|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/310 |
12.2.2025 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/310
tal-5 ta’ Diċembru 2024
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2022/127 rigward l-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u l-proċedura tal-konformità
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(4) u l-Artikolu 55(6) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 (2) jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro. |
|
(2) |
L-esperjenza miksuba mill-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-eżerċizzju tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni msemmi fl-Artikolu 54 tar-Regolament (UE) 2021/2116, u mit-tħejjija tal-eżerċizzju tat-tieni sena, juri li l-Istati Membri jġorru piż amministrattiv sproprzjonat meta jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet għall-finijiet tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni għad-devjazzjonijiet tal-ammonti unitarji realizzati mill-ammonti unitarji ppjanati. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) 2021/2116, in-nefqa relatata mal-interventi msemmija fir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) hija eliġibbli biss għall-finanzjament tal-Unjoni jekk tkun saret mill-aġenziji tal-pagamenti akkreditati f’konformità mar-regoli applikabbli tal-Unjoni u mas-sistemi ta’ governanza applikabbli u jekk tkun akkumpanjata minn output korrispondenti. Il-konformità ma’ dawk ir-rekwiżiti hija żgurata mill-aġenziji tal-pagamenti msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2021/2116, il-korpi taċ-ċertifikazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 ta’ dak ir-Regolament u mill-Kummissjoni fil-qafas tal-proċedura tal-konformità msemmija fl-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament. Dan jipprovdi aċċertament li l-outputs realizzati jinkisbu skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK jilħqu l-istadji importanti u l-miri stabbiliti mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom bħala parti mis-sistemi ta’ prestazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
Barra minn hekk, b’riżultat tal-emenda tar-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 li saret bir-Regolament (UE) 2024/1468 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw lill-Kummissjoni żewġ talbiet għal emenda fis-sena, u dan dwar elementi bħall-ammonti unitarji ppjanati, l-outputs u l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-interventi li huma l-bażi għall-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni. L-Istati Membri qed jużaw dejjem iktar il-possibbiltà stabbilita fl-Artikolu 119(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 biex jagħmlu l-modifiki ta’ dawn l-elementi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom relatati mal-interventi skont it-Titolu III, il-Kapitolu IV, ta’ dak ir-Regolament, u japplikawhom. Dan jolqot l-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni u jżid il-piż amministrattiv marbut magħha. |
|
(5) |
Sabiex jittaffa l-piż amministrattiv u tittejjeb il-kosteffiċjenza tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jkunux meħtieġa jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet għall-finijiet tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni għad-devjazzjonijiet tal-ammonti unitarji realizzati mill-ammonti unitarji ppjanati meta l-ammont totali tan-nefqa li jikkorrispondi għal dawn id-devjazzjonijiet ma jaqbiżx livell limitu de minimis espress bħala perċentwal tan-nefqa ddikjarat fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni skont l-Artikolu 134(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115. Dak l-ammont totali jiġi kkalkulat billi d-devjazzjoni għal kull ammont unitarju tiġi mmultiplikata bl-għadd korrispondenti ta’ outputs u l-ammonti li jirriżultaw jingħaddu flimkien. Għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu, jenħtieġ li jitqiesu biss id-devjazzjonijiet li jirriżultaw f’nefqa eċċessiva. Sabiex jiġi evitat impatt detrimentali fuq il-fondi tal-Unjoni u tiġi żgurata l-proporzjonalità, jixraq li l-livell limitu de minimis jiġi stabbilit għal 2 %. Dan il-perċentwal huwa allinjat mal-livell limitu ġeneralment aċċettat fir-rigward tal-assigurazzjoni raġonevoli applikata fl-awditi fuq il-politiki u l-baġit tal-Unjoni. |
|
(6) |
Madankollu, jenħtieġ li l-livell limitu de minimis għall-preżentazzjoni tal-ġustifikazzjonijiet għall-finijiet tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni ma japplikax għad-devjazzjonijiet tal-ammonti unitarji realizzati mill-ammonti unitarji massimi msemmija fl-Artikolu 102 tar-Regolament (UE) 2021/2115, peress li l-ammonti unitarji ppjanati ġew stabbiliti biex tiġi żgurata l-flessibbiltà ħalli jiġu evitati l-fondi mhux użati filwaqt li jiġi evitat il-kumpens żejjed lill-bdiewa. |
|
(7) |
Ir-rekwiżit li għal kwalunkwe eċċess ta’ ammont unitarju realizzat minn ammont unitarju ppjanat akbar minn 50 %, jiġu pprovduti l-ġustifikazzjonijiet fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni skont l-Artikolu 134(9) tar-Regolament (UE) 2021/2115 għall-fini tal-Artikolu 40(2) tar-Regolament (UE) 2021/2116, mhuwiex affettwat minn dan ir-Regolament. |
|
(8) |
Jeħtieġ jiġi ċċarat it-test tal-Artikolu 14(8) u tal-Artikolu 15(4) tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127 peress li l-formulazzjoni tista’ twassal b’mod involontarju lill-Kummissjoni biex tapplika livell ta’ korrezzjoni b’rata fissa li jkun iktar baxx mir-riskju għall-baġit tal-Unjoni. Għalhekk, jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiġu riformulati biex jindikaw b’mod ċar li meta l-elementi oġġettivi juru li l-ikbar telf għall-fondi huwa aktar baxx minn dak tat-telf li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata fissa aktar baxxa minn dik proposta mill-Kummissjoni, jew daqsu, il-Kummissjoni trid tapplika dik ir-rata fissa aktar baxxa meta tiddeċiedi dwar l-ammonti li jridu jiġu esklużi mill-finanzjament tal-Unjoni. |
|
(9) |
Peress li r-rapporti annwali dwar il-prestazzjoni għas-sena finanzjarja 2024 jridu jiġu ppreżentati sal-15 ta’ Frar 2025, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun u l-livell limitu de minimis jenħtieġ li japplika għall-proċeduri annwali tal-prestazzjoni mis-sena finanzjarja 2024. |
|
(10) |
Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2022/127 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi tar-Regolament Delegat (UE) 2022/127
Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/127 huwa emendat kif ġej:
|
1. |
fl-Artikolu 13, fil-paragrafu 2, jiddaħħal it-tieni subparagrafu li ġej: “B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri mhumiex meħtieġa jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet għall-fini tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni għad-devjazzjonijiet tal-ammonti unitarji realizzati mill-ammonti unitarji ppjanati meta n-nefqa totali li tikkorrispondi għal dawn id-devjazzjonijiet ma taqbiżx it-2 % tan-nefqa totali ddikjarata fir-rapport annwali dwar il-prestazzjoni f’konformità mal-Artikolu 134(5), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/2115 għas-sena finanzjarja kkonċernata. Għall-kalkolu ta’ dan il-livell limitu, jenħtieġ li jitqiesu biss id-devjazzjonijiet li jirriżultaw f’nefqa eċċessiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-ġustifikazzjonijiet għall-finijiet tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni għall-eċċessi kollha tal-ammonti unitarji realizzati mill-ammonti unitarji massimi ppjanati.”; |
|
2. |
fl-Artikolu 14, il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej: “8. Meta Stat Membru jippreżenta elementi oġġettivi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, iżda li juru li t-telf massimu għall-fondi huwa aktar baxx mit-telf, li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata fissa iktar baxxa minn dik proposta, jew daqsu, il-Kummissjoni għandha tuża r-rata fissa l-aktar baxxa biex tiddetermina l-ammonti li jridu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE) 2021/2116.” |
|
3. |
fl-Artikolu 15, il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej: “4. Meta Stat Membru juri li t-telf massimu għall-FAEĠ u l-FAEŻR huwa aktar baxx mit-telf li kieku jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ rata fissa aktar baxxa minn dik proposta, jew daqsu, il-Kummissjoni tista’ tuża rata fissa aktar baxxa jew il-valutazzjoni tal-korp taċ-ċertifikazzjoni tas-sistemi ta’ governanza fil-kuntest tal-awditjar tiegħu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2021/2116 biex tiddetermina l-ammonti li jridu jitħallew barra mill-finanzjament tal-Unjoni waqt il-proċedura tal-konformità msemmija fl-Artikolu 55 ta’ dak ir-Regolament.” |
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 1(1) għandu japplika għall-proċeduri tal-approvazzjoni annwali tal-prestazzjoni mis-sena finanzjarja 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 435, 6.12.2021, p. 187, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2116/oj.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/127 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2116 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħrajn, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 95, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/127/oj).
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/2115/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2024/1468 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2021/2115 u (UE) 2021/2116 fir-rigward ta’ standards tajbin tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali, skemi għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, emendi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK, rieżami tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u eżenzjonijiet mill-kontrolli u mill-penali (ĠU L, 2024/1468, 24.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1468/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/310/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)