Brussell, 16.6.2025

COM(2025) 322 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Rapport Annwali 2024 dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP)


WERREJ

Lista ta’ Abbrevjazzjonijiet    

Sommarju Eżekuttiv    

Introduzzjoni    

1.1.    STEP: Insaħħu t-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa    

1.2.    Approċċ koordinat: 4 Għodod ewlenin li jixprunaw l-implimentazzjoni ta’ STEP    

1.3.    L-iskala tal-finanzjament u l-fokus strateġiku    

1.    GĦODDA 1: Organizzazzjoni ġdida għall-implimentazzjoni ta’ STEP    

1.1.    It-Taskforce ta’ STEP    

1.2.    Networks ta’ STEP    

1.2.1.    In-network ta’ STEP fil-Kummissjoni Ewropea    

1.2.2.    In-network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ STEP    

1.3.    Sensibilizzazzjoni dwar STEP: linja diretta mal-partijiet ikkonċernati tar-riċerka u l-industrija    

2.    GĦODDA 2: L-allinjament tal-finanzjament tal-UE għat-teknoloġiji strateġiċi    

2.1.    Kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-objettivi ta’ STEP    

2.2.    Programmi taħt ġestjoni diretta    

2.2.1.    Xprunar tal-innovazzjoni nadifa    

2.2.2.    Aċċellerazzjoni tal-innovazzjonijiet diġitali u tat-teknoloġija profonda    

2.2.3.    Għoti tas-setgħa lill-bijoteknoloġiji    

2.3.    Fondi tal-politika ta’ koeżjoni    

2.3.1.    Analiżi tal-użu ta’ STEP fil-politika ta’ koeżjoni    

2.3.2.    Sejħiet għal proposti taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni    

2.3.3.    Proġetti magħżula    

2.4.    Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u InvestEU    

3.    GĦODDA 3: Tisħiħ tal-viżibbiltà għal proġetti eċċellenti - is-Siġill STEP    

3.1.    Kriterji ta’ eliġibbiltà    

3.2.    L-għoti tas-Siġill STEP    

3.3.    Benefiċċji li tirċievi Siġill STEP    

3.4.    Is-Sitwazzjoni Attwali    

4.    GĦODDA 4: Iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament bil-Portal STEP    

4.1.    Portal STEP: punt uniku ta’ servizz għall-applikanti tal-proġetti, għall-awtoritajiet pubbliċi, u għall-investituri    

4.2.    STEP bħala punt ta’ dħul uniku pilota għall-finanzjament tal-UE    

5.    Kontribut għall-objettivi fit-tul dwar il-kompetittività    

6.    Konklużjoni    

Lista ta’ Abbrevjazzjonijiet

Abbrevjazzjoni

Definizzjoni

IA

Intelliġenza Artifiċjali

CAPEX

Nefqa Kapitali

EDF

Fond Ewropew għad-Difiża

EFTA

Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles

FEŻR

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali

FSE+

Fond Soċjali Ewropew Plus

L-UE għas-Saħħa

Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa

BEI

Bank Ewropew tal-Investiment

JTF

Fond għal Tranżizzjoni Ġusta

QFP

Qafas Finanzjarju Pluriennali

NCP

Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali

NUTS

Klassifikazzjoni ta’ Unitajiet Territorjali għall-Istatistika

OCA

Valutazzjoni tal-Kontroll tas-Sjieda

OPEX

Nefqa Operatorja

R&Ż

Riċerka u Żvilupp

R&I

Riċerka u Innovazzjoni

RRF

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

RRP

Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza

SME

Intrapriżi Żgħar u ta’ Daqs Medju

STEP

Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa

TRL

Livell ta’ Tħejjija Teknoloġika



Sommarju Eżekuttiv

Il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP, Strategic Technologies for Europe Platform) tat riżultati konkreti f’inqas minn sena mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament STEP f’Marzu 2024 bħala parti mir-reviżjoni ta’ terminu medju tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027.

L-objettivi ta’ STEP huma allinjati bis-sħiħ mal-prijoritajiet tal-mandat il-ġdid tal-Kummissjoni. Din għandha l-għan li tiżgura s-sovranità u s-sigurtà tal-Unjoni, tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi, u ssaħħaħ il-kompetittività billi tappoġġa l-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi — b’mod partikolari fit-teknoloġiji diġitali u profondi, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u l-bijoteknoloġiji — filwaqt li ssaħħaħ il-ktajjen tal-valur rispettivi tagħhom, u tinvesti fil-ħiliet meħtieġa għal impjiegi ta’ kwalità għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

STEP ma hijiex Fond awtonomu. STEP taħdem billi tintegra u tikkoordina l-fondi eżistenti tal-UE – billi tikkombina fondi ġestiti direttament mill-Kummissjoni u fondi ġestiti mill-Istati Membri – filwaqt li tiżgura li l-investiment pubbliku jkun dirett b’mod aktar effettiv lejn prijoritajiet industrijali u teknoloġiċi kritiċi.

Din l-inizjattiva tal-UE wriet kif il-finanzjament tal-UE jista’ jirrispondi għall-prijoritajiet politiċi u jikkontribwixxi għall-kompetittività u r-reżiljenza tal-UE. Il-potenzjal trasformattiv ta’ STEP intwera mill-approċċ uniku, l-azzjonijiet iċċentrati fuq l-utent, u l-koordinazzjoni tagħha bejn 11-il programm ta’ finanzjament eżistenti tal-UE - fin-nuqqas ta’ baġit iddedikat lil hinn minn żieda ta’ EUR 1,5 biljun għall-Fond Ewropew għad-Difiża taħt STEP.

Stadji importanti ewlenin f’din l-ewwel sena ta’ operazzjonijiet 1 jinkludu:

·L-allinjament ta’ aktar minn EUR 10 biljun f’finanzjament fil-11-il programm tal-UE li jikkontribwixxu għal STEP sa tmiem l-2024.

·L-ewwel  sejħiet STEP tal-UE għalqu f’Marzu 2024, segwiti rapidament minn sejħiet STEP nazzjonali fil-politika ta’ koeżjoni li tnedew minn April ’il quddiem.

·Il- Portal STEP beda jopera f’April 2024, u pprovda punt uniku ta’ servizz għall-applikanti, u ġie aġġornat b’għodod ġodda inkluż dashboard tal-proġetti u mappa tal-finanzjament.

·Il-pubblikazzjoni tan- Nota ta’ Gwida dwar STEP bħala Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2 f’Mejju 2024, skont il-mandat li ngħata mir-Regolament STEP, li tipprovdi direzzjoni prattika lill-Istati Membri u lill-promoturi tal-proġetti biex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u effettiva fil-programmi ta’ finanzjament.

·F’Settembru 2024 tnieda stħarriġ tal-Kummissjoni dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE biex jinġabar l-input tal-partijiet ikkonċernati dwar it-titjib tal-aċċessibbiltà għall-finanzjament.

·STEP ħadet l-ewwel passi tagħha fuq il-post b’ missjonijiet tekniċi fl-Istati Membri li bdew f’Ottubru 2024.

·L-ewwel proġetti tas-Siġill STEP ingħataw fil-Ħarifa tal-2024, u ġew promossi pubblikament permezz tal-Portal STEP f’Diċembru 2024, li żied il-viżibbiltà u l-potenzjal ta’ tlaqqigħ.

Fl-2024, aktar minn EUR 10 biljun ta’ fondi tal-UE ġew allinjati ma’ STEP, billi ġew ikkombinati EUR 4,6 biljun immexxija mill-Kummissjoni tal-UE taħt ħames programmi ta’ ġestjoni diretta u EUR 5,9 biljun riprogrammati mill-Istati Membri u r-reġjuni taħt il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni.

Diżaggregazzjoni tal-finanzjament taħt ġestjoni diretta fl-Istati Membri kollha (EUR 4,6 biljun) – ara t-taqsima 2.2.

·Teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi: EUR 4 biljun allokati 3 għad-dekarbonizzazzjoni, l-elettrifikazzjoni industrijali, u l-manifattura nadifa.

·It-teknoloġiji diġitali u profondi: EUR 461 miljun allokati għall-IA, il-computing kwantistiku, il-mikroelettronika u ċ-ċibersigurtà.

·Il-bijoteknoloġija: EUR 154 miljun allokati għall-innovazzjoni medika, l-iżvilupp tal-vaċċini, u l-manifattura tal-farmaċewtiċi.

Diżaggregazzjoni tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni (EUR 5,9 biljun) – ara t-taqsima 2.3.

·EUR 5,9 biljun f’emendi approvati tal-programmi tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni sa tmiem l-2024 biex il-fondi għall-iżvilupp reġjonali jiġu allinjati mal-objettivi ta’ STEP.

·Fl-2024 diġà tnedew sejħiet STEP fil-Ġermanja u fid-Danimarka.

·L-għażliet inizjali ta’ proġetti jenfasizzaw il-firxa ta’ STEP – mill-idroġenu ekoloġiku u s-sistemi kwantistiċi għall-finanzjament tal-SMEs u l-produzzjoni ta’ batteriji nodfa.

Il-Kummissjoni tat Siġilli STEP (tas-Sovranità) 4 lil proġetti ta’ kwalità – ara t-taqsima 3

·162 proġett b’potenzjal għoli fi 23 Stat Membru tal-UE, bil-ħsieb li tiġi żviluppata l-viżibbiltà tagħhom u jiġi attirat finanzjament ġdid.

·Is-Siġilli STEP jiġu promossi permezz tal-Portal STEP, li jgħaqqad il-proġetti mal-investituri u l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Istati Membri.

·Mogħtija taħt programmi tal-UE bħal Orizzont Ewropa u l-Fond għall-Innovazzjoni, il-proġetti tas-Siġill STEP huma mifruxa fis-setturi kollha ta’ STEP fit-teknoloġiji nodfa, diġitali u bijoteknoloġiċi.

Tisħiħ tal-Aċċess għall-Finanzjament Permezz tal-Portal STEP (Sovranità) 5 – ara t-taqsima 4

·Il-Kummissjoni nediet il-Portal il-ġdid ta’ STEP biex tintegra l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE fil-programmi kollha ta’ STEP.

·Imniedi f’April 2024.

·Fih proġetti tas-Siġill STEP , mapep tal-finanzjament nazzjonali , u taqsima “ Ikseb Finanzjament ” interattiva għal navigazzjoni aktar faċli tal-opportunitajiet ta’ finanzjament disponibbli taħt STEP.



Introduzzjoni

Dan l-ewwel Rapport Annwali dwar il-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) jipprovdi ħarsa ġenerali konsolidata lejn l-implimentazzjoni tagħha fl-2024 6 , f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament STEP (UE) 2024/795. Jippreżenta informazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva dwar il-progress li sar lejn l-objettivi ta’ STEP taħt kull wieħed mill-programmi elenkati fl-Artikolu 3, inkluż, fejn disponibbli, l-appoġġ ipprovdut għal kull Stat Membru u dwar proġetti transfruntiera, u b’hekk joffri stampa konsolidata tar-riżultati bikrija ta’ STEP u l-kontribut għall-kompetittività Ewropea.

Ir-rapport jinkludi wkoll:

·diżaggregazzjoni tan-nefqa globali skont il-programm;

·ħarsa ġenerali lejn il-prestazzjoni bbażata fuq l-indikaturi rilevanti tal-programm;

·analiżi tad-distribuzzjoni ġeografika u teknoloġika tal-proġetti li ngħataw is-Siġill STEP (tas-Sovranità); u

·ħarsa ġenerali lejn il-kontribut ta’ STEP għall-objettivi strateġiċi tal-Unjoni biex tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul.

Il-Kummissjoni se tippubblika rapport ta’ evalwazzjoni interim separat dwar STEP skont l-Artikolu 8 tar-Regolament STEP fit-tieni nofs tal-2025.

1.1.STEP: Insaħħu t-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa

STEP tnediet biex issaħħaħ il-kompetittività industrijali tal-UE, tnaqqas id-dipendenzi strateġiċi, u tappoġġa l-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi. Pjuttost milli toħloq fond awtonomu, STEP topera b’approċċ ġdid billi tikkoordina 11-il programm eżistenti tal-UE, u b’hekk tippermetti użu aktar rapidu u aktar immirat tar-riżorsi finanzjarji fit-teknoloġiji diġitali u profondi, fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, fil-bijoteknoloġiji, u fil-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

STEP tintroduċi qafas ta’ investiment aktar integrat u flessibbli billi tgħaqqad koordinazzjoni aktar b’saħħitha mal-Istati Membri, inċentivi mtejba għall-Istati Membri biex jirridirezzjonaw il-finanzjament tal-UE, u aċċess simplifikat u ċċentrat fuq l-utent għall-opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-Portal STEP u s-Siġill STEP — tikketta ta’ kwalità biex tingħata spinta lill-viżibbiltà u lill-potenzjal ta’ finanzjament għal proġetti b’potenzjal għoli.

1.2.Approċċ koordinat: 4 Għodod ewlenin li jixprunaw l-implimentazzjoni ta’ STEP

L-implimentazzjoni tar-Regolament STEP tibni fuq 4 għodod operazzjonali, li madwarhom huwa strutturat ir-Rapport Annwali:

1. Organizzazzjoni ġdida : network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs, national contact points) u tim iddedikat fi ħdan il-Kummissjoni biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ STEP fi 11-il programm tal-UE b’mod konsistenti, b’appoġġ għall-Istati Membri.

2. Tmexxija tal-finanzjament tal-UE : direzzjoni tal-fondi eżistenti tal-UE lejn is-setturi u l-objettivi ta’ STEP.

3. Siġill STEP : tikketta ta’ kwalità ġdida mogħtija mill-Kummissjoni lil proġetti ta’ kwalità ogħla mil-limiti ta’ evalwazzjoni, li żżid l-opportunitajiet tagħhom li jiksbu finanzjament mill-programmi ta’ STEP.

4. Portal STEP : pjattaforma online imnedija mill-Kummissjoni u li tipprovdi punt ta’ dħul aktar ċar u aktar aċċessibbli għall-promoturi tal-proġetti, għall-investituri u għall-awtoritajiet pubbliċi.

ILLUSTRAZZJONI 1: Ħarsa ġenerali lejn l-4 għodod operazzjonali

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

1.3.L-iskala tal-finanzjament u l-fokus strateġiku

L-approċċ innovattiv ta’ STEP imexxi l-finanzjament tal-UE fi 11-il programm eżistenti tal-UE (ara l-Illustrazzjoni 2 hawn taħt):

·5 programmi ta’ finanzjament ġestiti mill-Kummissjoni għas-suq intern (Orizzont Ewropa, il-Fond għall-Innovazzjoni, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-programm Ewropa Diġitali, u l-programm l-UE għas-Saħħa);

·5 fondi appoġġati permezz ta’ pakketti nazzjonali ffinanzjati mill-UE (eż., il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+), u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF, Recovery and Resilience Facility));

·strument wieħed (InvestEU) implimentat mas-sħab tal-Kummissjoni (eż., il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)).



ILLUSTRAZZJONI 2: Ħarsa ġenerali lejn il-11-il programm STEP

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea.

1.GĦODDA 1: Organizzazzjoni ġdida għall-implimentazzjoni ta’ STEP

1.1.It-Taskforce ta’ STEP

Wara l-proposta tal-Kummissjoni minn Ġunju 2023 7 biex tiġi stabbilita STEP, inħolqot Taskforce ddedikata ta’ STEP u mgħammra b’riżorsi riallokati mis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fil-programmi skont il-mandat ta’ STEP.

L-objettivi ewlenin tat-Task Force ta’ STEP huma:

·Li tiffaċilita u tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ STEP; u

·Tikkontribwixxi għat-tħejjija tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) futur fir-rigward tal-kompetittività.

L-implimentazzjoni ta’ STEP fi programmi li joperaw skont regoli, skedi ta’ żmien u bażi legali differenti, u madwar l-Istati Membri, kienet sfida operazzjonali partikolari li kienet tirrikjedi sforzi kbar ta’ koordinazzjoni u kjarifika.

1.2.Networks ta’ STEP

1.2.1.In-network ta’ STEP fil-Kummissjoni Ewropea

F’konformità man-natura trażversali ta’ STEP, it-Task Force ta’ STEP stabbiliet network intern tad-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-Kummissjoni Ewropea, li jinkludi 14-il servizz 8 li huma involuti fi, jew responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE taħt STEP. Dan in-network iltaqa’ 7 darbiet fl-2024 u kellu interazzjonijiet regolari matul is-sena.

1.2.2.In-network tal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ STEP

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament STEP, l-Istati Membri kollha ħlief iċ-Ċekja 9 u l-Irlanda ħatru l-Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCP, National Contact Point) rispettiv tagħhom ta’ STEP fl-2024. Dan il-grupp ta’ istituzzjonijiet pubbliċi maħtura fil-livell nazzjonali jifforma n- network ta’ NCPs ta’ STEP li huwa ppresedut mid-Direttur għad-Dħul u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tad-DĠ BUDG. Matul l-2024, in-network tal-NCPs iltaqa’ 4 darbiet online u wiċċ imb wiċċ. Il-membri qasmu l-esperjenza tagħhom, filwaqt li l-Kummissjoni pprovdiet ċarezza dwar l-objettivi ta’ STEP u qasmet regolarment is-Siġilli STEP mogħtija lill-proġetti lir-rappreżentanti tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni żviluppat dokumenti ta’ referenza biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ STEP fl-Istati Membri, bħal:

·In- Nota ta’ Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament STEP ;

·Il- Fuljett għall-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali u l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni ta’ STEP ;

·L- Avviż dwar il-modifika tal-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġu allokati riżorsi għall-objettivi STEP ;

·Il- Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali mill-Istat ;

·Il- Mapep tal-Għajnuna Reġjonali ;

· Ħarsa ġenerali lejn l-emendi tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni adottati mill-Kummissjoni .

Barra minn hekk, fl-2024, it-Task Force ta’ STEP wettqet missjonijiet fl-Estonja, fil-Latvja, fil-Litwanja u fir-Rumanija, fejn iltaqgħet ma’ awtoritajiet pubbliċi, assoċjazzjonijiet tal-industrija, SMEs u startups, u intermedjarji finanzjarji biex tqajjem l-għarfien dwar STEP u tippromwovi l-inċentivi u l-benefiċċji ta’ STEP lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni u l-partijiet ikkonċernati potenzjali oħra f’dawk il-pajjiżi.

Ir-Regolament STEP jistabbilixxi n-network ta’ NCPs ta’ STEP fost l-Istati Membri tal-UE. It-Taskforce ta’ STEP kienet involuta wkoll ma’ pajjiżi terzi assoċjati ma’ programmi li fuqhom hija bbażata STEP (bħal Orizzont Ewropa), inklużi pajjiżi taż-Żona Ewropea ta’ Kummerċ Ħieles (EFTA, European Free Trade Area).

1.3.Sensibilizzazzjoni dwar STEP: linja diretta mal-partijiet ikkonċernati tar-riċerka u l-industrija

Bil-għan li jiġu identifikati l-ħtiġijiet mill-benefiċjarji potenzjali ta’ finanzjament tal-UE, it-Task Force ta’ STEP għamlet konsultazzjonijiet estensivi mal-partijiet ikkonċernati tar-riċerka u l-industrija matul l-2024.

Filwaqt li bbażat fuq in-networks u l-kanali eżistenti ġestiti b’mod partikolari mid-DĠ GROW 10 (pereżempju, il-Forum Industrijali, in-Network Enterprise Europe, il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni bejn ir-Raggruppamenti) u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi settorjali elenkati fir-Reġistru tat-Trasparenza tal-UE, it-Task Force ta’ STEP iltaqgħet l-aktar mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija iżda wkoll ma’ istituzzjonijiet pubbliċi bħall-uffiċċji Reġjonali tal-UE, il-Komunitajiet ta’ Konoxxenza u Innovazzjoni tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija, in-network tar-Reġjuni, investituri u atturi oħra. Madwar nofs il-partijiet ikkonċernati li ltaqgħet magħhom it-Task Force fl-2024 huma attivi f’aktar minn settur wieħed ta’ STEP iżda b’rappreżentanza qawwija mis-settur tat-teknoloġija nadifa.

It-Task Force ta’ STEP impenjat ruħha ma’ entitajiet jew avvenimenti madwar l-UE kollha (eż., EuroChambres, li tirrappreżenta l-Kmamar tal-Kummerċ kollha tal-UE, il-Hannover Messe 11 , fejn iltaqgħet ma’ rappreżentanti tal-SMEs mill-Istati Membri u l-Assemblea tal-SMEs organizzata mill-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea) kif ukoll Stati Membri speċifiċi. Dawn huma l-elementi ewlenin tal-feedback li wasal dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE:

·Kwistjonijiet regolatorji u strutturali (kostijiet għoljin tal-enerġija u lavorattivi, kundizzjonijiet ekwi għall-għajnuna mill-Istat, artikolazzjoni bejn il-finanzjament/l-appoġġ għall-investiment tal-UE u nazzjonali);

·Sfidi fin-navigazzjoni u l-aċċess għall-finanzjament tal-UE;

·Lakuni fil-finanzjament matul iċ-ċiklu tal-innovazzjoni (nuqqas ta’ appoġġ għal TRLs ogħla, l-ebda fokus fuq il-kummerċjabbiltà tar-riċerka appoġġata);

·Il-ħtieġa għal approċċ aktar fit-tul (il-perjodu ta’ żmien tal-QFP huwa qasir wisq għall-istabbiltà fit-tul tal-industrija);

·L-attraenza tal-UE vs dik internazzjonali għall-industrija.

2.GĦODDA 2: L-allinjament tal-finanzjament tal-UE għat-teknoloġiji strateġiċi

2.1.Kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-objettivi ta’ STEP

Skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament STEP, il-koleġiżlaturi taw mandat lill-Kummissjoni biex toħroġ gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet ta’ STEP. Bi tweġiba għal dan, fit-13 ta’ Mejju, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni fil-forma ta’ Nota ta’ Gwida 12 , li tipprovdi direzzjoni prattika biex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u effettiva fil-programmi ta’ finanzjament kollha.

In-Nota ta’ Gwida sservi tliet għanijiet:

·Kjarifika tal-objettivi ta’ STEP: Tiddeskrivi l-objettivi li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament STEP (l-Artikolu 2), u tiċċara kunċetti ewlenin bħall-ktajjen tal-valur u s-servizzi assoċjati.

·Illustrazzjoni tas-setturi appoġġati: Tespandi fuq it-tliet setturi prijoritizzati minn STEP – it-teknoloġiji diġitali/profondi, it-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, il-bijoteknoloġiji, u l-ħiliet rilevanti; akkumpanjata minn lista indikattiva u mhux eżawrjenti ta’ teknoloġiji li jistgħu jiġu appoġġati.

·Espansjoni fuq il-kundizzjonijiet għall-konsiderazzjoni tat-teknoloġiji kritiċi: Tispjega l-kundizzjonijiet li t-teknoloġiji jridu jissodisfaw biex jitqiesu bħala kritiċi, b’enfasi fuq id-dimensjonijiet tal-Unjoni u tas-suq intern.

In-Nota ta’ Gwida tindirizza l-ewwel kundizzjoni ta’ STEP dwar l-innovazzjoni. Tispjega li l-appoġġ ta’ STEP għandu jiffoka fuq l-innovazzjoni rivoluzzjonarja, u li t-teknoloġiji kritiċi għandhom juru mill-anqas tnejn mit-tliet elementi innovattivi, emerġenti u/jew mill-aktar avvanzati. Barra minn hekk, teknoloġija kritika għandha turi potenzjal ekonomiku sinifikanti, billi jkollha l-ogħla effetti konsegwenzjali fi Stati Membri oħra, li jistgħu jżidu l-potenzjal ekonomiku fis-suq intern. Ir-riċerka u l-użu fundamentali wkoll ma humiex fil-mira ta’ STEP, li l-fokus tagħha huwa fuq l-iżvilupp u l-manifattura.

Tindirizza wkoll it-tieni kundizzjoni ta’ STEP dwar it-tnaqqis jew il-prevenzjoni tad-dipendenzi strateġiċi tal-Unjoni. Tispjega li dawn id-dipendenzi jistgħu jiġu rikonoxxuti fid-dokumenti strateġiċi tal-UE jew identifikati meta d-dipendenza fuq fornituri ta’ pajjiżi terzi tkun sinifikanti. Tiddeskrivi wkoll ħames fatturi ta’ valutazzjoni biex jiggwidaw lill-awtoritajiet ta’ finanzjament fid-determinazzjoni tal-kontribut ta’ teknoloġija għat-tnaqqis jew il-prevenzjoni tad-dipendenzi strateġiċi.

In-Nota ta’ Gwida kellha rwol importanti fl-appoġġ lis-servizzi tal-Kummissjoni, lill-NCPs ta’ STEP, u lill-awtoritajiet ta’ ġestjoni biex jiżguraw implimentazzjoni konsistenti tal-11-il programm STEP – xi wħud ġestiti direttament mill-Kummissjoni, oħrajn f’ġestjoni kondiviża bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri. Din il-konsistenza ggarantiet li l-proġetti ta’ kwalità jingħataw prijorità u li t-teknoloġiji kritiċi jirċievu l-appoġġ meħtieġ.

STEP hija inkorporata fi ħdan il-programmi eżistenti tal-UE, kull wieħed implimentat skont il-bażi legali u l-objettivi usa’ proprji tiegħu. Fost dawn, il-Fond Ewropew għad-Difiża biss irċieva rinfurzar baġitarju ddedikat taħt STEP.

2.2.Programmi taħt ġestjoni diretta 

Il-Kummissjoni talloka fondi tal-UE permezz tal-programmi STEP li timmaniġġja direttament biex tappoġġa l-objettivi ta’ STEP madwar l-Unjoni u fis-suq intern – minkejja li STEP ġiet adottata f’nofs il-perjodu tal-QFP u kull programm isegwi għadd ta’ objettivi ta’ politika lil hinn minn dawk ta’ STEP.

ILLUSTRAZZJONI 3: Diżaggregazzjoni settorjali tar-riżorsi allokati għal STEP fl-2024 (f’%)

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

Fl-2024, ingħalqu s-sejħiet għall-proposti 13 taħt il-ħames programmi kollha rilevanti għal STEP f’ġestjoni diretta fit-tliet setturi ta’ STEP: il-Fond għall-Innovazzjoni 14 , Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali (DEP, Digital Europe Programme), il-programm l-UE għas-Saħħa, u l-Fond Ewropew għad-Difiża (EDF, European Defence Fund) - b’rinfurzar baġitarju ta’ EUR 1,5 biljun għall-azzjonijiet STEP speċifikament għall-EDF.

B’kollox, il-baġit inizjali allokat kien jammonta għal EUR 4,6 biljun b’appoġġ għal teknoloġiji rilevanti għal STEP fl-2024 15 , li l-maġġoranza l-kbira tagħhom ġew ipprovduti għal teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi taħt il-Fond għall-Innovazzjoni. Mill-2024, sejħa waħda għall-proposti kienet immirata speċifikament lejn l-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi fis-setturi rilevanti għal STEP: il-“Programmi ta’ Edukazzjoni Speċjalizzati f’Oqsma ta’ Kapaċità Ewlenin” taħt id-DEP. Barra minn hekk, żewġ suġġetti tal-EDF kellhom l-għan li jiżviluppaw prodotti ta’ difiża li jgħinu biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet kritiċi għat-teknoloġiji fil-mira.

Barra minn hekk, taħt Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC, European Innovation Council) f’Novembru 2024 nieda l-ewwel sejħa ddedikata ta’ STEP Scale-Up b’baġit ta’ EUR 300 miljun fl-2025 (b’appoġġ li jlaħħaq sa EUR 30 miljun għal kull proġett) bi tkabbir proġettat għal EUR 900 miljun matul il-perjodu 2025-2027 (inkluż il-baġit tal-2025); kif ukoll ħames sejħiet li jindirizzaw sfidi rilevanti għal STEP b’baġit totali ta’ EUR 250 miljun. Is-Siġilli STEP se jingħataw kemm taħt is-sejħa STEP Scale-Up, kif ukoll taħt is-sejħiet li jindirizzaw sfidi rilevanti għal STEP għal proġetti li jgħaddu mil-limiti ta’ evalwazzjoni. Madankollu, din ma hijiex ikkunsidrata għall-ammonti totali ta’ finanzjament għall-2024 kontabilizzati f’dan ir-rapport annwali, peress li s-sejħiet għall-proposti ma għalqux f’dik is-sena.



TABELLA 1: Sommarju tas-sejħiet għal proposti rilevanti għal STEP tal-2024 fit-tliet setturi ta’ STEP fil-programmi rilevanti għal STEP f’ġestjoni diretta (f’EUR miljun)

Settur

Programm

Suġġett tas-sejħa għal proposti

Baġit

(f’EUR miljun)

Miftuħa

Magħluqa

Teknoloġiji nodfa u  
effiċjenti fir-riżorsi

Il-Fond għall-Innovazzjoni

Dekarbonizzazzjoni ġenerali - Proġetti fuq Skala Kbira

EUR 1 700

Nov ’23

Apr ’24

Dekarbonizzazzjoni ġenerali - Proġetti fuq Skala Medja

EUR 500

Nov ’23

Apr ’24

Dekarbonizzazzjoni ġenerali - Proġetti fuq Skala Żgħira

EUR 200

Nov ’23

Apr ’24

Manifattura ta’ teknoloġija nadifa

EUR 1 400

Nov ’23

Apr ’24

Proġetti pilota

EUR 200

Nov ’23

Apr ’24

Fond Ewropew għad-Difiża

Sistemi indipendenti mill-enerġija u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għall-kampijiet militari

EUR 40

Ġun ’24

Nov ’24

Total tat-Teknoloġija nadifa

EUR 4 040

Teknoloġiji diġitali

Orizzont Ewropa

Studju tal-Fażi-B tal-Gravimetrija Spazjali Kwantistika u Maturazzjoni tat-Teknoloġija

EUR 14

Nov ’23

Apr ’24

Teknoloġiji spazjali għan-nondipendenza u l-kompetittività Ewropea

EUR 20

Nov ’23

Apr ’24

Programm Ewropa Diġitali

Isir disponibbli mudell bażi Ewropew b’sors miftuħ ta’ prestazzjoni għolja għall-irfinar

EUR 25

Fra ’24

Mej ’24

Implimentazzjoni ta’ referenza ta’ servizzi Ewropej ta’ cloud periferika (żviluppi industrijali tal-IoT Edge u tat-Telco Edge)

EUR 30

Fra ’24

Mej ’24

Programmi ta’ Edukazzjoni Speċjalizzata f’Oqsma ta’ Kapaċità Ewlenin

EUR 55

Lul ’24

Nov ’24

Fond Ewropew għad-Difiża

Sistemi ta’ inġenji tal-ajru tal-ġlied kollaborattivi mingħajr bdot abbord (U-CCA, Unmanned collaborative combat aircraft)

EUR 15

Ġun ’24

Nov ’24

Komunikazzjonijiet taħt l-ilma siguri u adattivi għall-UUSs

EUR 24

Ġun ’24

Nov ’24

Metodi biex jitnaqqsu d-distakki fir-realtà

EUR 15

Ġun ’24

Nov ’24

Komponenti elettroniċi

EUR 25

Ġun ’24

Nov ’24

Teknoloġiji kwantistiċi

EUR 24

Ġun ’24

Nov ’24

Apertura u riċetrażmettitriċi multifunzjonali bbażati fuq l-IA

EUR 45

Ġun ’24

Nov ’24

Standard ta’ komunikazzjoni multidimensjonali tad-difiża

EUR 25

Ġun ’24

Nov ’24

UAS Ewropea msaħħa żgħira

EUR 11

Ġun ’24

Nov ’24

Medda Ċibernetika Kooperattiva tal-Ġenerazzjoni li Jmiss

EUR 48

Ġun ’24

Nov ’24

Forma tal-mewġa sigura għall-komunikazzjonijiet bis-satellita

EUR 25

Ġun ’24

Nov ’24

Sistemi tal-art b’diversi użi u mingħajr bdot abbord

EUR 50

Ġun ’24

Nov ’24

Simulazzjoni u taħriġ għal emerġenzi mediċi

EUR 10

Ġun ’24

Nov ’24

Total tat-teknoloġija diġitali

461

Il-bijoteknoloġija

L-UE għas-Saħħa

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tal-Vaċċini (EVH, European Vaccines Development Hub)

EUR 102

Mej ’24

Set ’24

Sejħa għal proposti biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ antivirali ġodda

EUR 10

Mej ’24

Set ’24

Sejħa għal proposti biex jiġu appoġġati teknoloġiji u proċessi innovattivi ta’ manifattura fl-Unjoni għall-produzzjoni tal-mediċini

EUR 17

Mej ’24

Set ’24

Fond Ewropew għad-Difiża

Alleanza għal kontromiżuri mediċi tad-difiża – Azzjonijiet ta’ riċerka

EUR 15

Alleanza għal kontromiżuri mediċi tad-difiża – Azzjonijiet ta’ żvilupp

EUR 10

Total tal-bijoteknoloġija

EUR 154

Total ġenerali

EUR 4 655

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

Sa tmiem l-2024 16 , l-applikazzjonijiet għas-suġġetti tal-Fond Ewropew għad-Difiża u tal-programm Ewropa Diġitali 17 kienu għadhom ma ġewx evalwati. Is-suġġetti l-oħra kollha ġew evalwati, u dan irriżulta f’EUR 4,9 biljun 18 ta’ finanzjament mogħti.

It-taqsimiet li ġejjin jipprovdu diżaggregazzjoni dettaljata tal-impatt ta’ STEP fit-tliet setturi tat-teknoloġija ta’ STEP u inkluż fl-Istati Membri u r-reġjuni tal-UE. L-analiżi reġjonali ssegwi l-klassifikazzjoni statistika NUTS2 (NUTS 2024, Eurostat).

2.2.1.Xprunar tal-innovazzjoni nadifa

It-tranżizzjoni lejn teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi hija fil-qalba tal-istrateġija industrijali u klimatika tal-Ewropa, li fuqha huma bbażati l-isforzi tal-UE biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050 taħt il-Patt Ekoloġiku Ewropew. Din kienet riflessa aktar reċentement fil-Patt tal-UE għal Industrija Nadifa 19 .

Ir-Regolament STEP irrikonoxxa dan is-settur bħala prijorità strateġika, filwaqt li allinja mal-Att dwar l-Industrija b’Emissjonijiet Żero Netti (NZIA, Net-Zero Industry Act) 20 , li għandu l-għan li jżid il-manifattura ta’ teknoloġiji nodfa ewlenin fl-Ewropa biex jiżgura s-sovranità teknoloġika u jnaqqas id-dipendenza fuq fornituri esterni. Fi kliem ieħor, l-investimenti f’dawn it-teknoloġiji huma kritiċi mhux biss għat-tnaqqis tal-emissjonijiet iżda wkoll għat-tisħiħ tal-kompetittività industrijali u l-iżgurar tal-indipendenza enerġetika tal-UE.

It-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi jinkludu firxa wiesgħa ta’ innovazzjonijiet, minn teknoloġiji rinnovabbli għal fjuwils sostenibbli, qbid tal-karbonju, u teknoloġiji tad-dekarbonizzazzjoni 21 .

Il-Fond għall-Innovazzjoni, iffinanzjat mis-Sistema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (EU ETS, EU Emissions Trading System), kien bil-bosta l-akbar kontributur għall-objettivi ta’ STEP fost il-programmi ġestiti direttament mill-Kummissjoni. L-ewwel sejħa allinjata ma’ STEP taħt il-Fond għall-Innovazzjoni għalqet f’April 2024. Din allokat baġit sinifikanti ta’ EUR 4 biljun biex tappoġġa l-avvanzi fit-teknoloġija nadifa.

Strutturati f’ħames suġġetti bbażati fuq ir-rekwiżiti tan-nefqa kapitali (CAPEX, capital expenditure) u l-fokus teknoloġiku, is-sejħiet kienu jkopru oqsma bħad-dekarbonizzazzjoni ġenerali, il-manifattura ta’ teknoloġija nadifa, u l-proġetti pilota. Bħal fis-sejħiet kollha tal-Fond għall-Innovazzjoni, il-proġetti ġew evalwati abbażi tal-potenzjal ta’ tnaqqis tal-gassijiet serra, il-livell ta’ innovazzjoni, il-maturità, ir-replikabbiltà, u l-kosteffiċjenza — filwaqt li jiġi żgurat proċess rigoruż tal-għażla.

Ġie allokat appoġġ finanzjarju sostanzjali għall-proġetti magħżula għall-finanzjament taħt dawn is-sejħiet. B’kollox, intgħażlu minn qabel 85 proġett għal appoġġ finanzjarju globali mogħti ta’ EUR 4,8 biljun 22 , b’għotjiet li kienu jkopru sa 60 % tal-infiq kemm kapitali kif ukoll operatorju inkluż fid-diskrepanza fil-finanzjament tal-proġetti, u b’hekk tħalla biżżejjed spazju għal riżorsi finanzjarji oħra biex ikopru l-porzjon mhux iffinanzjat tal-kostijiet eliġibbli. Fost dawn il-proġetti nistgħu nsibu l-iżvilupp ta’ teknoloġija li hija l-ewwel tat-tip tagħha għall-produzzjoni ta’ sustanzi kimiċi u materjali ta’ elementi importanti mill-iskart tal-bijomassa (L1X) fis-Slovakkja, l-ewwel ħżin tal-enerġija termali ta’ tank taħt l-art fuq skala kbira ta’ 20 megawatt (ScaleUp) fl-Awstrija u ħżin permanenti taħt l-art tad-dijossidu tal-karbonju (Greensand Future) fid-Danimarka 23 .

Tliet inizjattivi transfruntiera u b’diversi benefiċjarji ngħataw ukoll finanzjament għal total ta’ EUR 150,6 miljun. Eżempju wieħed minn dawn huwa Energy Observer 2, proġett li qed isir bejn Franza u n-Netherlands li jipprevedi l-iżvilupp, il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-ewwel vapur tal-merkanzija li jaħdem bl-idroġenu likwidu fid-dinja.

ILLUSTRAZZJONI 4: Tqassim ġeografiku tal-għotjiet mogħtija fis-settur tat-teknoloġija nadifa fl-2024 minn programmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti għal STEP

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

L-entitajiet stabbiliti fil-Ġermanja u fil-Belġju kienu bil-bosta l-akbar riċevituri ta’ għotjiet relatati ma’ STEP f’dan is-settur, fejn irċevew EUR 661 miljun u EUR 604 miljun, rispettivament. Dawn kienu segwiti minn Franza (EUR 530 miljun), Spanja (EUR 480 miljun), u d-Danimarka (EUR 417-il miljun) 24 .

2.2.2.Aċċellerazzjoni tal-innovazzjonijiet diġitali u tat-teknoloġija profonda 

It-teknoloġiji diġitali u profondi għandhom rwol kruċjali fl-avvanz tas-sovranità teknoloġika u r-reżiljenza diġitali tal-Ewropa. Dan is-settur jinkludi spettru wiesa’ ta’ innovazzjonijiet mill-aktar avvanzati, inklużi l-computing avvanzat, l-intelliġenza artifiċjali (IA), iċ-ċibersigurtà, il-mikroelettronika, u t-teknoloġiji kwantistiċi 25  — li kollha huma fundamentali għall-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali 26 tal-UE, li għandu l-għan li jtejjeb l-infrastruttura diġitali, il-ħiliet u t-tmexxija teknoloġika tal-Ewropa.

Filwaqt li ġiet rikonoxxuta l-importanza strateġika ta’ dawn it-teknoloġiji, l-appoġġ ta’ STEP fl-2024 ġie indirizzat permezz ta’ żewġ suġġetti taħt Orizzont Ewropa, tliet suġġetti taħt il-programm Ewropa Diġitali, u tnax-il suġġett taħt il-Fond Ewropew għad-Difiża. B’kollox, fl-2024 ġie allokat baġit ta’ EUR 461 miljun għal azzjonijiet rilevanti għal STEP fis-settur tat-teknoloġiji diġitali.

Sa tmiem l-2024, intgħażlu sitt proġetti għall-finanzjament taħt is-sejħiet imsemmija hawn fuq ta’ Orizzont Ewropa 27 , u ngħataw għotja li kienet tkopri 100 % tal-kostijiet eliġibbli tagħhom. L-evalwazzjoni tas-sottomissjonijiet għall-programm Ewropa Diġitali u għall-Fond Ewropew għad-Difiża għadha għaddejja.

B’kollox, ġew allokati EUR 18,2 miljun għal dawn il-proġetti taħt is-suġġetti bit-tikketta STEP fi ħdan il-Pilastru II ta’ Orizzont Ewropa, ir-Raggruppament 4 (“Diġitali, Industrija u Spazju”). Dawn il-proġetti kollha ġew promossi minn konsorzji bejn il-pajjiżi stabbiliti madwar l-Istati Membri tal-UE – bin-Norveġja u l-Iżlanda jkunu wkoll eliġibbli.

ILLUSTRAZZJONI 5: Tqassim ġeografiku tal-għotjiet mogħtija fis-settur tat-teknoloġija diġitali fl-2024 minn programmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti għal STEP

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

Fil-livell nazzjonali, l-entitajiet minn Franza u mill-Ġermanja ħarġu bħala l-akbar riċevituri ta’ għotjiet relatati ma’ STEP f’dan il-qasam, fejn irċevew EUR 9,6 miljun u EUR 4,4 miljun, rispettivament. Dawn kienu segwiti minn Spanja (EUR 1,5 miljun) u l-Belġju (EUR 0,8 miljun) 28 .

Eżempji ta’ proġetti jinkludu PUMA, kollaborazzjoni bejn promoturi Franċiżi, Ġermaniżi u Taljani li tindirizza d-dipendenzi strateġiċi tal-UE fil-qasam tal-mikroelettronika għall-applikazzjonijiet spazjali u SPACELINK, fejn entitajiet mill-Greċja, il-Ġermanja, Franza u l-Belġju se jiżviluppaw b’mod kollaborattiv komponenti għal komunikazzjonijiet ottiċi ta’ grad spazjali 29 .

2.2.3.Għoti tas-setgħa lill-bijoteknoloġiji 

Il-bijoteknoloġiji għandhom rwol kruċjali fl-avvanz tal-innovazzjoni medika, fit-tisħiħ tar-reżiljenza tas-saħħa, u fit-trawwim tal-awtonomija strateġika tal-Ewropa fil-provvisti mediċi kritiċi. Dan is-settur ikopri spettru wiesa’ ta’ oqsma mill-aktar avvanzati, inklużi l-ġenomika u l-farmakoġenomika, is-sinteżi tad-DNA, l-inġinerija taċ-ċelloli u tat-tessuti, il-bijoinformatika, u n-nanobijoteknoloġiji. Il-fokus ta’ STEP fuq il-bijoteknoloġiji għandu l-għan li jaċċellera l-innovazzjoni, jiżgura s-sigurtà tal-provvista, u jsaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa fix-xjenzi tal-ħajja.

L-appoġġ ta’ STEP għall-bijoteknoloġiji mmaterjalizza fl-2024 permezz ta’ tliet suġġetti ddedikati rilevanti għal STEP taħt il-programm l-UE għas-Saħħa u tnejn taħt il- Fond Ewropew għad-Difiża. Dawn is-suġġetti allokaw baġit ta’ aktar minn EUR 150 miljun biex jappoġġaw proġetti ffukati fuq l-iżvilupp tal-antivirali, il-produzzjoni tal-vaċċini, il-manifattura ta’ mediċini essenzjali kif ukoll għall-kontromiżuri mediċi tad-difiża. Dawn l-investimenti għandhom l-għan li jtejbu l-preparatezza tal-Ewropa għal kriżijiet futuri tas-saħħa, inaqqsu d-dipendenza fuq fornituri esterni, u jixprunaw il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ innovazzjonijiet rivoluzzjonarji bijomediċi.

Sa tmiem l-2024, ġew evalwati biss is-sottomissjonijiet għas-suġġetti tal-programm l-UE għas-Saħħa u r-riżultati ġew ikkomunikati b’total ta’ madwar EUR 130 miljun mogħtija taħt is-sejħiet rilevanti għal STEP. Seba’ proġetti ngħataw għotja, li tkopri bejn 60 % u 80 % tal-kostijiet eliġibbli tagħhom. Erbgħa mill-proġetti appoġġati huma inizjattivi b’diversi benefiċjarji bi tlieta jitwettqu minn konsorzji bejn il-pajjiżi – entitajiet minn pajjiżi terzi assoċjati 30 huma wkoll eliġibbli. Dawn jinkludu l-iżvilupp, fil-Portugall, ta’ proċess kontinwu ta’ tnixxif farmaċewtiku bl-atomizzazzjoni li se jtejjeb l-effiċjenza, l-iskalabbiltà u l-flessibbiltà tal-manifattura farmaċewtika fl-UE (PharmSD 3.0) u pjattaforma għall-manifattura farmaċewtika xprunata mill-IA u r-robotika b’kollaborazzjoni bejn entitajiet stabbiliti fil-Finlandja, l-Iżvezja, Franza, l-Estonja u l-Ġermanja (RoboPharma) 31 .



ILLUSTRAZZJONI 6: Tqassim ġeografiku tal-għotjiet mogħtija fis-settur tal-bijoteknoloġiji fl-2024 minn programmi ta’ finanzjament tal-UE rilevanti għal STEP

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

L-entitajiet mill-Ġermanja u mill-Italja ħarġu bħala l-akbar benefiċjarji, fejn irċevew EUR 47 miljun u EUR 34 miljun, rispettivament. Segwiet Franza, li ħadet EUR 19-il miljun f’għotjiet 32 .

2.3.Fondi tal-politika ta’ koeżjoni 

Il-politika ta’ koeżjoni wriet li hija waħda mill-kontributuri ewlenin biex jintlaħqu l-objettivi ta’ STEP u biex jissaħħu l-kompetittività u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea. Il-flessibbiltajiet u l-inċentivi ewlenin introdotti minn STEP għall-politika ta’ koeżjoni kienu jinkludu l-possibbiltà li jiġu ffinanzjati investimenti produttivi f’intrapriżi li ma humiex SMEs taħt il-prijoritajiet iddedikati ta’ STEP tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, rati ogħla ta’ kofinanzjament sa 100 % fil-livell tal-prijorità ddedikata għal STEP u 30 % tal-allokazzjoni għall-prijoritajiet ta’ STEP imħallsa mill-baġit tal-UE bħala prefinanzjament ta’ darba ta’ 30 %.

Biex tindirizza l-interess qawwi mill-Istati Membri, f’April 2024, ftit wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament STEP, il-Kummissjoni Ewropea organizzat seminar tekniku 33 , maħsub prinċipalment għall-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, biex tiċċara kif STEP għandha tiġi implimentata taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni u biex tipprovdi gwida dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP.

Il-Kummissjoni rċeviet l-ewwel mewġa ta’ sottomissjonijiet ta’ talbiet għal emendi tal-programmi sal-31 ta’ Awwissu 2024, u allokat fondi għall-investimenti ta’ STEP qabel ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Minn dak iż-żmien, qed isiru konsultazzjonijiet informali addizzjonali ma’ għadd ta’ Stati Membri, li bosta minnhom jirriżultaw f’talbiet formali għal emendi tal-programmi.

Sal-aħħar ta’ Diċembru 2024, kienu sottomessi 41 emenda STEP minn 6 Stati Membri għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni, li jammontaw għal EUR 6,4 biljun ta’ fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Huma mistennija emendi addizzjonali matul l-2025.

It-tqassim huwa kif ġej:

·EUR 4,8 biljun taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)

·EUR 838 miljun taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+)

·EUR 764 miljun taħt il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF, Just Transition Fund)



2.3.1.Analiżi tal-użu ta’ STEP fil-politika ta’ koeżjoni 

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, 29 emenda STEP li jammontaw għal kważi EUR 5,9 biljun ġew approvati mill-Kummissjoni Ewropea f’sitt Stati Membri (ara t-Tabella 2 u l-Illustrazzjoni 7 hawn taħt).

TABELLA 2: Ħarsa ġenerali lejn l-allokazzjonijiet ta’ finanzjament fl-2024 (f’EUR miljun)

SM

Titolu

FEŻR 
(EUR miljun)

JTF 
(EUR miljun)

FSE+ 
(EUR miljun)

Total 
(EUR miljun)

DE

Programm Plurifond FEŻR/JTF 2021-2027 ta’ Nordrhein-Westfalen

200,20

301,60

501,8

DE

Programm FEŻR 2021-2027 ta’ Baden-Württemberg

62,22

62,2

DK

Teknoloġiji u Ħiliet Ekoloġiċi għal Tranżizzjoni Ġusta

52,30

52,3

ES

Programm FEŻR 2021-2027 tal-Katalonja

113,51

113,5

DE

Programm FEŻR 2021-2027 tal-Bavarja

104,54

104,5

DE

Programm FEŻR 2021-2027 ta’ Schleswig-Holstein

47,00

47,0

IT

RP FEŻR 2021-2027 tal-Lazio

109,04

109,0

IT

FEŻR 2021-2027 ta’ Sqallija

615,20

615,2

IT

RP FEŻR 2021-2027 ta’ Sardenja

166,01

166,0

ES

Programm FEŻR 2021-2027 tal-Cantabria

15,53

15,5

IT

RP FEŻR 2021-2027 tal-Lombardia

120,00

120,0

FR

Programm FEŻR-FSE+-JTF 2021-2027 ta’ Hauts de France

34,87

34,9

IT

RP FEŻR 2021-2027 tal-Campania

581,14

581,1

DE

Programm FEŻR 2021-2027 ta’ Mecklenburg-Vorpommern

138,69

138,7

ES

Programm FEŻR 2021-2027 tal-Komunità ta’ Madrid

72,67

72,7

IT

RP FEŻR FSE+ 2021-2027 tal-Calabria

264,45

264,5

IT

RP FEŻR FSE+ 2021-2027 tal-Puglia

471,53

471,5

ES

Programm FEŻR 2021-2027 ta’ Aragona

23,44

23,4

RO

Saħħa

351,77

114,44

466,2

IT

RP FEŻR 2021-2027 tal-Emilia-Romagna

61,46

61,5

IT

NP Riċerka, innovazzjoni u kompetittività għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali 2021-2027

558,46

558,5

IT

RP FEŻR 2021-2027 tal-Umbria

31,42

31,4

RO

Tkabbir intelliġenti, diġitalizzazzjoni u strumenti finanzjarji

271,01

271,0

RO

Tranżizzjoni Ġusta

266,33

266,3

FR

Programm reġjonali FEŻR-FSE+ 2021-2027 tal-Île-de-France u l-baċir tax-xmara Seine

35,19

12,48

47,7

DE

Bayern - FSE+

36,92

36,9

ES

Cantabria - FSE+

3,17

3,2

ES

Madrid - FSE+

63,82

63,8

RO

Edukazzjoni u Impjiegi – RO – FSE+

572,63

572,6

Total

29

4 414,5

620,2

838,3

5 873,0

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.

ILLUSTRAZZJONI 7: Allokazzjonijiet totali ta’ STEP fil-programmi adottati fl-2024 (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.

Distribuzzjoni ġeografika tal-investimenti ta’ STEP

Il-maġġoranza tal-investimenti rilevanti għal STEP ġew proposti mill-programmi reġjonali fi Franza, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja (ara l-illustrazzjoni ta’ hawn taħt - li jirrappreżentaw 23 mid-29 programm adottat, b’allokazzjonijiet STEP b’valur ta’ EUR 3,7 biljun (EUR 3,23 biljun FEŻR, EUR 151 miljun FSE+ u EUR 302 miljun JTF). Is-sitt programmi nazzjonali l-oħra kienu jinkludu emendi b’valur ta’ EUR 2,2 biljun (EUR 1,18 biljun FEŻR, EUR 687 miljun FSE+ u EUR 319-il miljun JTF).

ILLUSTRAZZJONI 8: Pożizzjoni ġeografika tal-programmi adottati fl-2024

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.



ILLUSTRAZZJONI 9: Volum finanzjarju tal-emendi ta’ STEP għal kull Stat Membru fl-2024 (ippreżentat vs. adottat, jonqos skont l-ammont) 34 (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.

Fir-rigward tal-FEŻR u l-FSE+, aktar minn żewġ terzi tal-allokazzjonijiet ta’ STEP ġew riprogrammati taħt ir-reġjuni inqas żviluppati 35 .



ILLUSTRAZZJONI 10: Volumi finanzjarji tal-allokazzjonijiet ta’ STEP taħt il-FEŻR u l-FSE+ għal kull kategorija ta’ reġjun fl-2024 (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.

Distribuzzjoni settorjali tal-investimenti ta’ STEP

Il-politika ta’ koeżjoni, taħt il-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, għandha l-għan li tappoġġa Ewropa aktar intelliġenti, aktar ekoloġika, aktar konnessa, aktar soċjali u inklużiva eqreb taċ-ċittadini. Taħt dawn l-objettivi ta’ politika ewlenin, hemm objettivi speċifiċi aktar dettaljati (ara l- Portal tad-Data Miftuħa għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej - Il-Kummissjoni Ewropea | Data Miftuħa dwar il-Koeżjoni) . Ir-Regolament STEP introduċa żewġ objettivi speċifiċi ġodda taħt il-FEŻR u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), biex jiġu appoġġati investimenti mmirati lejn it-tisħiħ tal-iżvilupp industrijali u t-tisħiħ tal-ktajjen tal-valur f’setturi strateġiċi.

Aktar minn 60 % tal-investimenti STEP taħt il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jiġu implimentati taħt l-objettiv speċifiku l-ġdid taħt l-objettiv ta’ politika “Ewropa Aktar Intelliġenti”, segwiti minn madwar 15 % għal teknoloġiji nodfa fl-objettiv ta’ politika “Ewropa Aktar Ekoloġika”. L-FSE+ se jappoġġa l-ħiliet permezz ta’ miżuri ta’ tagħlim tul il-ħajja u ta’ impjieg b’14 % tal-investimenti STEP taħt l-objettiv ta’ politika “Ewropa Soċjali”. Fl-aħħar nett, 10 % tal-investimenti STEP se jsiru fir-reġjuni ta’ tranżizzjoni ġusta taħt l-objettiv speċifiku tal-JTF (ara l-Illustrazzjoni 11).



ILLUSTRAZZJONI 11: Volum finanzjarju tal-emendi ta’ STEP skont l-objettiv ta’ politika u l-objettiv speċifiku fl-2024* (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.
*għal programmi biss bi prijoritajiet iddedikati

L-investimenti produttivi jirrappreżentaw madwar 60 % tal-ammonti ppjanati taħt STEP. L-investimenti fl-iżvilupp tal-ħiliet u fir-riċerka u l-innovazzjoni jammontaw għal 15 % tal-allokazzjoni. Madwar 10 % se jappoġġaw attivitajiet oħra, bħat-trasferiment tat-teknoloġija, l-appoġġ għall-inkubazzjoni tan-negozji, l-ispin-offs u l-istart-ups, kif ukoll servizzi marbuta mal-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju u r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima (ara l-Illustrazzjoni 12). 



ILLUSTRAZZJONI 12: Volum finanzjarju tal-emendi ta’ STEP skont is-settur fl-2024* (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.
*(għal programmi biss bi prijoritajiet iddedikati jew ammonti magħrufa ddedikati għal STEP)

Jekk wieħed iħares lejn it-tqassim tal-investimenti produttivi għal kull settur ta’ STEP, l-investimenti huma pjuttost maqsumin b’mod ugwali (ara l-Illustrazzjoni 13). Il-biċċa l-kbira tal-allokazzjoni ġiet attribwita għal investimenti produttivi f’intrapriżi li ma humiex SMEs, bl-użu tal-possibbiltà li dawn l-intrapriżi jiġu ffinanzjati taħt il-FEŻR għal proġetti relatati ma’ STEP.



ILLUSTRAZZJONI 13: Investimenti produttivi skont it-tip ta’ intrapriża u s-settur ta’ STEP fil-prijoritajiet tal-2024* (f’EUR miljun)

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.
*(għal programmi biss bi prijoritajiet iddedikati jew ammonti magħrufa ddedikati għal STEP)

Il-kisbiet ewlenin mistennija tal-investimenti ta’ STEP

Abbażi tal-indikaturi ewlenin tal-output u tar-riżultati li l-Istati Membri għażlu fil-programmi emendati, u f’konformità mal-objettivi ta’ STEP, jista’ jiġi dedott li r-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni se jikkofinanzjaw teknoloġiji strateġiċi rilevanti għal STEP f’ħafna intrapriżi. Huma mistennija investimenti f’madwar 7 200 intrapriża b’kollox fi 23 mill-programmi adottati, 2 900 minnhom fis-settur tat-teknoloġiji diġitali, 3 000 fis-settur nadif u kważi 570 fis-settur tal-bijoteknoloġija. L-investimenti ppjanati huma mistennija li joħolqu 9 800 impjieg fl-entitajiet appoġġati.



2.3.2.Sejħiet għal proposti taħt il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni

Wara l-approvazzjoni tal-ewwel emendi tal-programmi STEP, id-Danimarka u l-Ġermanja rrapportaw erba’ sejħiet ta’ STEP 36 sa tmiem l-2024 li kienu jammontaw għal EUR 244 miljun 37 .

Tabella 3: Ħarsa ġenerali lejn il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni fl-2024

SM

Titlu tal-Programm

Ammont totali f’EUR miljun

Status fil-31 ta’ Diċembru 2024

DK

Teknoloġiji u Ħiliet Ekoloġiċi għal Tranżizzjoni Ġusta

45,5

Ikkompletat

DE

Programm FEŻR 2021-2027 tal-Bavarja

47,0

Għadu għaddej (skadenza fil-31 ta’ Jannar 2025)

Programm FEŻR 2021-2027 ta’ Schleswig-Holstein

11,4

Għadu għaddej (skadenza fil-31 ta’ Awwissu 2025)

Programm Plurifond FEŻR/JTF 2021-2027 ta’ Nordrhein-Westfalen

140,0

Għadu għaddej (skadenza fit-3 ta’ Frar 2025)

Total

243,9

Sors: Rapportar mill-Istati Membri.

2.3.3.Proġetti magħżula

Erba’ Stati Membri (id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, u l-Italja) diġà għażlu proġetti taħt STEP, inklużi:

Fid-Danimarka, wara s-sejħa Daniża “Żvilupp ta’ ktajjen tal-valur fi ħdan Power-to-X”, bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 f’setturi diffiċli għat-tranżizzjoni, li tistabbilixxi suq Daniż kompetittiv għall-idroġenu ekoloġiku u s-soluzzjonijiet PtX (baġit ta’ EUR 13-il miljun), intgħażlu erba’ proġetti. Dawn jinkludu HYFLEX (Ħżin Flessibbli tal-Idroġenu għall-Power-to-X u Ottimizzazzjoni tal-Grilja), li jimmira li jistabbilixxi ħżin tal-idroġenu u kompressuri tal-idroġenu assoċjati b’kapaċità ta’ ħżin ta’ 10 tunnellati (500 MWh) u jottimizza l-operat tal-impjant PtX billi juri grad ogħla ta’ utilizzazzjoni tal-produzzjoni tal-enerġija mill-Park Solari Kassø, kif ukoll jiżgura bilanċ ottimali tal-impjant fir-rigward tal-grilja tal-elettriku pubblika. Ara l-lista ta’ operazzjonijiet magħżula hawnhekk .

F’Île-de-France (Franza), ġie stabbilit strument finanzjarju mill-awtorità ta’ ġestjoni biex jappoġġa l-istart-ups industrijali u l-SMEs innovattivi b’potenzjal ekonomiku għoli, fis-settur tat-teknoloġija nadifa, fil-fażi ta’ qabel l-industrijalizzazzjoni u l-espansjoni tagħhom. Ara l-lista ta’ operazzjonijiet magħżula hawnhekk .

Fir-rigward ta’ Baden-Württemberg (il-Ġermanja), intgħażlu erba’ proġetti mill-awtorità ta’ ġestjoni, inkluż wieħed dwar l-istabbiliment ta’ infrastruttura ta’ mikroproduzzjoni u verifika għall-iżvilupp ta’ “sistemi kwantistiċi kompatti” (kost totali ta’ EUR 5 miljun, EUR 3 miljun mill-FEŻR). Qed jiġi stabbilit cluster teknoloġiku għall-produzzjoni u l-verifika ta’ sistemi kwantistiċi fl-Istitut tat-Teknoloġiji Kwantistiċi taċ-Ċentru Ajruspazjali Ġermaniż. Il-proġett se jiżviluppa sistemi kwantistiċi kompatti għal applikazzjonijiet spazjali. L-għan huwa li s-sistemi kwantistiċi jiġu trasferiti mir-riċerka u t-tħaddim fil-laboratorju għall-applikazzjoni, pereżempju, bħala sensuri fuq is-satelliti. Ara l-lista ta’ operazzjonijiet magħżula hawnhekk.

Ir-reġjun tal-Umbria (l-Italja) stabbilixxa strument finanzjarju li għandu l-għan li jappoġġa lill-SMEs biex jinvestu fl-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji fl-oqsma tat-teknoloġiji diġitali, profondi u bijoteknoloġiċi, u teknoloġiji nodfa u effiċjenti permezz ta’ forma mħallta ta’ appoġġ (self u għotja sussegwenti fil-forma ta’ remissjoni tad-dejn). L-għan huwa li jiġu appoġġati l-SMEs li jsibuha aktar diffiċli biex jaċċessaw il-kreditu biex jinvestu f’innovazzjonijiet teknoloġiċi fis-setturi deskritti hawn fuq. Ara l-lista ta’ operazzjonijiet magħżula hawnhekk .

2.4.Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u InvestEU 

Sal-31 ta’ Diċembru 2024, l-implimentazzjoni ta’ STEP taħt il- Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) kienet limitata. L-ebda Stat Membru ma emenda l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRPs) tiegħu biex iżid prijorità ta’ STEP jew jappoġġa proġett mogħti s-Siġill STEP. L-ebda Stat Membru ma għamel użu mill-flessibbiltà miżjuda, introdotta mill-Artikolu 19 tar-Regolament STEP 38 , biex jalloka riżorsi tal-RRF lill-kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU għal investimenti rilevanti għal STEP, li jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-finanzjament lil hinn mill-iskadenza tal-RRF ta’ Awwissu 2026.

Kif mistenni, ir-rekwiżit li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-proġetti mogħtija s-Siġill STEP meta jirrevedu l-RRPs tagħhom kien għadu ma ġiex implimentat fl-2024 peress li l-ewwel Siġilli STEP ingħataw fl-aħħar nett tas-sena 2024.

Biex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ STEP, il-Kummissjoni pprovdiet aktar gwida u appoġġ lill-Istati Membri. F’Lulju 2024, il-Kummissjoni emendat il-Gwida dwar l-RRF 39 biex tikkjarifika l-proċess għall-emendar tal-RRPs biex jiġu allokati riżorsi tal-RRF għall-objettivi ta’ STEP. Il-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod regolari mal-NCPs ta’ STEP u mal-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-RRPs, biex ixxerred l-informazzjoni inkluż fir-rigward tal-lista ta’ Siġilli STEP mogħtija fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

3.GĦODDA 3: Tisħiħ tal-viżibbiltà għal proġetti eċċellenti - is-Siġill STEP

Fost l-għodod introdotti mir-Regolament STEP biex jappoġġaw l-iżvilupp u l-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi, is-Siġill STEP (Sovranità) huwa tikketta ta’ kwalità introdotta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament STEP. Dan jingħata mill-Kummissjoni Ewropea biex jirrikonoxxi proġetti ta’ kwalità fis-suq intern kollu. Dan jingħata fi tmiem il-proċess tal-għażla taħt il-ħames programmi ġestiti direttament mill-Kummissjoni u li jikkontribwixxu għal STEP: il-Fond Ewropew għad-Difiża, Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond għall-Innovazzjoni, u l-programm l-UE għas-Saħħa.

3.1.Kriterji ta’ eliġibbiltà 

Skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament STEP, il-Kummissjoni tagħti Siġill STEP lil kwalunkwe proġett li jikkonforma ma’ żewġ kundizzjonijiet:

·Allinjament strateġiku: jikkontribwixxi direttament għall-objettivi ta’ STEP, kif definiti fl-Artikolu 2 tar-Regolament STEP u elaborati aktar fin-Nota ta’ Gwida dwar STEP 40 .

·Eċċellenza: jikkonforma mar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità, b’mod partikolari l-kriterji tal-eliġibbiltà, tal-esklużjoni u tal-għoti, previsti fis-sejħa speċifika għal proposti li taħtha jkun qed jiġi vvalutat.

Fil-prattika, is-servizzi tal-Kummissjoni jfasslu sejħiet iddedikati għal proposti (jiġifieri, “sejħiet”) biex jiġu implimentati l-objettivi ta’ STEP. Il-proposti sottomessi għas-sejħiet iddedikati, li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-kwalità wara valutazzjoni mis-servizzi tal-Kummissjoni, se jirċievu Siġill STEP. Proġett jista’ jirċievi s-Siġill STEP anke jekk ma jirċevix finanzjament dirett minħabba l-baġit limitat ta’ sejħa partikolari għal proposti.

Il-proġetti approvati taħt il-qafas tal-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI, Important Projects of Common European Interest) jgħaddu minn valutazzjoni bir-reqqa mill-Kummissjoni. Filwaqt li s-Siġill STEP jista’ jgħin lil dawn il-proġetti jaċċessaw il-finanzjament, bħall-fondi ta’ koeżjoni, ir-Regolament STEP ma jipprevedix l-għoti ta’ Siġilli STEP lil proġetti IPCEI.

Is-Siġill STEP huwa simili għas-Siġill ta’ Eċċellenza, li bħalissa jingħata lil proġetti vvalutati taħt programmi, fost oħrajn, bħal Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali, li ma rċevewx finanzjament minħabba n-nuqqas ta’ baġit disponibbli f’sejħa partikolari. Ir-Regolament STEP jagħti lis-Siġill STEP l-istess status bħas-Siġill ta’ Eċċellenza, fl-iffaċilitar tal-aċċess għall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni (ara hawn taħt).

Madankollu, b’differenza mis-Siġill ta’ Eċċellenza, is-Siġill STEP jingħata wkoll lil proġetti ffinanzjati (parzjalment jew kompletament), li jiftaħ it-triq għal kombinazzjonijiet possibbli ta’ finanzjament. Is-Siġill ta’ Eċċellenza jikkonċerna firxa speċifika ta’ azzjonijiet ta’ finanzjament tal-UE taħt Orizzont Ewropa 41 .

3.2.L-għoti tas-Siġill STEP

Il-proċess tal-għoti tas-Siġill STEP huwa mfassal biex ikun sempliċi u faċli għall-utent. Il-promoturi tal-proġetti ma jeħtiġux applikazzjoni separata; il-proġetti li japplikaw għal sejħiet bit-tikketta STEP taħt il-ħames programmi eliġibbli jiġu vvalutati awtomatikament għal Siġill STEP. Is-Siġill STEP jingħata flimkien mar-riżultati tas-sejħa, bir-riċevituri jirċievu ċertifikat online u fuljett ta’ spjegazzjoni mħejji mill-Kummissjoni Ewropea.

Il-proġetti aġġudikati jiġu ppubblikati fuq il-Portal STEP f’dashboard iddedikat 42 , f’konformità mar-Regolament Finanzjarju 43 . Għal sejħiet fejn il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li tiskatta restrizzjonijiet ta’ sigurtà skont l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju jew Artikoli relatati fl-atti tal-programm rispettivi, li jikkonċernaw l-assi u l-interessi strateġiċi tal-UE, jistgħu japplikaw kundizzjonijiet addizzjonali. F’każijiet bħal dawn, tista’ tkun meħtieġa valutazzjoni tal-kontroll tas-sjieda (OCA, ownership control assessment), iżda din titwettaq biss jekk il-proġett jintgħażel għall-finanzjament. Għal proġetti tas-Siġill STEP taħt sejħiet b’restrizzjoni tas-sigurtà, li ma jkunux irċevew finanzjament, l-inċentivi marbuta jistgħu ma jkunux disponibbli sakemm titwettaq OCA.

3.3.Benefiċċji li tirċievi Siġill STEP

Is-Siġill STEP ġie introdott fir-Regolament STEP biex jiffaċilita l-aċċess għal finanzjament alternattiv jew komplementari minn programmi tal-UE u investituri privati, inklużi l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond għall-Modernizzazzjoni, u InvestEU 44 .

Id-deċiżjoni finali dwar appoġġ finanzjarju addizzjonali tibqa’ f’idejn l-awtoritajiet responsabbli għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-baġit tal-UE fl-Istati Membri, bħal dawk li jissorveljaw il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Fl-2024, it-Taskforce ta’ STEP tal-Kummissjoni żgurat li l-proġetti ttikkettati jiġu ppubblikati fuq il-Portal STEP 45 , bil-lista tiġi aġġornata regolarment u kondiviża b’mod attiv mal-Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs) ta’ STEP. It-Taskforce ta’ STEP iddisseminat ukoll din l-informazzjoni lis-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni li jappoġġaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-finanzjament tal-UE, inklużi d-DĠ REGIO, id-DĠ ECFIN, u s-SĠ-REFORM.

Fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni ta’ STEP, tfaċċaw sfidi inizjali fir-rigward tal-effettività tas-Siġill STEP bħala għodda għall-faċilitazzjoni tal-finanzjament.

Pereżempju, il-kombinazzjoni ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament tista’ tkun kumplessa minħabba metodoloġiji differenti użati mill-awtoritajiet tal-għoti. Pereżempju, meta tirrimborża l-kostijiet tal-proġetti, il-Kummissjoni spiss tuża “għażliet ta’ kostijiet issimplifikati” 46 . Dawn il-metodi jirrimborżaw il-kostijiet ta’ proġett abbażi ta’ stimi tal-kostijiet jew fuq il-kisba ta’ stadji importanti definiti minn qabel tal-proġett. L-allinjament ta’ dawn l-approċċi ma’ sistemi ta’ rimborż ibbażati fuq il-kostijiet reali mġarrba jippreżenta sfidi, b’mod partikolari fl-iżgurar tal-konformità mal-projbizzjoni kontra l-finanzjament doppju 47 , li tipprevjeni kwalunkwe element ta’ kost milli jirċievi aktar minn 100 % tal-finanzjament tiegħu mill-baġit tal-UE.

Dawn se jiġu esplorati aktar fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim ta’ STEP li għandu jsir fit-tieni nofs tal-2025.

3.4.Is-Sitwazzjoni Attwali

L-ewwel Siġilli STEP ingħataw f’Ottubru 2024 - biss meta tlesta l-proċess ta’ evalwazzjoni għall-ewwel sejħiet allinjati ma’ STEP. Fl-2024, ingħataw total ta’ 162 Siġill STEP taħt il-ħames suġġetti ta’ sejħiet tas-sejħa tal-Fond għall-Innovazzjoni tal-2023, iż-żewġ suġġetti tas-sejħa għal proposti ta’ Orizzont Ewropa – Pilastru II Spazju u t-tliet suġġetti tal-programm l-UE għas-Saħħa. Is-Siġilli STEP mogħtija taħt il-Fond għall-Innovazzjoni ngħataw lil proġetti fil-qasam tat-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, filwaqt li s-Siġilli mogħtija taħt Orizzont Ewropa u l-programm l-UE għas-Saħħa huma rilevanti rispettivament għas-setturi diġitali u tal-bijoteknoloġiji.

TABELLA 4: Sommarju tas-Siġilli STEP mogħtija taħt is-sejħiet għal proposti rilevanti għal STEP fl-2024

Isem is-Sejħa

Isem is-Suġġett tas-Sejħa

Siġilli

InnovFund-2023-NZT

Skala Kbira

80

Skala Medja

16

Skala Żgħira

8

Bdoti

20

Manifattura ta’ Teknoloġija Nadifa

25

Total

149

Isem is-Sejħa

Isem is-Suġġett tas-Sejħa

Siġilli

HORIZON-CL4-2024-SPACE-01

Studju tal-Fażi-B tal-Gravimetrija Spazjali Kwantistika u Maturazzjoni tat-Teknoloġija

0

Teknoloġiji spazjali għan-nondipendenza u l-kompetittività Ewropea

6

Total

6

Isem is-sejħa

Isem is-suġġett tas-sejħa

Siġilli

EU4H-2024-PJ-01

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tal-Vaċċini (EVH, European Vaccines Development Hub)

1

Sejħa għal proposti biex jiġi appoġġat l-iżvilupp ta’ antivirali ġodda

1

Sejħa għal proposti biex jiġu appoġġati teknoloġiji u proċessi innovattivi ta’ manifattura fl-Unjoni għall-produzzjoni tal-mediċini

5

Total

7

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

Minn total ta’ 162 proġett li ngħataw is-Siġill STEP, 98 proġett ġew magħżula minn qabel għal għotja permezz tas-sejħa għal proposti li taħtha ġew ivvalutati. Il-proġetti kollha li ngħataw Siġill STEP taħt Orizzont Ewropa u l-programm l-UE għas-Saħħa u 85 proġett li ngħataw is-Siġill taħt il-Fond għall-Innovazzjoni ġew mistiedna wkoll għat-tħejjija tal-ftehim ta’ għotja. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-għotjiet mogħtija se jkopru parti mill-kostijiet tal-proġetti eliġibbli (eż., massimu ta’ 60 % tad-diskrepanza fil-finanzjament għall-Fond għall-Innovazzjoni), u b’hekk iħallu lok għal finanzjament addizzjonali potenzjali. L-64 proġett l-oħra evalwati b’mod pożittiv taħt il-Fond għall-Innovazzjoni ma rċevewx għotjiet minħabba restrizzjonijiet baġitarji iżda xorta ngħataw is-Siġill STEP għall-potenzjal qawwi u l-mertu tekniku tagħhom.



ILLUSTRAZZJONI 14: Diżaggregazzjoni tal-għadd ta’ proġetti li ngħataw Siġill STEP għal kull status ta’ finanzjament u għal kull programm ta’ għoti.

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

Abbażi tas-suġġett li taħtu ġew ivvalutati, il-biċċa l-kbira tal-proġetti aġġudikati kienu allinjati mal-objettiv ta’ STEP li jiġu appoġġati l-iżvilupp u/jew il-manifattura ta’ teknoloġiji kritiċi madwar l-Unjoni, jew li jiġu salvagwardjati u msaħħa l-ktajjen tal-valur rispettivi tagħhom.

Fl-2024, l-ebda proġett tas-Siġill STEP ma indirizza speċifikament in-nuqqas ta’ ħaddiema u ta’ ħiliet fis-setturi ta’ STEP.

F’termini ta’ distribuzzjoni ġeografika, il-biċċa l-kbira tal-proġetti li ngħataw is-Siġill STEP kienu jinsabu 48 fi Franza (29 Siġill), fil-Ġermanja (25 Siġill), fi Spanja (22 Siġill), fl-Italja (19-il Siġill) u fl-Iżvezja (14-il Siġill).



ILLUSTRAZZJONI 15: Distribuzzjoni ġeografika tas-siġilli STEP mogħtija fl-2024 49

Sors: Rapportar tas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea.

F’termini reġjonali, ir-reġjuni tal-UE li rċevew l-ogħla numru ta’ Siġilli STEP kienu l-Katalonja (Spanja) u l-Lombardia (l-Italja) b’ħames Siġilli STEP kull wieħed fis-settur tat-teknoloġija nadifa, Île-de-France (Franza) b’erbgħa għat-teknoloġiji diġitali u tnejn għall-bijoteknoloġiji, u Oberbayern (il-Ġermanja) bi tnejn għat-teknoloġiji diġitali u tnejn għall-bijoteknoloġiji.

4.GĦODDA 4: Iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament bil-Portal STEP

4.1.Portal STEP: punt uniku ta’ servizz għall-applikanti tal-proġetti, għall-awtoritajiet pubbliċi, u għall-investituri

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament STEP, l-ewwel verżjoni tal-portal STEP (Portal tas-Sovranità) ġiet rilaxxata pubblikament fid-29 ta’ April 2024, inqas minn xahrejn wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Din iffokat fuq il-ħames programmi tal-UE fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP li huma ġestiti direttament mill-Kummissjoni, u wriet informazzjoni dwar:

·sejħiet għal proposti li għadhom għaddejjin u li ġejjin li jikkontribwixxu għall-objettivi ta’ STEP;

·lista ta’ teknoloġiji fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP;

·informazzjoni kompatta dwar STEP u l-programmi li fuqhom hija bbażata;

·il-possibbiltà li jintbagħtu feedback u mistoqsijiet, u li wieħed jabbona f’Bullettin ta’ STEP;

·ħoloq għal riżorsi eżistenti (eż., servizzi ta’ konsulenza, inizjattivi ewlenin tal-Kummissjoni li jappoġġaw l-objettivi ta’ STEP, eċċ.).

Bi tweġiba għall-feedback tal-utenti, f’Settembru 2024 ġiet rilaxxata verżjoni mġedda tal-portal STEP. Din il-verżjoni aġġornata introduċiet:

·struttura ffukata fuq l-utent li tfassal il-kontenut biex tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tal-udjenzi ewlenin fil-mira: il-promoturi tal-proġetti, l-Awtoritajiet ta’ Ġestjoni tal-baġit tal-UE fl-Istati Membri, u l-investituri privati. Inħolqu taqsimiet iddedikati għal kull grupp, li jiżguraw aċċess aktar faċli għall-informazzjoni rilevanti;

·viżwali u infografika mtejba, li tejbu d-disinn tal-Portal u saħħew l-identità viżwali tiegħu;

· dashboard “Get Funding” , li jelenka s-sejħiet għal proposti kollha relatati ma’ STEP billi juża d-data mill-portal għall-Finanzjament u għall-Offerti tal-UE bħala s-sinsla, u li jidderieġi lill-promoturi tal-proġetti lejn dan tal-aħħar għall-applikazzjoni propja għal sejħiet speċifiċi;

· mappa tal-NCPs ta’ STEP interattiva;

·id- dashboard tas-Siġilli STEP , li jipprovdi informazzjoni intuwittiva dettaljata dwar il-proġetti li ngħataw is-Siġill STEP madwar l-UE;

·mappa li turi l-Istati Membri/ir-Reġjuni li sfruttaw opportunitajiet ta’ finanzjament għal STEP taħt il-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni tagħhom.

Wara li ilu online għal 8 xhur, il- portal STEP issa jservi bħala pjattaforma konvolġenti u aċċessibbli għall-partijiet ikkonċernati kollha. Il-Portal STEP ġie stabbilit bħala punt uniku ta’ servizz komprensiv imfassal biex jippreżenta l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament disponibbli permezz ta’ finanzjament tal-UE għal setturi strateġiċi allokati taħt STEP, mingħajr ma jidduplika s-sistemi eżistenti peress li jiddependi parzjalment fuq il-Portal għall-Finanzjament u għall-Offerti.

4.2.STEP bħala punt ta’ dħul uniku pilota għall-finanzjament tal-UE

Wieħed mill-objettivi tal-Portal STEP kif stabbilit fir-Regolament STEP kien li tiġi vvalutata l-fattibbiltà tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-programmi tal-Unjoni f’portal uniku tal-Unjoni, biex l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament tal-Unjoni jinġiebu eqreb lejn il-benefiċjarji potenzjali u tissaħħaħ it-trasparenza tagħhom lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni.

Iggwidata minn approċċ iffukat fuq l-utent, it-Task Force ta’ STEP wettqet stħarriġ madwar l-UE kollha dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE minn nofs Settembru sal-aħħar ta’ Ottubru 2024 li ġabar kważi 500 tweġiba mis-27 Stat Membru kollha. B’mod parallel, saru 30 intervista bilaterali ma’ kampjun ta’ benefiċjarji potenzjali, assoċjazzjonijiet tal-industrija, punti ta’ kuntatt nazzjonali (ta’ STEP u programmi oħra tal-UE bħal Orizzont Ewropa), u kumpaniji ta’ konsulenza.

Il-punti ewlenin kienu:

·L-applikanti jiffaċċjaw sfidi biex isibu informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE

ILLUSTRAZZJONI 16: Huwa faċli biex issib informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE? 

Sors: Stħarriġ madwar l-UE dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE mwettaq minn nofs Settembru sal-aħħar ta’ Ottubru 2024.

ILLUSTRAZZJONI 17: Sfidi meta wieħed ifittex informazzjoni dwar il-finanzjament (% tal-utenti)

Sors: Stħarriġ madwar l-UE dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE mwettaq minn nofs Settembru sal-aħħar ta’ Ottubru 2024.

·Kemm l-utenti ġodda kif ukoll dawk b’esperjenza jagħtu biss punteġġ ta’ 5/10 għall-faċilità biex wieħed isib informazzjoni dwar il-finanzjament tal-UE, li jindika li l-esperjenza ġenerali hija ta’ sfida irrispettivament mil-livell ta’ esperjenza li għandu l-utent.

·Il-biċċa l-kbira indikaw li d-diffikultajiet huma relatati mal-fażijiet ta’ sensibilizzazzjoni u identifikazzjoni, u jikkonfermaw li x-xenarju attwali tal-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE huwa diffiċli wisq biex wieħed jaqrah u jinnavigah (“Irrid infittex ta’ spiss ħafna għal informazzjoni ġdida [l-ebda tfakkira utli]”, “Nitħawwad dwar l-iskedi ta’ żmien ġenerali [il-ftuħ, l-għeluq, id-data ta’ skadenza]”, “diffiċli tifhem l-ammonti ta’ finanzjament eliġibbli [x’inhuma l-kostijiet eliġibbli]”)

·Għalhekk, l-utenti jridu jiddependu ħafna fuq appoġġ estern: huma jfittxu b’mod partikolari riżorsi b’xejn bħal avvenimenti u webinars iżda 33 % tal-utenti jeħtieġ li jiddependu fuq esperti professjonali jew konsulenti mħallsa għall-gwida. Għalhekk, l-identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE għandha kost għall-partijiet ikkonċernati saħansitra qabel ma jibdew il-proċess ta’ applikazzjoni.

·Il-partijiet ikkonċernati jfittxu portal għall-finanzjament tal-UE ċar u faċli.

·Il-kanali uffiċjali jibqgħu s-sors ewlieni ta’ informazzjoni. Għalhekk, l-aspettattivi huma għoljin fost il-partijiet ikkonċernati għal portal ċar, faċli biex tinnavigah u tifhmu, li jiġbor l-opportunitajiet kollha ta’ finanzjament li joħorġu mill-baġit tal-UE.

·Sorsi mhux uffiċjali bħal avvenimenti u networks professjonali jintużaw ħafna għal informazzjoni u aġġornamenti addizzjonali.

Punt uniku ta’ servizz: L-aspettattivi tal-utenti li jħarsu ’l quddiem

Fl-2024, it-Task Force ta’ STEP għamlet ħilitha biex tipprovdi Portal STEP li jagħmel il-ħajja tal-applikanti tal-proġetti aktar faċli u b’hekk jippermetti aktar riċerkaturi/kumpaniji li jaċċessaw il-finanzjament tal-UE – li jissodisfa l-objettiv stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament STEP fir-rigward tas-simplifikazzjoni u t-trasparenza. L-esperjenza pożittiva dwar il-Portal STEP ġiet ikkonfermata: Terz ta’ dawk li wieġbu kienu diġà jafu bi STEP (li juri impatt tajjeb ta’ sensibilizzazzjoni minħabba l-perjodu ta’ żmien qasir li kien disponibbli), u kważi 90 % setgħu jsibu l-informazzjoni li kellhom bżonn.

Tlieta minn kull erbgħa ta’ dawk li wieġbu raw valur f’punt uniku ta’ servizz li jgħaqqad flimkien l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE u dawk nazzjonali.

L-utenti ssottolinjaw liema tip ta’ informazzjoni hija essenzjali: l-iskadenza u l-iskeda ta’ żmien ta’ sejħa, ir-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà u l-ambitu, it-tip ta’ finanzjament u l-ammont jinsabu fl-ewwel tliet postijiet.

ILLUSTRAZZJONI 18: X’inhi l-iktar informazzjoni importanti li għandha tiġi identifikata?

Sors: Stħarriġ madwar l-UE dwar l-aċċess għall-finanzjament tal-UE mwettaq minn nofs Settembru sal-aħħar ta’ Ottubru 2024.

L-istabbiliment ta’ simulatur biex jipprovdi lill-SMEs bi gwida dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-Unjoni

Biex tikkonforma mar-rekwiżit stabbilit fl-Artikolu 8 tar-Regolament STEP rigward il-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ simulatur, it-Task Force ta’ STEP diġà bdiet ħidma fl-2024 fuq proġett possibbli ta’ chatbot ta’ STEP bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali (IA). Għodda bħal din għandha tgħin lill-applikanti tal-proġetti jidentifikaw aħjar l-opportunitajiet ta’ finanzjament li jkunu eliġibbli għalihom fuq bażi ta’ domanda (jiġifieri, billi jitqiesu l-input tal-utent jew l-idea tal-proġett). Approċċ ġdid bħal dan jirrivoluzzjona s-sistema eżistenti ta’ finanzjament tal-UE, li bħalissa hija bbażata fuq l-offerta, li tirrikjedi li l-applikanti jfittxu ġo firxa wiesgħa ta’ programmi biex jidentifikaw opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti.

Abbażi tal-ħtiġijiet tal-utenti espressi fl-istħarriġ, it-Task Force ta’ STEP kisbet stampa aktar ċara ta’ kif l-intelliġenza artifiċjali tista’ tgħin fir-rigward tal-identifikazzjoni tal-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE:

·L-utenti jistennew li l-IA tipprovdi informazzjoni ċara u appoġġ ta’ onboarding biex jidentifikaw l-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE;

·Il-maġġoranza tal-utenti japprezzaw l-IA bħala assistenza fl-identifikazzjoni tat-tqabbil mal-opportunitajiet ta’ finanzjament l-aktar rilevanti;

·L-utenti ma qajmux interess fl-użu tal-IA għat-tlaqqigħ (is-sejba ta’ sħab għal proġetti b’diversi benefiċjarji);

·L-affidabbiltà u l-korrettezza tal-informazzjoni huma l-aktar karatteristiċi apprezzati li l-utenti jistennew mill-assistenza tal-IA;

·L-appoġġ multilingwi huwa meqjus bħala “xi ħaġa sabiħa li jkollok” mill-utenti mill-Istati Membri tal-Ewropa tal-Lvant, iżda mhux neċessità meta mqabbel ma’ dawn ta’ hawn fuq.

5.Kontribut għall-objettivi fit-tul dwar il-kompetittività 

Billi tidderieġi l-investimenti fl-innovazzjoni diġitali u tat-teknoloġija avvanzata, fit-teknoloġiji nodfa u effiċjenti fir-riżorsi, u fil-bijoteknoloġiji, STEP issaħħaħ il-kompetittività tal-Ewropa billi ssaħħaħ ir-reżiljenza industrijali u l-kapaċità tal-innovazzjoni. B’differenza minn fond awtonomu, STEP taħdem billi tintegra u tikkoordina l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE – billi tikkombina fondi ġestiti direttament mill-Kummissjoni u fondi ġestiti mill-Istati Membri – filwaqt li tiżgura li l-investiment pubbliku jkun dirett b’mod aktar effettiv lejn prijoritajiet industrijali u teknoloġiċi kritiċi.

STEP tallinja mill-qrib mal-Boxxla għall-Kompetittività 50 , il-qafas fit-tul tal-UE għar-reżiljenza ekonomika u s-saħħa industrijali. Prijorità ewlenija tar-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2025 51 hija li jiżdied l-investiment strateġiku fir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) u jitjieb l-aċċess għall-finanzjament għal kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir — objettivi appoġġati direttament minn STEP permezz tas-Siġill STEP, il-Portal STEP, u l-allinjament ta’ aktar minn EUR 10 biljun f’finanzjament fl-2024.

Billi tintegra l-finanzjament taħt ġestjoni diretta u l-finanzjament taħt ġestjoni kondiviża, STEP tgħaqqad is-silos tal-finanzjament, u b’hekk tiżgura approċċ aktar strateġiku u xprunat mill-impatt għall-investimenti tal-UE f’setturi b’impatt għoli. STEP tiżgura li l-mekkaniżmi ta’ finanzjament tal-UE jappoġġaw aħjar l-iscale-up tat-teknoloġija u l-kompetittività industrijali fit-tul.

Fl-ewwel sena tagħha, STEP iffaċilitat aċċess aħjar għall-finanzjament, appoġġat teknoloġiji mill-aktar avvanzati, u ppermettiet allokazzjoni aktar strateġika tar-riżorsi tal-UE. Il-progress, il-koordinazzjoni kontinwa u l-investimenti mmirati se jkunu kruċjali fl-iskalar tal-innovazzjoni Ewropea, l-iżgurar tal-ktajjen tal-provvista, u ż-żamma tal-kompetittività globali.

6.Konklużjoni

Fl-ewwel sena tal-operat tagħha fl-2024, STEP uriet il-valur tagħha bħala katalist għall-investiment strateġiku, fejn iddereġiet aktar minn EUR 10 biljun lejn teknoloġiji kritiċi. Bl-allinjament ta’ 11-il programm tal-UE u l-Istati Membri lejn l-istess objettivi, STEP saħħet is-sinerġiji bejn is-sorsi ta’ finanzjament, tejbet l-aċċess għall-finanzjament għal proġetti ta’ kwalità, u saħħet il-kompetittività fit-tul u s-sovranità teknoloġika tal-Ewropa.

L-implimentazzjoni ta’ STEP kienet tirrikjedi sforzi estensivi ta’ koordinazzjoni meta wieħed iqis il-grad ta’ eteroġeneità fil-programmi li fuqhom kienet ibbażata u l-isfidi biex jinħolqu sinerġiji bejniethom – dan huwa esplorat aktar fir-rapport ta’ evalwazzjoni interim ta’ STEP.

B’ħarsa ’l quddiem lejn l-2025, il-fokus ta’ STEP se tkun fuq l-approfondiment tal-impatt tagħha permezz ta’:

·L-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ STEP għat-teknoloġiji tad-difiża bħala r-raba’ settur teknoloġiku, bħala parti mill-pakkett mini omnibus tad-difiża propost mill-Kummissjoni f’April 2025 52 .

·L-iskalar tal-opportunitajiet ta’ finanzjament permezz tal-espansjoni tas-sejħiet allinjati ma’ STEP taħt Orizzont Ewropa, il-Fond għall-Innovazzjoni, u l-Fond Ewropew għad-Difiża, biex tiġi żgurata riżerva kostanti ta’ investiment f’setturi strateġiċi.

·L-inkoraġġiment ta’ parteċipazzjoni akbar tal-Istati Membri fil-Politika ta’ Koeżjoni u fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) biex jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali għall-proġetti STEP.

·It-tisħiħ tar-rwol tas-Siġill STEP biex jiġu żblokkati sorsi ta’ finanzjament alternattivi u komplementari, filwaqt li jiġi żgurat li kemm il-proġetti ffinanzjati kif ukoll dawk mhux iffinanzjati jkunu jistgħu jattiraw l-investiment.

·It-tisħiħ tal-Portal STEP bl-integrazzjoni ta’ għodod li jaħdmu bl-IA biex il-finanzjament tal-UE jsir aktar aċċessibbli għan-negozji, ir-riċerkaturi u l-promoturi tal-proġetti.

Lil hinn minn dan, STEP se tkompli tevolvi bħala strument tal-politika industrijali tal-UE. Billi tinżamm koordinazzjoni b’saħħitha bejn il-programmi tal-UE, l-Istati Membri, u l-investituri privati, STEP se tkompli bħala waħda mill-ixprunaturi fità-tul tal-kompetittività tal-Ewropa.

(1)

  https://ec.europa.eu/newsroom/budget/items/872570/  

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3209, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj

(3)

Allokati tinftiehem bħala l-allokazzjoni baġitarja ppjanata għal programm, sejħa jew suġġett partikolari.

(4)

Is-Siġilli STEP jissejħu s-Siġilli tas-Sovranità fir-Regolament STEP

(5)

Il-Portal STEP jissejjaħ il-Portal tas-Sovranità fir-Regolament STEP

(6)

Id-data limitu għad-data ppreżentata hija mifhuma li tapplika sal-31 ta’ Diċembru 2024. Is-sejħiet imnedija fl-2024 li għalqu fl-2025 għalhekk ma humiex ikkunsidrati fl-ammonti totali f’dan ir-Rapport Annwali.

(7)

COM(2023) 335 final: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52023PC0335  

(8)

Il-membri ta’ dan in-network huma d-DĠ BUDG, id-DĠ CLIMA, id-DĠ CNECT, id-DĠ COMP, id-DĠ DEFIS, id-DĠ ECFIN, id-DĠ EMPL, id-DĠ GROW, id-DĠ HERA, id-DĠ REGIO, id-DĠ RTD, id-DĠ SANTE, l-SĠ RECOVER, u l-SĠ.

(9)

 Fis-6 ta’ Frar 2025, iċ-Ċekja ħatret Punt ta’ Kuntatt Nazzjonali ta’ STEP.

(10)

Id-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

(11)

 Il-Hannover Messe hija waħda mill-akbar fieri kummerċjali industrijali fid-dinja, li ssir kull sena fil-Ġermanja, u turi innovazzjonijiet fl-awtomazzjoni, l-enerġija, id-diġitalizzazzjoni, u t-teknoloġiji avvanzati tal-manifattura.

(12)

 Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3209, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj  

(13)

L-ambitu tar-rapport annwali tal-2024 ta’ STEP ikopri esklużivament is-sejħiet għal proposti rilevanti għal STEP li l-iskadenza għas-sottomissjonijiet tagħhom kienet qabel il-31 ta’ Diċembru 2024.

(14)

Il-Fond għall-Innovazzjoni huwa ffinanzjat mid-dħul tas-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS, Emissions Trading System)

(15)

 Għalhekk is-sejħiet imnedija fl-2024 b’għeluq fl-2025 ma humiex ikkunsidrati f’dan ir-Rapport Annwali

(16)

Ir-Rapport Annwali tal-2024 ikopri s-sejħiet għal proposti magħluqa sal-31 ta’ Diċembru 2024, irrispettivament minn jekk ir-riżultati tħabbrux sal-aħħar tas-sena.

(17)

Sa Marzu 2025, l-evalwazzjoni ġiet konkluża taħt it-tliet suġġetti tal-Programm Ewropa Diġitali u ngħataw 17-il Siġill STEP. Dawn se jiġu rrapportati fir-Rapport Annwali tal-2025.

(18)

Dan l-ammont jikkorrispondi għall-ammont totali mogħti lill-proġetti magħżula għall-finanzjament taħt il-Fond għall-Innovazzjoni, Orizzont Ewropa u l-programm l-UE għas-Saħħa. Dan jista’ jiġi aġġustat mal-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Għotja, li jistgħu jimmodifikaw il-kontribuzzjonijiet individwali u ma jistgħux jiġu rikonċiljati mal-EUR 4,6 biljun tal-paragrafu introduttorju li jirreferi għall-baġit allokat (vs. il-finanzjament mogħti) taħt is-sejħiet ta’ STEP magħluqa fl-2024 taħt il-ħames programmi ġestiti direttament fil-mandat ta’ STEP.

(19)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM/2025/85, Il-Patt għal Industrija Nadifa: Pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, 2025, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex:52025DC0085  

(20)

Ir-Regolament (UE) 2024/1735 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2024/1735/oj  

(21)

Lista dettaljata iżda mhux eżawrjenti ta’ teknoloġiji koperti mir-Regolament STEP hija disponibbli fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3248, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj  

(22)

Dawn iċ-ċifri jagħtu stampa tar-riżultati tas-sejħa/sejħiet għal proposti rilevanti. L-iffirmar sussegwenti tal-ftehimiet ta’ għotja bejn il-promoturi tal-proġetti u l-Kummissjoni jista’ jirriżulta f’aġġustamenti kemm fl-għadd ta’ proġetti li jingħataw għotja kif ukoll fil-kontribuzzjonijiet individwali.

(23)

Aktar dettalji dwar għadd magħżul ta’ proġetti aġġudikati huma disponibbli fuq: https://strategic-technologies.europa.eu/step-documents_en  

(24)

Taħt is-Siġilli STEP tal-Fond għall-Innovazzjoni, għal proġetti b’diversi benefiċjarji li jinsabu f’aktar minn reġjun wieħed, l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lir-reġjun/Stat Membru speċifiku jiġi kkalkulat billi l-kontribuzzjoni totali għall-proġett tinqasam b’mod ugwali bejn il-postijiet tiegħu.

(25)

Lista dettaljata iżda mhux eżawrjenti ta’ teknoloġiji koperti mir-Regolament STEP hija disponibbli fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3209, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj  

(26)

ID-DEĊIŻJONI (UE) 2022/2481 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali

(27)

Sa tmiem l-2024, is-6 proġetti ntgħażlu għall-finanzjament taħt is-suġġett “Teknoloġiji spazjali għan-nondipendenza u l-kompetittività Ewropea”. L-għoti ta’ għotja għall-proġett magħżul taħt it-tieni suġġett ġie pospost minħabba l-irtirar ta’ sieħeb ewlieni fil-konsorzju. L-iffirmar tal-għotja għall-proġett magħżul taħt dan it-tieni suġġett/sejħa huwa mistenni fit-tieni trimestru tal-2025.

(28)

Għall-proġetti li jinsabu f’aktar minn post wieħed, l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lir-Reġjun/Stat Membru speċifiku jiġi kkalkulat abbażi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lill-entità jew entitajiet stabbiliti hemmhekk.

(29)

Aktar dettalji dwar għadd magħżul ta’ proġetti aġġudikati huma disponibbli fuq: https://strategic-technologies.europa.eu/step-documents_en  

(30)

Ara l- Lista ta’ Pajjiżi Parteċipanti fil-Programm l-UE għas-Saħħa  

(31)

Aktar dettalji dwar għadd magħżul ta’ proġetti aġġudikati huma disponibbli fuq: https://strategic-technologies.europa.eu/step-documents_en  

(32)

Għall-proġetti li jinsabu f’aktar minn post wieħed, l-ammont ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lir-Reġjun/Stat Membru speċifiku jiġi kkalkulat abbażi tal-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lill-entità jew entitajiet stabbiliti hemmhekk.

(33)

 Inforegio - 2021-2027 Seminars tekniċi, disponibbli fuq: https://ec.europa.eu/regional_policy/2021-2027/technical-seminars/step_en

(34)

Għal programmi biss bi prijoritajiet iddedikati jew ammonti magħrufa ddedikati għal STEP abbażi tal-allokazzjonijiet tal-oqsma ta’ intervent.

(35)

“Reġjuni inqas żviluppati”, skont ir-Regolament (UE) 2021/1060 huma r-reġjuni tal-Istati Membri tal-UE li l-Prodott Domestiku Gross (PDG) per capita tagħhom huwa inqas minn 75 % tal-PDG medju tas-27 Stat Membru tal-UE.

(36)

 Il-Ġermanja nediet ħames sejħiet oħra, mhux kompletament iddedikati għal STEP, li jistgħu jirriżultaw fi proġetti ta’ STEP.

(37)

Il-Ġermanja, l-Italja u l-Latvja rrapportaw aktar sejħiet fil-bidu tal-2025.

(38)

L-Artikolu 19 tar-Regolament STEP jemenda r-Regolamenti li jirregolaw il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF), billi jippermetti lill-Istati Membri jidderieġu sa 6 % tal-fondi tal-RRF tagħhom lejn il-kompartiment tal-Istati Membri ta’ InvestEU b’appoġġ għal investimenti finanzjarji f’teknoloġiji relatati ma’ STEP—minbarra l-possibbiltà preeżistenti ta’ trasferiment ta’ 4 %, li jġib it-trasferiment potenzjali totali għal 10 %.

(39)

L-Avviż tal-Kummissjoni C/2024/4618, Gwida dwar il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza

(40)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C/2024/3209, Nota ta’ Gwida dwar ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2024/795 li jistabbilixxi l-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP), 2024, disponibbli fuq https://eur-lex.europa.eu/eli/C/2024/3209/oj  

(41)

Is-Siġill ta’ Eċċellenza jibbenefika minn eżenzjonijiet tar-Regolament Ġenerali ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija (GBER, General Block Exemption Regulation), filwaqt li s-Siġill STEP ma jagħmilx dan.

(42)

Ara https://strategic-technologies.europa.eu/investors_en  

(43)

L-Artikolu 125 tar-Regolament 2024/2509 (UE) dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (jiġifieri r-Regolament Finanzjarju) jirrikjedi li l-Kummissjoni tippubblika informazzjoni dwar ir-riċevituri ta’ fondi ffinanzjati mill-baġit tal-UE. Disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=OJ:L_202402509  

(44)

Fost il-faċilitazzjonijiet introdotti mir-Regolament STEP, l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u tal-Fond Soċjali Ewropew+ (FSE+) jistgħu jiffinanzjaw direttament proġetti tas-Siġill STEP mingħajr ma jniedu sejħa ġdida għal proposti, dment li l-proġetti jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-programm. Bl-istess mod, ir-Regolament STEP jirrikjedi li l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-proġetti mogħtija s-Siġill meta jirrevedu l-Pjanijiet għall-Irkupru u r-Reżiljenza tagħhom jew jallokaw investimenti mis-sehem tagħhom tal-Fond għall-Modernizzazzjoni u li jikkunsidrawhom fil-proċeduri relatati mal-għażla tal-investimenti mill-BEI u fil-“kontrolli tal-politika” stabbiliti fir-Regolament (UE) 2021/523, jiġifieri r-Regolament InvestEU.

(45)

Ara https://strategic-technologies.europa.eu/investors_en

(46)

L-Artikolu 125 tar-Regolament Finanzjarju jipprevedi li l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni taħt ġestjoni diretta, kondiviża jew indiretta jistgħu jieħdu l-forma ta’ finanzjament mhux marbut mal-kostijiet tal-operazzjonijiet rilevanti abbażi ta’ (i) l-issodisfar tal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regoli speċifiċi għas-settur jew fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni jew (ii) il-kisba tar-riżultati mkejla b’referenza għal stadji importanti stabbiliti qabel jew permezz ta’ indikaturi tal-prestazzjoni.

(47)

L-Artikolu 194 tar-Regolament Finanzjarju, għalkemm jippermetti finanzjament konġunt minn linji baġitarji separati, jistabbilixxi li “l-istess kostijiet qatt ma għandhom jiġu ffinanzjati darbtejn mill-baġit”.

(48)

Pajjiż jitqies li jkun irċieva Siġill STEP jekk mill-anqas proġett wieħed b’Siġill mogħti jkun jinsab parzjalment jew kompletament fi ħdan il-fruntieri tiegħu, anke fil-każ ta’ proġetti b’diversi postijiet.

(49)

Is-Siġilli STEP mogħtija lil konsorzji b’aktar minn benefiċjarju wieħed jingħaddu taħt kull Stat Membru fejn tkun stabbilita entità parteċipanti.

(50)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2025) 30, Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, disponibbli fuq: https://commission.europa.eu/topics/eu-competitiveness_mt  

(51)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2025) 26, Ir-Rapport Annwali dwar is-Suq Uniku u l-Kompetittività għall-2025, disponibbli fuq: https://single-market-economy.ec.europa.eu/publications/2025-annual-single-market-and-competitiveness-report_mt  

(52)

Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/694, (UE) 2021/695, (UE) 2021/697, (UE) 2021/1153, (UE) 2023/1525 u 2024/795 fir-rigward tal-inċentivar ta’ investimenti relatati mad-difiża fil-baġit tal-UE biex jiġi implimentat il-Pjan ReArm Europe (22 ta’ April 2025), disponibbli fuq: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A52025PC0188&qid=1745326390551