2.9.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 228/2


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1448

tat-18 ta’ Lulju 2022

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania u tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punti (a)(v) u l-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 (2), il-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u l-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (minn hawn ’il quddiem “Protokoll”) ġew iffirmati fil-15 ta’ Novembru 2021.

(2)

L-objettivi tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huma li jippermettu lill-bastimenti tal-Unjoni li jeżerċitaw l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fl-ilmijiet tal-Mauritania u li jippermettu lill-Unjoni u lir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania (minn hawn ’il quddiem “Mauritania”) li jikkollaboraw mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u sfruttament responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u fl-Oċean Atlantiku, f’konformità mal-objettiv ta’ konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar rikonoxxut mil-liġi tal-Unjoni. Din il-kooperazzjoni tikkontribwixxi wkoll għal ħolqien ta’ kondizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-settur tas-sajd.

(3)

Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu approvati.

(4)

L-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Sħubija jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 11(1) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti emendi għall-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

(5)

Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi proposti għall-Protokoll. Jenħtieġ li l-emendi proposti jiġu approvati sakemm minoranza ta’ Stati Membri li timblokka ma toġġezzjonax għalihom, f’konformità mal-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tal-Mauritania u l-ħtieġa li jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li dawk l-attivitajiet idumu interrotti, jekk ikun il-każ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll il-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu huma approvati f’isem l-Unjoni (3).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 18 tal-Ftehim ta’ Sħubija u n-notifika prevista fl-Artikolu 22 tal-Protokoll (4).

Artikolu 3

F’konformità mal-proċedura u l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness għal din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi għall-Protokoll adottati mill-Kumitat Konġunt stabbilit f’konformità mal-Artikolu 14 tal-Ftehim ta’ Sħubija.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Lulju 2022.

Għall-Kunsill

Il-President

Z. NEKULA


(1)  Approvazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2123 tal-11 ta’ Novembru 2021 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija fil-qasam tas-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania kif ukoll tal-Protokoll ta’ Implimentazzjoni tiegħu (ĠU L 439, 8.12.2021, p. 1).

(3)  It-testi tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huma ppubblikati fil-ĠU L 439, 8.12.2021, p. 3).

(4)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll ser ikun ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ANNESS

PROĊEDURA U KONDIZZJONIJIET BIEX JIĠU APPROVATI L-EMENDI GĦALL-PROTOKOLL LI L-KUMITAT KONĠUNT GĦANDU JADOTTA

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi għall-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 11(1) tal-Protokoll, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi proposti, bil-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)

tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)

tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c)

tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika u bijoloġika u informazzjoni oħra rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)

Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)

Il-Kunsill għandu jivvaluta l-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji stabbiliti fil-punt 1.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, sakemm għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonax għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

(5)

Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, inkluż fuq il-post, ikun impossibbli li jintlaħaq ftehim, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill, f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis l-elementi ġodda.

(6)

Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu, fiż-żmien dovut, il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, fejn ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

Fir-rigward ta’ kwistjonijiet oħra li ma jikkonċernawx emendi għall-Protokoll f’konformità mal-Artikolu 11(1) tal-Protokoll, il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita f’konformità mat-Trattati u l-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.