SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża)
25 ta’ Settembru 2024 ( *1 )
“Enerġija – Suq intern tal-elettriku – Reġjun tal-kalkolu tal-kapaċità – Reġjun CORE – Adozzjoni mill-ACER tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit – Determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari leġittimi – Artikolu 16(13) tar-Regolament (UE) 2019/943”
Fil-Kawża T‑485/21,
Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA), stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Karpenstein u K. Reiter, avoukati,
rikorrenti,
sostnuta minn
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u N. Scheffel, bħala aġenti,
intervenjenti,
vs
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), irrappreżentata minn P. Martinet, Z. Vujasinovic u E. Tremmel, bħala aġenti, assistiti minn P. Goffinet, L. Bersou u M. Shehu, avukati,
konvenuta,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża),
komposta minn F. Schalin, President, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm, G. Steinfatt u D. Kukovec (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,
wara s-seduta tat‑12 u tat‑13 ta’ Ġunju 2023,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Bundesnetzagentur für Elektrizität, Gas, Telekommunikation, Post und Eisenbahnen (BNetzA), titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) tat‑28 ta’ Mejju 2021, li tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 tal-ACER, tat‑30 ta’ Novembru 2020, dwar il-proposta tal-ġestjonarji tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (iktar ’il quddiem il-“ĠST”) tar-reġjun li jinkludi l-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Kroazja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovenja u s-Slovakkja (iktar ’il quddiem ir-“reġjun CORE”) għall-kalkolu tal-kapaċità msejħa “CORE”, dwar il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit, u li tiċħad l-appelli tagħha fil-Każ A-001–2021 (ikkonsolidat) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”). |
Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
2 |
Ir-rikorrenti hija l-awtorità regolatorja nazzjonali (iktar ’il quddiem l-“ARN”) Ġermaniża, fis-sens tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2019/944 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar regoli komuni għas-suq intern għall-elettriku u li temenda d-Direttiva 2012/27/UE (ĠU 2019, L 158, p. 125). Skont il-punt 1 tal-ewwel sentenza tal-punt 56(1) tal-Gesetz über die Elektrizitäts- und Gasversorgung (Energiewirtschaftsgesetz – EnWG) (il-Liġi dwar il-Provvista tal-Elettriku u tal-Gass), tas‑7 ta’ Lulju 2005 (BGBI. 2005 I, p. 1970), hija tassumi fil-Ġermanja l-kompetenzi attribwiti lill-ARN mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/1222 tal‑24 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi Linji Gwida dwar l-Allokazzjoni tal-Kapaċità u l-Ġestjoni tal-Konġestjoni (ĠU 2015, L 197, p. 24). |
|
3 |
Konformement mal-Artikolu 74(1) tar-Regolament 2015/1222, il-ĠRT ta’ kull reġjun għall-kalkolu tal-kapaċità jipproponu, sa mhux iktar tard minn sittax-il xahar wara d-deċiżjoni dwar ir-reġjuni għall-kalkolu tal-kapaċità, metodoloġija komuni għall-allokazzjoni tal-ispejjeż tar-ridispaċċ u tat-tpartit (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija għall-allokazzjoni tal-ispejjeż”). |
|
4 |
Fis‑17 ta’ Novembru 2016, l-ACER adottat, konformement mal-Artikolu 15 tar-Regolament 2015/1222, id-Deċiżjoni Nru 06/2016, dwar id-determinazzjoni tar-reġjuni għall-kalkolu tal-kapaċità. L-Artikolu 1 u l-Anness I ta’ din id-deċiżjoni jelenkaw it-territorji tal-Istati Membri inklużi fir-reġjun CORE. |
|
5 |
Il-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-ĠRT tar-reġjun CORE kellha tiġi sottomessa fi żmien sittax-il xahar wara din id-deċiżjoni, jiġifieri mhux iktar tard mis‑17 ta’ Mejju 2018. |
|
6 |
Madankollu, il-ĠST tar-reġjun CORE ma ssottomettewx proposti għal metodoloġija għall-allokazzjoni tal-ispejjeż fit-terminu msemmi fil-punt 5 iktar ’il fuq. Konformement mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament 2015/1222, dawn il-ĠRT informaw lill-ARN u lill-ACER li huma kellhom bżonn iktar żmien għat-tfassil ta’ tali proposta. L-ACER informat b’dan lill-Kummissjoni Ewropea, li kkonsultat il-ĠRT, l-ARN kif ukoll l-ACER sabiex tgħin lil dawn il-ĠRT jiżviluppaw din il-proposta u jissottomettuha għall-approvazzjoni mill-iktar fis possibbli. |
|
7 |
Fis‑27 ta’ Marzu 2019, konformement mal-Artikolu 9(7)(h) tar-Regolament 2015/1222, il-ĠRT tar-reġjun CORE ssottomettew lill-ARN kollha ta’ dan ir-reġjun proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, akkumpanjata minn dokument ta’ spjegazzjoni. Dawn l-ARN kellhom terminu ta’ sitt xhur sabiex jiddeċiedu dwar din il-proposta, skont l-Artikolu 9(10) tal-imsemmi regolament. |
|
8 |
Fis‑26 ta’ Settembru 2019, fuq talba tal-imsemmija ARN, l-ACER iddeċidiet li testendi b’sitt xhur, jiġifieri sas‑27 ta’ Marzu 2020, it-terminu mogħti lilhom għall-approvazzjoni tal-imsemmija proposta. |
|
9 |
Fis‑27 ta’ Marzu 2020, il-President tal-Forum Reġjonali tar-Regolaturi tal-Enerġija tar-Reġjun CORE ħabbar, f’isem l-ARN kollha ta’ dan ir-reġjun, li dawn tal-aħħar ma kinux f’pożizzjoni li jieħdu, għall-istess jum, deċiżjoni dwar il-proposta ppreżentata, peress li din kienet meqjusa bħala fil-parti l-kbira tagħha inkompleta, u dan sa fejn l-ARN la kienu f’pożizzjoni li japprovawha u lanqas li jitolbu emenda għaliha. |
|
10 |
Fl-istess jum, peress li l-ARN tar-reġjun CORE ma waslux għal ftehim fir-rigward tal-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ippreżentati mill-ĠRT, l-ACER iddikjarat ruħha kompetenti sabiex tadotta deċiżjoni dwar din il-proposta, skont l-Artikolu 5(3) u l-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU 2019, L 158, p. 22), kif ukoll l-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, l-ACER kienet obbligata tadotta tali deċiżjoni f’terminu ta’ sitt xhur, konformement mal-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942. |
|
11 |
Wara perijodu twil ta’ kooperazzjoni, ta’ konsultazzjonijiet u ta’ diskussjonijiet bejn l-ACER, l-ARN kollha tar-reġjun CORE u l-ĠRT kollha ta’ dan ir-reġjun dwar il-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ippreżentati minn dawn il-ĠRT u dwar l-emendi magħmula għal din il-proposta matul diversi laqgħat u sessjonijiet ta’ votazzjoni, il-Bord tar-Regolaturi tal-ACER, li huwa kompost minn rappreżentanti tal-ARN, ta opinjoni favorevoli dwar l-imsemmija proposta fit‑18 ta’ Novembru 2020, skont l-Artikolu 22(5)(a) tar-Regolament 2019/942. |
|
12 |
Fit‑30 ta’ Novembru 2020, l-ACER adottat, permezz tad-Deċiżjoni Nru 30/2020, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż (“Common methodology for redispatching and countertrading cost sharing for the Core CCR in accordance with Article 74 of Commission Regulation (EU) 2015/1222 of 24 July 2015”), kif tinsab fl-Anness I ta’ din l-aħħar deċiżjoni (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata”). |
|
13 |
Fid‑29 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrenti appellat quddiem il-Bord tal-Appell tal-ACER mid-Deċiżjoni Nru 30/2020, konformement mal-Artikolu 28 tar-Regolament 2019/942. ĠRT u ARN oħra tar-reġjun CORE appellaw minn din id-deċiżjoni. Fit‑18 ta’ Frar 2021, il-Bord tal-Appell ikkonsolida dawn l-appelli kollha. |
|
14 |
Fit‑28 ta’ Mejju 2021, il-Bord tal-Appell adotta d-Deċiżjoni kkontestata li permezz tagħha huwa kkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u ċaħad fl-intier tagħhom l-appelli mressqa kontriha. |
It‑talbiet tal‑partijiet
|
15 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
16 |
L-ACER titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, intervenjenti insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla d-Deċiżjoni kkontestata. |
Id‑dritt
|
18 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. |
|
19 |
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi estensjoni illegali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għal elementi tan-network għajr elementi bejn żoni (iktar ’il quddiem l-“interkonnetturi”), it-tieni motiv, fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata teskludi b’mod illegali t-teħid inkunsiderazzjoni tal-flussi dekonġestjonanti waqt il-kondiviżjoni tal-ispejjeż, it-tielet motiv, fuq determinazzjoni żbaljata tal-livell ta’ tolleranza għall-flussi tan-network leġittimi (iktar ’il quddiem il-“livell ta’ tolleranza”), ir-raba’ motiv, fuq prijorità żbaljata mogħtija lill-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjonijiet tan-network, il-ħames motiv, fuq illegalità tal-metodu applikat, ikkunsidrat fl-intier tiegħu, u, is-sitt motiv, fuq l-irregolarità tal-obbligu, impost fuq il-ĠRT, li jressqu proposti ta’ modifika tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. |
|
20 |
L-ACER titlob li l-motivi kollha invokati mir-rikorrenti jiġu miċħuda bħala infondati. |
|
21 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li teżamina, suċċessivament, l-ewwel, ir-raba’ u t-tielet motiv. |
Fuq l‑ewwel motiv, dwar il‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal‑ispejjeż ikkontestata
|
22 |
Ir-rikorrenti tinvoka tliet ilmenti insostenn tal-ewwel motiv tagħha, ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni kkontestata tipprovdi estensjoni illegali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għal elementi tan-network għajr l-interkonnetturi. Madankollu, ir-rikorrenti tidher li taċċetta l-fatt li l-konġestjonijiet fuq elementi kritiċi tan-network iwasslu wkoll għal restrizzjoni tal-kummerċ bejn żoni fis-sens tar-Regolament (UE) 2019/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Ġunju 2019 dwar is-suq intern tal-elettriku (ĠU 2019, L 158, p. 54). Għaldaqstant, ir-rikorrenti tidher li qiegħda taċċetta, tal-inqas b’mod sussidjarju, l-inklużjoni tal-elementi kritiċi tan-network intern fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. |
|
23 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni hekk iddefinit huwa inkompatibbli mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u mal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222. |
|
24 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti, billi tinvoka l-assenza ta’ bażi legali għall-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, issostni li, fid-dawl tal-prinċipju tal-kompetenzi ta’ attribuzzjoni, l-ACER ma tistax tiġġustifika l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata fir-rigward ta’ dak li huwa previst fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, bil-kunsiderazzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament u tar-Regolament 2015/1222 ma jeskludux tali estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni. |
|
25 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata lanqas ma jista’ jiġi ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet dwar is-sigurtà tal-operat u l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. |
|
26 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkondividi l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
27 |
L-ACER tikkontesta l-argumenti magħmula mir-rikorrenti u sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
Osservazzjonijiet preliminari
|
28 |
Preliminarjament, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad l-argumenti bbażati fuq l-illegalità tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, essenzjalment, fil-punti 89 sa 379 (“First Consolidated Plea – Excessive scope of the RDCTCS and unlawful determination of XNEs”) fil-punti 1078 sa 1105 (“Eighth Consolidated Plea – Polluter Pays Principle”) kif ukoll fil-punti 1126 sa 1191 (paġni 203 sa 212) (“Fourteenth Consolidated Plea – ACER exceeded its competence and infringed the principle of conferral”) tal-imsemmija deċiżjoni. |
|
29 |
Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 196 sa 210 tad-Deċiżjoni kkontestata, din hija bbażata, parzjalment, fuq interpretazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 fis-sens li din id-dispożizzjoni tirrifletti l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Bl-istess mod, din id-dispożizzjoni timponi d-determinazzjoni tal-oriġini tal-flussi fiżiċi li jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn iż-żoni mingħajr ma tillimita, min-naħa l-oħra, il-kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-azzjonijiet korrettivi mwettqa fir-rigward tal-konġestjonijiet fuq l-interkonnetturi. |
|
30 |
Bl-istess mod, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 173 sa 180 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qies li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kienet konformi mal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, sa fejn l-operazzjonijiet fuq l-elementi tan-network inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati kellhom effett transkonfinali. |
|
31 |
Fit-tieni lok, l-eżami tal-ewwel motiv jimplika li għandha tiġi ddeterminata, fir-rigward tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, il-bażi legali tagħha, l-għan tagħha u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. |
|
32 |
L-ewwel, fir-rigward tal-bażi legali u tal-għan tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, għandu jiġi rrilevat li din ġiet adottata konformement mal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222 u li hija prevista, fil-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għall-miżuri korrettivi li għandhom effett transkonfinali. L-imsemmija metodoloġija għandha għalhekk l-għan li taqsam, bejn il-ĠRT, l-ispejjeż li jirriżultaw mill-attivazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi li jiswew ħafna flus, jiġifieri r-ridispaċċ u t-tpartit. |
|
33 |
F’dan ir-rigward, il-punt 13 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222 jiddefinixxi l-“azzjoni ta’ rimedju” bħala “kwalunkwe miżura applikata minn [ĠRT] jew bosta [ĠRT], b’mod manwali jew awtomatiku, sabiex tinżamm is-sigurtà operazzjonali”. |
|
34 |
Fil-fatt, il-punt 26 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jiddefinixxi r-ridispaċċ bħala miżura, inkluż ta’ tnaqqis, li hija attivata minn ĠRT wieħed jew iktar jew minn ġestjonarji tan-network ta’ distribuzzjoni permezz tal-modifika tal-mudell ta’ ġenerazzjoni, ta’ tagħbija, jew it-tnejn sabiex jinbidlu l-flussi fiżiċi fis-sistema tal-elettriku u tittaffa konġestjoni fiżika jew tiġi żgurata s-sigurtà tas-sistema. |
|
35 |
Il-punt 27 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 jiddefinixxi min-naħa tiegħu t-tpartit bħala skambju bejn żoni mwettqa minn operaturi ta’ network bejn żewġ żoni tal-offerti sabiex tittaffa konġestjoni fiżika. |
|
36 |
Min-naħa tagħha, il-konġestjoni, li tikkostitwixxi riskju għas-sigurtà operazzjonali li teħtieġ azzjoni korrettiva, hija ddefinita fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 bħala “sitwazzjoni fejn it-talbiet kollha mill-parteċipanti fis-suq biex isir kummerċ bejn żoni tan-netwerk ma jistgħux jintlaqgħu peress li kieku jaffettwaw b’mod sinifikanti l-flussi fiżiċi tal-elementi tan-netwerk li ma jistgħux jakkomodaw dawk il-flussi”. |
|
37 |
Konġestjoni hija kkawżata minn flussi fiżiċi. Hemm diversi tipi ta’ flussi fiżiċi definiti mill-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. Fost dawn, l-Artikolu 2(2)(a) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jiddefinixxi l-flussi allokati bħala “fluss fiżiku fuq element ta’ network fejn is-sors u r-riċevitur ikunu jinsabu f’żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti differenti”. Il-flussi interni huma ddefiniti, fl-Artikolu 2(2)(o) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, bħala “fluss fiżiku fuq element ta’ network li s-sors u r-riċevitur tiegħu kif ukoll l-element tan-network sħiħ ikunu jinsabu fl-istess żona tas-sottomissjoni għal offerti”. Skont l-Artikolu 2(p) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, fluss ċirkolari huwa “fluss fiżiku fuq element ta’ netwerk fejn is-sors u r-riċevitur ikunu jinsabu fl-istess żona, u l-element tan-network, jew parti minnu, ikun jinsab f’żona differenti”. |
|
38 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprevedi l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li jtaffu l-konġestjonijiet bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti skont il-kontribuzzjoni għal din il-konġestjoni tal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għal żona. Fil-fatt, dan jipprovdi b’mod partikolari li “[m]eta jallokaw il-kostijiet ta’ azzjonijiet ta’ rimedju bejn l-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom janalizzaw sa liema punt il-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn żewġ żoni tal-offerti osservati, u jallokaw il-kostijiet abbażi tal-kontribut lill-konġestjoni lill-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni taż-żoni tal-offerti li jkunu qegħdin joħolqu tali flussi għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti”. |
|
39 |
F’dan ir-rigward, żona tal-offerti hija ddefinita, fil-punt 65 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, bħala “l-akbar żona ġeografika li fiha l-parteċipanti tas-suq ikunu jistgħu jinnegozjaw l-enerġija mingħajr allokazzjoni tal-kapaċità”. Attwalment, iż-żoni li jiffurmaw parti mir-reġjun CORE jikkorrispondu, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, għat-territorji tal-Istati Membri. |
|
40 |
It-tieni nett, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(1) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, sabiex jinqasmu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, għandu jiġi identifikat l-element tan-network li fuqu effettivament titwettaq kull azzjoni korrettiva. |
|
41 |
Kif ġie enfasizzat fil-punti 106 sa 110 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jestendi mhux biss għal elementi ta’ network bejn żoni (interkonnetturi), iżda wkoll għall-elementi kollha tan-network intern b’livell ta’ vultaġġ ogħla jew ugwali għal 220 kilovolt (kV). |
|
42 |
Fil-fatt, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata tipprevedi, fl-Artikolu 3(4) tagħha, li l-“elementi tan-network b’rilevanza transkonfinali” huma “eliġibbli għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż”. |
|
43 |
Minn naħa, fir-rigward tal-elementi tan-network li għandhom rilevanza transkonfinali, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata tiddefinixxi, fl-Artikolu 2(2)(j) tagħha, dawn l-elementi bħala “elementi tan-network […] li huma identifikati bħala li għandhom rilevanza transkonfinali u li fuqhom ksur tas-sigurtà operazzjonali għandu jiġi ġestit b’mod koordinat”. |
|
44 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 106 sa 110 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta u, barra minn hekk, huwa paċifiku bejn il-partijiet, li l-kunċett ta’ “elementi ta’ network li għandhom rilevanza transkonfinali” għandu jinftiehem fl-istess sens bħal dak li jinsab fid-definizzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tal-metodoloġija għar-ridispaċċ u għat-tpartit ikkoordinati fir-reġjun CORE konformement mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament 2015/1222, adottat bid-Deċiżjoni Nru 35/2020 tal-ACER tal‑4 ta’ Diċembru 2020, dwar il-metodoloġija għar-ridispaċċ u għat-tpartit ikkoordinati fir-reġjun CORE (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija RDCT”), u mal-Artikolu 5 tal-metodoloġija għall-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali fir-reġjun CORE konformement mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2017/1485 tat‑2 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi linja gwida dwar it-tħaddim tas-sistema ta’ trażmissjoni tal-elettriku (ĠU 2017, L 220, p. 1), adottata mid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER, tal‑4 ta’ Diċembru 2020 dwar il-metodoloġija għall-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali fir-reġjun CORE (iktar ’il quddiem il-“metodoloġija ROSC”). |
|
45 |
Il-kunċett ta’ “elementi ta’ network li għandhom rilevanza transkonfinali” jkopri għalhekk, minn naħa, l-elementi kritiċi kollha tan-network, konformement mal-Artikolu 5(1) u mal-Artikolu 7 tal-metodoloġiji komuni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ kuljum u tal-istess ġurnata, adottati bid-Deċiżjoni Nru 02/2019 tal-ACER tal‑21 ta’ Frar 2019, dwar il-proposti tal-ĠRT tar-reġjun CORE li jikkonċernaw il-metodoloġiji komuni ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ ġurnata bil-quddiem u fl-istess ġurnata (iktar ’il quddiem il-“metodoloġiji CCM”), jiġifieri, attwalment, l-interkonnetturi u l-elementi ta’ network interni ddeterminati mill-ĠRT li għandhom koeffiċjent ta’ influwenza, kif iddefinit mill-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2013 tal‑14 ta’ Ġunju 2013 dwar is-sottomissjoni u l-pubblikazzjoni ta’ data (dejta) fis-swieq tal-elettriku u li jemenda l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2013, L 163, p. 1), ugwali għal jew iktar minn 5 % u, min-naħa l-oħra u fil-prinċipju, l-elementi tan-network interni kollha b’ livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV. |
|
46 |
Konformement mad-definizzjoni li tinsab fil-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, element ta’ network kritiku huwa “element ta’ netwerk fi ħdan żona tal-offerti jew bejn iż-żoni tal-offerti meħuda f’kunsiderazzjoni fil-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità [ta’ skambju bejn iż-żoni], b’tali mod li jiġi llimitat l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata [bejniethom]”. |
|
47 |
L-elementi kritiċi tan-network huma, għalhekk, interkonnetturi jew elementi interni li l-koeffiċjent ta’ influwenza tagħhom huwa ugwali għal jew ogħla minn 5 %. Fis-sens tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, l-elementi tan-network interni b’effett transkonfinali huma kollha elementi kritiċi tan-network kif ukoll l-elementi tan-network intern b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV. |
|
48 |
Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kunċett ta’ “operazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali”, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jispeċifika li din tal-aħħar tirrigwarda l-operazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali, li huma identifikati mill-metodoloġija RDCT u mill-metodoloġija ROSC. |
|
49 |
Minn dan jirriżulta, kif ġie kkonfermat mill-partijiet, li, fis-sens tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, it-tranżazzjonijiet ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit li għandhom effett transkonfinali huma, bħala prinċipju, it-tranżazzjonijiet kollha ta’ ridispaċċ u ta’ tpartit intiżi li jtaffu konġestjoni fuq elementi tan-network li għandhom effett transkonfinali. |
Analiżi tal‑kamp ta’ applikazzjoni
– Fuq il‑portata tal‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal‑ispejjeż ikkontestata
|
50 |
Skont ir-rikorrenti, għandhom jiġu esklużi mill-kondiviżjoni l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi attribwiti lill-elementi tan-network interni li ma humiex interkonnetturi jew, l-iktar l-iktar, elementi kritiċi tan-network. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ssostni li, fi kwalunkwe każ, il-konġestjonijiet fuq l-elementi tan-network li għandhom livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV huma konġestjonijiet interni, li ma jaqgħux fid-definizzjoni tal-konġestjonijiet bejn żoni fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
51 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti ssostnix ġustament li l-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi għandhiex tkun limitata għall-elementi kritiċi tan-network, kif jirriżultaw mill-metodoloġiji CCM, peress li dawn huma elementi li “[jillimitaw] l-ammont ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata”, skont il-punt 69 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943. Għaldaqstant, hija biss konġestjoni fuq dawn l-elementi li hija konġestjoni bejn iż-żoni, fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
52 |
L-ewwel nett, għandu jiġi eżaminat jekk l-elementi kritiċi tan-network humiex l-uniċi li huma ta’ rilevanza transkonfinali fis-sens tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222. |
|
53 |
Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata “tinkludi soluzzjonijiet ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż għal azzjonijiet ta’ rilevanza transfruntiera”. Barra minn hekk, l-Artikolu 74(4)(b) tal-istess regolament jistabbilixxi li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għandha tiddefinixxi “liema spejjeż, imġarrba mill-użu tar-ridispaċċ jew it-tpartit biex tiġi ggarantita ċ-ċertezza tal-kapaċità transżonali, huma eliġibbli għall-kondiviżjoni bejn [il-ĠRT] kollha tar-reġjun bil-kapaċità kkalkulata b’konformità mal-metodoloġija ta’ kalkolu tal-kapaċità”, f’dan il-każ ir-reġjun CORE. |
|
54 |
Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, hijiex kompatibbli mal-Artikolu 74(2) tar-Regolament 2015/1222, għandu jiġi eżaminat sa fejn l-azzjonijiet korrettivi li hija tfittex li tikkondividi l-ispejjeż tagħhom għandhom l-għan li jiżguraw l-eqreb kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni. |
|
55 |
Madankollu, għandu jitfakkar li r-Regolament 2015/1222 huwa att ta’ implimentazzjoni tar-Regolament 2019/943, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-networks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003 (ĠU 2009, L 211, p. 15), sussegwentement issostitwit bir-Regolament 2019/943. Dan huwa għalhekk regola ġuridika ġerarkikament superjuri u sussegwenti għar-Regolament 2015/1222. Ħlief fil-każ fejn is-sens tagħhom ikun ċar u nieqes minn ambigwità u għalhekk ma jeżiġi ebda interpretazzjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ regolament ta’ implimentazzjoni għandhom, jekk possibbli, jiġu interpretati konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku (sentenza tat‑28 ta’ Frar 2017, Canadian Solar Emea et vs Il‑Kunsill, T‑162/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:124, punt 150). L-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222 għandu għalhekk jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
56 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 la jiddefinixxi l-elementi tan-network li fuqhom l-azzjonijiet korrettivi huma intiżi li jtaffu l-konġestjoni bejn iż-żoni, u lanqas l-elementi tan-network li fuqhom għandhom jitqassmu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi sabiex itaffu l-konġestjonijiet bejn iż-żoni. |
|
57 |
Fl-istess sens, il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943 lanqas ma jispeċifika liema huma l-elementi tan-network li fuqhom iseħħu l-konġestjonijiet fiżiċi, inklużi dawk marbuta mal-kummerċ bejn żoni. |
|
58 |
L-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirrigwarda l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi attivati mill-ĠRT sabiex jiġu żgurati l-iskambji bejn iż-żoni u, sussegwentement, jeżiġi l-kondiviżjoni tal-imsemmija spejjeż bejn il-ĠRT skont sa fejn il-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għaż-żoni jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni. |
|
59 |
Konsegwentement, skont l-għan tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni, li, konformement mal-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, jippermetti sussegwentement li jiġi stabbilit jekk l-azzjonijiet korrettivi msemmija fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati għandhomx l-għan li jiżguraw l-għeluq tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, fis-sens tal-Artikolu 74(4)(b) tar-Regolament 2015/1222. |
|
60 |
It-tieni nett, għandu jiġi enfasizzat li, sabiex titwettaq tali analiżi intiża li jiġi ddeterminat liema azzjonijiet korrettivi jippermettu li jiġu żgurati l-iskambji bejn żoni u huma għalhekk ikkonċernati mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż, għandu jiġi spjegat ir-rwol tal-azzjonijiet korrettivi fil-kuntest tal-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, kif previst mill-metodoloġiji CCM, kif ukoll tal-proċess ta’ evalwazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali, kif stabbilit mill-metodoloġija ROSC, konformement mal-Artikolu 76(1)(b) tar-Regolament 2017/1485 (iktar ’il quddiem il-“proċess CROSA”). |
|
61 |
L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li l-proċess ta’ kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni jibda jumejn qabel il-kunsinna tal-elettriku u jintuża sabiex tiġi ddeterminata l-kwantità ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata bejn żoni, fil-kuntest tal-limiti ta’ sigurtà operazzjonali. |
|
62 |
Il-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità għandu jitwettaq biss fuq l-elementi kritiċi tan-network. Minn naħa, il-ĠRT jistgħu jillimitaw, qabel ma jinfetaħ is-suq, il-kwantità ta’ enerġija li tista’ tiġi skambjata mill-parteċipanti, sabiex jiġu osservati l-limiti tas-sigurtà operazzjonali. Min-naħa l-oħra, dan il-proċess juża wkoll l-azzjonijiet korrettivi, bħar-ridispaċċ u l-iskambju. Dawn l-azzjonijiet korrettivi, li jistgħu jiġu attivati sabiex tiġi mmassimizzata l-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni disponibbli, konformement mal-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943, jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-ĠRT, iżda għadhom ma humiex attivati. |
|
63 |
Fil-fatt, ebda azzjoni korrettiva ma hija attivata waqt il-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni u ma tiġġarrab ebda spiża. |
|
64 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li l-azzjonijiet korrettivi li jiswew ħafna tar-ridispaċċ u tat-tpartit, li huma s-suġġett ta’ din it-tilwima, iseħħu biss fil-kuntest tal-proċess CROSA, marbut mill-qrib mal-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni. |
|
65 |
Konformement mal-Artikolu 76(1)(b)(iii) tar-Regolament 2017/1485, li jirregola t-tħejjija kkoordinata tal-azzjonijiet korrettivi li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali, u kif jirriżulta mill-Artikolu 3(2)(b) tal-metodoloġija ROSC, il-proċess CROSA għandu l-għan li jikkoordina, jivvalida u jimplimenta l-azzjonijiet korrettivi li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali. Kif jirriżulta mill-Artikoli 5 u 9 tal-imsemmija metodoloġija ROSC, l-azzjonijiet korrettivi li għandhom impatt transkonfinali huma dawk kollha li jkunu mill-inqas kultant f’pożizzjoni li jindirizzaw il-ksur tal-limiti tal-kurrent fuq l-elementi tan-network li għandhom impatt transkonfinali, jiġifieri, bħala prinċipju, l-elementi kritiċi kollha tan-network meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, u l-elementi l-oħra kollha tan-network b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV. |
|
66 |
Bl-istess mod, skont il-premessa 12 u l-Artikolu 5(1) tal-metodoloġija ROSC, il-proċess CROSA jiżgura, bħala prinċipju, is-sigurtà operazzjonali tal-elementi kollha tan-network b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV wara l-għarfien tar-riżultati tas-suq u l-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni. F’dak iż-żmien, il-ĠRT għandhom informazzjoni fid-dettall dwar l-enerġija li ser tiġi injettata fi jew irtirata min-network. |
|
67 |
Il-proċess CROSA jibda bl-evalwazzjoni lokali tas-sigurtà operazzjonali, imwettqa minn kull ĠRT fin-network tiegħu, skont l-Artikolu 13 l-Artikolu 14(1) tal-metodoloġija ROSC, li jirriżulta fil-ħolqien, minn kull ĠRT, ta’ mudell ta’ network individwali. |
|
68 |
Sussegwentement, konformement mal-Artikolu 18 tal-metodoloġija ROSC, il-mudelli tan-network individwali għandhom jiġu pprovduti lill-koordinaturi reġjonali u ffużjonati minn dawn tal-aħħar bl-għan li jinħoloq mudell ta’ network komuni għall-ħinijiet kollha tal-ġurnata, li jinkludi “sett ta’ dejta tal-Unjoni […] li jiddeskrivi l-karatteristiċi […] tas-sistema tal-enerġija”, konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2015/1222. |
|
69 |
Meta fluss fuq element tan-network jeċċedi l-fluss massimu, jeħtieġ li titħejja u tiġi implimentata azzjoni korrettiva, sabiex jiġu rrispettati l-limiti tas-sigurtà operazzjonali. |
|
70 |
Kif jirriżulta mill-premessa 10 tal-metodoloġija ROSC, hija prevista ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi fil-kuntest tal-proċess CROSA. |
|
71 |
B’mod iktar partikolari, din l-ottimizzazzjoni fi ħdan il-proċess CROSA, deskritta fl-Artikolu 2(1)(p) tal-metodoloġija ROSC, timplika li jiġi ddeterminat b’mod konkret, matul kull iterazzjoni, liema konġestjoni fuq liema element ta’ network, kritiku jew mhux kritiku, għandha tiġi ġġestita b’mod ikkoordinat. |
|
72 |
Għalhekk, għal kull siegħa fil-mudell tan-network komuni, jiġi identifikat, fost l-azzjonijiet korrettivi kollha disponibbli tal-ĠRT, liema waħda hija l-iktar effikaċi u li tippreżenta l-aħjar relazzjoni bejn in-nefqa u l-effiċjenza, skont l-Artikolu 76(1)(b)(iii) tar-Regolament 2017/1485, u li tista’ ssolvi l-konġestjoni kollha fuq l-interkonnetturi kollha u fuq l-elementi kollha tan-network interni b’vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV fil-mudell tan-network komuni, u dan mingħajr ma jinħolqu oħrajn ġodda, skont l-Artikoli 20, 23 u 24 kif ukoll l-Artikolu 27(1) tal-metodoloġija ROSC. |
|
73 |
It-tielet nett, fid-dawl ta’ dak li ntqal, għandu jiġi analizzat jekk, kif irrilevat mir-rikorrenti, humiex biss l-ispejjeż li jirriżultaw mill-miżuri korrettivi fuq l-elementi kritiċi tan-network (u għaldaqstant, huma biss l-interkonnetturi jew, l-iktar l-iktar, l-elementi tan-network interni li għandhom koeffiċjent ta’ influwenza ugwali għal jew ogħla minn 5 % jew iktar), li għandhom jiġu inklużi fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. Għal dan l-għan, kif ġie sostnut fil-punt 59 iktar ’il fuq, għandu jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni. |
|
74 |
F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, is-sempliċi fatt li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati jiġu inklużi spejjeż ikkawżati mill-konġestjonijiet fuq l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV ma jistax imur kontra l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, peress li din id-dispożizzjoni timplika biss li jiġi ddeterminat liema konġestjonijiet għandhom jinħelsu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni. |
|
75 |
It-tieni nett, il-ĠRT jista’ juża livell massimu ta’ 30 % tal-kapaċità ta’ kull element kritiku tan-network sabiex itaffi l-konġestjonijiet fuq dan tal-aħħar, bil-kundizzjoni li, kif previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943, 70 % tal-imsemmija kapaċità tibqa’ disponibbli għall-kummerċ bejn żoni, skont il-paragrafi 1 u 8 tal-Artikolu 16 tar-Regolament 2019/943. |
|
76 |
Madankollu, il-fatt li l-konġestjonijiet jistgħu jittaffu bl-użu sa 30 % tal-kapaċità ta’ sottogrupp ta’ elementi ta’ network ma jimplikax li għandhom jinqasmu biss l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi mwettqa fuq dan is-sottogrupp ta’ elementi. |
|
77 |
It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li s-sodezza tal-kapaċità minima ta’ 70 % ta’ kull element kritiku ta’ network huwa żgurat bl-iktar mod effettiv bl-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi attivati fuq l-elementi tan-network kollha b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV. Għalhekk, din l-ottimizzazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi fuq l-elementi kollha tilħaq l-għanijiet tar-Regolament 2019/943, b’mod partikolari bis-sinjali tas-suq li jinkoraġġixxu l-effettività u s-sigurtà tal-provvista, konformement mal-Artikolu 1(a) tar-Regolament 2019/943. |
|
78 |
Din l-ottimizzazzjoni tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, u b’hekk tippermetti li jiġi limitat it-tnaqqis tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, kif jirriżulta mill-Artikolu 16(4) tar-Regolament 2019/943. |
|
79 |
Ir-raba’ nett, meta l-azzjonijiet korrettivi attivati minn ĠRT fuq l-elementi interni li ma humiex elementi kritiċi tan-network jagħmlu parti mis-soluzzjoni ottimali neċessarja sabiex jittaffew ukoll il-konġestjonijiet fuq elementi kritiċi tan-network, l-ispejjeż relatati mal-ewwel elementi għandhom jinqasmu bejn il-ĠRT bl-istess mod bħal dawk relatati mat-tieni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ inklużjoni tal-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż iwassal għal limitazzjoni mhux iġġustifikata, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jeżiġi l-kondiviżjoni tal-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet korrettivi attivati sabiex tiġi riżolta konġestjoni bejn iż-żoni, bl-eċċezzjoni tal-ispejjeż relatati mal-flussi li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza. |
|
80 |
Jekk il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tkun limitata għall-elementi kritiċi tan-network, din issir inċerta, peress li l-ispejjeż marbuta mal-ġestjoni tal-konġestjonijiet jinqasmu b’mod differenti skont l-element li fuqu tiġi attivata azzjoni korrettiva. Kif tosserva ġustament l-ACER, dan iwassal għal diskriminazzjoni bejn id-diversi elementi tan-network u, għalhekk, bejn il-ĠRT proprjetarji ta’ dawn l-elementi, li ma hijiex prevista mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
81 |
Għaldaqstant, il-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti, deskritti fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jnaqqsu l-kapaċità ta’ skambju bejn żoni fuq l-elementi kritiċi tan-network, ma jistgħux jiġu ttrattati b’mod differenti, fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż, meta dawn il-flussi jgħaddu minn elementi mhux kritiċi ta’ network. L-azzjonijiet korrettivi attivati fuq dawn iż-żewġ gruppi ta’ elementi huma ottimizzati sabiex jiġu solvuti l-problemi relatati mal-konġestjonijiet. |
|
82 |
Il-ħames nett, l-azzjonijiet korrettivi attivati fuq elementi mhux kritiċi tan-network jistgħu xi drabi jsolvu l-konġestjonijiet fuq l-elementi kritiċi tan-network, kif tosserva l-ACER, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali. |
|
83 |
Għalhekk, meta dawn l-azzjonijiet korrettivi jistgħu jgħinu biex jissolvew tali konġestjonijiet fuq elementi kritiċi tan-network, l-ispejjeż tagħhom għandhom jiġu kondiviżi, f’konformità mal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. Min-naħa l-oħra, jekk dawn ma jistgħux jikkontribwixxu, f’mument partikolari, sabiex tiġi solvuta konġestjoni fuq l-elementi kritiċi tan-network, dan ma jimplikax li l-elementi li fuqhom jiġu attivati l-azzjonijiet korrettivi jitilfu r-rabta tagħhom mal-kummerċ bejn iż-żoni. Fil-fatt, minn naħa, dawn l-azzjonijiet korrettivi madankollu ntgħażlu fil-kuntest tal-proċess CROSA, fid-dawl tal-konġestjonijiet u l-azzjonijiet korrettivi l-oħra, sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni fil-livell reġjonali. Min-naħa l-oħra, din il-konġestjoni, sa fejn hija kkawżata minn fluss transkonfinali, jiġifieri fluss cirkolari, hija ta’ rilevanza transkonfinali. |
|
84 |
Barra minn hekk, kif previst fil-premessa 35 tar-Regolament 2019/943, f’suq miftuħ u kompetittiv, il-ĠRT għandhom ikunu kkumpensati għall-ispejjeż imġarrba b’konsegwenza tal-passaġġ tal-flussi transkonfinali tal-elettriku fuq in-networks tagħhom mill-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni li minnhom joriġinaw flussi transkonfinali u tas-sistemi fejn jaslu dawn il-flussi. |
|
85 |
Għalhekk, il-miżuri korrettivi fuq l-elementi kollha tan-network inklużi fil-proċess CROSA huma potenzjalment rilevanti għall-kummerċ bejn iż-żoni, skont l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, u dan indipendentement mill-koeffiċjent ta’ influwenza tagħhom, peress li dan huwa kunċett meħud mill-metodoloġiji CCM, li ma jistax jiddetermina l-kondiviżjoni tal-ispejjeż skont l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
86 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-ĠRT jistabbilixxu li element mhux kritiku ta’ network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV qatt ma jista’ jkun utli sabiex tiġi żgurata s-sigurtà reġjonali u sabiex jiġi żgurat l-għeluq tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni allokati, huma jistgħu jeskluduh mill-proċess CROSA, skont l-Artikolu 5(1)(b) u l-Artikolu 7(3)(b) tal-metodoloġija ROSC, u, konsegwentement, mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
87 |
Is-sitt nett, fir-rigward tal-premessa 12 tar-Regolament 2015/1222, li teżiġi l-koordinazzjoni bejn l-azzjonijiet korrettivi transkonfinali u interni, għandu jiġi enfasizzat li l-azzjonijiet korrettivi kollha fil-kuntest tal-proċess CROSA għandhom impatt transkonfinali, filwaqt li l-azzjonijiet korrettivi l-oħra kollha huma interni. Għalhekk, il-proċess CROSA jiżgura l-koordinazzjoni mal-azzjonijiet korrettivi interni u jiżgura wkoll is-sigurtà tal-elementi tan-network “interni”. |
|
88 |
Fin-nuqqas ta’ ġestjoni kkoordinata mill-proċess CROSA, hemm riskju ta’ ksur tas-sigurtà operazzjonali, li jipperikola l-kummerċ bejn iż-żoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-funzjonament tan-network huwa kundizzjoni indispensabbli għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, peress li l-elettriku jista’ jiġi pprovdut liċ-ċittadini tal-Unjoni biss permezz tan-network, konformement mal-premessa 2 tar-Regolament 2015/1222. |
|
89 |
Għaldaqstant, il-konġestjonijiet “bejn iż-żoni” huma l-konġestjonijiet kollha li bħalissa huma ġestiti b’mod ikkoordinat fil-qafas tal-proċess CROSA fir-reġjun CORE. Konsegwentement, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” għandu japplika għall-ispejjeż ta’ din il-ġestjoni koordinata. |
|
90 |
Għandu jiġi enfasizzat li l-koordinazzjoni u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma jiddependux fuq il-kwistjoni dwar jekk hemmx skambju jew fluss allokat partikolari fuq element tan-network f’mument partikolari, peress li l-azzjonijiet korrettivi kollha attivati fuq l-elementi kollha tan-network, kritiċi u mhux kritiċi, b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV, potenzjalment jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw il-kummerċ bejn iż-żoni, filwaqt li l-kontribut konkret tagħhom għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ jista’ jvarja skont, b’mod partikolari, it-topoloġija tan-network, il-kundizzjonijiet tas-suq u l-programmi partikolari ta’ produzzjoni u ta’ konsum. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġu esklużi mill-ewwel l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati. |
|
91 |
Is-seba’ nett, kif jirriżulta mill-punt 167 tad-Deċiżjoni kkontestata, u mingħajr ma dan ġie kkontestat mill-partijiet, l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV tqiesu bħala elementi li għandhom effett transkonfinali sa fejn dawn l-elementi ma kinux strutturalment konġestjonati fin-nuqqas ta’ skambju ta’ enerġija. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-imsemmi punt, il-ĠRT kollha tar-reġjun CORE qiesu, fin-nota ta’ spjega tal-metodoloġija ROSC, li dawn l-elementi kienu l-iktar rilevanti għall-proċess CROSA. |
|
92 |
F’dan ir-rigward, mill-paġna 8 tan-nota ta’ spjega tal-metodoloġija ROSC, li dwarha l-partijiet kellhom l-okkażjoni jesprimu ruħhom waqt is-seduta, jirriżulta li l-ĠRT qiesu li l-elementi tan-network l-iktar rilevanti għall-proċess CROSA kienu l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ta’ 220 kV u ta’ 380 kV, “peress li dawn l-elementi [kienu] jintużaw sabiex jiffaċilitaw l-iskambju tal-enerġija bejn iż-żoni tal-offerti fis-sistema tal-enerġija Ewropea”. |
|
93 |
Fin-nota ta’ spjegazzjoni tal-metodoloġija ROSC, il-ĠRT spjegaw li l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ogħla minn jew ugwali għal 220 kV jiffaċilitaw l-iskambji tal-enerġija bejn żoni tal-offerti fis-sistema tal-enerġija Ewropea. Madankollu, il-ĠRT ma stabbilixxewx liema elementi għandhom jitqiesu fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi. |
|
94 |
Barra minn hekk, il-livell ta’ vultaġġ ta’ 220 kV intgħażel fir-reġjun CORE minħabba n-nisġa partikolarment densa tiegħu, filwaqt li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 ma jipprekludix li jintgħażlu soluzzjonijiet oħra, kif ġie ċċarat waqt is-seduta. |
|
95 |
Barra minn hekk, il-kondiviżjoni tal-ispejjeż f’dan il-kuntest huwa neċessarju għat-twettiq ta’ suq tal-elettriku integrat fil-livell Ewropew. |
|
96 |
A fortiori, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati ma huwiex iddefinit ġeografikament u ma jistax ikun limitat biss għall-elementi tan-network li jinsabu fuq il-fruntiera bejn żewġ żoni tal-offerti, jew għall-interkonnetturi li jorbtu n-networks tal-Istati Membri. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punt 59 iktar ’il fuq, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jeżiġi li jiġi identifikat liema konġestjonijiet għandhom jittaffu b’mod ikkoordinat sabiex jiġi żgurat il-kummerċ bejn iż-żoni. |
|
97 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikorrenti ssostni b’mod żbaljat li d-Deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, peress li huma biss l-interkonnetturi jew, l-iktar l-iktar, l-elementi kritiċi tan-network li għandhom jiġu inklużi fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
98 |
Fir-reġjun CORE, il-konġestjonijiet kollha mtaffa mill-azzjonijiet korrettivi attivati konformement mal-metodoloġija ROSC, kif stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER u kkonfermata bid-Deċiżjoni kkontestata, jikkorrispondu għal “konġestjonijiet bejn […] iż-żoni” msemmija fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
99 |
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fir-reġjun CORE, l-azzjonijiet korrettivi kollha attivati konformement mal-metodoloġija ROSC, kif stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 33/2020 tal-ACER, jikkontribwixxu sabiex tiġi żgurata s-sodezza tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, konformement mal-Artikolu 74(4)(b) tar-Regolament 2015/1222. |
|
100 |
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni kkontestata lanqas ma tista’ titqies li tmur kontra l-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222, interpretat konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Il-Bord tal-Appell għalhekk ġustament ċaħad l-appell ippreżentat kontra l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati. |
|
101 |
L-argumenti mqajma mir-rikorrenti kontra d-Deċiżjoni kkontestata ma jistgħux jinvalidaw din il-konklużjoni. |
|
102 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li biss konġestjoni fuq interkonnettur jew, l-iktar l-iktar, fuq element mhux kritiku tan-network hija konġestjoni li l-ispejjeż tagħha jistgħu jitqassmu abbażi tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, l-unika sitwazzjoni li fiha l-ispejjeż relatati mal-elementi mhux kritiċi tan-network jitqassmu skont din id-dispożizzjoni hija dik fejn il-konġestjoni fuq dawn l-elementi tkun ikkawżata minn flussi ċirkolari, kif deskritti fil-punt 37 iktar ’il fuq, li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza msemmi fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
103 |
Skont il-premessa 6 tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati, il-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza huma l-fattur prinċipali ta’ konġestjonijiet li huwa s-suġġett ta’ kondiviżjoni tal-ispejjeż. Dan jirriżulta mill-konstatazzjoni li l-konġestjonijiet ikkawżati minn flussi interni huma sostnuti mill-proprjetarju tal-element tan-network ikkonġestjonat, filwaqt li, kif jirriżulta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ispejjeż ikkawżati minn flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti għandhom jinqasmu proporzjonalment bejn ĠRT. |
|
104 |
Fluss ċirkolari huwa “fluss transkonfinali”, fis-sens tal-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, jiġifieri “fluss fiżiku tal-elettriku fuq network ta’ trażmissjoni ta’ Stat Membru, li jirriżulta mill-impatt tal-attività tal-produtturi, tal-konsumaturi, jew it-tnejn li huma, barra dak l-Istat Membru fuq in-network ta’ trażmissjoni tiegħu”, li ma huwiex limitat għall-elementi kritiċi tan-network. |
|
105 |
Għaldaqstant, konġestjoni kkawżata minn fluss transkonfinali, bħal fluss ċirkolari, ma tistax tiġi kklassifikata bħala konġestjoni li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
106 |
Barra minn hekk, jekk konġestjoni fuq element mhux kritiku ta’ network tkun ikkawżata biss minn flussi interni, l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li tiġi ttrattata din il-konġestjoni jiġu sostnuti, fi kwalunkwe każ, mill-proprjetarju tal-imsemmi element tan-network, konformement mal-Artikolu 76(1)(b)(v) tar-Regolament 2017/1485. B’hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” jibqa’ l-eċċezzjoni għar-regola, peress li dan il-prinċipju japplika biss, de facto, għall-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, filwaqt li l-prinċipju ta’ “min huwa s-sid iħallas” japplika għal flussi oħra, bħalma huma l-flussi tan-network li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, u l-flussi interni. |
|
107 |
Barra minn hekk, konġestjoni li ma tkunx konġestjoni “bejn iż-żoni” fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, hija dik li tidher fl-elementi tan-network esklużi mill-koordinazzjoni reġjonali tas-sigurtà operazzjonali, għaliex dan ikun ġie deċiż mill-ĠRT, jew għaliex dawn ikunu elementi esklużi mill-bidu mill-koordinazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi, jiġifieri l-elementi tan-network li għandhom livell ta’ vultaġġ inqas minn 220 kV. |
|
108 |
It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-unika eċċezzjoni għar-regola tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 li tgħid li l-ispejjeż marbuta mal-azzjonijiet korrettivi relatati mal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti għandhom ikunu kondiviżi hija dik relatata mal-imsemmija flussi li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, li għalihom l-ispejjeż għandhom jiġu sostnuti mill-proprjetarju tal-element tan-network ikkonġestjonat. |
|
109 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-leġiżlatur ma riedx jeskludi grupp ta’ elementi tan-network mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż, peress li huwa ppreveda, fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-kondiviżjoni tal-ispejjeż prodotti mis-solliev ikkoordinat tal-konġestjonijiet bejn iż-żoni. |
|
110 |
Bl-istess mod, il-fatt li l-Artikolu 76(1)(b)(v) tar-Regolament 2017/1485 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati metodoloġiji oħra intiżi għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż marbuta mad-diversi azzjonijiet korrettivi msemmija fl-Artikolu 22 tal-imsemmi regolament, li jikkompletaw skont il-każ il-metodoloġija komuni żviluppata skont l-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222, ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li huwa, barra minn hekk, regola ta’ livell superjuri. |
|
111 |
It-tielet nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, imur kontra l-Artikolu 290(1) u fl-Artikolu 291 TFUE jew ma għandux bażi legali, sa fejn l-ACER estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni previst mil-leġiżlazzjoni. |
|
112 |
B’mod partikolari, l-azzjonijiet korrettivi kkoordinati fuq l-elementi tan-network b’livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV għandhom jippermettu l-kummerċ bejn iż-żoni, jgħinu sabiex tiġi evitata l-limitazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni u jiżguraw is-sodezza tal-imsemmija kapaċità, u dan konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
113 |
Bl-istess mod u peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata huwa konformi mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER ma tistax tiġi kkritikata li wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha lil hinn mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, meta bbażat ruħha fuq il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. |
|
114 |
Bl-istess mod, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq ksur tal-prinċipji dwar id-delega ta’ setgħat stabbilita fis-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L‑Awtorità Għolja (9/56, EU:C:1958:7, p. 9). |
|
115 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ACER hija aġenzija tal-Unjoni, maħluqa mil-leġiżlatur waqt l-adozzjoni tar-Regolament 2019/942. Kif huwa indikat, ġustament, fil-punti 1151 sa 1158 tad-Deċiżjoni kkontestata, is-setgħat tagħha għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni bħall-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata huma rregolati mill-imsemmi regolament, b’mod partikolari mill-Artikolu 6 tiegħu, kif ukoll mill-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222 u mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
116 |
Kif jirriżulta mill-punt 10 iktar ’il fuq, l-ACER iddikjarat ruħha kompetenti li tadotta deċiżjoni minħabba l-fatt li l-ARN tar-reġjun CORE ma kinux waslu għal ftehim dwar il-proposta ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ippreżentata mill-ĠRT, konformement mal-Artikolu 5(3) u mal-Artikolu 6 tar-Regolament 2019/942 u mal-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. |
|
117 |
Is-setgħat li l-ACER kellha sabiex tadotta l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata huma għalhekk iddelineati b’mod preċiż u, konformement mal-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament 2019/942, jistgħu jiġu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti mill-Kummissjoni fir-Regolament 2015/1222 kif ukoll mil-leġiżlatur fir-Regolament 2019/943 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2014, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill, C‑270/12, EU:C:2014:18, punt 53). |
|
118 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament ċaħad l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. |
|
119 |
Ir-raba’ nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ibbażat fuq l-oriġini leġiżlattiva tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jgħid li l-leġiżlatur ried jeskludi mill-kondiviżjoni bejn il-ĠRT l-ispejjeż li jirriżultaw mill-azzjonijiet korrettivi mwettqa fuq l-elementi li jinsabu ġewwa ż-żoni meta huwa rrifjuta li jemenda, waqt ir-redazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-formulazzjoni tiegħu billi jissostitwixxi “l-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti” bil-“konġestjoni osservata bejn u ġewwa ż-żoni tal-offerti”. |
|
120 |
F’dan ir-rigward, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tistax tibbaża ruħha fuq dokumenti dwar it-trilogu leġiżlattiv sabiex tistabbilixxi r-rieda tal-leġiżlatur waqt l-adozzjoni tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-eventwali rifjut li jiġu inklużi espressament il-konġestjonijiet ġewwa żona ma huwiex determinanti għall-kwistjoni dwar liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kontribuzzjonijiet għall-konġestjonijiet “bejn żewġ żoni”. |
|
121 |
Kif jirriżulta mill-punti 56 sa 59 u 109 iktar ’il fuq, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 ma jiddefinixxix l-elementi tan-network li fuqhom għandhom jiġu kondiviżi l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi intiżi li jtaffu l-konġestjonijiet bejn iż-żoni, li ma jimplikax li l-leġiżlatur ried jeskludi grupp ta’ elementi tan-network mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
122 |
Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti tar-rikorrenti li skonthom għandhom jiġu esklużi l-elementi tan-network interni mill-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata abbażi tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u tal-Artikolu 74 tar-Regolament 2015/1222. |
– Fir‑rigward tal‑inċentivi dderivati mill‑inklużjoni tal‑elementi tan‑network interni fil‑kamp ta’ applikazzjoni tal‑metodoloġija għall‑kondiviżjoni tal‑ispejjeż ikkontestata
|
123 |
Għandu jiġi rrilevat li l-inklużjoni tal-elementi kollha tan-network intern, inklużi dawk li għandhom livell ta’ vultaġġ ugwali għal jew ogħla minn 220 kV, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-metodoloġija għat-tqassim tal-ispejjeż ikkontestati ma tinvolvix inċentivi li jmorru kontra l-għanijiet tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
124 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprevedi l-obbligu għall-ĠRT li jsostnu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi marbuta mal-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni li jikkontribwixxu għall-konġestjoni osservata bejn żewġ żoni tal-offerti li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza. Dan jinkoraġġixxi lill-ĠRT jiżviluppaw in-network tagħhom sabiex ikunu jistgħu jilqgħu tali flussi, meta ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, li jikkorrispondi għal-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti. |
|
125 |
Min-naħa l-oħra, il-kuntest ġuridiku rilevanti ma jipprevedix l-obbligu għall-ĠRT li jiżviluppaw in-networks tagħhom sabiex jilqgħu l-flussi ċirkolari ’il fuq mil-livell ta’ tolleranza msemmi fil-punt 124 iktar ’il fuq. Fil-fatt, dawn il-flussi huma, min-natura tagħhom, imprevisti u imprevedibbli u l-ĠRT li jilqa’ dawn il-flussi ma għandux influwenza fuq dawn tal-aħħar. |
|
126 |
Għandu jiġi nnotat, fuq dan il-punt, li, kif indikat fil-premessa 27 tar-Regolament 2019/943, it-tnaqqis tar-riperkussjonijiet tal-fluss ċirkolari u tal-konġestjonijiet interni fuq il-kummerċ bejn iż-żoni jinsab fost l-għanijiet prinċipali tal-leġiżlatur Ewropew fl-istabbiliment ta’ dan il-qafas regolatorju. |
|
127 |
Bl-istess mod, mill-paġna 59 tal-analiżi tal-impatt tal-Kummissjoni, tat‑30 ta’ Novembru 2016, imwettqa fil-kuntest tat-tfassil tal-pakkett leġiżlattiv “Énergie” (SWD(2016) 410), jirriżulta li l-flussi ċirkolari jistgħu jnaqqsu l-kapaċità ta’ skambju bejn żoni u jwasslu għal ridispaċċ barra mis-suq, li jiswa ħafna flus kif ukoll għal distorsjonijiet sinjifikattivi tal-prezzijiet u għal sinjali ta’ investiment fiż-żoni tal-viċinanza. Dan iwassal għal telf sinjifikattiv ta’ prosperità. |
|
128 |
Barra minn hekk, l-esklużjoni tal-elementi mhux kritiċi tan-network twassal sabiex il-ĠRT li joħroġ il-flussi ċirkolari ma jkunx inċentivat jinvesti b’mod suffiċjenti fin-network tiegħu, peress li ma jsostnix l-ispiża totali tal-azzjonijiet korrettivi neċessarji sabiex jiġu solvuti l-konġestjonijiet li huwa kkawża. Fil-fatt, huwa biss dan il-ĠRT, li għandu l-għarfien u r-responsabbiltà tan-network tiegħu, li jista’ jadotta miżuri oħra neċessarji, bħar-rikonfigurazzjoni taż-żona jew l-investimenti fin-network tiegħu. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 35(5) tar-Regolament 2019/943, kull ĠRT huwa responsabbli għan-network tiegħu u, għaldaqstant, il-problemi interni tiegħu ma għandhomx ikunu r-responsabbiltà tal-ĠRT tal-viċinanza. |
|
129 |
Barra minn hekk, jekk kull wieħed miż-żewġ ĠRT responsabbli u tal-viċinanza jiġi inċentivat jinvesti fin-network tiegħu stess, sabiex jilqa’, jew sabiex inaqqas il-flussi ċirkolari, dan iwassal, fl-assenza ta’ koordinazzjoni bejn dawn iż-żewġ ĠRT, għal investiment eċċessiv u għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, kif ġie invokat b’mod rilevanti mill-ACER fil-punt 261 tar-risposta tagħha. |
|
130 |
Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi osservat li ĠRT ma tistax tiġi eżentata mill-ispejjeż li tikkawża lill-ĠRT l-oħra fuq l-elementi mhux kritiċi tan-networks tagħhom bil-flussi ċirkolari tagħhom li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, anki jekk l-azzjonijiet korrettivi fuq dawn l-elementi jikkontribwixxu sabiex jiżguraw il-kummerċ bejn iż-żoni. |
|
131 |
Barra minn hekk, tali approċċ imur kontra l-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
132 |
Il-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika jinkludi drittijiet u obbligi, kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri, peress li l-Unjoni hija marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà fir-rigward tal-Istati Membri u dawn tal-aħħar marbuta b’obbligu ta’ solidarjetà bejniethom u fir-rigward tal-interess komuni tal-Unjoni u tal-politiki mwettqa minnha (sentenza tal‑15 ta’ Lulju 2021, Il‑Ġermanja vs Il‑Polonja, C‑848/19 P, EU:C:2021:598, punt 49). |
|
133 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ solidarjetà enerġetika li l-ĠRT li jemettu flussi ċirkolari li jgħaddu minn żoni oħra ta’ sottomissjoni tal-offerti jkunu jistgħu jevadu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, attivati fl-interess komuni sabiex jottimizzaw il-kapaċità ta’ skambju bejn żoni, billi jiżguraw, fl-istess ħin, bl-iktar mod effikaċi possibbli, is-sigurtà tan-network, li jibbenefikaw minnha l-ĠRT kollha kif ukoll, għaldaqstant, il-konsumaturi tal-elettriku. |
|
134 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq ir‑raba’ motiv, dwar il‑prijoritizzazzjoni tal‑flussi
|
135 |
Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata tintroduċi b’mod żbaljat, fl-Artikolu 7(6)(a) tagħha, prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari, bħala sors ta’ konġestjoni, meta mqabbla mal-flussi interni, li twassal għal penalizzazzjoni ta’ dawn il-flussi. |
|
136 |
Skont ir-rikorrenti, it-teħid inkunsiderazzjoni prijoritarju tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni fid-determinazzjoni tal-kawżi tal-konġestjonijiet jikser il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, joħloq inċentivi ħżiena u huwa inkompatibbli mal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ nondiskriminazzjoni. |
|
137 |
Fl-ewwel lok, it-teħid inkunsiderazzjoni prijoritarju tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni fil-kondiviżjoni tal-ispejjeż imur kontra l-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” stabbilit fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Fil-fatt, il-flussi ċirkolari u l-flussi interni jikkontribwixxu fiżikament bl-istess mod u fl-istess mument għall-konġestjoni ta’ elementi tan-network. Għalhekk, il-ĠRT taż-żoni tal-offerti li jiġġeneraw il-flussi ċirkolari ul-ĠRT taż-żoni li joħolqu l-flussi interni għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi fi proporzjon mal-kontribuzzjoni rispettiva tagħhom għall-konġestjoni. Il-prijorità mogħtija lill-flussi ċirkolari fuq il-flussi interni tmur kontra dan il-prinċipju. |
|
138 |
Fit-tieni lok, it-teħid inkunsiderazzjoni prijoritarju tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni joħloq, skont ir-rikorrenti, inċentivi ħżiena, kemm għall-ĠRT tan-networks fil-konġestjoni kif ukoll għal dawk taż-żona tal-offerti li tiġġenera l-flussi ċirkolari. |
|
139 |
Fit-tielet lok, skont ir-rikorrenti, id-Deċiżjoni kkontestata tikser ukoll il-prinċipju ta’ ekwità kif ukoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Il-flussi interni u ċirkolari illeġittimi huma “kundannabbli” sal-istess grad, skont il-kriterji tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-għan imfittex mir-Regolamenti 2019/943 u 2015/1222, li jgħid li kondiviżjoni tal-ispejjeż għandha tiġi stabbilita skont il-kontribuzzjoni għall-konġestjoni. |
|
140 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
141 |
L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, kif sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
142 |
Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-allokazzjoni tal-ispejjeż għandha ssir “fuq il-bażi tal-kontribuzzjoni għall-konġestjoni”. |
|
143 |
Skont l-Artikolu 7(6) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, il-kontribuzzjoni għall-konġestjoni tat-tipi differenti ta’ flussi hija ddeterminata kif ġej. |
|
144 |
Il-“piż żejjed” fuq l-element tan-network ikkonċernat jiġi identifikat. Il-piż żejjed jikkorrispondi, bħala prinċipju, għall-volum tal-flussi li jeċċedi l-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat. |
|
145 |
Barra minn hekk, tiġi stabbilita ordni ta’ prijorità bejn it-tipi differenti ta’ flussi. Skont din l-ordni ta’ prijorità, il-flussi ċirkolari konġestjonanti li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza jiġu identifikati, fl-Artikolu 7(6)(a) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, bħala li jikkontribwixxu fl-ewwel linja għall-eventwali piż żejjed, filwaqt li l-flussi interni konġestjonanti jiġu identifikati, fl-Artikolu 7(6)(b) ta’ din l-istess metodoloġija, bħala t-tieni kontributur għall-imsemmi piż żejjed. Skont din l-ordni ta’ prijorità, isegwu l-flussi taċ-ċirku konġestjonanti li joriġinaw minn reġjuni oħra ta’ kalkolu tal-kapaċità, il-flussi ċirkolari konġestjonanti li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, il-flussi allokati konġestjonanti u l-flussi konġestjonanti trasformaturi. |
|
146 |
Il-flussi kollha “jikkontribwixxu” għall-piż żejjed biss jekk jeċċedu l-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat. |
|
147 |
B’hekk, jekk il-flussi interni, flimkien mal-flussi l-oħra li huma ta’ grad inferjuri fil-lista ta’ prijorità, jeċċedu l-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat u jekk, barra minn hekk, ikun hemm flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, il-parti tal-ispejjeż relatati mal-flussi interni u mal-flussi ċirkolari tiġi ddeterminata skont id-daqs ta’ dawn il-flussi li jeċċedu l-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat, skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita fl-Artikolu 7(6) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. |
|
148 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi ta’ spjegazzjoni li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti, li jipprovdu li l-prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari meta meta mqabbla mal-flussi interni li jirriżultaw mill-ordni ta’ prijorità stabbilit fl-Artikolu 7(6) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jipprovdi li l-kondiviżjoni tal-ispejjeż għandha ssir “skont il-kontribuzzjoni għall-konġestjoni” u, għaldaqstant, skont il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”. |
|
149 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li interpretazzjoni letterali tal-kliem “skont [il-]kontribuzzjoni għall-konġestjoni” hija konċiljabbli kemm mal-approċċ adottat fil- metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kif ukoll ma’ dak difiż mir-rikorrenti. Fil-fatt, dan il-kliem jista’ jinftiehem fis-sens li “kontribuzzjoni” għall-konġestjoni teżisti biss mill-mument meta tinqabeż il-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat. Barra minn hekk, hemm lok li jitqies li interpretazzjoni letterali tat-termini “skont [il-]kontribuzzjoni għall-konġestjoni” tippermetti li jiġi previst ordni ta’ prijorità bejn it-tipi ta’ fluss differenti, sabiex jiġu kondiviżi bejniethom l-ispejjeż skont il-kontribuzzjoni għall-konġestjoni. |
|
150 |
Min-naħa l-oħra, huwa wkoll possibbli, f’sens strettament kawżali, li l-kliem “skont il-kontribuzzjoni għall-konġestjoni” jinftiehem fis-sens li l-flussi kollha fuq l-element tan-network ikkonċernat “jikkontribwixxu” bl-istess mod għall-konġestjoni eventwali. |
|
151 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi eżaminat jekk il-prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari hijiex iġġustifikata fid-dawl tan-natura differenti tagħhom meta mqabbla mal-flussi interni jew jekk, kif issostni r-rikorrenti, differenzazzjoni u, għaldaqstant, prijoritizzazzjoni hijiex ammissibbli. |
|
152 |
Skont ir-rikorrenti, minn diversi dispożizzjonijiet jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni jqiegħed il-flussi interni u l-flussi ċirkolari fuq livell ugwali, li jipprojbixxi, taħt piena ta’ ksur tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ nondiskriminazzjoni, li jiġu ttrattati b’mod differenti waqt l-allokazzjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi. |
|
153 |
F’dan ir-rigward, huwa minnu li għandu jiġi osservat, kif jirriżulta mill-premessa 27 tar-Regolament 2019/943, li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu l-ħsieb li jevita li l-kapaċità ta’ skambju bejn żoni tkun limitata minħabba l-flussi interni u l-flussi ċirkolari u b’hekk stabbilixxa, fl-Artikolu 16(8) ta’ dan ir-regolament, livell massimu ta’ 30 % tal-kapaċità ta’ kull element kritiku tan-network li jista’ jintuża, b’mod partikolari, sabiex jiġu ġestiti konġestjonijiet ikkawżati mill-flussi interni u mill-flussi ċirkolari. |
|
154 |
Madankollu, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jintroduċi huwa stess, f’dan ir-rigward, distinzjoni bejn il-flussi interni u l-flussi ċirkolari. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi d-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza għall-“flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni għaż-żoni tal-offerti li huma inqas mil-livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti”. Anki jekk dan ma jirriżultax espressament mit-test tal-Artikolu 16(3) tal-imsemmi regolament, dan il-livell ta’ tolleranza jidher li għandu jiġi ddeterminat biss għall-flussi ċirkolari, peress li skont it-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, dan il-livell huwa ddefinit għal kull fruntiera ta’ żona tal-offerti. |
|
155 |
Barra minn hekk, anki fin-nuqqas ta’ konġestjoni strutturali, il-flussi ċirkolari jkunu, sa ċertu punt, inevitabbli f’sistema tal-elettriku interkonnessa (ara l-punt 180 ’il quddiem). Huwa għalhekk li d-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari għandha l-għan li teskludi tali flussi mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-azzjonijiet korrettivi. |
|
156 |
Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, billi jipprevedi l-istabbiliment ta’ livell ta’ tolleranza għall-flussi tan-network, jittratta dawn il-flussi b’mod differenti mill-flussi interni. |
|
157 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu ttrattati b’mod differenti, għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, il-flussi interni u l-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza, peress li tali differenzazzjoni tidher iġġustifikata fid-dawl tan-natura differenti tagħhom, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni. |
|
158 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, skont l-Artikolu 40(1)(a) tad-Direttiva 2019/944, kull ĠRT huwa responsabbli “biex jiżgura l-kapaċità tas-sistema li twieġeb għal talbiet raġonevoli għat-trasmissjoni tal-elettriku, biex topera, iżżomm u tiżviluppa sistemi ta’ trasmissjoni siguri, affidabbli u effiċjenti fuq bażi ekonomikament aċċettabbli”. |
|
159 |
Għalhekk, il-ĠRT għandhom ibatu l-ispejjeż tal-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-network li jimmaniġġjaw kif ukoll l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, bl-esklużjoni biss tal-azzjonijiet korrettivi li fir-rigward tagħhom tapplika kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
160 |
Kif tfakkar fil-punt 133 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020, in-networks tal-elettriku, minn perspettiva storika, inħolqu sabiex jippermettu flussi interni u din il-funzjoni għadha, illum il-ġurnata, waħda mir-raġunijiet għal dawn in-networks. Għalhekk, il-flussi interni jikkostitwixxu l-funzjoni bażika ta’ network tal-elettriku. |
|
161 |
Bil-ħolqien tas-suq komuni tal-elettriku, in-networks infetħu, sabiex jippermettu kummerċ transkonfinali tal-elettriku, u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tobbliga lill-ĠRT, billi jirrikorru għan-networks tagħhom, jiżguraw dan il-kummerċ. |
|
162 |
Għaldaqstant, id-dehra tal-flussi ċirkolari hija, sa ċertu punt, konsegwenza inevitabbli, għalkemm mhux mixtieqa, tal-interkonnessjoni tan-networks tal-elettriku li jaħdmu skont mudell zonal, bħal dak tar-reġjun CORE. |
|
163 |
Barra minn hekk, kuntrarjament għall-flussi interni u għall-flussi transkonfinali allokati fil-kuntest tal-allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn iż-żoni, ma hemm l-ebda interess li l-flussi ċirkolari jgħaddu min-networks ġirien interkonnessi u jwasslu għal konġestjonijiet. |
|
164 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju u sabiex jiġi evitat ir-riskju li ma jiġix osservat l-obbligu, stabbilit mill-Artikolu 74(6)(c) tar-Regolament 2015/1222, li tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż, il-ĠRT ma jistgħux jiġu obbligati jsostnu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi relatati mal-flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza li jgħaddu min-networks tagħhom. |
|
165 |
Peress li l-flussi ċirkolari huma, sa ċertu punt, inevitabbli f’sistema tal-elettriku interkonnessa b’ħafna nisġa, il-livell ta’ tolleranza, li għandu jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, għandu jinftiehem bħala l-“limitu ta’ sagrifiċċju” sa fejn l-ispejjeż li jirriżultaw mill-kontribuzzjoni tal-flussi ċirkolari għall-konġestjonijiet għandhom jiġu sostnuti mill-ĠRT responsabbli mill-elementi tan-network ikkonċernati. |
|
166 |
B’hekk, ’il fuq mil-livell ta’ tolleranza, ma teżistix ġustifikazzjoni sabiex il-ĠRT jiġu obbligati jbatu l-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi relatati mal-flussi ċirkolari li jgħaddu min-networks tagħhom. |
|
167 |
Minn dan jirriżulta li l-prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari meta mqabbla mal-flussi interni hija ġġustifikata min-natura differenti tagħhom u, konsegwentement, li l-Bord tal-Appell, fid-Deċiżjoni kkontestata, ma kisirx il-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” stabbilit fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u l-prinċipji ta’ ekwità u ta’ nondiskriminazzjoni, meta qies li l-prijoritizzazzjoni tal-flussi ċirkolari, fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, ma kinitx illegali. |
|
168 |
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata billi jiġi invokat il-fatt li l-leġiżlatur iqiegħed fuq livell ugwali l-flussi ċirkolari u l-flussi interni fil-kuntest tal-proċess ta’ kalkolu u ta’ allokazzjoni tal-kapaċità ta’ skambju bejn żoni stabbilit fl-Artikolu 16(8) tar-Regolament 2019/943. |
|
169 |
Fil-fatt, il-fatt li, mill-perspettiva tal-interess li tiġi żgurata l-kapaċità għall-kummerċ tal-elettriku transkonfinali, kemm il-flussi ċirkolari kif ukoll il-flussi interni jirriskjaw li jillimitaw tali kapaċità, ma jimplikax madankollu li dawn it-tipi ta’ flussi għandhom ukoll jiġu ttrattati bl-istess mod fir-rigward tat-tqassim tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi. Il-kalkolu tal-imsemmija kapaċità u t-tqassim tal-ispejjeż tal-imsemmija azzjonijiet huma żewġ kwistjonijiet differenti u ma għandhomx l-istess għan. Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-trattament differenti tal-fluss tan-network meta mqabbel mal-flussi interni, waqt il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, lanqas ma jista’ jiġi kkontestat minħabba l-inċentivi foloz li jipproduċi dan it-trattament differenti. |
|
170 |
Ir-rikorrenti ma tiħux inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-flussi interni jikkostitwixxu, kif tfakkar fil-punti 158 sa 160 iktar ’il fuq, il-funzjoni bażika ta’ network ta’ trażmissjoni tal-elettriku. |
|
171 |
B’hekk, huwa biss fil-każ fejn dawn il-flussi, flimkien mal-flussi l-oħra li huma ta’ grad inferjuri fil-lista ta’ prijorità, inklużi l-flussi ċirkolari li ma jeċċedux il-livell ta’ tolleranza, jaqbżu l-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat, li huwa ġġustifikat li, permezz tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, GRT responsabbli għall-flussi interni jiġi inċentivat jinvesti fin-network tiegħu. |
|
172 |
Min-naħa l-oħra, ma teżistix ġustifikazzjoni sabiex ĠRT jiġi inċentivat jinvesti fin-network tiegħu sabiex ikun jista’ jilqa’ iktar flussi ċirkolari li jeċċedu l-livell ta’ tolleranza. |
|
173 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud. |
Fuq it‑tielet motiv, dwar il‑livell ta’ tolleranza
|
174 |
Permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell hija illegali sa fejn l-imsemmi bord ikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 li permezz tagħha l-ACER wettqet determinazzjoni żbaljata tal-livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari u għalhekk kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
175 |
Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ACER, billi ffissat hija stess livell ta’ tolleranza provviżorju għall-flussi tan-network, kisret id-dispożizzjonijiet proċedurali rilevanti. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 huwa, fir-rigward tal-Artikoli 9 u 74 tar-Regolament 2015/1222, kemm il-lex posterior, il-lex superior u l-lex specialis, b’tali mod li l-ACER ma kinitx kompetenti skont l-Artikolu 9 tar-Regolament 2015/1222. Barra minn hekk, l-ACER lanqas ma setgħet tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, peress li l-ĠRT la wettqu l-analiżi meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u lanqas ippreżentaw proposta ta’ livell ta’ tolleranza lill-ARN għall-approvazzjoni, b’tali mod li dawn tal-aħħar ma kienx hemm “riferiment tal-każ” tal-livell ta’ tolleranza, fis-sens tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942. |
|
176 |
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ACER kisret ukoll id-dispożizzjonijiet sostantivi li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. L-ACER stabbilixxiet il-livell ta’ tolleranza mingħajr ma kellha l-analiżi meħtieġa. Barra minn hekk, hija ma ddeterminatux “għal kull konfini” u fil-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali”, kif meħtieġ mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
177 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ACER ma kinitx kompetenti, minħabba allegata “neċessità”, sabiex tiddetermina livell ta’ tolleranza provviżorja. |
|
178 |
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni t-talbiet tar-rikorrenti. |
|
179 |
L-ACER tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti, kif sostnuti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. |
|
180 |
Huwa paċifiku li, anki fin-nuqqas ta’ konġestjoni strutturali, il-flussi ċirkolari huma inevitabbli f’network tal-elettriku interkonness li huwa minsuġ ferm u li jaħdem skont mudell żonali. |
|
181 |
Għal din ir-raġuni, id-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza għall-flussi ċirkolari għandha l-għan li teskludi tali flussi mill-kondiviżjoni tal-ispejjeż sostnuti minħabba ridispaċċ u tpartit. |
|
182 |
Fir-rigward tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza, l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jipprovdi kif ġej: “Meta jallokaw il-kostijiet ta’ azzjonijiet ta’ rimedju bejn [il-GRT], l-[ARN] jallokaw il-kostijiet […] għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti. Dak il-livell għandu jkun analizzat u definit b’mod konġunt mill-[ĠRT] ta’ reġjun f’kapaċità kalkolata [ta’ skambju] għal kull konfini taż-żona tal-offerti u, għandu jkun suġġett għall-approvazjoni tal-[ARN] kollha tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata.” |
|
183 |
L-ewwel nett, mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza jippreżupponi li l-livell tal-fluss ċirkolari mistenni mingħajr konġestjoni strutturali jiġi simulat. |
|
184 |
Il-“konġestjoni strutturali” hija ddefinita, fil-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament 2019/943, bħala “konġestjoni fis-sistema ta’ trażmissjoni li hi kapaċi li tiġi definita mingħajr ambigwità, hija prevedibbli, ġeografikament stabbli tul iż-żmien u li terġa’ sseħħ ta’ spiss skont kundizzjonijiet normali tas-sistema tal-elettriku”. |
|
185 |
It-tieni nett, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għandha tiġi ppreċeduta minn analiżi u li din l-analiżi għandha titwettaq mill-ĠRT. |
|
186 |
It-tielet nett, minn din l-istess dispożizzjoni jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi analizzat u ddeterminat “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
187 |
F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-ĠRT ma wettqux l-analiżi meħtieġa. |
|
188 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-ACER lanqas ma wettqet din l-analiżi. |
|
189 |
F’dan ir-rigward, mill-punt 112 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li, fl-assenza ta’ livell ta’ tolleranza analizzat u ddefinit mill-ĠRT u approvat mill-ARN konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER eżaminat jekk kinitx f’pożizzjoni li twettaq hija stess din l-analiżi u kkonkludiet li dan ma kienx il-każ, minħabba restrizzjonijiet ta’ riżorsi, taż-żmien disponibbli u tal-perizja neċessarja. |
|
190 |
Barra minn hekk, mill-premessa 8 tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata u mill-punti 110 sa 114 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li l-ACER, f’tali sitwazzjoni, qieset li kienet awtorizzata tiffissa hija stess, b’mod provviżorju, livell ta’ tolleranza. |
|
191 |
Barra minn hekk, mill-punti 115 sa 122 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 jirriżulta li l-ACER iffissat il-livell ta’ tolleranza provviżorja għar-reġjun CORE kollu b’mod uniformi għal 10 % tal-kapaċità massima ta’ kull element tan-network ikkonċernat, u sussegwentement ikkondivi dan il-livell b’mod ugwali bejn iż-żoni kollha ta’ sottomissjoni tal-offerti li jipproduċu flussi ta’ linja fuq l-element tan-network ikkonċernat. |
|
192 |
Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ċaħad, bħala infondata, il-kritika dwar din id-determinazzjoni, mill-ACER, ta’ livell ta’ tolleranza provviżorja għar-raġunijiet esposti fil-punti 909 sa 1077 (paġni 137 sa 164), 1210 sa 1221 (paġni 187 sa 189) u 1192 sa 1226 (paġni 212 sa 218) tad-Deċiżjoni kkontestata. |
|
193 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 924 sa 946 (paġni 140 sa 144), 1217 sa 1221 (paġni 187 sa 189) u 1199 sa 1226 (paġni 213 sa 218) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta, b’mod partikolari, li l-ACER qieset li kellha tiffissa hija stess il-livell ta’ tolleranza, peress li l-iffissar ta’ tali livell kien, fis-sens tagħha, indispensabbli sabiex tkun tista’ tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
194 |
Barra minn hekk, minn dawn l-istess punti tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mill-ACER hija bbażata fuq “analiżi rigoruża”. |
|
195 |
Minn dawn il-partijiet tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li l-Bord tal-Appell qies li l-ACER kienet awtorizzata, jew saħansitra obbligata, tiffissa hija stess livell ta’ tolleranza provviżorju mingħajr ma jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-analiżi stabbilita fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, sabiex tevita sitwazzjoni ta’ impass. |
|
196 |
F’dan ir-rigward, in-natura provviżorja tal-livell ta’ tolleranza hekk stabbilit mill-ACER hija enfasizzata fid-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, mill-punt 943 (paġna 143) tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li l-ĠRT għadhom jistgħu, fi kwalunkwe mument, iwettqu l-analiżi meħtieġa u li l-ARN jistgħu jissostitwixxu, fi kwalunkwe mument, il-livell ta’ tolleranza provviżorja stabbilit fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestat b’livell ta’ tolleranza definittiv. |
|
197 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell setax, mingħajr ma jwettaq żball ta’ liġi, iqis, fid-Deċiżjoni kkontestata, li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati kienet konformi mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. Jekk dan ma huwiex il-każ, għandu jiġi eżaminat jekk, kif irrileva l-Bord tal-Appell, l-ACER, fis-sitwazzjoni partikolari tal-każ inkwistjoni, setgħetx madankollu tibbaża ruħha fuq kompetenza impliċita, li tippermettilha tiddetermina livell ta’ tolleranza b’mod differenti minn dak stabbilit minn din id-dispożizzjoni. |
Fuq l‑osservanza tar‑rekwiżiti li jirriżultaw mill‑Artikolu 16(13) tar‑Regolament 2019/943
|
198 |
Konformement mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-livell ta’ tolleranza għandu jiġi analizzat u ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti” u għandu jikkorrispondi għall-“livell li jista’ jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f’żona tal-offerti”. |
|
199 |
Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat jekk il-metodu sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ tolleranza segwit mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, josservax ir-rekwiżit li dan il-livell għandu jiġi analizzat u ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
200 |
F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 7(3) u (4) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza huwa ddeterminat f’żewġ stadji. |
|
201 |
Waqt l-ewwel stadju, għandu jiġi applikat livell ta’ tolleranza komuni għar-reġjun tal-CORE kollu għal kull element tan-network b’rilevanza transkonfinali. Dan il-livell komuni ta’ tolleranza għandu jkun ta’ 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat. |
|
202 |
Waqt it-tieni stadju, il-livell ta’ tolleranza komuni huwa maqsum b’mod ugwali, għal kull element tan-network ikkonċernat, min-numru ta’ żoni tal-offerti tar-reġjun CORE li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dan l-element tan-network. Fil-każ fejn żona tal-offerti ma tużax kompletament il-parti tal-livell ta’ tolleranza attribwita lilha, il-parti mhux użata mbagħad tinqasam b’mod ugwali bejn il-kumplament taż-żoni tal-offerti. |
|
203 |
Minn dan jirriżulta li l-livell ta’ tolleranza ta’ kull element tan-network li huwa ta’ rilevanza transkonfinali jikkorrispondi għal 10 % tal-kapaċità massima tiegħu, diviż b’mod ugwali bin-numru ta’ żoni ta’ offerti tar-reġjun CORE li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dan l-element tan-network. |
|
204 |
Huwa minnu, kif issostni l-ACER, li tali kondiviżjoni twassal għal livell ta’ tolleranza individwali għal kull żona tal-offerti u, għaldaqstant, li din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza timplika ċerta “individwalizzazzjoni” ta’ dan tal-aħħar, sa fejn dan il-livell huwa ddeterminat skont il-kapaċità massima individwali ta’ kull element tan-network rilevanti u skont in-numru ta’ żoni ta’ sottomissjoni tal-offerti li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu minn dawn l-elementi tan-network. |
|
205 |
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din l-“individwalizzazzjoni” msemmija fil-punt 204 iktar ’il fuq ma hijiex dik preskritta, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, mill-kliem “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
206 |
Fil-fatt, kif issostni essenzjalment ir-rikorrenti, mingħajr ma tikkontradixxi lil ACER dwar dan il-punt, il-livell tal-fluss ċirkolari jinbidel skont il-karatteristiċi taż-żoni tal-offerti, bħad-daqs, il-grad ta’ nisġa, il-proporzjon tal-injezzjoni ta’ elettriku minn enerġiji rinnovabbli u n-numru ta’ fruntieri taż-żona tas-sottomissjoni tal-offerti kkonċernata. Għalhekk, il-livell tal-fluss ċirkolari jista’ jvarja minn żona ta’ depożitu għal oħra, fuq “konfini” fis-sens tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, jew saħansitra fuq l-elementi li għandhom effett fuq il-konġestjonijiet bejn żewġ żoni. Huwa għalhekk li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jeżiġi li l-livell ta’ tolleranza jiġi ddeterminat skont il-karatteristiċi taż-żoni tal-offerti inkwistjoni u tad-diversi fruntieri bejniethom. |
|
207 |
Madankollu, id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER hija bbażata, fl-ewwel stadju, fuq livell ta’ tolleranza uniku għaż-żoni kollha tal-offerti fir-reġjun CORE, bil-konsegwenza li bl-ebda mod ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi ta’ dawn iż-żoni u tal-fruntieri bejniethom. |
|
208 |
Barra minn hekk, l-“individwalizzazzjoni” mwettqa waqt it-tieni stadju lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi taż-żoni differenti tal-offerti, iżda tiddependi biss min-numru ta’ żoni tal-offerti li minnhom joriġinaw flussi ċirkolari li jgħaddu mill-elementi tan-network rilevanti. L-istess raġunament japplika fil-każ ta’ kondiviżjoni sussegwenti, bejn iż-żoni l-oħra tas-sejħiet għal offerti, tal-parti tal-livell ta’ tolleranza mhux użata minn żona tal-offerti. |
|
209 |
Minn dan isegwi li l-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma josservax ir-rekwiżit previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li skontu l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
210 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-rekwiżit li l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali”, huwa paċifiku li l-analiżi normalment meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni mingħajr konġestjoni strutturali, stabbilit mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, ma saritx f’dan il-każ. |
|
211 |
Fl-assenza ta’ tali analiżi, il-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma jistax ikun konformi mar-rekwiżit li dan il-livell għandu jikkorrispondi mal-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni fl-assenza ta’ konġestjoni strutturali. |
|
212 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 958 (paġna 145) u 1221 (paġna 189) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER qieset li l-livell ta’ tolleranza li hija stabbilixxiet kien jikkorrispondi għal sitwazzjoni mingħajr konġestjoni strutturali. |
|
213 |
Fil-fatt, mill-punt 115 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020 u mill-punt 215 tar-risposta jirriżulta li l-ACER investigat fi ħdan il-ĠRT il-livell ta’ fluss ċirkolari mistenni fl-assenza ta’ konġestjoni strutturali. Filwaqt li xi ĠRT irrapportaw valuri li jvarjaw bejn 3 %, 5 % u 10 %, oħrajn ma weġbux jew indikaw limiti ogħla minn 10 %. F’dawn iċ-ċirkustanzi, u jekk jitqies li r-risposti tal-ĠRT kienu ġew influwenzati mill-interessi tagħhom stess, l-ACER stabbilixxiet il-livell ta’ tolleranza għal 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat bħala “medja” tal-opinjonijiet ipprovduti, kif jirriżulta wkoll mill-punt 115 tad-Deċiżjoni Nru 30/2020. |
|
214 |
Minn dan isegwi li l-iffissar għal 10 % tal-kapaċità massima tal-element tan-network ikkonċernat bħala livell ta’ tolleranza komuni għaż-żoni kollha tal-offerti tar-reġjun CORE u bħala l-ewwel stadju fid-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza għal kull element tan-network ikkonċernat ma huwa bbażat fuq ebda analiżi tal-livell ta’ tolleranza mingħajr konġestjoni strutturali, kif previst mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, iżda huwa r-riżultat ta’ kompromess meta mqabbel mal-opinjonijiet diverġenti pprovduti mill-ĠRT ikkonċernati. |
|
215 |
Fil-fatt, kif tirrikonoxxi l-ACER fil-punt 930 (paġna 141) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-analiżi meħtieġa mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 tippreżupponi, b’mod partikolari, analiżi tal-investimenti fin-network u tar-rikonfigurazzjoni possibbli taż-żoni tal-offerti sabiex jiġu eliminati l-konġestjonijiet strutturali. L-ACER tirrikonoxxi li ma wettqitx tali analiżi. |
|
216 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tal-ACER li d-determinazzjoni tagħha tal-livell ta’ tolleranza hija bbażata fuq “analiżi rigoruża” huwa ineffettiv, peress li, fi kwalunkwe każ, din l-analiżi ma kinitx dik preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
217 |
Minn dan isegwi li l-livell ta’ tolleranza stabbilit mill-ACER ma josservax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li skonthom il-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
Fuq il‑kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta kompetenza impliċita
|
218 |
Mill-evalwazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata ma hijiex konformi mal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
219 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni dwar jekk, bħala prinċipju, l-ACER kinitx kompetenti sabiex tiddetermina hija stess livell ta’ tolleranza abbażi tal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament 2019/942, kif jirriżulta mill-punt 924 (paġna 140) tad-Deċiżjoni kkontestata, hija irrilevanti. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tippermetti lill-ACER tistabbilixxi livell ta’ tolleranza mhux konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
220 |
Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, minkejja l-fatt li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER ma kinitx konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, l-ACER kellhiex, fis-sitwazzjoni speċifika li fiha hija kienet tinsab, kompetenza impliċita li tawtorizzaha tiddetermina livell ta’ tolleranza b’mod differenti minn dak stabbilit minn din id-dispożizzjoni. |
|
221 |
Fil-fatt, l-ACER tiġġustifika l-kompetenza tagħha sabiex tiddetermina livell ta’ tolleranza bin-neċessità tal-azzjoni tagħha. Fl-assenza tal-analiżi tal-livell ta’ tolleranza mistenni mingħajr konġestjoni strutturali li għandha ssir mill-ĠRT, l-ACER kienet awtorizzata, sabiex tevita sitwazzjoni ta’ impass, tiffissa hija stess, b’mod provviżorju, livell ta’ tolleranza fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestati. |
|
222 |
Fl-ewwel lok, bħala prinċipju ma jistax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-prinċipju ta’ legalità, li aġenzija tal-Unjoni, bħall-ACER, tista’ tidderoga mill-kuntest ġuridiku applikabbli. Minn dan isegwi li l-ACER ma setgħetx, fil-prinċipju, tidderoga mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
223 |
Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-Artikolu 6(12)(b) tar-Regolament 2019/942, l-ACER tista’ “tieħu tipprovdi deċiżjoni interim sabiex tiżgura li […] is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta”. Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, l-ACER ma bbażatx ruħha fuq din id-dispożizzjoni sabiex tistabbilixxi l-livell ta’ tolleranza. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, l-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma tistax titqies li hija neċessarja sabiex “tiżgura li s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà operattiva għall-infrastruttura inkwistjoni tiġi protetta”, fis-sens tal-Artikolu 6(12)(b) tar-Regolament 2019/942. Fil-fatt, din il-metodoloġija għandha bħala għan il-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi u ma hijiex intiża li tiddetermina l-azzjonijiet korrettivi li għandhom jiġi implimentati sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista jew is-sigurtà tal-operat. |
|
224 |
Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ din id-dispożizzjoni u, għaldaqstant, tal-possibbiltà li jiġu adottati, f’ċirkustanzi ddefiniti b’mod ċar, deċiżjonijiet provviżorji, timmilita kontra r-rikonoxximent, favur l-ACER, ta’ kompetenza impliċita sabiex tiffissa, anki b’mod provviżorju, il-livell ta’ tolleranza fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż b’mod differenti minn dak stabbilit fl-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
225 |
Fit-tielet lok, konformement mal-ġurisprudenza, is-sempliċi invokazzjoni tal-interess marbut mal-effikaċja ma hijiex biżżejjed sabiex toħloq kompetenza favur aġenzija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER, T‑332/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:761, punt 69). Is-sempliċi invokazzjoni tal-interess marbut mal-effikaċja ma tistax, għaldaqstant, tkun suffiċjenti sabiex tippermetti lil aġenzija tal-Unjoni tidderoga mill-qafas ġuridiku applikabbli. |
|
226 |
Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li l-interess marbut mal-effikaċja, sakemm dan jikkorrispondi għal ħtieġa reali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati jew tar-regolament ikkonċernat, jista’ jiġġustifika l-eżistenza ta’ setgħa impliċita deċiżjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ottubru 2019, E-Control vs ACER, T‑332/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:761, punt 69). |
|
227 |
Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-kundizzjonijiet sabiex tiġi rrikonoxxuta kompetenza impliċita favur l-ACER, skont din il-ġurisprudenza, kinux issodisfatti. |
Fuq ir‑rikonoxximent ta’ kompetenza impliċita favur l‑ACER
|
228 |
Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 226 iktar ’il fuq, sabiex jiġi vverifikat jekk l-ACER setgħetx tirrikorri għall-kompetenza impliċita, għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikonoxximent ta’ tali kompetenza favur din kinitx tikkorrispondi għal bżonn reali sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. |
|
229 |
F’dan ir-rigward, mill-punti 924 sa 946 (paġni 140 sa 144) u 1206 sa 1220 (paġni 214 sa 216) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER allegat li n-neċessità li tiġi adottata metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu stabbilit kienet ġegħlitha tiffissa hija stess il-livell ta’ tolleranza, u dan, minkejja l-assenza tal-analiżi normalment meħtieġa. |
|
230 |
L-ewwel nett, fir-rigward tal-ħtieġa invokata fir-rigward tal-iskeda, għandu jiġi kkonstatat li huwa minnu li l-ACER kienet, bħala prinċipju, obbligata tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu previst mill-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u mill-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222, jiġifieri terminu ta’ sitt xhur mis‑27 ta’ Marzu 2020. |
|
231 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-dritt tal-Unjoni ma jorbot ebda sanzjoni mal-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. Għaldaqstant, dan ma huwiex terminu mandatorju, iżda terminu indikattiv. |
|
232 |
Konformement mal-ġurisprudenza, fil-preżenza ta’ tali terminu indikattiv, anki jekk l-organu tal-Unjoni li japplika għalih dan it-terminu għandu jipprova josservah, jista’ jkun neċessarju għalih, b’mod partikolari minħabba l-kumplessità tal-kompitu u bla ħsara għall-preġudizzju tal-interessi ta’ Stat Membru, li jkollu iktar żmien (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2013, Spanja vs Il‑Kummissjoni, T‑54/11, EU:T:2013:10, punt 27). |
|
233 |
Konsegwentement, il-punt tat-tluq tar-raġunament tal-ACER huwa żbaljat, peress li ma kienx imperattiv għaliha li tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż fit-terminu stabbilit, jiġifieri qabel it‑28 ta’ Settembru 2020. |
|
234 |
Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-analiżi “tal-livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” hija kumplessa u teħtieġ żmien kunsiderevoli. |
|
235 |
Għalhekk, bħala prinċipju, kien possibbli għall-ACER li tagħti lill-ĠRT biżżejjed żmien sabiex iwettqu l-analiżi meħtieġa mingħajr ma jiġu kkritikati li kisru t-terminu previst fl-Artikolu 6(12)(a) tar-Regolament 2019/942 u fl-Artikolu 9(11) tar-Regolament 2015/1222. |
|
236 |
Dan huwa iktar u iktar minnu peress li l-obbligu li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza billi ssir l-analiżi prevista mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020. |
|
237 |
Fil-mument meta l-ĠRT tar-reġjun CORE ssottomettew lill-ARN kollha tal-imsemmi reġjun, għall-approvazzjoni, il-proposta tagħhom ta’ metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, jiġifieri fis‑27 ta’ Marzu 2019, ir-Regolament 2019/943 kien għadu ma ġiex adottat. |
|
238 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li la d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u lanqas id-Deċiżjoni kkontestata ma jesploraw l-konsegwenzi possibbli, fir-rigward tal-aġenda għall-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż, tal-fatt li l-obbligu li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza u, għaldaqstant, li ssir l-analiżi korrispondenti daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020. |
|
239 |
Għaldaqstant, il-premessa tal-Bord tal-Appell fid-Deċiżjoni kkontestata, li skontha kien neċessarju, għall-ACER, li tadotta mingħajr ma tkun tista’ tistenna l-analiżi preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, minħabba t-terminu mogħti lilha sabiex tagħmel dan, tirriżulta minn qari tal-qafas regolatorju li la jieħu inkunsiderazzjoni n-natura indikattiva tat-terminu li għandu jiġi osservat mill-ACER u lanqas l-emenda tal-kuntest ġuridiku fis-seħħ. |
|
240 |
Għaldaqstant, is-sempliċi invokazzjoni ta’ terminu indikattiv għall-adozzjoni mill-ACER tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ma tistax tkun biżżejjed sabiex jintwera bżonn reali li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. |
|
241 |
It-tieni nett, l-ACER iġġustifikat in-neċessità tal-azzjoni tagħha permezz tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-ĠRT. Fil-fatt, mill-punt 955 (paġna 145) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER sostniet li l-ĠRT ma kinux f’pożizzjoni, “għal perijodu ta’ kważi tliet snin”, li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
242 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu li jiġi ddeterminat il-livell ta’ tolleranza billi ssir l-analiżi stabbilita mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2020. |
|
243 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-ACER fil-punt 926 (paġna 140) tad-Deċiżjoni kkontestata, il-ĠRT ma qisux obbligatorju, fid-dokument ta’ spjegazzjoni tat‑22 ta’ Frar 2019 li jakkumpanja l-proposta għall-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż tas‑27 ta’ Marzu 2019, li jiġi ddeterminat livell ta’ tolleranza, iżda pjuttost ipperċepixxew dan bħala għażla li tħalliet f’idejhom. |
|
244 |
Anki jekk jiġi aċċettat li n-neċessità li jiġi stabbilit livell ta’ tolleranza ġiet irrikonoxxuta mill-ĠRT qabel l-adozzjoni tar-Regolament 2019/943, xorta jibqa’ l-fatt li l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 jippreċiża l-mod kif il-livell ta’ tolleranza kellu jiġi ddeterminat, jiġifieri abbażi ta’ analiżi tal-“livell [tal-fluss ċirkolari] mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
245 |
L-ACER ma ssostnix li kien stabbilit, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2019/943, li l-livell ta’ tolleranza kellu jiġi ddeterminat b’dan il-mod. |
|
246 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ACER ma setgħetx leġittimament tikkritika lill-ĠRT li ma kinux f’pożizzjoni, “għal perijodu ta’ kważi tliet snin”, li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
247 |
Din il-konklużjoni lanqas ma hija kkontestata mid-dokumenti prodotti mill-ACER waqt is-seduta, sabiex jintwera li l-ĠRT u l-ARN tar-reġjun CORE kienu għadhom jiddiskutu l-mod kif kellha ssir l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
248 |
Indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dawn id-dokumenti humiex ammissibbli, għandu jiġi kkonstatat li n-negozjati pendenti, invokati mill-ACER, huma irrilevanti f’dan il-każ. |
|
249 |
Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, il-legalità ta’ deċiżjoni għandha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fil-mument tal-adozzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Roos et vs Il‑Parlament, T‑710/21, T‑722/21 u T‑723/21, EU:T:2022:262, punt 211 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, il-provi invokati mill-ACER, li seħħew wara d-Deċiżjoni kkontestata, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità ta’ din id-deċiżjoni. |
|
250 |
It-tielet nett, l-ACER iġġustifikat in-neċessità tal-azzjoni tagħha bin-nuqqas ta’ osservanza mill-ĠRT tat-terminu li hija kienet iffissat għalihom. F’dan ir-rigward, hija tindika li imponiet fuq il-ĠRT terminu ta’ erba’ xhur, mit‑18 ta’ April sal‑20 ta’ Awwissu 2020, sabiex twettaq l-analiżi stabbilita mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u żżid li dawn ma osservawx dan it-terminu. |
|
251 |
Kif jirriżulta mill-punti 930 (paġna 141), 954 (paġna 145) u 1131 (paġna 202) tad-Deċiżjoni kkontestata, l-ACER stess kienet tqis li l-analiżi preskritta mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 kienet kumplessa u kienet teħtieġ żmien kunsiderevoli. |
|
252 |
Barra minn hekk, l-ACER ma stabbilixxietx li, matul it-terminu ta’ erba’ xhur li hija kienet tat lill-ĠRT, hija ffaċilitat, b’mod jew ieħor, ix-xogħol ta’ dawn tal-aħħar bit-twettiq tal-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
253 |
Konformement mal-Artikolu 6(11) tar-Regolament 2019/942, li jirrifletti l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-ACER hija obbligata tikkonsulta l-ARN u l-ĠRT meta hija tipprepara deċiżjoni abbażi tal-Artikolu 6(10) tal-imsemmi regolament. |
|
254 |
Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rieda ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jrendi iktar effikaċi u iktar mgħaġġel it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet transkonfinali diffiċli iżda indispensabbli, (sentenza tas‑7 ta’ Settembru 2022, BNetzA vs ACER, T‑631/19, EU:T:2022:509, punt 46), l-ACER kienet intiża li tiffaċilita l-iżvilupp, mill-ĠRT u mill-ARN, tal-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
255 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ACER ma tistax leġittimament tikkritika lill-ĠRT li ma kinux f’pożizzjoni li jwettqu l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 fit-terminu stabbilit, jiġifieri erba’ xhur. |
|
256 |
Ir-raba’ nett, l-ACER reġgħet iġġustifikat il-ħtieġa li tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma setgħet tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 permezz ta’ żewġ kunsiderazzjonijiet oħra. |
|
257 |
Minn naħa, waqt is-seduta, l-ACER sostniet li kien neċessarju li l-ĠRT jingħataw iktar żmien, wara l-adozzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, sabiex huma jkunu jistgħu jieħdu l-mezzi neċessarji sabiex tiġi implimentata. |
|
258 |
Għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 13(2) tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, moqri flimkien mal-Artikolu 37(2) tal-metodoloġija RDCT, l-ewwel stadju tal-implimentazzjoni tal-ewwel waħda minn dawn il-metodoloġiji kien previst għall‑4 ta’ Ġunju 2023, filwaqt li l-applikazzjoni kompleta tagħha kienet prevista għall‑4 ta’ Ġunju 2025. |
|
259 |
Għalhekk, peress li l-ewwel implimentazzjoni parzjali tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kellha sseħħ biss sentejn u nofs wara l-adozzjoni tagħha u l-implimentazzjoni kompleta tagħha, erba’ snin u nofs wara l-imsemmija adozzjoni, is-sempliċi invokazzjoni tal-ħtieġa għall-ĠRT li jadottaw il-mezzi neċessarji għall-implimentazzjoni tajba ta’ din il-metodoloġija ma hijiex biżżejjed sabiex turi, fid-dawl tal-perijodu twil ħafna għall-implimentazzjoni tagħha, bżonn reali li jadottaw din il-metodoloġija mingħajr ma wieħed ikun jista’ jistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
260 |
Min-naħa l-oħra, mill-punt 946 (paġna 144) tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ACER tqis li l-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata kellha ssir simultanjament ma’ dik tal-metodoloġija RDCT u dik tal-metodoloġija ROSC. |
|
261 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, bl-ebda mod ma hija kwistjoni li jiġi deċiż dwar jekk l-ACER kinitx awtorizzata tipprevedi l-istess dati għall-implimentazzjoni tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, tal-metodoloġija RDCT u tal-metodoloġija ROSC, iżda pjuttost li jiġi ddeterminat jekk l-ACER setgħetx tadotta l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma tkun tista’ tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
262 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument ibbażat fuq l-allegata neċessità li jiġu implimentati simultanjament il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, il-metodoloġija RDCT u l-metodoloġija ROSC huwa irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni dwar f’liema mument għandha tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż. |
|
263 |
Għaldaqstant, l-ACER lanqas ma setgħet tiġġustifika n-neċessità tal-azzjoni tagħha permezz ta’ kunsiderazzjonijiet relatati max-xewqa li jingħata biżżejjed żmien lill-ĠRT sabiex ikunu jistgħu jadottaw il-mezzi għall-implimentazzjoni korretta tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata simultanjament ma’ żewġ metodoloġiji oħra. |
|
264 |
Minn dan isegwi li l-ACER ma stabbilixxietx li kien neċessarju li tiġi adottata l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata mingħajr ma setgħet tistenna l-analiżi meħtieġa mill-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
265 |
Konsegwentement, l-ACER ma wrietx li kien jeżisti bżonn reali li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni li jiġġustifika r-rikonoxximent ta’ kompetenza impliċita favur tagħha. |
|
266 |
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mwettqa mill-ACER ma tistax tiżgura l-effett utli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni. |
|
267 |
Huwa minnu li din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza ppermettiet lill-ACER tadotta l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata fit‑30 ta’ Novembru 2020, jiġifieri ftit wara t-terminu li kien ingħatalha sabiex twettaq dan, li kien jiskadi fis‑27 ta’ Settembru 2020. Madankollu, dan ma ppermettiex li jiġi żgurat l-effett utli tad-dispożizzjonijiet sostantivi inkwistjoni. |
|
268 |
Fil-fatt, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata għandha, konformement mal-Artikolu 74(6) (a) tar-Regolament 2015/1222, tinkludi inċentivi sabiex isir investiment effikaċi favur il-ġestjoni tal-konġestjonijiet. Barra minn hekk, skont il-premessa 34 tar-Regolament 2019/943, l-imsemmija ġestjoni għandha tippermetti li jiġu pprovduti sinjali ekonomiċi korretti lill-ĠRT u lill-parteċipanti tas-suq. |
|
269 |
Kif ġie kkonstatat fil-punt 217 iktar ’il fuq, il-livell ta’ tolleranza ddeterminat mill-ACER, ikkonfermat mid-Deċiżjoni kkontestata, ma josservax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, li jipprovdu li l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali” u jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. |
|
270 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, minħabba din id-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza, ma tistax tipprovdi, permezz tal-kondiviżjoni tal-ispejjeż tal-azzjonijiet korrettivi, “sinjali ekonomiċi korretti” għall-investimenti fin-networks. |
|
271 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-ibbilanċjar tal-interess li jiġi osservat it-terminu stabbilit u dak li jiġi osservat l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, apparentement imwettaq mill-ACER, ma jiġġustifikax id-determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza mhux konformi mal-leġiżlazzjoni rilevanti. |
|
272 |
Fil-fatt, kif ġie enfasizzat fil-punt 231 iktar ’il fuq, it-terminu li kien impost fuq l-ACER sabiex tadotta metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż kien biss indikattiv, b’tali mod li, f’ibbilanċjar tal-interessi, ir-rieda li jiġi osservat dan it-terminu ma tistax tipprevali fuq l-osservanza tar-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943. |
|
273 |
Dan ir-riżultat ma jistax jiġi kkontestat mill-argument tal-ACER li jgħid li hija ddeterminat il-livell ta’ tolleranza biss b’mod provviżorju. Fil-fatt, in-natura provviżorja tal-imsemmija determinazzjoni bl-ebda mod ma tippermetti li jittaffa l-ksur, imwettaq mill-ACER u l-Bord tal-Appell, tal-qafas regolamentari rilevanti. |
|
274 |
Il-fatt li n-natura provviżorja tad-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza teżisti biss de jure, ma jippermettix li jitnaqqas in-nuqqas ta’ osservanza mill-ACER tal-qafas regolamentari rilevanti. |
|
275 |
Għaldaqstant, l-ACER ma tistax tiġġustifika l-approċċ tagħha li tagħti preċedenza, fl-ibbilanċjar tal-interessi, lill-interess li jiġi osservat it-terminu mogħti fuq l-interess li jiġu osservati r-rekwiżiti tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 billi tinvoka n-natura provviżorja tal-indħil konsegwenti mal-qafas regolamentari, b’determinazzjoni ta’ livell ta’ tolleranza li ma huwiex konformi ma’ dan il-qafas. Konsegwentement, l-ACER ma setgħetx tibbaża ruħha, għad-determinazzjoni tagħha tal-livell ta’ tolleranza, fuq kompetenza impliċita. |
|
276 |
Fid-dawl tal-evalwazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li d-determinazzjoni tal-livell ta’ tolleranza mill-ACER, fil-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, kif ikkonfermata mid-Deċiżjoni kkontestata, tikser l-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943, sa fejn dan il-livell la jikkorrispondi għall-kriterju li skontu l-livell ta’ tolleranza għandu jikkorrispondi għal-“livell mistenni mingħajr konġestjoni strutturali”, u lanqas għall-kriterju li l-livell ta’ tolleranza għandu jiġi ddefinit “għal kull konfini taż-żona tal-offerti”. Barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ACER lanqas ma kienet awtorizzata tiddetermina b’mod differenti livell ta’ tolleranza, sabiex tosserva t-terminu mogħti lilha għall-adozzjoni tal-metodoloġija ghħall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata. |
|
277 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-ilmenti l-oħra invokati mir-rikorrenti insostenn tiegħu. |
|
278 |
Sa fejn it-tielet motiv jikkonċerna element ċentrali tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, li huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma tistax tannulla biss parzjalment id-Deċiżjoni kkontestata. |
|
279 |
Konsegwentement, ir-rikors tar-rikorrenti għandu jintlaqa’ abbażi tat-tielet motiv u għandha tiġi annullata d-Deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonferma d-Deċiżjoni Nru 30/2020 u tiċħad ir-rikors tar-rikorrenti fil-Każ A‑001–2021 (ikkonsolidat). |
|
280 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ħames u s-sitt motiv imqajma mir-rikorrenti. |
Fuq l‑eventwali żamma tad‑Deċiżjoni kkontestata
|
281 |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 264(2) TFUE, il-Qorti Ġenerali tista’, jekk tqis li jkun meħtieġ, tindika dawk l-effetti tal-att annullat li għandhom jitqiesu bħala definittivi. |
|
282 |
B’risposta għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti Ġenerali, il-partijiet esprimew ruħhom f’dan ir-rigward. |
|
283 |
F’dan il-każ, l-ACER issostni li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata u, konsegwentement, tal-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata ser ikollha konsegwenzi serji. Il-ĠRT għandhom isostnu l-ispejjeż kollha tal-azzjonijiet korrettivi kollha attivati fuq l-elementi tan-network tagħhom, anki jekk dawn l-azzjonijiet kienu meħtieġa minħabba flussi ċirkolari minn żoni oħra tal-offerti. Din is-sitwazzjoni probabbilment ikollha l-effett li l-ĠRT ikunu mħeġġa jillimitaw il-kapaċità ta’ interkonnessjoni, li jirriżulta fi spejjeż ikbar tal-elettriku. |
|
284 |
Fid-dawl ta’ motivi relatati maċ-ċertezza legali, l-effetti ta’ att annullat jistgħu jinżammu b’mod partikolari meta l-effetti immedjati tal-annullament tiegħu jwasslu għal konsegwenzi negattivi serji għall-persuni kkonċernati u meta l-legalità tal-att ikkontestat ma tkunx ikkontestata minħabba l-għan jew il-kontenut tiegħu, iżda minħabba raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tiegħu jew ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali. (ara s-sentenza tal-15 ta’ Lulju 2021, Il‑Kummissjoni vs Landesbank Baden-Württemberg u SRB (C-584/20 P u C-621/20 P, EU:C:2021:601, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
285 |
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq ksur tad-dritt sostantiv, jiġifieri ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(13) tar-Regolament 2019/943 u mhux biss fuq ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali. |
|
286 |
Min-naħa l-oħra, l-argument tal-ACER huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata hija diġà applikabbli. |
|
287 |
Mir-risposti tal-partijiet għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-metodoloġija għall-kondiviżjoni tal-ispejjeż ikkontestata, li hija s-suġġett tad-Deċiżjoni kkontestata, ma hijiex ser tiġi implimentata bis-sħiħ qabel l‑4 ta’ Ġunju 2025 u li, minħabba dewmien, din l-implimentazzjoni tista’ tiġi posposta anki iktar. |
|
288 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi limitat l-effett tal-annullament tad-Deċiżjoni kkontestata. |
Fuq l‑ispejjeż
|
289 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
290 |
Peress li l-ACER tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mir-rikorrenti. |
|
291 |
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla Estiża) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
Schalin Škvařilová-Pelzl Nõmm Steinfatt Kukovec Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑25 ta’ Settembru 2024. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.