas kien ta’ EUR 10,97 miljun f’għotjiet u EUR 150,8 miljun f’self li jrid jitħallas.

Miżura 3

(43)

L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li r-riċevituri kienu esklussivament SMEs. L-ammont massimu stmat ta’ għajnuna ta’ EUR 30 000 għal kull kumpanija kien ikkalkulat fuq il-bażi ta’ self massimu ta’ EUR 1 000 000. Mill-1 ta’ Jannar 2006 sat-13 ta’ Jannar 2008, għaxar kumpaniji bbenefikaw mill-miżura, filwaqt li 23 kumpanija kienu miċħuda. Is-sussidju tar-rata ta’ mgħax ta’ 0,5 punti perċentwali ma kienx mogħti.

(44)

Fit-30 ta’ Mejju u fil-laqgħa fil-11 ta’ Settembru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli enfasizzaw li l-finanzjament kien mogħti fuq termini ta’ suq normali iżda li kumpaniji kbar u dawk li jinsabu f’diffikultà kienu esklużi. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw dan bil-kitba permezz tal-ittra tal-21 ta’ Ottubru 2008 u impenjaw ruħhom biex ma japplikawx din il-miżura sal-iskadenza tal-Pjan tat-Tessuti.

Miżura 4

(45)

Il-bażi legali għal din il-miżura kien ir-Regolament de minimis. Is-self massimu għal kull riċevitur kien stabbilit għal EUR 2,3 miljuni. Il-limiti de minimis kienu rispettati dejjem. Dawn l-ammonti ma setgħux ikunu kombinati ma’ għajnuna oħra jekk dan ifisser li l-limitu de minimis permess kien maqbuż. Għaldaqstant, kull riċevitur ried jimla formola ta’ dikjarazzjoni annwali. L-ICO fassal rapporti annwali tal-miżura, li kienu ntbagħtu lill-istituzzjonijiet tal-kreditu li kkollaboraw mal-ICO.

(46)

Sa Settembru 2008, EUR 54,79 miljun mill-EUR 450 miljun kienu mħallsa. L-ammont massimu tas-self kien ta’ EUR 2,3 miljun. Ir-rati ta’ mgħax kienu bejn 5,59 % u 4,94 % wara li r-rata ta’ referenza Ewropea għal Spanja saret 5,19 %. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li huma kienu applikaw il-Komunikazzjoni ġdida dwar ir-Rati ta’ Referenza (20) mill-1 ta’ Lulju 2008. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-entitajiet finanzjarji li qed jipparteċipaw iddeterminaw il-marġini li kien miżjud mar-rata ta’ referenza. L-ICO pprovdilhom wkoll l-informazzjoni dwar il-marġini medji applikati fi Spanja fuq il-bażi ta’ dejta pprovduta mill-Bank ta’ Spanja.

(47)

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli ppreżentaw ħarsa ġenerali tal-għajnuna de minimis mogħtija fl-2006, 2007 u 2008, flimkien mad-dikjarazzjonijiet korrispondenti. L-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom biex fil-futur ikunu konformi mar-Regolament de minimis.

Miżura 5

(48)

Il-miżuri ikkonċernati kienu miżuri ġenerali miftuħa għas-setturi kollha. L-attivitajiet issussidjati kienu simili għal dawk imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament dwar l-SME Kien ferm diffiċli li jkun stmat l-ammont tal-għajnuna peress li l-iskema kienet applikata b’mod intermittenti, indirettament u b’mod mhux ċar.

(49)

Bejn l-2006 u l-2008 kienu mħallsa fondi li jammontaw għal EUR 7,5 miljun. L-awtoritajiet Spanjoli indikaw li din il-miżura, li bbenefikaw minnha wkoll impriżi kbar, kienet koperta mir-Regolament de minimis.

(50)

Fir-rigward tal-applikazzjoni tar-Regolament de minimis, l-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li ICEX talab minn kull riċevitur dikjarazzjoni tal-għajnuna rċevuta bbażata fuq spejjeż eliġibbli skont l-Artikolu 14(1)(d) tal-Liġi 38/2003 tas-17 ta’ Novembru 2003. Ir-riċevituri kienu mitluba biex jinfurmaw lil ICEX dwar sussidji futuri. B’konformità mal-Artikolu 17(3)(m), ICEX kellu jiċċekkja l-kompatibbiltà ma’ għajnuna oħra rċevuta fuq il-bażi tal-istess spejjeż eliġibbli. L-awtoritajiet Spanjoli pprovdew tabella li turi li l-għajnuna de minimis mogħtija mill-ICO u mill-ICEX mill-2006 sal-2008 fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ ma qabżitx il-limitu ta’ EUR 200 000 għal kull kumpanija matul tliet snin ta’ taxxa.

Miżura 6

(51)

Il-miżura kienet ta’ natura ġenerali, minkejja li kienet primarjament immirata lejn l-SMEs. B’hekk kumpaniji b’inqas minn 5 impjegati biss setgħu jirċievu ammonti ogħla minn dawk imħallsa fis-sena preċedenti lill-Fond Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali. Riċevituri oħrajn setgħu biss jirkupraw persentaġġ tal-kontribuzzjoni imħallsa għall-għanijiet ta’ taħriġ personali fis-sena finanzjarja attwali. Skont l-awtoritajiet Spanjoli, l-intensità tal-għajnuna għall-SMEs kienet madwar 11,3 % u 20 % għall-impriżi kbar. Il-baġit pjanat kien ta’ EUR 50 000 kull sena.

(52)

Sat-13 ta’ Jannar 2008, kumpanija waħda biss kienet magħżula għall-miżura. L-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li skont il-Linji gwida tas-salvataġġ u ristrutturazzjoni (21), kumpaniji li jinsabu f’diffikultà kienu esklużi mill-iskema.

Miżura 7

(53)

L-awtoritajiet Spanjoli enfasizzaw li l-kumpaniji kienu biss eliġibbli jekk l-impjegati tagħhom li kellhom iktar minn 55 sena kienu impjegati mill-kumpanija għal ta’ mill-inqas 5 snin, li naqqset l-eliġibbiltà għal madwar 50 %. Il-biċċa l-kbira tar-riċevituri (53 %) kienu nisa, filwaqt li 76 % kellhom livell ta’ ħila u ta’ taħriġ vera baxx, li kien jagħmila diffiċli għalihom biex isibu xogħol ieħor.

(54)

L-awtoritajiet Spanjoli enfesizzaw li l-Artikolu 137(1) u l-Artikolu 4 tat-Trattat tal-KE taw l-Istati Membri awtonomija fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

(55)

Sal-1 ta’ Jannar 2008, 6 313-il impjegat fi 2 015 kumpanija bbenefikaw mill-iskema, u dan jikkorrispondi għal 16,6 % ta’ kumpaniji u 4,5 % ta’ impjegati fis-settur. 56 % tal-kumpaniji riċevituri bbenefikaw mill-miżura għal ħaddiem wieħed biss, 30 % għal 2,3 u 4 ħaddiema u 13 % għal bejn 5 u 30 ħaddiem; 1 % biss bbenefika mill-mizura għal iktar minn 30 ħaddiem; 1 428 kumpanija rċeviet sussidju ta’ inqas minn EUR 500. Il-baġit għal din il-miżura kien EUR 15-il miljun għal kull sena. L-għajnuna medja għal kull ħaddiem li kellu bejn 55-58 sena kienet EUR 151/xahar, li tikkorrispondi għal intensità ta’ 8,3 % tal-ispejjeż tax-xogħol. L-għajnuna għall-ħaddiema ta’ 59 sena ammontat għal EUR 44/xahar, jiġifieri 2,6 % tal-ispejjeż tax-xogħol. 5,2 % biss tal-ħaddiema fis-settur kienu eliġibbli għal din il-miżura. L-impatt medju għal kumpanija kien 0,3 % tal-ispejjez tax-xogħol tagħha.

(56)

Minkejja isimha, din ma kinitx miżura mmirata biex iżomm l-impjieg iżda alternattiva għall-irtirar kmieni. L-awtoritajiet Spanjoli sostnew ukoll li l-ammont ta’ EUR 151/kien inċentiv biżejjed biex persuna tinżamm impjegata pjuttost milli l-istess persuna tkun impjegata u mhux iddikjarata.

(57)

Il-miżura ma setgħetx tkun applikata għall-industrija tal-fibri sintetiċi jekk il-kumpanija kellha l-attività ewlenija tagħha fis-settur tat-tessuti u jekk kienet inkluża fin-negozjar kollettiv għas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ pjuttost milli l-industrija tal-kimika. Konsegwentement kien hemm biss possibbiltà żgħira li l-produtturi tal-fibri sintetiċi ser jibbenefikaw mill-miżura.

Miżura 8

(58)

Permezz tal-ittra tas-17 ta’ Settembru 2008 l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li din kienet miżura ġenerali u li l-ebda differimenti tat-taxxa ma ngħataw lil kumpaniji fis-settur tat-tessuti taħt il-Pjan tat-Tessuti.

(59)

Fil-21 ta’ Ottubru 2008, l-awtoritajiet Spanjoli ftehmu li fil-każ mhux mistenni li kumpanija tat-tessuti u tal-ħwejjeġ titlob eżenzjoni ta’ garanzija għal differementi ta’ taxxa, it-talba ser tkun ittrattata fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni ġenerali u mhux tal-Pjan tat-tessuti.

(60)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom biex ikunu konformi mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar il-kombinazzjoni tal-miżuri de minimis.

5.   KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI

(61)

Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn żewġ partijiet, li xtaqu jibqgħu anonimi.

(62)

L-ewwel sett ta’ kummenti ċaħdu l-għajnuna mill-Istat settorjali lill-industrija tat-tessuti minħabba li kienet tfixkel il-kompetizzjoni. L-awtoritajiet iffavorixxew il-linja meħuda mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tagħha li tibda proċedura u enfasizzaw li l-Pjan tat-Tessuti ma stabbilixxiex limiti fuq is-sussidji li kull kumpanija setgħet tirċievi. Il-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-awtoritajiet Spanjoli ma kinux biżejjed. Għajnuna għal R&Ż kienet utli, iżda għandha tkun limitata għal SMEs. Huma kkunsidraw li l-għajnuna mill-Istat għall-assi intanġibbli għandha tkun miċħuda minħabba li kienet użata wisq faċilment b’mod ħażin. Barra minn hekk, minkejja li miżuri ta’ taħriġ għall-impjegati mkeċċija mill-industrija tat-tessuti kienu ta’ benefiċċju, l-għotja ta’ 80 % skont fuq il-kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali ser jibbenefikaw biss l-impjegati indirettament u dan mhux aċċetabbli. Jekk il-kumpaniji tat-tessuti kellhom iktar vantaġġi minn setturi oħra fir-rigward tal-ħlas f’pagamenti tas-self tas-sigurtà soċjali, dan ser jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat illegali.

(63)

Il-kummenti l-oħra rreferew għall-prezzijiet vera baxxi ta’ Geotexan fis-suq Spanjol, li jistgħu jkunu minħabba l-implimentazzjoni tal-Pjan tat-Tessuti Spanjol.

6.   IT-TWEĠIBA TA’ SPANJA GĦALL-KUMMENTI TAL-PARTIJIET INTERESSATI

(64)

L-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-Kummissjoni ma kklassifikatx l-miżuri bħala għajnuna mill-Istat fid-deċiżjoni li tinbeda proċedura iżda sempliċiment rreferiet għal dik il-possibbiltà. Spanja wieġbet ukoll li s-sussidju għat-taħriġ għall-kumpaniji b’50-249 impjegat ammonta għal 20 % pjuttost milli żieda ta’ 80 %. L-intensità kienet konformi mal-limiti mogħtija fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) No 68/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (22). Barra minn hekk, ir-riċevitur tal-miżura tat-taħriġ kien il-ħaddiem, li jew seta’ jibqa’ fil-kumpanija jew inkella jtejjeb it-taħriġ tiegħu sabiex ifittex xogħol ġdid.

(65)

Fir-rigward tat-tieni kumment, l-awtoritajiet Spanjoli argumentaw li l-allegazzjonijiet kienu sottomessi tard u l-ebda prova ma kienet provduta. L-għan tal-pjan tat-tessuti kien li jadatta l-kumpaniji fis-settur għal-liberalizzazzjoni tas-suq u mhux biex jiffavorixxi l-pożizzjoni ta’ kumpanija speċifika. Fir-rigward tal-kumpanija imsemmija b’mod espress, Geotexan twaqqfet fl-2004. Skont il-kriterju tal-eliġibbiltà għall-manteniment ta’ ħaddiema ta’ età ikbar f’xogħolhom, huma jridu jkunu ħadmu fil-kumpanija għal tal-inqas ħames snin, li ma kienx possibbli f’dan il-każ. M’hemmx rekord ta’ Geotexan li bbenefika mill-miżuri tal-għajnuna għat-taħriġ. Fi kwalunkwe każ, kieku kien ikun irċieva sussidju ta’ EUR 970 kull sena, li ma jkunx fattur deċiżiv fl-iżvilupp ta’ politika ta’ prezzar aggressiva.

(66)

Fi ftit kliem, il-kummenti ma kellhomx fatti jew raġunijiet legali u kienu ppreżentati f’termini ġenerali mingħajr ma pprovdew prova. B’hekk m’għandhomx ikunu kkunsidrati.

7.   VALUTAZZJONI

7.1.   Natura tal-għajnuna mill-Istat tal-miżuri

(67)

Kif stipulat fl-Artikolu 87(1) tat-Trattat, kull għajnuna mogħtija minn Stat Membru jew permezz tar-riżorsi tal-Istat fi kwalunkwe forma li tfixkel jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni billi tiffavorixxa ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti għandha, safejn taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

(68)

Skont l-awtoritajiet Spanjoli, il-miżura 3 ma ġietx applikata: Is-sussidju tar-rata ta’ mgħax ta’ 0,5 % ma kienx mogħti u l-finanzjament kien ibbażżat fuq kundizzjonijiet tas-suq normali. Il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Spanjoli għall-informazzjoni dwar ir-rati ta’ mgħax attwalment mogħtija lill-għaxar riċevituri. L-awtoritajiet Spanjoli wieġbu fit-13 ta’ Marzu 2009. Ir-rata ta’ mgħax kienet inqas mill-inqas rata ta’ referenza tas-sena f’żewġ każijiet biss (self ta’ EUR 300 000 u ieħor ta’ EUR 100 000 b’rata ta’ mgħax ta’ 4114 % fl-2007, meta l-inqas rata ta’ referenza kienet 4,62 %). Minħabba d-differenza żgħira bejn iż-żewġ rati, il-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-għajnuna mill-Istat kienet ser tkun tant żgħira li kieku taqa’ taħt il-limitu de minimis. L-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom biex ma japplikawx din il-miżura sakemm jiskadi l-Pjan. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-ammont ta’ għajnuna kien inqas mil-limitu de minimis u li dan ma kienx kwistjoni ta’ għajnuna mill-Istat.

(69)

Dwar il-miżuri 4 u 5 l-awtoritajiet Spanjoli qalu li dawk kienu koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna de minimis u b’hekk ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni trid għaldaqstant teżamina jekk il-kundizzjonijiet tar-Regolament de minimis kienux sodisfatti.

(70)

Fir-rigward tal-miżura 4 l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew evidenza ta’ konformità mar-Regolament de minimis fil-passat u impenjaw ruħhom biex jagħmlu l-istess fil-futur. Huma taw ukoll assigurazzjonijiet li huma kkonformaw mal-Komunikazzjoni l-ġdida dwar ir-rati ta’ Referenza mill-1 ta’ Lulju 2008.

(71)

Fir-rigward tal-miżura 5, ir-Regolament de minimis jeskludi għajnuna għall-promozzjoni tal-esportazzjoni. B’mod ġenerali, l-għajnuna għall-esportazzjoni hi tradizzjonalment imfissra fl-Artikolu 1(d) bħala “għajnuna marbuta direttament mal-kwantitajiet esportati, mal-istabbiliment u operazzjoni tan-netwerk ta’ distribuzzjoni jew mal-ispejjeż attwali marbuta mal-attività tal-esportazzjoni”. Ir-Regolament de minimis jiċċara iżjed fil-premessa 6 li “l-għajnuna lejn l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerjċali jew ta’ studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma tikkostitwix għajnuna għall-esportazzjoni”. B’hekk, jekk l-għajnuna hi mogħtija għall-parteċipazzjoni ta’ grupp f’fieri kummerjċali, din hi koperta mir-Regolament de minimis (23). Permezz tal-ittra tat-30 ta’ Mejju 2008 l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-miżura kienet maħsuba biex tħeġġeġ kumpaniji li sal-lum ma kienux esportaw biex jiġu għall-fieri internazzjonali. B’hekk issodisfat dik il-kundizzjoni. Għajnuna għat-twaqqif ta’ infrastruttura tal-informazzjoni permezz ta’ portals tal-Internet mhix għajnuna għall-esportazzjoni u b’hekk taqa’ fi ħdan l-ambitu tar-regolament de minimis. Fl-aħħar nett, id-dispożizzjoni ta’ servizzi ta’ konsulenza biex trawwem il-potenzjal ta’ esportazzjoni tal-kumpaniji hi koperta mir-Regolament de minimis u b’hekk ma taqax taħt id-definizzjoni tal-għajnuna għall-esportazzjoni.

(72)

Madankollu, il-Kummissjoni baqgħet bid-dubji dwar jekk l-awtoritajiet Spanjoli kienux konformi mar-Regolament de minimis fil-passat. Għalhekk talbet lill-awtoritajiet Spanjoli biex jagħtu prova fuq il-bażi tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament de minimis li kienu kkonformaw miegħu fil-passat fir-rigward tal-miżuri 4 u 5. Il-Kummissjoni talbet ukoll lill-awtoritajiet Spanjoli biex jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw ir-Regolament fil-futur, skont l-Artikolu 3(1). Dan jimplika li l-limitu ta’ EUR 200 000 għal kull impriża kien rispettat fit-tliet snin kollha ta’ taxxa, b’mod speċjali fir-rigward tal-kombinazzjoni possibbli ma’ miżuri oħrajn fil-Pjan tat-Tessuti bbażat fuq l-istess spejjeż eliġibbli. Kif diġà imsemmi fil-premessa 47, l-awtoritajiet Spanjoli pprovdew evidenza li r-Regolament de minimis kien irrispetat fil-passat u impenjaw ruħhom biex jirrispettawh fil-futur. B’hekk, il-miżuri 4 u 5 ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat.

(73)

Il-miżura 8 hi miżura ġenerali pprovduta mil-liġi Spanjola li, skont l-awtoritajiet Spanjoli, qatt ma kienet applikata taħt il-Pjan tat-Tessuti. Jekk kumpanija titlob differiment ta’ taxxa fil-futur, l-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom biex japplikaw ir-regoli ġenerali u ma jużawx din il-miżura. Peress li l-miżura 8 ma ġietx applikata, l-ebda għajnuna mill-Istat ma kienet involuta.

(74)

Il-miżuri 1, 2, 6 u 7 kienu mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Dawn il-miżuri jidhru li joffru vantaġġ selettiv aħjar lill-kumpaniji mis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ mill-kondizzjonijiet applikati taħt ir-regoli ġenerali u konsegwentement biex jiffavorixxu dawk l-impriżi. Hemm kummerċ estensiv fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ għalhekk il-miżuri jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Għalhekk, dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 87(1) tat-Trattat.

7.2.   Kompattibilità mas-suq komuni

Miżuri 1 u 2

(75)

Fir-rigward tal-miżura 1, il-Kummissjoni nnotat li l-iskema ta’ għajnuna approvata N 415/2004 hi applikabbli biss għall-impriżi kbar u attivitajiet R&Ż eliġibbli: spejjeż tal-persunal, strumenti u tagħmir rilevanti, spejjeż ta’ konsulenza esterna, spejjeż operattivi u spejjeż ġenerali addizzjonali li ġejjin mill-attività ta’ riċerka. Il-baġit kien EUR 16-il miljun fil-forma ta’ għotjiet u EUR 74.45 miljun fil-forma ta’ self sussidjat.

(76)

Il-Pjan tat-Tessuti ddefinixxa dawn li ġejjin bħala proġetti eliġibbli għall-impriżi kbar: proġetti R&Ż, proġetti għat-tixrid tar-riżultati tal-attivitajiet R&Ż u proġetti biex iwaqqfu u jiżviluppaw ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji. Il-baġit kien ta’ EUR 12.5 miljun fil-forma ta’ għotjiet u EUR 51 miljun fil-forma ta’ self sussidjat.

(77)

Fit-13 ta’ Jannar 2008 l-awtoritajiet Spanjoli tennew li huma ser jirrispettaw il-kundizzjonijiet imposti fuq l-iskema. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-miżura 1 għall-impriżi kbar tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-iskema.

(78)

Fir-rigward tal-miżura 1 għall-SMEs, li skont il-Pjan tat-Tessuti hija l-enfażi ewlenija tal-miżura 1, l-awtoritajiet Spanjoli spjegaw li din tkun koperta mill-iskema ta’ għajnuna XS 50/2005. L-għanijiet tal-iskema XS 50/2005 huma li jippromwovu proġetti ta’ riċerka għall-SMEs, itejbu l-kooperazzjoni bejn l-SMEs u l-entitajiet ta’ riċerka u li jxerrdu r-riżultati ta’ riċerka. Bħall-iskema preċedenti, din tkopri spejjeż personali, strumenti u tagħmir rilevanti, spejjeż ta’ konsulenza esterna, spejjeż operattivi u spejjeż ġenerali addizzjonali li ġejjin mill-attività ta’ riċerka, kif ukoll investiment f’assi tanġibbli u intanġibbli u servizzi ta’ konsulenza. Il-baġit annwali kien EUR 22 miljun f’forma ta’ għotjiet u self sussidjat.

(79)

Il-proġetti eliġibbli tal-Pjan tat-Tessuti kienu proġetti R&Ż, investimenti f’assi tanġibbli u intanġibbli maħsuba biex jinkorporaw teknoloġiji avvanzati fil-proċessi ta’ produzzjoni tagħhom, proġetti għat-tixrid tar-riżultati tal-attivitajiet R&Ż u proġetti biex iwaqqfu u jiżviluppaw ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-kumpaniji.

(80)

Il-Kummissjoni hi tal-fehma li l-miżura 1 applikabbli għal SMEs tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-iskema tal-għajnuna N 415/2004, li diġà kienet approvata, u fl-iskema tal-għajnuna XS 50/2005.

(81)

Fir-rigward tal-miżura 2, din kienet ibbażata fuq l-iskema tal-għajnuna approvata N 101/2005, li damet mill-1 ta’ Ġunju sal-1 ta’ Novembru 2006. L-għan ta’ din l-iskema kien li jħeġġeġ l-istrutturar ta’ żoni industrijali li sejrin lura f’reġjuni megħjuna. L-iskema kienet miftuħa għall-impriżi industrijali kollha li investew f’reġjuni megħjuna minbarra s-setturi tal-faħam, l-azzar u l-fibri sintetiċi. L-għajnuna kellha titħallas bħala self mingħajr imgħax ta’ tul ta’ żmien massimu ta’ 10 snin inkluż perjodu ta’ konċessjoni ta’ 5 snin. Il-baġit pjanat kien EUR 400 miljun.

(82)

Il-Pjan tat-Tessuti jissodisfa l-kriterji bażiċi minbarra dak għas-self mingħajr imgħax. Dawn kellhom tul ta’ żmien massimu ta’ 15-il sena b’perjodu ta’ konċessjoni ta’ 5 snin minflok t-tul ta’ żmien massimu ta’ 10 snin kif speċifikat fil-punt 11 tal-iskema. Wara li eżaminat dan il-punt il-Kummissjoni trid taċċettah peress li l-Kapitolu I 7.2 tal-Ordni ITC/3098/2006 jistipula li t-tul ta’ żmien massimu hu 10 snin kif ukoll perjodu ta’ konċessjoni ta’ 5 snin. Għalhekk il-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-miżura 2 tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-iskema.

(83)

Fit-3 ta’ Lulju 2006, l-awtoritajiet Spanjoli nnotifikaw mill-ġdid l-iskema sabiex iġibuha konformi mal-linji gwida tal-għajnuna reġjonali ġodda (24) (N 430/2007) u fis-26 ta’ Jannar 2007 huma rtirawha sabiex jibbażawha fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna tal-investiment reġjonali nazzjonali (25). Fl-20 ta’ Marzu 2007 l-iskema XR/70/2007 kienet adottata.

(84)

Skont l-Ordni ITC/3098/2006 u l-Ordni ITC/643/2007, proġetti eliġibbli inkludu: infrastruttura teknika, twaqqif ta’ parks teknoloġiċi, trasferiment ta’ għarfien speċjalizzat, tisħiħ u diversifikazzjoni tal-ekonomija lokali, ħolqien ta’ attivitajiet industrijali ġodda, żvilupp ta’ setturi fis-sod u ħolqien u espansjoni ta’ setturi emerġenti. L-industrija tal-fibri sintetiċi ma kinitx eliġibbli u l-miżura kkwalifikat bħala investiment inizjali.

(85)

Il-Kummissjoni hi għalhekk tal-fehma li l-miżura 2 tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-iskemi ta’ għajnuna approvati N 101/2005 u XR/70/2007.

(86)

L-awtoritajiet Spanjoli impenjaw ruħhom ukoll biex ma japplikawx il-miżuri wara l-iskadenza tal-iskemi li kienu bbażati fuqhom. Il-Kummissjoni b’hekk tikkunsidra li l-miżuri 1u 2 kienu koperti minn dawk l-iskemi u għandhom għalhekk jikostitwixxu għajnuna kompatibbli.

Miżura 6

(87)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li din il-miżura dwar taħriġ speċifiku mhix koperta kemm mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/2008 tas-6 ta’ Awwissu 2008 li jiddikjara ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq komuni (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) skont l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat (26) jew ir-Regolament preċedenti dwar l-għajnuna għat-taħriġ, peress li l-miżura ma tikkonċernax “impjieg ġdid” u impriżi kbar jibbenefikaw minnha wkoll.

(88)

Għalhekk il-Kummissjoni trid tivvalutaha direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat. Għaldaqstant, għajnuna biex tiffaċilita l-iżvilupp ta’ ċerti attivitajiet ekonomiċi tista’ tkun ikkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni, fejn ma taffettwax b’mod ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni.

(89)

Il-Kummissjoni ser tivvaluta l-kompatibbilità tal-miżura 6 b’analoġija (27) mar-Regolament tal-Għajnuna għat-Taħriġ bejn l-2006 u l-1 ta’ Awwissu 2008 u mar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa mid-29 ta’ Awwissu 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

(90)

L-intensità tal-għajnuna għal taħriġ speċifiku kienet ta’ 19,96 % għal SMEs u 20 % għal impriżi kbar. Din l-intensità ta’ għajnuna hi inqas sew mil-limitu ta’ 35 % li r-Regolament tal-Għajnuna għat-Taħriġ jimponi fuq l-applikazzjoni għall-għajnuna għat-taħriġ u il-25 % impost mill-Artikolu 39 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa.

(91)

Barra minn hekk, l-ammonti bilkemm ivarjaw mir-regoli ġenerali. Iż-żieda tiddependi fuq in-numru ta’ persunal impjegat u l-kontribuzzjoni imħallsa lis-sistema tas-sigurtà soċjali s-sena preċedenti. Il-kondizzjonijiet għal intitolament għall-miżura kienu restrittivi ħafna, peress li l-kumpaniji kellhom jistabbilixxu pjan, li kellu jkun approvat mill-Kumitat Konġunt (ara l-premessa 24).

(92)

Fl-20 ta’ Frar 2009, l-awtoritajiet Spanjoli kkonfermaw li l-effett tal-inċentiv addizzjonali għall-impriżi kbar skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa kien diġà ġie kkunsidrat fil-paragrafu I. 1.A c) tal-Pjan tat-Tessuti. Għaldaqstant, il-kumpaniji li applikaw kellhom jippreżentaw pjan ta’ taħriġ mill-ġdid lis-Servizz tal-Impjieg Pubbliku fejn jagħtu detall dwar l-għanijiet tal-impjieg u l-miżuri speċifiċi. Is-Servizz tal-Impjieg Pubbliku ċċekkja li wieħed jew iktar mir-rekwiżiti fl-Artikolu ta’ hawn fuq tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa kienu sodisfatti. Dan il-pjan inkluda dokument fejn jagħti l-għanijiet tal-produttività u tal-manteniment tax-xogħol u d-daqs tal-investiment ikkonċernat. Il-Kumitat Konġunt ħareġ ukoll rapport dwar il-pjan ta’ taħriġ mill-ġdid sottomess minn kull kumpanija jew grupp. Fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta fil-pjan u fir-rapport sottomessi mill-Osservatorji Industrijali, l-Istat Membru ċċekkja li l-kriterji għall-effett tal-inċentiv għal impriżi kbar kienu sodisfatti.

(93)

Il-Kummissjoni trid tikkonkludi li l-effett tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ hu limitat ħafna. Għalhekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-miżura ma taffettwax b’mod ħażin il-kondizzjonijiet tal-kummerċ sa punt li jmur kontra l-interess komuni B’hekk il-Kummissjoni tikkunsidra din il-miżura kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

Miżura 7

(94)

Il-miżura 7 hi wkoll mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat u apparentament tiffavorixxi s-settur. Fir-rigward tal-kompatibbilità, ma jidhirx li hi koperta kollha mill-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 800/2008 (Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) jew mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2204/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2002 dwar dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat KE dwar għajnuna mill-Istat għax-xogħol (28), minħabba li 27 kumpanija minn total ta’ 11 544 attivi fis-settur fl-2007 huma impriżi kbar u l-miżura ma tikkonċernax impjieg ġdid. Għalhekk, din il-miżura hi vvalutata fuq il-bażi tal-Artikolu 87(3)(c) (29).

(95)

Għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji tal-pagi maħsuba biex iżidu d-domanda għall-ħaddiema żvantaġġjati “tista’ tipprovdi inċentivi addizzjonali lill-impriżi biex iżidu l-livelli ta’ impjieg tagħhom ta’ din il-kategorija ta’ ħaddiema.” Il-ħaddiema kkonċernati jaqgħu fi ħdan il-kategorija ta’ ħaddiema żvantaġġjati billi jkollhom iktar minn 50 sena. 76 % tal-ħaddiema li għandhom bejn 55 u 59 sena kellhom taħriġ u ħiliet baxxi, fatt li ma ppermettiex it-trasferiment tagħhom lejn setturi oħra jekk kienu ssensjati. Fir-rigward tan-numru ta’ ħaddiema kkonċernati, 10 215 il impjegat biss minn 123 574 fis-settur fl-2008 kellhom bejn 55 u 59 u kienu biss 6 700 ħaddiem li ħadmu mal-kumpanija għal iktar minn 5 snin u kellhom kuntratt miftuħ. Din iċ-ċifra tikkorrispondi għal 5,2 % tal-ħaddiema kollha fis-settur u l-intensità tal-miżura għal kull kumpanija kienet stmata għal 0,3 % tal-ispejjeż tax-xogħol tagħhom, li hu ferm inqas mil-limitu ta’ 50 % tal-ispejjeż eliġibbli pprovduti fl-Artikolu 40 tar-Regolament għal Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa. L-impatt tal-miżura kien ukoll żgħir peress li kkonċerna l-iktar il-mikroimpriżi (74 %) u l-ammont tal-miżura kien minimu (0,3 % tal-ispejjeż tax-xogħol). Minkejja li l-impatt finanzjarju għall-kumpanija kien minimu, skont l-awtoritajiet Spanjoli dan ipprovda inċentiv sabiex l-impjegati kkonċernati jinżammu f’xogħolhom għal xi ftit iktar snin pjuttost milli jitkeċċew jew ikunu impjegati b’mod mhux iddikjarat. B’hekk, l-għajnuna dehret li kienet meħtieġa, proporzjonata u mmirata sew lejn il-grupp ta’ età ta’ ħaddiema żvantaġġjati.

(96)

Fir-rigward tal-effetti negattivi tal-għajnuna, wieħed għandu jinnota li l-miżura hi ffukata biss fuq is-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, industrija li sejra lura b’telf ta’ 40 % ta’ impjiegi mill-2001.

(97)

Wara li jitqiesu l-effetti pożittivi u negattivi, kien konkluż li l-għajnuna kellha effetti pożittivi għaliex hi ħeġġet lil kumpaniji – l-iktar mikroimpriżi – sabiex iżommu f’xogħolhom il-ħaddiema tagħhom b’età ta’ iktar minn 55 sena (minflok jimpjegawhom b’mod mhux iddikjarat), sakemm jagħlqu 60 sena, filwaqt li t-tfixkil tal-kompetizzjoni kien x’aktarx ikun limitat minħabba l-ammont żgħir ħafna tal-għajnuna.

(98)

Il-Miżura 7 hi għalhekk kompatibbli mas-suq komuni u konformi mal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

8.   KONKLUŻJONI

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   L-għajnuna mogħtija minn Spanja taħt il-miżura 1 u 2, imsemmija fil-premessi 11 sa 15, skont programm li jippromwovi r-riċerka teknika u programm għall-iżvilupp mill-ġdid industrijali tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ kienet koperta mill-approvazzjoni tal-iskemi N 415/2004 u N 101/200 u mill-iskemi XS 50/2005 u XS 70/2007 u għalhekk ma tikkostitwix għajnuna mill-Istat.

2.   Il-Miżuri 3, 4 u 5, imsemmija fil-premessi 16 sa 20, dwar self preferenzjali mogħtija minn ENISA għall-modernizzazzjoni tal-SMEs, self b’rata ta’ mgħax preferenzjali mill-ICO u promozzjoni għall-esportazzjoni mwettqa mill-ICEX huma inqas mil-limitu stabbilt mir-Regolament de minimis u b’hekk ma jikkostitwux għajnuna mill-Istat.

3.   L-għajnuna mogħtija minn Spanja taħt il-miżuri 6 u 7, imsemmija fil-premessi 21 sa 25, li toffri taħriġ kontinwu għall-impjegati u li żżomm ix-xogħol tal-ħaddiema ta’ età ikbar fis-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ huma kompatibbli mas-suq komuni skont it-tifsira tal-Artikolu 87(3)(c) tat-Trattat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmula fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU C 239, 11.10.2007, p. 12.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2004) 4709 tal-1 ta’ Diċembru 2004 dwar il-miżura N 415/04: Promozzjoni tar-riċerka teknika fis-settur tat-tessuti (2005-2007) (ĠU C 72, 24.3.2006, p. 2).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2005) 1532 tat-18 ta’ Mejju 2005, għajnuna għar-ristrutturar ta’ żoni industrijali li qed jonqsu (ĠU C 235, 23.9.2005, p. 3).

(4)  ENISA hi impriża pubblika marbuta mal-Ministeru tal-Industrija, Turiżmu u l-Kummerċ via d-Direttorat Ġenerali għall-Politika dwar l-SMEs.

(5)  Skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat lill-għajnuna de minimis. (ĠU L 379, 28.12.2006, p. 5).

(6)  Id-Digriet Irjali 395/2007 tat-23.3.2007, l-Ordni TAS 2307/2007 tas-27.7.2007 u l-Liġi 51/2007 tas-26.12.2007.

(7)  L-Artikolu 33(4)(d) tad-Digriet Irjali 1415/2004 tal-11 ta’ Ġunju 2004.

(8)  Il-Gazzetta Uffiċjali tal-Istat (BOE) tad-9 ta’ Frar 2005.

(9)   ĠU L 10, 13.1.2001, p. 33.

(10)   ĠU C 169, 21.7.2007, p. 18.

(11)  L-Att tal-Baġit tal-Istat Ġenerali, is-27 dispożizzjoni addizzjonali.

(12)   ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

(13)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (GU L 10, 13.1.2001, p. 33).

(14)  Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-47/91 Italy v Commission (Italgrani II) [1992] ECR I-4635.

(15)  XS 50/2005 Programm ta’ promozzjoni tar-riċerka teknika fis-settur tat-tessuti/ħwejjeġ (ĠU C 19, 26.1.2006, p. 3).

(16)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1628/2006 tal-24 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat għall-għajnuna tal-investiment reġjonali nazzjonali (ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29).

(17)   ĠU C 169, 21.7.2007, p. 18.

(18)  BOE tal-10.10.2006.

(19)  Il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu bejn 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(20)   ĠU C 14, 19.1.2008, p. 6.

(21)  Il-Linji gwida tal-Komunità dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u ristrutturazzjoni ta’ kumpaniji f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2).

(22)   ĠU L 10, 13.1.2001, p. 20.

(23)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 89/01 tal-24 ta’ Settembru 2002 dwar l-iskema ta’ għajnuna li r-Repubblika federali tal-Ġermanja bi ħsiebha timplimenta – “Il-Linji gwida dwar l-għajnuna għal SMEs”– it-titjib tal-effiċjenza tan-negozju fis-sassonja (ĠU L 91, 8.4.2003, p. 13), u, b’mod partikolari premessa 72 (“għajnuna lejn l-ispejjeż tal-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali jew studji jew servizzi ta’ konsulenza meħtieġa għat-tnedija ta’ prodott ġdid jew eżistenti f’suq ġdid normalment ma tikostitwix għajnuna għall-esportazzjoni”).

(24)  Il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali għall-perjodu bejn 2007-2013 (ĠU C 54, 4.3.2006, p. 13).

(25)   ĠU L 302, 1.11.2006, p. 29.

(26)   ĠU L 214, 9.8.2008, p. 3.

(27)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Ġunju 2004 fil-Każ Nru 443/2003, it-Tieni ċirkwit ta’ ilma, il-Belġju (C(2004) 1356 finali).

(28)   ĠU L 337, 13.12.2002, p. 3.

(29)  Ara r-raġunament fil-miżura A2 fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 244/2008 tal-Programm Spanjol għas-settur taż-żraben, tal-kunzatura u tal-ġilda (ĠU C 52, 5.3.2009, p. 1).