|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2986 |
3.12.2024 |
DEĊIŻJONI DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/2986
tal-24 ta’ Settembru 2024
dwar l-inklużjoni unilaterali ta’ setturi min-naħa tal-Awstrija, fis-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Unjoni għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 30j tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-Artikolu 30j(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jagħti lill-Istati Membri l-possibbiltà li mill-2027, jestendu b’mod unilaterali l-applikazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet fl-Unjoni (“EU ETS”) għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, għas-setturi li mhumiex elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(2) |
Meta jagħmlu użu minn din il-possibbiltà, l-Istati Membri jridu jqisu b’mod partikolari l-effetti fuq is-suq intern, id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni, l-integrità ambjentali tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u l-affidabbiltà tas-sistema ta’ monitoraġġ u rapportar ippjanata. |
|
(3) |
Fil-31 ta’ Mejju 2024, l-Awstrija nnotifikat talba biex tespandi l-applikazzjoni tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali għal lista ta’ setturi li għadhom mhumiex koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE jew mill-Kapitoli II u III tagħha. |
|
(4) |
L-awtoritajiet Awstrijaċi spjegaw li din l-estensjoni unilaterali tiffaċilita t-tranżizzjoni tas-sistema nazzjonali tal-ipprezzar tas-CO2 għas-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għall-bini, għat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali. Barra minn hekk, se tnaqqas il-kostijiet amministrattivi u se tiffaċilita l-proċessi ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ għall-entitajiet regolati u għall-awtorità nazzjonali kompetenti. |
|
(5) |
Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-EU ETS lil hinn mil-lista ta’ attivitajiet elenkati fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE, kif talbet l-Awstrija, tabilħaqq ikollha benefiċċji ambjentali, u twassal għal simplifikazzjoni amministrattiva għall-fornituri tal-fjuwil li jaġixxu bħala entitajiet regolati fl-Awstrija. |
|
(6) |
Abbażi tad-data rieżaminata dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għas-snin 2016, 2017 u 2018 imwettqa fl-2020, f’konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), l-ammont totali medju ta’ emissjonijiet li jikkorrispondi għas-setturi nnotifikati mill-Awstrija fil-kuntest ta’ din it-talba għal estensjoni unilaterali jammonta għal 1 034 563 tunnellata ta’ CO2. Dan l-ammont se jintuża bħala bażi għall-kalkolu tal-ammont futur ta’ kwoti addizzjonali li jridu jinħarġu mill-2027. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni vvalutat il-metodoloġiji ta’ rapportar u ta’ monitoraġġ ippjanati mill-Awstrija u kkonkludiet li dawn huma affidabbli u konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(8) |
Is-sistema tad-dazju tas-sisa fis-seħħ fl-Awstrija, b’mod partikolari l-infrastrutturi tad-distribuzzjoni, ma tippermettix b’mod effettiv lill-entitajiet regolati jiddifferenzjaw l-użu finali tal-fjuwils bejn is-setturi diġà koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE fuq naħa waħda, u s-setturi kkonċernati minn din l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni fuq in-naħa l-oħra. Biex jiġu ffaċilitati l-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika kosteffettivi tal-emissjonijiet u jitnaqqas il-piż amministrattiv marbut mar-rapportar assoċjat mal-fattur tal-kamp ta’ applikazzjoni fir-rapporti annwali dwar l-emissjonijiet u l-pjanijiet ta’ monitoraġġ, jenħtieġ li l-entitajiet regolati ma jkunux meħtieġa jiddistingwu r-rapportar tal-emissjonijiet fis-setturi kkonċernati mill-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni mill-emissjonijiet fis-setturi diġà koperti mill-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE. |
|
(9) |
Sabiex jikkonformaw maċ-ċiklu annwali regolari għall-monitoraġġ, għar-rapportar u għall-verifika tal-emissjonijiet fis-sistema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-setturi tal-bini, tat-trasport bit-triq u għal setturi addizzjonali, jixraq li l-entitajiet regolati jirrapportaw l-emissjonijiet ivverifikati għall-kamp ta’ applikazzjoni estiż li jibda fl-1 ta’ Jannar 2025, f’konformità mal-Artikolu 30f(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni tal-approvazzjoni tal-estensjoni unilaterali
Fl-Awstrija, l-estensjoni tal-attività msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE għas-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni hija approvata soġġetta għall-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3.
Artikolu 2
Awtorizzazzjoni tal-ħruġ ta’ kwoti addizzjonali
Fl-2027, għandhom jinħarġu kwoti addizzjonali abbażi tal-ammont medju tal-emissjonijiet totali ta’ 1 034 563 tunnellata ta’ CO2 irrapportat mill-Awstrija għas-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni għas-snin 2016, 2017 u 2018 f’konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikolu 30c(1) tad-Direttiva 2003/87/KE.
Artikolu 3
Obbligi ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
L-Awstrija għandha tiżgura li kull entità regolata timmonitorja u tirrapporta, f’konformità mal-Artikolu 30f(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-emissjonijiet li jikkorrispondu għall-kwantitajiet ta’ fjuwils rilaxxati għall-konsum fis-setturi elenkati fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni li jkunu seħħew mill-1 ta’ Jannar 2025 lill-awtorità kompetenti, għal kull sena kalendarja.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2003/87/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2018/842 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar it-tnaqqis annwali vinkolanti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mill-Istati Membri mill-2021 sal-2030 li jikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika biex jiġu onorati l-impenji li saru fil-Ftehim ta’ Pariġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 525/2013 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 26, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/842/oj).
ANNESS
Lista ta’ setturi addizzjonali soġġetti għall-EU ETS fl-Awstrija skont l-Artikolu 30j tad-Direttiva 2003/87/KE
|
Kodiċi tal-IPCC |
Settur |
Kontenut |
|
1 A 3 a |
Avjazzjoni Ċivili |
Emissjonijiet mill-avjazzjoni ċivili internazzjonali u domestika, inklużi l-qtugħ mill-art u l-inżul l-art |
|
1 A 3 c |
Ferroviji |
Emissjonijiet mit-trasport bil-ferrovija kemm għar-rotot tat-traffiku tal-merkanzija kif ukoll tal-passiġġieri |
|
1 A 3 d (subsett) |
Navigazzjoni fuq l-Ilma |
Emissjonijiet mill-fjuwils użati biex iħaddmu l-bastimenti fuq l-ilma, inklużi l-bastimenti hovercraft u l-aliskafi, iżda esklużi l-attivitajiet kummerċjali fix-xmara Danubju u fil-lagi internazzjonali (Constance u Neusiedl) |
|
1 A 4 c i |
Kombustjoni stazzjonarja għall-agrikoltura/forestrija/sajd |
Emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwils fil-pompi, fit-tnixxif tal-ħbub, fis-serer ortikulturali u f’kombustjoni agrikola, tal-forestrija jew stazzjonarja oħra fl-industrija tas-sajd |
|
1 A 4 c ii |
Kombustjoni mobbli ta’ vetturi off-road u makkinarju ieħor |
Emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwils f’vetturi tat-trazzjoni fuq art agrikola u fil-foresti, inkluż l-użu ta’ vetturi agrikoli fuq toroq pavimentati |
|
1 A 4 c iii (subsett) |
Sajd (kombustjoni mobbli) |
Emissjonijiet mill-kombustjoni tal-fjuwils għas-sajd |
|
1 A 5 b (subsett) |
Kombustjoni mobbli – militari |
Emissjonijiet mill-vetturi, mill-kombustjoni tal-fjuwil ta’ makkinarju off-road għall-użu militari u għall-avjazzjoni militari, minbarra l-fjuwil użat f’operazzjonijiet multilaterali |
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_del/2024/2986/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)