|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/789 |
1.8.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/789
tat-23 ta’ April 2025
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-kundizzjonijiet u l-indikaturi li l-EBA għandha tuża biex tiddetermina jekk okkorrewx ċirkostanzi straordinarji fis-sens tal-Artikolu 325az(5) u l-Artikolu 325bf(6) ta’ dak ir-Regolament
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 325az(10), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-istandards għar-riskju tas-suq tal-Kumitat ta’ Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jippermettu f’sitwazzjonijiet eċċezzjonali li l-istituzzjonijiet ma jikkonformawx ma’ ċerti rekwiżiti tal-approċċ tal-mudelli interni alternattivi fir-rigward tal-ittestjar retrospettiv u r-rekwiżiti tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf. F’konformità mal-prinċipju stabbilit minn dawk l-istandards, jenħtieġ li ċirkostanzi eċċezzjonali jitqiesu li jkunu prevalenti biss f’sitwazzjoni ta’ stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju, jew ta’ bidla kbira fir-reġim, li taffettwa materjalment lill-istituzzjonijiet madwar l-Unjoni. |
|
(2) |
Kundizzjoni oħra biex ċirkostanzi straordinarji jitqiesu prevalenti jenħtieġ li tkun li l-istituzzjonijiet ma jkunux jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv stabbiliti fl-Artikolu 325bf(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew ir-rekwiżit tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf stabbilit fl-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament, minħabba eventi li huma lil hinn mill-kontroll tagħhom u dment li n-nuqqas ta’ konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti ma jirriżultax minn nuqqasijiet fil-mudell intern. |
|
(3) |
Kemm l-ittestjar retrospettiv kif ukoll it-test tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf għandhom ikunu bbażati fuq data għall-250 jum ta’ negozju qabel id-data ta’ referenza li għaliha jitwettaq it-test rispettiv. B’hekk, jenħtieġ li jiġu rikonoxxuti ċirkostanzi straordinarji meta perjodu ta’ stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju, jew ta’ bidla kbira fir-reġim, li jaffettwa materjalment lill-istituzzjonijiet madwar l-Unjoni u jipproduċi eċċezzjonijiet li ma jirriżultawx minn nuqqasijiet fil-mudell intern ikun inkluż kompletament jew parzjalment f’dak il-perjodu ta’ 250 jum ta’ negozju. |
|
(4) |
Il-karatteristiċi ta’ kriżi li twassal għal stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju, jew għal bidla kbira fir-reġim, li taffettwa materjalment lill-istituzzjonijiet madwar l-Unjoni, huma uniċi għal kull tali kriżi jew bidla fir-reġim. Għalhekk, ma jkunx xieraq li jiġi stabbilit b’mod preskrittiv sett eżawrjenti ta’ indikaturi li jitqiesu li dejjem ikopru b’mod adegwat in-natura u l-intensità tal-istress tas-suq finanzjarju jew tal-bidla kbira fir-reġim inkwistjoni. Madankollu, abbażi tal-esperjenza tal-passat, żieda sinifikanti fil-livell ta’ volatilità, bidliet fil-livelli ta’ korrelazzjoni, u l-fatt li l-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew il-bidla kbira fir-reġim timmanifesta ruħha malajr ħafna u f’daqqa jenħtieġ li jitqiesu bħala karatteristiċi komuni ta’ sitwazzjonijiet mhux ordinarji. Madankollu, żieda f’daqqa fil-livell ta’ volatilità, jew bidliet fil-livelli ta’ volatilità, waħedhom, jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jikkaratterizzaw sitwazzjoni bħala waħda ta’ stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew ta’ bidla kbira fir-reġim u, għalhekk, jenħtieġ li ma jwasslux awtomatikament għar-rikonoxximent ta’ ċirkostanzi straordinarji kif imsemmi fl-Artikolu 325az(5) u l-Artikolu 325bf(6) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
|
(5) |
Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Bankarja Ewropea. |
|
(6) |
L-Awtorità Bankarja Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Kundizzjonijiet u indikaturi li l-EBA għandha tuża biex tivvaluta jekk okkorrewx ċirkostanzi straordinarji
1. L-EBA għandha tqis kwalunkwe perjodu ta’ 250 jum ta’ negozju li l-istituzzjonijiet jużaw biex jivvalutaw jekk jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-ittestjar retrospettiv stabbiliti fl-Artikolu 325bf tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew mar-rekwiżiti tat-test tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf stabbiliti fl-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament biex ikun perjodu ta’ ċirkostanzi straordinarji, meta dak il-perjodu jkun fih perjodu ta’ żmien li fir-rigward tiegħu l-EBA tkun iddeterminat li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
|
(a) |
ikun ġie osservat stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew tkun seħħet bidla kbira fir-reġim; |
|
(b) |
l-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew il-bidla kbira fir-reġim imsemmija fil-punt (a) x’aktarx li trendi l-eżitu tal-ittestjar retrospettiv imwettaq f’konformità mal-Artikolu 325bf tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew tat-test tal-attribuzzjoni ta’ profitti u telf imwettaq f’konformità mal-Artikolu 325bg ta’ dak ir-Regolament mhux rappreżentattiv tal-adegwatezza tal-mudell intern għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ fondi proprji, inkluż meta dawk it-testijiet jipproduċu riżultati li ma jkunux relatati ma’ nuqqasijiet fil-mudell intern. |
2. Meta tivvaluta jekk ikunux issodisfati l-kundizzjonijiet speċifikati fil-paragrafu 1, l-EBA għandha tqis indikaturi li huma rappreżentattivi tan-natura tal-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew tal-bidla kbira fir-reġim, jew li jirriflettuha, inklużi dawn kollha li ġejjin:
|
(a) |
ir-riżultati ta’ analiżi tal-indiċijiet tal-volatilità, u l-indikaturi ta’ volatilitajiet realizzati, li l-EBA tqis li huma xierqa biex ikopru n-natura ta’ dak l-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew dik il-bidla kbira fir-reġim; |
|
(b) |
ir-riżultati ta’ valutazzjoni ta’ jekk dak l-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew dik il-bidla kbira fir-reġim wasslitx għal livelli ta’ volatilità li huma komparabbli ma’, jew li jaqbżu, dawk osservati matul il-kriżi finanzjarja globali jew il-pandemija tal-COVID-19, jew involviet bidla relattiva fil-livell tal-livelli ta’ volatilità li hija komparabbli mal-bidla osservata matul dik il-kriżi jew dik il-pandemija; |
|
(c) |
ir-riżultati ta’ valutazzjoni ta’ kemm seħħ malajr l-istress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew il-bidla kbira fir-reġim; |
|
(d) |
ir-riżultati ta’ analiżi tal-korrelazzjonijiet u l-indikaturi ta’ korrelazzjoni rilevanti, inkluża valutazzjoni ta’ jekk ġietx osservata bidla sinifikanti u f’daqqa fil-livell tal-korrelazzjoni. |
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tal-ittestjar retrospettiv imwettaq f’konformità mal-Artikolu 325bf tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, l-EBA għandha b’mod partikolari tqis jekk u sa liema punt il-karatteristiċi statistiċi osservati matul il-perjodu ta’ stress transfruntier sinifikanti fis-suq finanzjarju jew ta’ bidla kbira fir-reġim ivarjaw minn dawk osservati matul il-perjodu ta’ referenza li l-istituzzjonijiet jużaw għall-kalibrazzjoni tan-numru tal-valur fir-riskju.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/575/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1093/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/789/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)