Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE SEG(2009)1735 /* KUMM/2009/0710 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 11.1.2010 KUMM(2009)710 finali RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE SEG(2009)1735 RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru li topera, u li tħassar l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2004/36/KE INTRODUZZJONI Ir-Regolament (KE) 2111/2005[1] dwar l-istabbiliment ta’ lista Komunitarja ta’ kumpanniji tal-ajru [trasportaturi tal-ajru] li huma suġġetti għal projbizzjoni ta’ operar fil-Komunità (minn hawn 'il quddiem imsejħa il-'lista KE') u li jinforma lill-passiġġieri tat-trasport bl-ajru dwar l-identità tal-kumpannija tal-ajru [trasportatur tal-ajru] li topera daħal fis-seħħ fis-16 ta' Jannar 2006, u r-Regolament (ir-Regolament tal-Kummissjoni 473/2006)[2] li jistabbilixxi regoli tal-implimentazzjoni għal-lista KE, fejn l-ewwel minn dawn il-listi ibbażata fuq il-kriterji stabbiliti komunement [traduzzjoni mhux uffiċjali] ġiet adottata fit-22 ta' Marzu 2006 u daħħlet fis-seħħ fl-24 ta' Marzu 2006 (ir-Regolament tal-Kummissjoni 474/2006)[3]. Minn dak iż-żmien, il-lista ġiet aġġornata tnax-il darba. Dan ir-rapport janalizza l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2111/2005 li jistabbilixxi l-lista KE kif meħtieġ skont l-Artikolu 14 tal-istess Regolament. Dettalji dwar l-applikazzjoni tal-kriterji komuni biex tittieħed deċiżjoni dwar l-impożizzjoni ta' projbizzjoni operattiva (totali jew parzjali) fuq trasportaturi tal-ajru kif ippreżentata fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SEC(2009) 1735. 2006 - 2009: TLETT SNIN TA’ IMPLIMENTAZZJONI U INFURZAR Sal-lum, l-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005 wasslet għal tnax-il aġġornament[4] tal-lista KE. L-aġġornamenti kienu r-riżultat ta' monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom u l-firxa ġeografika tal-operati tagħhom. Mill-istabbiliment tal-ewwel lista f'Marzu 2006, il-Kummissjoni investigat aktar minn 400 trasportatur tal-ajru minn aktar minn 30 pajjiż. Kif stipulat fir-Regolament (KE) 2111/2005, il-lista fiha żewġ annessi: L-Anness A: fih trasportaturi tal-ajru li l-operati kummerċjali tagħhom huma soġġetti għall-projbizzjoni totali fit-territorji tal-Istati Membri; u l-Anness B: fih trasportaturi tal-ajru li l-operati kummerċjali tagħhom huma soġġetti għall-projbizzjoni parzjali jew restrizzjonijiet operattivi f'territorji tal-Istati Membri; Fiż-żmien it-tnax-il aġġornament (il-25 ta' Novembru 2009) il-lista KE kien fiha ħames trasportaturi individwali[5], kif ukoll it-trasportaturi kollha (mill-anqas 228) iċċertifikati fi 15-il pajjiż mhux fl-UE[6] fl-Anness A u tmien trasportaturi tal-ajru[7] fl-Anness B. Stabbiliment u manteniment tal-lista Id-deċiżjonijiet u l-opinjonijiet marbuta mal-proposti tal-Kummissjoni huma bbażati esklużivament fuq konsiderazzjonijiet ta' sikurezza u dejjem intlaħqu b'konsensus. Bil-kooperazzjoni ma tonqos qatt tal-Parlament Ewropew u l-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Avjazzjoni tal-Istati Membri, il-Kummissjoni sussegwentament dejjem adottat l-abbozz miftiehem fl-iqsar żmien possibbli, billi naqqset għal minimu d-dewmien proċedurali u amministrattiv - konxja mill-importanza diretta u immedjata ta' dawn il-miżuri dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni u fuq iċ-ċittadini tal-UE li jivjaġġaw madwar id-dinja. Kif ipprovdut skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) 2111/2005 flimkien mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) 473/2006 tal-implimentazzjoni, it-trasportaturi tal-ajru konċernati (flimkien mal-awtorità regolatorja rispettiva tagħhom) jiġu nnotifikati bl-intenzjoni li jiġi propost li jiġu inklużi fil-lista KE u bil-fatti li wasslu għal din id-deċiżjoni. Dawn it-trasportaturi tal-ajru (flimkien mal-awtorità regolatorja rispettiva tagħhom) jiġu mistiedna jippreżentaw, fiż-żmien stipulat li jiskadi f'għaxart ijiem, kwalunkwe kummenti jew dokumenti oħra li jistgħu jaħsbu li huma xierqa fid-difiża tagħhom. Dan jiżgura ġustizzja u trasparenza sħiħa fil-proċess. Il-biċċa l-kbira tat-trasportaturi jirreaġixxu minnufih għal dawn it-talbiet, saħansitra billi jitolbu li jippreżentaw u jiddiskutu l-każ personalment mas-servizzi relevanti tal-Kummissjoni u mar-rappreżentanti tal-Istati Membri (skont l-Artikolu 3 tar-Regolament 473/2006). Barra minn dan, dawn it-trasportaturi jingħataw l-opportunità ta' smigħ quddiem il-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru qabel tittieħed deċiżjoni finali dwar l-inklużjoni tagħhom fil-lista KE. Sal-lum it-trasportaturi tal-ajru kollha proposti biex jiġu inklużi fil-lista KE instemgħu qabel ma ttieħdet deċiżjoni. Sal-lum, l-ebda projbizzjoni operattiva ma ġiet imposta mingħajr qabel ma ngħata smigħ lit-trasportatur(i) konċernat(i), anki f'każijiet urġenti - skont l-Artikoli 5(1) u 4(3) tar-Regolamenti (KE) 2111/2005 u 473//2006 rispettivament - fejn dawn id-deċiżjonijiet biex tiġi aġġornata l-lista KE jistgħu jiġu adottati mingħajr smigħ minn qabel. Dan huwa partikolarment l-każ meta jkun ġie stabbilit li t-tkomplija tal-operat minn trasportatur tal-ajru fil-Komunità x'aktarx li joħloq riskju serju għas-sikurezza. Għandu jiġi nnotat li, għalkemm mhux meħtieġ mir-regoli, l-istess opportunitajiet jingħataw lit-trasportaturi tal-ajru li l-operat tagħhom ikun ġie projbit għal kollox jew parzjalment. Dan isir permezz tal-proċess ta' valutazzjoni perjodika tal-kapaċità tagħhom li jiżguraw operat sikur, bil-prospett finali li jitneħħew mil-lista abbażi ta' verifika tal-konformità sħiħa mal-istandards relevanti tas-sikurezza. Matul l-aħħar tliet snin ġew organizzati diversi missjonijiet tat-tkixxif tal-fatti fuq il-post, imwettqa minn timijiet ta' esperti pprovduti mill-Istati Membri, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u l-Kummissjoni, sabiex tiġi vverifikata s-sitwazzjoni tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili (inklużi t-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati minn dawn l-awtoritajiet) f'aktar minn 10 pajjiżi. Dawn il-missjonijiet ġew organizzati kemm fir-rigward tal-inklużjoni kif ukoll fir-rigward tat-tneħħija potenzjali tat-trasportaturi tal-ajru mil-lista. Il-kriterji għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni operattiva totali jew parzjali Il-kriterji komuni għall-impożizzjoni ta' projbizzjoni operattiva totali jew parzjali u għall-aġġornar tal-lista bit-tneħħija ta' trasportatur tal-ajru individwali jew grupp ta' trasportatur tal-ajru huma stipulati fl-Anness għar-Regolament (KE) 2111/2005. Kwalunkwe waħda minn dawn il-kriterji, waħidha, jew flimkien ma' oħrajn, tista' tintuża bħala bażi għal proposta ta' inklużjoni jew esklużjoni ta' trasportatur, jew għadd ta' trasportaturi, fil-lista. Il-kriterji nfishom huma kollha bbażati fuq standards tas-sikurezza internazzjonali relevanti kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) 2111/2005 - jiġifieri dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni ta' Chicago u l-Annessi għaliha taħt l-awspiċi tal-ICAO (l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili) fejn huma konċernati trasportaturi mhux Ewropej u l- acquis tal-KE tas-sikurezza tal-ajru fejn huma involuti trasportaturi mill-Komunità. Kif ipprovdut fl-Artikolu 1 u 2, ir-Regolament japplika għat-trasportaturi kollha li għal raġunijiet ta' sikurezza huma pprojbiti milli joperaw lejn il-Komunità irrispettivament min-nazzjonalità jew min-netwerk tal-operati tagħhom. Ukoll ir-Regolament japplika biss għat-trasportaturi tal-ajru li jwettqu trasport kummerċjali bl-ajru. Għalhekk, ir-Regolament japplika wkoll għat-trasportaturi tal-ajru li ma joperawx lejn il-Komunità, peress li r-Regolament jitlob ukoll li l-passiġġieri jiġu mgħarrfa meta jivjaġġaw fi u barra l-Komunità (l-Artikolu 11) jekk il-linja tal-ajru li jivjaġġaw magħha hijiex ipprojbita milli topera lejn il-Komunità. B'dak il-mod ir-Regolament għandu żewġ għanijiet: li jiżgura li dawk il-linji tal-ajru li ma jilħqux il-kriterji komuni jiġu pprojbiti milli joperaw lejn il-Komunità u li jinforma lill-passiġġieri Ewropej dwar il-linji tal-ajru pprojbiti u b'hekk jipproteġihom meta jivjaġġaw fi ħdan u barra l-Komunità. Il-kriterji komuni huma miġbura fi tliet oqsma: a) evidenza oġġettiva li turi n-nuqqasijiet min-naħa tat-trasportatur tal-ajru; b) nuqqas ta' kapaċità jew rieda mit-trasportatur tal-ajru li jindirizza n-nuqqasijiet fis-sikurezza u c) nuqqas ta' kapaċità jew rieda tal-awtorità tal-avjazzjoni ċivili responsabbli mis-superviżjoni tat-trasportatur(i) tal-ajru involut(i) li tindirizza n-nuqqasijiet fis-sikurezza. Aġġornament tal-Lista L-Artikolu 4 tar-Regolament KE Nru 2111/2005 jippermetti lill-Kummissjoni, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta' Stat Membru, taġġorna l-lista Komunitarja hekk kif dan isir meħtieġ. L-Artikolu 4 jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiddeċiedi għal tal-anqas kull tliet xhur jekk hux xieraq li tiġi aġġornata l-lista Komunitarja. Saru għaxar aġġornamenti abbażi ta' dan iċ-ċiklu regolari. L-Artikolu 6 tar-Regolament jippermetti, f'każijiet ta' urġenza, lill-Istati Membri li jirreaġixxu għal problema mhux mistennija ta' sikurezza billi jimponu projbizzjoni operattiva immedjata fir-rigward tat-territroju tagħhom stess. Meta Stati Membri jimponu projbizzjoni operattiva (totali jew parzjali) fit-territorju tagħhom, ir-Regolament jitlobhom biex infurmaw lill-Kummissjoni minnufih u jitolbu l-aġġornatment tal-lista sabiex jiġi eżaminat jekk dawn il-projbizzjonijiet parzjali jew totali għandhomx jiġu estiżi fil-Komunità kollha. Miżuri eċċezzjonali fil-forma ta' projbizzjonijiet parzjali jew totali fil-livell nazzjonali ġew imposti għaxar darbiet, b'aġġornament wieħed tal-lista adottat skont din il-proċedura eċċezzjonali f'Settembru 2007[8], filwaqt li projbizzjonijiet oħra ġew estiżi għall-Komunità kollha matul aġġornamenti regolari. L-Artikolu 5 tar-Regolament jippermetti għas-sitwazzjoni fejn ikun evidenti li t-tkomplija tal-operat minn trasportatur tal-ajru fil-Komunità x'aktarx li joħloq riskju serju għas-sikurezza. Meta riskju bħal dan ma jkunx ġie solvut b'mod sodisfaċenti permezz ta' miżura urġenti meħuda mill-Istat(i) Membru/i konċernati skont l-Artikolu 6, il-Kummissjoni tista' timponi b'mod proviżorju projbizzjoni operattiva fuq it-trasportatur tal-ajru jew timmodofika l-kundizzjonijiet ta' projbizzjoni operattiva diġà imposta fuq trasportatur tal-ajru. Sal-lum għadha qatt ma ġiet identifikata sitwazzjoni bħal din u għalhekk ma ġiet imposta ebda miżura proviżorja. Komunikazzjoni u qsim tal-informazzjoni Ir-Regolament (KE) 2111/2005 jagħti importanza indaqs lill-komunikazzjoni u l-informazzjoni lill-passiġġieri dwar dawn it-trasportaturi sabiex ikunu jistgħu jkunu f'pożizzjoni infurmata meta jagħmlu l-arranġamenti tal-ivjaġġar bl-ajru tagħhom. Ir-Regolament jistipula li l-passiġġieri kollha għandhom ikunu infurmati dwar l-identità tat-trasportatur(i) tal-ajru li ser joperaw it-titjira li jkunu qegħdin jirriżervaw post fiha meta din it-titjira tkun ser titlaq minn jew tasal f'ajruport Komunitarju jew tkun parti minn vjaġġ li jibda jew jispiċċa f'territorju ta' Stat Membru. Barra minn dan, kull meta t-trasportatur jew trasportaturi tal-ajru li jkunu ser joperaw jinbidlu wara li ssir ir-riżervazzjoni, il-passiġġieri għandhom jiġu infurmati mill-aktar fis possibbli dwar l-identità tat-trasportatur (jew trasportaturi) tal-ajru l-ġodda li ser joperaw kwalunkwe parti mill-vjaġġ involut. Il-Kummissjoni ħadet diversi inizjattivi biex tinforma lill-passiġġieri dwar id-dritt tagħhom għall-informazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 - bħal pereżempju permezz ta' powsters u fuljetti li jitqassmu fl-ajruporti Komunitarji kollha. Ma' dan u sabiex tipprovdi informazzjoni speċika li tikkonċerna l-indentità tat-trasportaturi tal-ajru taħt projbizzjonji fil-KE, il-Kummissjoni stabbiliet websajt[9] apposta li tiġi aġġornata kull meta tiġi aġġornata l-lista KE stess. Kif obbligati skont ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni tal-Istati Membri jwettqu wkoll diversi inizjattivi biex jinfurmaw lill-passiġġieri dwar id-drittijiet tagħhom u filfatt jipprovdu diversi konnessjonijiet għal informazzjoni aktar dettaljata fil-website tal-Kummissjoni. Barra minn dan aktar minn 40 000 aġent tal-ivjaġġar fl-UE jiġu nnotifikati minnufih bi kwalunkwe bidla fil-lista KE sabiex ikunu jistgħu jinfurmaw lill-konsumaturi tagħhom dwar dan u kif meħtieġ skont il-liġi tal-KE. Din l-informazzjoni tpoġġihom ukoll f'pożizzjoni aħjar biex joffru alternattivi tajbin lill-klijenti li l-itinerarju tagħhom ikun ġie affettwat mill-projbizzjoni ta' xi trasportatur. Ġew stabbiliti kollaborazzjonijiet simili ma' lobbies internazzjonali tal-aġenti tal-ivjaġġar, organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali tal-linji tal-ajru u l-ajruporti, awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni mhux Ewropej u diversi taqsimiet tal-midja li tikkonċentra fuq it-trasport bl-ajru (fosthom għadd ta' siti volontarji mmexxija minn delettanti tas-sikurezza tal-ajru), u fuq id-drittijiet tat-turisti u l-konsumaturi. Il-Kummissjoni ttenni l-gratitudni tagħha lil dawn il-partijiet kollha għas-sostenn tagħhom fl-iżgurar tal-usa' tqassim possibbli tal-lista KE fl-interess globali tas-sikurezza tal-avjazzjoni Ewropea u internazzjonali. Barra minn dan, ir-Regolament il-ġdid dwar kodiċi ta' imġiba għal sistemi kompjuterizzati ta' riżervazzjoni (CRS) adottata f'Jannar 2009 wkoll jikkumplimenta dawn id-dispożizzjonijiet billi jiżgura li: a) titjiriet operati minn trasportaturi tal-ajru li jidhru fil-lista KE għandhom jiġu identifikati b'mod ċar u speċifiku fil-viżwali CRS; u b) il-bejjiegħa tas-sistemi CRS għandhom jintroduċu simbolu speċifiku fil-viżwal CRS li jkun jintgħaraf mill-utenti bil-għan li l-passiġġieri jkunu infurmati dwar l-identità tat-trasportatur tal-ajru li jkun ser jopera kif ipprovdut fir-Regolament (KE) Nru 2111/2005. Fi ħdan dan il-kuntest il-Kummissjoni stabbiliet kanali ta' komunikazzjoni b'tali mod li s-CRS ikunu mgħarrfa fid-dettall, b'mod ċar u fil-ħin kull meta l-lista KE tiġi aġġornata. VALUTAZZJONI TAL-FUNZJONAMENT TAR-REGOLAMENT FIS-SEħħ Il-ħolqien u l-evoluzzjoni tal-lista KE matul l-aħħar tliet snin jistgħu jiġu deskritti bħala storja ta' suċċess minn kull angolu. Issa saret titqies internazzjonalment bħala għodda effettiva fl-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza għall-benefiċċju tal-pubbliku li jkun qed jivjaġġa permezz tal-infurzar tal-istandards relevanti tas-sikurezza tal-ajru. In-natura temporanja ta' projbizzjoni Kien hemm għadd ta' każijiet fejn trasportaturi tal-ajru soġġetti għall-projbizzjoni għarfu li l-prestazzjoni tagħhom ta' sikurezza waqgħet taħt l-istandards aċċettati internazzjonalment u implimentaw u wrew li lestew b'suċċess azzjonijiet ta' rimedju u korrezzjoni. B'riżultat t'hekk dawn it-trasportaturi tal-ajru tneħħew mil-lista. Dan juri li l-projbizzjoni hija miżura temporanja u proporzjonali, li tinżamm biss sakemm trasportatur tal-ajru ipprojbit (jew b'restrizzjoni) ikun jista' juri li indirizza b'manjiera sostennibbli n-nuqqasijiet serji ta' sikurezza identifikati qabel u qiegħed jopera f'konformità mal-istandards ta' sikurezza relevanti. Dan kien ukoll il-każ fejn trasportaturi tal-ajru kienu ġew inkużi fil-lista KE wara nuqqasijiet ta' sikurezza identifikati mill-awtorità tal-avjazzjoni ċivili tal-Istat tagħhom. F'dawn il-każijiet il-progress miksub kemm mit-trasportaturi tal-ajru u mill-awtoritajiet tagħhom fiċ-ċertifikazzjoni u l-eżerċizzju tas-superviżjoni tal-operati tagħhom wassal għat-tneħħija tal-projbizzjoni totali fuq l-operati tagħhom u f'ċerti każijiet għal trasferiment fl-Anness B. In-natura temporanja ta' projbizzjoni totali jew parzjali tiġi żgurata mill-monitoraġġ kontinwu tal-prestazzjoni tat-trasportaturi pprojbiti. Dan jinkiseb permezz ta' rappurtar regolari mit-trasportaturi tal-ajru pprojbiti u l-awtoritajiet tagħhom, skambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ta' pajjiżi oħra mhux membri tal-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali kif ukoll il-missjonijiet tat-tkixxif tal-fatti biex ikun ivverifikat li tlesstew l-azzjonijiet identifikati fil-pjanijiet ta' azzjoni għall-irkupru. Din l-informazzjoni kollha tkun kontinwament għad-dispożizzjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru u b'hekk tippermettilu jifforma opinjoni infurmata bis-sħiħ dwar il-livell ta' sikurezza tat-trasportaturi konċernati kif ukoll dwar l-awtoritajiet tagħhom. Fuq nota differenti iżda relatata, regolarment 'jitneħħew' għadd ta' trasportaturi mil-lista KE minħabba li jwaqqfu l-operati kif ukoll minħabba r-revoka taċ-ċertifikat tagħhom ta' operaturi tal-ajru mill-awtoritajiet regolatorji tagħhom, f'ħafna każijiet b'riżultat dirett tal-projbizzjoni tal-KE. Effett preventiv u ta' dissważjoni Diversi drabi, meta l-Kummissjoni tippreżenta lill-Istati b'evidenza verifikata ta' nuqqasijiet serji ta' sikurezza li tikkonċerna lil xi trasportatur tal-ajru tagħhom, jew aktar, dawn aġixxew proattivament billi ssospendew iċ-Ċertifikati ta' Operatur tal-Ajru tat-trasportaturi tal-ajru relevanti jew imponew restrizzjonijet stretti fuq l-operat tagħhom fl-ispazju tal-ajru tal-Istati Membri. Sussegwentament dawn l-Istati bdew azzjonijiet komprenżivi ta' rimedju u korrezzjoni sakemm kienu f'pożizzjoni li jivverifikaw li t-trasportaturi tal-ajru kienu implimentaw azzjonjiet korrettivi adegwati li jipprevjenu l-okkorrenza mill-ġdid tan-nuqqasijiet ta' sikurezza identifikati qabel. F'dan l-istadju s-sospenżjoni jew ir-restrizzjonijiet stretti jkun tneħħew. Hemm xerja li qiegħda tiżdied tal-proċess, fejn każijiet jiġu solvuti permezz ta' skambju kooperattiv bejn il-Kummissjoni u l-partijiet konċernati mingħajr il-ħtieġa li tintuża projbizzjoni bħala miżura punittiva tal-aħħar rimedju. Relevanza globali Indikazzjoni ċara tar-relevanza mogħtija lil-lista KE lil hinn mill-Ewropa, hija d-deċiżjoni minn għadd ta' Stati mhux Ewropej li volontarjament isegwu l-lista kif aġġornata u maħruġa mill-Kummissjoni; li tfisser li t-trasportaturi inklużi fil-lista jitqiesu wkoll bħala li mhumiex konformi mal-istandards releventi tas-sikurezza u huma għalhekk ippojbiti wkoll milli joperaw fit-territorju ta' dawn l-Istati. Is-sinifikanza dejjem tikber tar-riżultati tar-rapporti ta' verifika mill-ICAO USOAP biex tiġi aġġornata l-lista KE wriet ukoll li l-Komunità qiegħda timponi probizzjonijiet operattivi fuq trasportaturi tal-ajru minn Stati li l-prestazzjoni tagħhom hija kkaratterizzata minn livell għoli ħafna ta' nuqqas ta' konformità mal-Istandards ICAO u l-Prattiki Rakkomandati (SARPS), jekk mhux fejn il-verifiki tal-ICAO rriżultaw fil-pubblikazzjoni ta' tħassib serju dwar is-sikurezza skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta' Chicago. L-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005 wriet li l-Kummissjoni stinkat biex tinforza l-istandards internazzjonali tas-sikurezza billi talbet lit-trasportaturi tal-ajru u lill-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tas-sikurezza tagħhom biex isolvu b'mod sodisfaċenti nuqqasijiet fis-sikurezza identifikati fir-rapporti ta' verifika mill-USOAP qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu jissoktaw (jew jibdew) joperaw fil-Komunità Ewropea. Ta' min jinnota li Stati, li fil-proċess ICAO USOAP ħareġ li għandhom problemi konsiderevoli biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom ta' superviżjoni tas-sikurezza (jiġifieri nuqqas ta' aktar minn 75% fl-implimentazzjoni tal-ICAO SARPS), fosthom dawk li dwarhom l-ICAO qajjem tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza, ġiet imposta projbizzjoni totali fuq it-trasportaturi tal-ajru tagħhom fil-Komunità. F'dak is-sens, fejn ir-rapporti ICAO USOAP urew nuqqas partikolarment kbir ta' implimentazzjoni tal-istandards tas-sikurezza flimkien ma tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza, l-inklużjoni fil-lista KE kienet ir-risposta komuni tal-Istati Membri tal-UE biex japplikaw dawk id-dispożizzjonjiet tal-Konvenzjoni ta' Chicago li jeħtieġu li ċ-ċertifikati, il-liċenzji u t-tagħmir ikunu rrikonoxxuti mill-Istati Kontraenti meta dawn jkun maħruġa skont rekwiżiti li huma daqs jew aktar mill-istandards (ICAO) minimi. Permezz ta' skambju regolari tal-informazzjoni tas-sikurezza mal-ICAO l-Kummissjoni kienet f'pożizzjoni li tifhem aħjar is-sitwazzjoni tas-sikurezza f'reġjuni varji tad-dinja u b'hekk tkun tista' tadatta, fejn meħtieġ, il-proġetti tagħha ta' għajnuna teknika. Mill-istabbiliment tal-ewwel lista KE, fejn il-monitoraġġ kontinwu tas-sitwazzjoni tas-sikurezza fi kwalunkwe pajjiż partikolari wriet li n-nuqqasijiet fis-sikurezza ppersistew minkejja l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' għajnuna teknika mill-ICAO, minn organizzazzjonijiet reġjonali oħra jew mill-Kummissjoni, il-projbizzjoni tal-operati ta' trasportaturi tal-ajru baqgħat il-miżura ta' prekawzjoni tal-aħħar rimedju. Kooperazzjoni eqreb ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali Il-lista KE rawmet kooperazzjoni eqreb bejn il-pajjiżi Komunitarji u oħrajn li mhux fl-UE kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, sabiex tkun ivverifikata l-konformità mit-trasportaturi tal-ajru mal-istandards relevanti tas-sikurezza u għalhekk tittejjeb is-superviżjoni internazzjonali tas-sikurezza tal-ajru b'mod ġenerali. Fi ħdan dan il-kuntest, il-Kummissjoni wkoll tikkoopera mill-qrib mas-Segretarjat tal-ICAO u mal-Kummissjoni tan-Navigazzjoni tal-Ajru biex tiżgura ftehim aħjar tal-proġetti mwettqa mill-ICAO f'reġjuni varji madwar id-dinja (proġetti COSCAP). Din il-kooperazzjoni tippermetti wkoll lill-Kummissjoni tifhem aħjar l-evalwazzjoni mill-ICAO tas-sitwazzjoni tas-sikurezza tal-Istati varji vverifikati fil-qafas tal-programm USOAP u partikolarment biex tikseb għarfien tar-riżultati tal-monitoraġġ kontinwu tal-iżviluppi f'dawn l-Istati permezz tal-kooperazzjoni tagħhom mal-uffiċċji reġjonali tal-ICAO. Ukoll, il-Kummissjoni ilha tikkontribwixxi finanzjarjament fi proġetti varji mmexxija mill-ICAO (Proġetti COSCAP) sa mill-2005. B'mod ġenerali, il-proġetti huma intenzjonati l-aktar biex itejbu s-sikurezza tal-ajru, jippromwovu l-istandards internazzjonali tas-sikurezza tal-ajru u jarmonizzaw/iqarrbu r-regoli, jipprovdu taħriġ lill-persunal tal-amministrazzjoni tal-avjazzjoni ċivili u jgħinu aktar fir-rigward tal-operati, l-ajrudromi, l-ATM, l-ambjent. Kollox ma' kollox, il-Kummissjoni qiegħda twettaq proġetti ta' għajnuna teknika filwaqt li żżomm f'moħħha l-miri tas-sikurezza tal-ICAO għall-2008-2011 kif ukoll bil-ħsieb li tgħin lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili ta' Stati Kontraenti oħra tal-ICAO biex jimplimentaw b'mod konsistenti l-istandards internazzjonali billi jibnu l-kapaċità tagħhom li jeżerċitaw b'mod effikaċi s-superviżjoni regolatorja tagħhom. TAGħLIMIET GħALL-FUTUR L-applikazzjoni tal-lista KE wriet, min-naħa waħda, li hija għodda li rnexxiet biex tikkontribwixxi fl-iżgurar ta' livell għoli ta' sikurezza fil-Komunità. Min-naħa l-oħra din l-għodda ma tistax titqies bħala li tkopri għal kollox il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-linji tal-ajru. Għandha żewġ limitazzjonijiet: 1) l-inklużjoni fil-lista KE tiddipendi fuq id-disponibbiltà ta' informazzjoni li tista' tkun ivverifikata; 2) l-inklużjoni fil-lista KE tikkostitwixxi projbizzjoni operattiva fl-Ewropa biss, filwaqt li linji tal-ajru pprojbiti jibqgħu jtijru f'reġjuni oħra tad-dinja. Għalhekk, jeħtieġ li l-iskambju ta' informazzjoni verifikabbli u affidabbli jiġi promoss u msaħħaħ aktar fil-livell internazzjonali. Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-lista KE matul l-aħħar tliet snin uriet li l-għan li jiġi stabbilit u jinżamm livell għoli ta' sikurezza madwar id-dinja kollha jista' jintlaħaq biss jekk l-istandards tas-sikurezza tal-ICAO jiġu fil-fatt osservati. Għalhekk jeħtieġ li jittieħdu azzjonijiet xierqa biex jiġi żgurat li dawn l-istandards ikunu effettivament rispettati kemm fil-livell tal-Istat kif ukoll mit-trasportaturi tal-ajru individwali. Għalhekk hemm għadd ta' oqsma fejn il-Kummissjoni bi ħsiebha tiżviluppa aktar il-politika tagħha kemm f'termini ta' miżuri interni kif ukoll esterni. A. Miżuri operattivi 1. Titjib fil-qasam regolatorju għall-impożizzjoni/tneħħija ta' projbizzjonijiet operattivi L-esperjenza siewja miksuba matul l-aħħar tliet snin fl-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005 indikat għadd ta' sitwazzjonijiet fl-applikazzjoni tiegħu li jeħtieġu dispożizzjonijiet aktar dettaljati. Għalhekk il-Kummissjoni ser tniedi, flimkien mal-attivitajiet fil-livell internazzjonali, il-formulazzjoni ta' dispożizzjonijiet aktar dettaljati permezz ta' amenda fil-leġiżlazzjoni implimentattiva. Dawn il-proposti ser jikkjarifikaw ċerti aspetti tar-Regolament bħal: l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri affettwati minn tentattiv ta' ksur ta' projbizzjoni tal-KE (inkluż l-użu tal-ispazju tal-ajru); definizzjonijiet tat-titjiriet li mhumiex affettwati minn projbizzjoni operattiva (eż. titjiriet ta' trasport, titjiriet privati, titjiriet statali, titjiriet tekniċi eċċ.); u mod kif jiġu rreġistrati d-deċiżjonijiet meħuda minn pajjiżi madwar id-dinja biex jillimitaw iċ-ċertifikati ta' operatur tal-ajru tat-trasportaturi tal-ajru tagħhom fir-rigward ta' titjiriet lejn l-UE. 2. Tisħiħ tal-Programm tal-KE SAFA It-titjibiet fil-funzjonament tal-Programm SAFA fl-2008, għenu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jifhmu aħjar il-prestazzjoni tat-trasportaturi varji. Fost dawn it-titjibiet hemm l-analiżijiet regolari mill-EASA tal-informazzjoni fid-dejtabejż, l-armonizzazzjoni tat-taħriġ u l-kwalifikazzjonijiet tal-ispetturi, u l-introduzzjoni tal-ispezzjonijiet "immirati". L-ispezzjonijiet fuq ir-rampa tal-inġenji tal-ajru skont il-programm tal-KE SAFA, u partikolarment il-prijoritazzjoni ta' dawn l-ispezzjonijiet, urew li huma għodda b'saħħitha biex jinstabu nuqqasijiet fis-sikurezza u jippermettu lill-Istati Membri jirreaġixxu minnufih biex jimmitigaw kwalunkwe riskju. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tfittex li ttejjeb aktar l-istrumenti legali eżistenti billi tintroduċi għadd minimu ta' spezzjonijiet mill-Istati Membri biex tissaħħaħ l-affidibbiltà tar-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet. 3. Modernizzazzjoni tas-sistema tal-KE għall-investigazzjoni tad-disgrazzji L-informazzjoni li tirriżulta mill-investigazzjoni tad-disgrazzji u l-inċidenti hija dejjem aktar sors ta' informazzjoni li jitqies fil-qafas tal-aġġornar tal-lista KE. Sa mid-dħul fis-seħħ tagħha, id-Direttiva 94/56/KE dwar l-investigazzjoni tad-disgrazzji wriet li hemm ħafna aktar differenza fil-kapaċità investigattiva tal-Istati Membri tal-UE meta mqabbla mas-sitwazzjoni fl-1994. Il-qafas istituzzjonali u legali għas-sikurezza fl-avjazzjoni fl-UE inbidel sostenzjalment minn meta ġiet adottata d-Direttiva. L-inġenji tal-ajru u s-sistemi tagħhom qegħdin dejjem isiru iktar kumplessi, li jfisser ukoll li l-investigazzjoni tad-disgrazzji tirrikjedi ħiliet u tagħmir aktar diversifikati u speċjalizzati milli kien hemm bżonn għaxar snin ilu. Il-Kummissjoni adottat fid-29 ta' Ottubru proposta (COM(2009) 611 finali) biex timmodernizza l-qafas legali eżistenti dwar l-investigazzjoni tad-disgrazzji u ssaħħaħ il-kapaċità investigattiva tal-Ewropa billi tipproponi l-ħolqien ta' netwerk ta' korpi tal-investigazzjoni tad-disgrazzji, tikkjarifika r-rwol tal-EASA f'dan il-qasam, issaħħaħ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza, issaħħaħ il-protezzjoni tal-informazzjoni sensittiva tas-sikurezza u tistabbilixxi standards komuni dwar id-disponibbiltà tal-manifesti tal-passiġġieri. 4. Żieda fil-proġetti u l-attivitajiet ta' għajnuna teknika L-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005 wriet li filwaqt li l-projbizzjoni ta' trasportatur tal-ajru jew ta' grupp ta' trasportaturi tal-ajru hija meħtieġa biex timmitiga r-riskji għas-sikurezza, jistgħu wkoll jitwettqu miżuri xierqa permezz ta' assistanza teknika biex jgħinu lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili li għandhom ir-responsabbiltà tas-superviżjoni ta' dawn it-trasportaturi. Il-Kummissjoni ser tibqa' impenjata u involuta f'diversi proġetti ta' għajnuna teknika biex tgħin lill-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili jegħlbu l-problemi tagħhom b'aktar mod effikaċi. Għandha l-intenzjoni li tkompli u żżid l-attivitajiet tagħha fl-għajnuna teknika l-aktar fil-kontinent Afrikan bil-appoġġ tal-EASA. Dan ukoll jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' sħubijiet privileġġati ma' awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili biex jiġi żgurat livell għoli u uniformi ta' sikurezza fl-avjazzjoni u jitnaqqsu l-ispejjeż amministrattivi fuq l-industrija tal-avjazzjoni. Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni bi ħsiebha tkompli ssostni l-isforzi tal-ICAO fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tal-avjazzjoni ċivili internazzjonali fil-qafas tal-Pjan Globali għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni billi ttejjeb il-koordinazzjoni tal-isforzi globali biex tgħin lill-pajjiżi jsaħħu s-sikurezza tagħhom, l-aktar dawk li fir-rigward tagħhom l-ICAO tkun ippubblikat tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza u dawk fejn ir-rapporti ta' verifika juru nuqqas kbir ħafna ta' implimentazzjoni ta' standards internazzjonali tas-sikurezza. Dan għandu jwassal għal armonizzazzjoni globali fil-qasam tas-sikurezza u jżid l-effikaċja tal-proġetti tal-għajnuna teknika permezz tal-koordinazzjoni, fosthom programmi kbar reġjonali bħalma hu l-'Pjan Reġjonali Komprenżiv għas-Sikurezza fl-Avjazzjoni fl-Afrika'. B. Miżuri internazzjonali 1. Rabta aktar b'saħħitha ma' pajjiżi mhux fl-UE L-applikazzjoni tal-lista KE wriet li s-sikurezza tista' titqies bħala "katallist" fl-iżvilupp ta' relazzjonijiet fis-settur tal-avjazzjoni ma' pajjiżi mhux fl-UE. Il-Komunità bbenefikat konsiderevolment mill-kooperazzjoni kontinwa mas-sħab. Għalhekk il-Kummissjoni ser tfittex li tibni rabtiet b'saħħithom mas-sħab li jikkondividu l-istess għanijiet ta' sikurezza. Il-Kummissjoni bi ħsiebha ssaħħaħ il-kooperazzjoni attwali tagħha ma' sħab strateġiċi sabiex tiffaċilita l-iskambju tad-dejta dwar is-sikurezza u tistabbilixxi netwerk ta' interlokaturi fdati għall-evalwazzjoni mhux biss tal-aspetti ta' sikurezza tad-diversi organizzazzjonijiet involuti fil-manufattura, l-operat, il-manutenzjoni u t-taħriġ, iżda wkoll l-applikazzjoni ta' programmi ta' sikurezza fil-livell ta' Stat. Din il-kooperazzjoni għandha wkoll tinkludi l-iskambju ta' dejta komparabbli tas-sikurezza f'relazzjoni mal-ispezzjonijiet fuq ir-rampa ta' inġenji tal-ajru, bil-għan ikun li jiġi allinjat kemm jista' jkun il-format globali tas-sistemi ta' rappurtar tad-dejta tas-sikurezza ħalli titjieb il-kapaċità tad-dejta użata. Lil hinn mill-kooperazzjoni fil-qasam tal-kondiviżjoni tal-informazzjoni, dawn ir-rabtiet għandhom iħeġġu aktar konverġenza bejn il-valutazzjoni mwettqa u l-azzjonijiet meħuda biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet misjuba minn pajjiżi terzi. 2. Twessiegħ tal-iskambju tad-dejta tas-sikurezza Dejta affidabbli u verifikabbli dwar is-sikurezza hija fil-qalba tal-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005. Skambji tad-dejta dwar is-sikurezza marbuta mal-prestazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru, l-Istat tar-Reġistrazzjoni tal-inġenju tal-ajru, u l-livell tal-attivitajiet ta' superviżjoni mwettqa mill-awtoritajiet ta' spiss ippermettew l-adozzjoni ta' miżuri fil-Komunità biex jikkumplimentaw lil dawk meħuda minn pajjiżi oħra. Madankollu, dawn l-iskambji wrew ukoll li d-dejta dwar is-sikurezza jeħtiġielha tkun traċċabbli, oġġettiva, kwantifikabbli u bbażata fuq ftehim komuni tal-kriterji li qegħdin jiddipendu fuqhom sabiex jintużaw bħala indikaturi affidabbli tal-prestazzjoni. Ir-rekwiżiti relevanti tal-ICAO (l-Anness 6, il-Parti I, 4.2.2.2) ilhom immodifikati sa minn Novembru 2008 biex ġie żgurat li l-Istati Kontraenti jkollhom obbligu jistabbilixxu programm bi proċeduri għas-sorveljanza tal-operat ta' trasportaturi tal-ajru barranin fit-territorju tagħhom, u biex jieħdu azzjoni xierqa. Għalhekk, ir-riżultati tal-Programm tal-KE SAFA kif użat fl-applikazzjoni tar-Regolament 2111/2005 juru li l-Komunità hija mgħammra sew biex tikkoopera ma' Stati mhux fl-UE billi tipproponi li tiżviluppa, f'livell internazzjonali, programm għall-ispezzjonijiet fuq ir-rampa għall-inġenji tal-ajru li jsegwi proċeduri li huma familjari sew għall-Komunità. Dan ikun jippermetti li l-informazzjoni miksuba minn dawn l-ispezzjonijiet tkun armonizzata u standardizzata. Dan irendi din l-informazzjoni importanti interkambjabbli u jippromwovi aktar il-kooperazzjoni bejn l-Istati għall-benefiċċju li jittieħdu deċiżjonijiet oġġettivi dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tat-trasportaturi tal-ajru. 3. Projbizzjoni mad-dinja kollha tat-trasportaturi tal-ajru perikolużi Matul l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2111/2005 sar evidenti kemm l-Istati Membri, is-sħab fiż-ŻEE u l-Iżvizzera qegħdin jibbażaw id-deċiżjonijiet tagħhom dwar is-sikurezza fuq ir-riżultati tal-verifiki tas-sikurezza tal-ICAO mwettqa fil-qafas tal-Programm USOAP. Huwa preċiżament billi jsir monitoraġġ kontinwu tad-diversi rimedji li jwettqu t-trasportaturi tal-ajru u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili li l-projbizzjonijiet fuq l-operat ma ġewx biss imposti iżda wkoll imneħħija. Madankollu, f'pajjiżi fejn l-ICAO tippubblika tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza wara verifika mill-USOAP, jew fejn rapporti ta' verifika jiżvelaw ħafna nuqqasijiet serji, il-Kummissjoni bi ħsiebha tkompli tiżgura li l-linji tal-ajru ċċertifikati f'dawn il-pajjiżi ma jitħallewx itiru fil-Komunità sakemm l-awtoritajiet tagħhom ma jiggarantixxux konformità mal-istandards tal-ICAO. Il-projbizzjoni (parzjali jew totali ta' xi trasportaturi jew tat-trasportaturi kollha liċenzjati fi Stat) ser tibqa' d-direzzjoni neċessarja ta' azzjoni meta l-kooperazzjoni ma tkunx biżżejjed biex ittaffi ir-riskji għas-sikurezza. L-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 2111/2005 wriet li l-komunita internazzjonali għandha ssegwi b'mod konsistenti l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati (SARPS) tal-ICAO. Sabiex tħeġġeġ ir-rispett għal dawn l-istandards il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi li fil-mandat tal-kompetenzi tiegħu skont l-Artikolu 54 tal-Konvenzjoni ta' Chicago, il-Kunsill tal-ICAO jipproċedi biex: 1. Jippubblika b’mod miftuħ it-tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza li jqum wara l-verifiki USOAP għall-informazzjoni tal-pubbliku inġenerali; 2. Jiddetermina riskju aċċettabbli għas-sikurezza li lil hinn minnu għandu jiġi rrakkomandat li l-Istati jirtiraw l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati tat-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Istati fejn in-nuqqas tal-implimentazzjoni tal-istandards tal-ICAO tpoġġihom 'il fuq minn dan il-limitu; 3. Tittieħed ddeċiżjoni biex l-ICAO tieħu rwol aktar attiv fil-koordinazzjoni tal-attivitajiet ta' għajnuna tad-"donaturi" ewlenin biex titjib is-sitwazzjoni tas-sikurezza wara l-verifika tagħha. Mossa bħal din għandha tippromwovi r-rispett għall-istandards internazzjonali tas-sikurezza mill-Istati Kontraenti kollha tal-ICAO u b'hekk jiġi żgurat livell għoli ta' sikurezza madwar id-dinja kollha u mhux biss fejn japplikaw għodod legali, bħalma hu r-Regolament. Dan fil-fatt ikun jipprovdi lista internazzjonali ta’ trasportaturi pprojbiti. Il-proposti biex jissaħħu l-attivitajiet internazzjonali fil-kwistjonijiet ta' sikurezza fl-avjazzjoni ser jiġu żviluppati aktar u ppreżentati lill-Konferenza Internazzjonali tas-Sikurezza organizzata mill-ICAO f'Marzu 2010, bħala l-kontribut Ewropew f'dak l-avveniment. Din il-Konferenza għandha tħejji t-triq għall-iżvilupp ta' politika ġdida għas-sikurezza u twassal għal deċiżjonijiet ambizzjużi fil-qafas tal-ICAO matul il-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tiegħu f'Settembru 2010. [1] ĠU L 344, 27.12.2005, p. 15. [2] ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8. [3] ĠU L 84, 23.3.2006, p. 14. [4] Ġunju 2006, Ottubru 2006, Marzu 2007, Lulju 2007, Settembru 2007 (wara l-impożizzjoni ta' projbizzjoni tal-operar minn xi Stati Membri), Novembru 2007, Marzu 2008, Lulju 2008, Novembru 2008, April 2009, Lulju 2009 u Novembru 2009. [5] Fil-25 ta' Novembru 2009 skont ir-Regolament [--]/2009 l-operati kollha tal-ħames trasportaturi tal-ajru li ġejjin qegħdin jiġu pprojbiti fil-Komunità: Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea; Air West mis-Sudan; Ariana Afghan Airlines mill-Afganistan; Silverback Cargo Freighters mir-Rwanda u s-Siem Reap Airways International mill-Kambodja [6] Il-Benin, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Indoneżja, ir-Repubblika Kirgiża, il-Liberja, is-Sjerra Leone, is-Sważiland, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC), ir-Repubblika tal-Kongo, is-Sao Tome u Principe, iż-Żambja kif ukoll l-Angola (ħlief għat-trasportatur tal-ajru t-TAAG inkluż fl-Anness B), il-Każakstan (ħlief għat-trasportatur tal-ajru l-Air Astana inkluż fl-Anness B) u l-Gabon ħlief għal tlett trasportaturi l-Gabon Airlines, l-Afrijet u l-SN2AG inklużi fl-Anness B). [7] TAAG Angola Airlines, Air Astana mill-Każakstan, Gabon Airlines, Afrijet u SN2AG mill-Gabon, Air Bangladesh, Air Service Comores, Ukraine Mediterranean Airlines mill-Ukraina [8] L-Italja u l-Ġermanja (fir-rigward tal-Ukrainian Mediterranean Airlines – tal-Ukraina) u r-Renju Unit (fir-rigward tal-Mahan Air – tal-Iran) [9] http://ec.europa.eu/transport/air-ban