|
24.4.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 112/6 |
ATT
dwar il-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika
L-EWWEL PARTI
PRINĊIPJI
Artikolu 6
1. Il-ftehimiet konklużi jew applikati b’mod proviżorju mill-Unjoni ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, ma’ organizzazzjoni internazzjonali jew ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz għandhom, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati oriġinali u f’dan l-Att, jorbtu lill-Kroazja.
2. Il-Kroazja timpenja ruħha li taderixxi, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Att, mal-ftehimiet konklużi jew iffirmati mill-Istati Membri attwali u l-Unjoni ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar jew ma’ organizzazzjoni internazzjonali.
Dment li ma jkunx previst mod ieħor fi ftehimiet speċifiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-adeżjoni tal-Kroazja ma’ dawn il-ftehimiet għandha tiġi maqbula bil-konklużjoni ta’ protokoll għal tali ftehimiet bejn il-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu f’isem l-Istati Membri, u l-pajjiż jew pajjiżi terzi jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati. Il-Kummissjoni, jew ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-Rappreżentant Għoli) fejn il-ftehim jirrigwarda esklużivament jew prinċipalment il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, għandha tinnegozja dawn il-protokolli f’isem l-Istati Membri abbażi ta’ direttivi ta’ negozjar approvati mil-Kunsill, li jaġixxi unanimament, u f’konsultazzjoni ma’ kumitat magħmul mir-rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni, jew ir-Rappreżentant Għoli, skont il-każ, għandha tippreżenta lill-Kunsill abbozz tal-protokolli għall-konklużjoni.
Din il-proċedura hija mingħajr preġudizzju għall-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tal-Unjoni u ma taffettwax l-allokazzjoni tal-poteri bejn l-Unjoni u l-Istati Membri fir-rigward tal-konklużjoni ta’ tali ftehimiet fil-ġejjieni jew ta’ kwalunkwe emenda oħra li mhijiex relatata mal-adeżjoni.
3. Mid-data tal-adeżjoni, u sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli meħtieġa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kroazja għandha tapplika d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 konklużi jew applikati b’mod proviżorju qabel id-data tal-adeżjoni, bl-eċċezzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (1).
Sakemm jidħlu fis-seħħ il-protokolli msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, l-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jaġixxu b’mod konġunt kif ikun opportun fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, għandhom jieħdu kwalunkwe miżura adatta.
4. Il-Kroazja taderixxi għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP), min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (2), kif ukoll għaż-żewġ ftehimiet li jemendaw dak il-Ftehim, iffirmati fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (3) u miftuħa għall-iffirmar f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (4) rispettivament.
5. Il-Kroazja timpenja ruħha li taderixxi, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Att, mal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (5), f’konformità mal-Artikolu 128 ta’ dak il-Ftehim.
6. Mid-data tal-adeżjoni, il-Kroazja għandha tapplika l-ftehimiet u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjonijiet ta’ prodotti tat-tessuti u ta’ lbies għandhom jiġu aġġustati sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni. Għal dak il-għan, l-Unjoni tista’ tinnegozja emendi għall-ftehimiet u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti msemmija fl-ewwel subparagrafu mal-pajjiżi terzi kkonċernati qabel id-data tal-adeżjoni.
Jekk l-emendi għall-ftehimiet u l-arranġamenti bilaterali dwar it-tessuti ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data tal-adeżjoni, l-Unjoni għandha tagħmel l-aġġustamenti meħtieġa għar-regoli tagħha dwar l-importazzjoni ta’ prodotti tat-tessuti u ta’ lbies minn pajjiżi terzi sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja.
7. Ir-restrizzjonijiet kwantitattivi applikati mill-Unjoni fuq l-importazzjoni ta’ azzar u ta’ prodotti tal-azzar għandhom jiġu aġġustati abbażi tal-importazzjonijiet tal-Kroazja matul is-snin reċenti tal-azzar u ta’ prodotti tal-azzar li joriġinaw mill-pajjiżi fornituri kkonċernati.
Għal dak il-għan, l-emendi meħtieġa għall-ftehimiet u l-arranġamenti bilaterali dwar l-azzar konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi għandhom jiġu nnegozjati qabel id-data tal-adeżjoni.
Jekk l-emendi għall-ftehimiet u l-arranġamenti bilaterali dwar l-azzar ma jkunux daħlu fis-seħħ sad-data tal-adeżjoni, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-ewwel subparagrafu.
8. Mid-data tal-adeżjoni, il-ftehimiet dwar is-sajd konklużi bejn il-Kroazja u pajjiżi terzi qabel dik id-data għandhom jiġu amministrati mill-Unjoni.
Id-drittijiet u l-obbligi għall-Kroazja li jirriżultaw minn dawk il-ftehimiet ma għandhomx ikunu affettwati matul il-perijodu meta d-dispożizzjonijiet ta’ dawk il-ftehimiet jinżammu proviżorjament.
Kemm jista’ jkun malajr, u fi kwalunkwe każ qabel l-iskadenza tal-ftehimiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu, id-deċiżijonijiet adatti għall-kontinwazzjoni tal-attivitajiet ta’ sajd li jirriżultaw minn dawk il-ftehimiet għandhom jiġu adottati f’kull każ mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata fuq proposta mill-Kummissjoni, inkluża l-possibbiltà li ċerti ftehimiet jiġu estiżi għal perijodi ta’ mhux aktar minn sena.
9. Il-Kroazja għandha tirtira ruħha minn kwalunkwe ftehim ta’ kummerċ ħieles ma’ pajjiżi terzi, inkluż il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles Ċentru-Ewropew kif emendat.
Safejn il-ftehimiet bejn il-Kroazja min-naħa waħda, u pajjiż terz wieħed jew aktar, min-naħa l-oħra, ma jkunux kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw minn dan l-Att, il-Kroazja għandha tieħu l-passi kollha adegwati biex telimina l-inkompatibbilitajiet stabbiliti. Jekk il-Kroazja tiltaqa’ ma’ diffikultajiet fl-aġġustament ta’ ftehim konkluż ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, hi għandha tirtira ruħha minn dak il-ftehim.
Il-Kroazja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura konformità mal-obbligi ta’ dan il-paragrafu mill-jum tal-adeżjoni.
10. Il-Kroazja taderixxi, skont il-kondizzjonijiet imniżżlin f’dan l-Att, mal-ftehimiet interni konklużi mill-Istati Membri attwali għall-fini tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 4.
11. Il-Kroazja għandha tieħu miżuri adatti, fejn meħtieġ, sabiex taġġusta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ organizzazzjonjiet internazzjonali, u ta’ dawk il-ftehimiet internazzjonali li l-Unjoni jew Stati Membri oħra huma wkoll partijiet għalihom, mad-drittijiet u l-obbligi li joriġinaw mill-adeżjoni tal-Kroazja mal-Unjoni.
Il-Kroazja għandha, b’mod partikolari, tirtira ruħha minn ftehimiet u organizzazzjoniet internazzjonali tas-sajd u li l-Unjoni hija wkoll parti għalihom, sakemm is-sħubija tagħha ma tirrigwardax kwistjonijiet differenti mis-sajd.
Il-Kroazja għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura konformità mal-obbligi ta’ dan il-paragrafu mid-data tal-adeżjoni.
(1) ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.
(2) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(3) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27, ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4 u ĠU L 168M, 21.6.2006, p. 33.
(4) ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3.