|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/1608 |
6.6.2024 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2024/1608
tal-5 ta’ Ġunju 2024
li jagħmel l-importazzjonijiet tal-eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina soġġett għar-reġistrazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,
Wara li informat lill-Istati Membri,
Billi:
|
(1) |
Fil-21 ta’ Novembru 2023, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (“in-notifika tal-bidu”), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ eritritol li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“iċ-Ċina”) wara lment ippreżentat fid-9 ta’ Ottubru 2023 minn Jungbunzlauer S.A. (“l-ilmentatur”), l-uniku produttur tal-eritritol fl-Unjoni. |
1. PRODOTT SOĠĠETT GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(2) |
Il-prodott soġġett għar-reġistrazzjoni huwa l-eritritol, dolċifikant tal-alkoħol taz-zokkor b’erba’ atomi tal-karbonju (poliol) magħmul miz-zokkor jew mill-glukożju, fil-forma pura tiegħu jew li jinsab f’taħlitiet li jkun fihom inqas minn 10 % ta’ prodotti oħra skont il-piż, li bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċi NM ex 2905 49 00 meta jkun fil-forma pura tiegħu u taħt il-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 u ex 2106 90 98 għall-prodotti mħallta (il-kodiċijiet TARIC 2905 49 00 15, 2106 90 92 65, u 2106 90 98 15), (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġina miċ-Ċina. |
2. TALBA
|
(3) |
Fl-10 ta’ April 2024, l-ilmentatur ippreżenta talba għar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. L-ilmentatur talab li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat ikunu soġġetti għar-reġistrazzjoni sabiex kwalunkwe miżura tkun tista’ sussegwentement tiġi applikata mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni. |
3. RAĠUNIJIET GĦAR-REĠISTRAZZJONI
|
(4) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni tista’ tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw importazzjonijiet, sabiex sussegwentement ikunu jistgħu jiġu applikati miżuri fuq dawk l-importazzjonijiet mid-data ta’ din ir-reġistrazzjoni, dment li l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fir-Regolament bażiku jkunu ssodisfati. L-importazzjonijiet jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni wara talba mill-industrija tal-Unjoni li jkun fiha biżżejjed evidenza biex tiġġustifika din l-azzjoni. |
|
(5) |
L-ilmentatur allega li fuq il-bażi tal-aktar data reċenti msemmija fin-nota 3 f’qiegħ il-paġna kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-bidu tal-investigazzjoni li x’aktarx timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji definittivi potenzjali. |
|
(6) |
Is-sors tad-data li tikkonċerna l-esportazzjonijiet Ċiniżi lejn l-UE ma setax jiġi żvelat fuq talba tal-fornitur tad-data. Madankollu, il-Kummissjoni kkontroverifikat id-data pprovduta mill-ilmentatur ma’ sorsi statistiċi oħra disponibbli (l-Eurostat u Surveillance) u mat-tweġibiet għall-kampjunar u għall-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi Ċiniżi li kkooperaw. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza għad-dispożizzjoni tagħha fid-dawl tal-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni vverifikat jekk l-importaturi kinux konxji, jew kellhomx ikunu konxji, mid-dumping fir-rigward tal-livell tad-dumping u tad-dannu allegat jew misjub. Analizzat ukoll jekk kienx hemm żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet li, fid-dawl ta’ meta seħħet u l-volum u ċirkostanzi oħra, x’aktarx timmina serjament l-effett rimedjali tad-dazju anti-dumping definittiv li se jiġi applikat. |
3.1. Għarfien, min-naħa tal-importaturi dwar id-dumping, il-livell tiegħu u d-dannu allegat
|
(8) |
F’dan l-istadju l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha biżżejjed evidenza li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina huma l-oġġett ta’ dumping. B’mod partikolari, l-ilmentatur ipprovda biżżejjed evidenza ta’ dumping abbażi ta’ tqabbil ta’ valur normali stabbilit f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott ikkonċernat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni. B’mod ġenerali, u minħabba l-firxa tal-marġnijiet tad-dumping allegati li jvarjaw bejn 151 % u 189 %, din l-evidenza pprovdiet biżżejjed appoġġ f’dan l-istadju li l-produtturi esportaturi qed iwettqu dumping. |
|
(9) |
L-ilmentatur ipprovda wkoll biżżejjed evidenza ta’ dannu allegat lill-industrija tal-Unjoni, inkluż żvilupp negattiv ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni tal-industrija tal-Unjoni. |
|
(10) |
Din l-informazzjoni kienet tinsab kemm fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment kif ukoll fin-notifika tal-bidu għal dan il-proċediment ippubblikata fil-21 ta’ Novembru 2023. Minn meta ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, in-notifika tal-bidu saret dokument pubbliku aċċessibbli għall-partijiet interessati kollha, inklużi l-importaturi. Barra minn hekk, bħala partijiet interessati fl-investigazzjoni, l-importaturi għandhom aċċess għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tal-ilment. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset li l-importaturi kienu konxji, jew kellhom ikunu konxji, tal-prattiki allegati ta’ dumping, il-portata tagħhom u d-dannu allegat. |
|
(11) |
Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kriterju għar-reġistrazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10(4)(c) tar-Regolament bażiku ġie ssodisfat. |
3.2. Żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet
|
(12) |
Id-data tal-Eurostat ma tippermettix analiżi sħiħa tal-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina lejn l-Unjoni għall-perjodu ta’ qabel il-bidu ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat il-kriterju fl-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku abbażi ta’ informazzjoni speċjalizzata dwar is-suq minn fornitur tad-data, ipprovduta mill-ilmentatur flimkien ma’ informazzjoni miksuba mill-bażijiet tad-data tal-Eurostat u Surveillance 3. |
|
(13) |
Biex tivvaluta jekk kinitx seħħet żieda sostanzjali ulterjuri mill-bidu tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni l-ewwel qabblet il-livell tal-importazzjonijiet mill-ewwel xahar sħiħ wara li nbdiet l-investigazzjoni (Diċembru 2023) sax-xahar sħiħ l-aktar reċenti disponibbli (Marzu 2024) mal-volumi korrispondenti ta’ importazzjonijiet fl-istess perjodu tas-sena preċedenti (Diċembru 2022–Marzu 2023). Importazzjonijiet miċ-Ċina bejn Diċembru u Jannar Sena wara Sena
|
||||||||||||||
|
(14) |
Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni sabet li l-volum medju ta’ importazzjonijiet fix-xahar tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina fil-perjodu minn Diċembru 2023 sa Marzu 2024, jiġifieri wara l-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, kien 26,2 % ogħla milli kien matul l-istess perjodu tas-sena preċedenti matul il-PI. |
|
(15) |
Imbagħad, il-Kummissjoni qabblet ukoll l-importazzjonijiet medji fix-xahar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (3) (mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023) mal-importazzjonijiet medji fix-xahar fit-tliet xhur sħaħ wara l-bidu (Diċembru 2023 sa Marzu 2024). It-tqabbil, kif spjegat fid-dettall fit-tabella ta’ hawn taħt, wera żieda ta’ 58,8 %. Importazzjonijiet miċ-Ċina fil-perjodu ta’ investigazzjoni u wara l-bidu tal-investigazzjoni
|
||||||||||||||||||||
|
(16) |
Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat żdiedu b’mod sostanzjali wara l-bidu tal-investigazzjoni. |
|
(17) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tieni kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll. |
3.3. Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju
|
(18) |
Il-Kummissjoni għandha biżżejjed evidenza għad-dispożizzjoni tagħha li żieda kontinwa fl-importazzjonijiet miċ-Ċina bi prezzijiet dejjem irħas tikkaġuna dannu addizzjonali. |
|
(19) |
Kif stabbilit fil-premessi (13) sa (15), hemm biżżejjed evidenza li kien hemm żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina, fil-perjodu ta’ wara l-ftuħ tal-investigazzjoni anti-dumping. Id-daqs sostanzjali ta’ din iż-żieda diġà jindika l-probabbiltà li l-effett rimedjali ta’ dazju definittiv, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet legali, jiġi mminat. |
|
(20) |
Apparti hekk, teżisti evidenza ta’ xejra ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.
|
||||||||||||||
|
(21) |
F’dan ir-rigward, filwaqt li l-prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina lejn l-Unjoni fil-perjodu Diċembru 2023–Marzu 2024 bħala medja, ma wrewx bidla meta mqabbla mal-istess perjodu sena qabel, jiġifieri Diċembru 2022–Marzu 2023, meta mqabbla mal-medja ta’ kull xahar fil-perjodu ta’ investigazzjoni, dawn juru tnaqqis ta’ 2 %. Dan x’aktarx li jimmina serjament l-effett rimedjali tad-dazji li se jiġu applikati. |
|
(22) |
Tali żieda ulterjuri fl-importazzjonijiet wara l-bidu tal-każ hija għalhekk probabbli, fid-dawl tat-timing, il-volum u ċirkostanzi oħra tagħha (bħall-kapaċità żejda fiċ-Ċina u l-imġiba tal-ipprezzar tal-produtturi esportaturi) li timmina serjament l-effett rimedjali ta’ kwalunkwe dazju definittiv jekk dan id-dazju ma jiġix applikat b’mod retroattiv. |
|
(23) |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tielet kriterju għar-reġistrazzjoni kien issodisfat ukoll. |
3.4. Konklużjoni
|
(24) |
Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li hemm biżżejjed evidenza li tiġġustifika li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jiġu soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
4. PROĊEDURA
|
(25) |
Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Il-Kummissjoni tista’ tisma’ lill-partijiet interessati, bil-kundizzjoni li dawn jagħmlu talba bil-miktub u juru li hemm raġunijiet partikolari għalfejn jenħtieġ li jinstemgħu. |
5. REĠISTRAZZJONI
|
(26) |
Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat miċ-Ċina jenħtieġ li jkunu soġġetti għal reġistrazzjoni bl-iskop li jiżguraw li, f’każ li l-investigazzjonijiet jirriżultaw f’konklużjonijiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk il-kundizzjonijiet neċessarji jkunu ssodisfati, jiġu imposti b’mod retroattiv fuq l-importazzjonijiet irreġistrati skont id-dispożizzjonijiet legali applikabbli. |
|
(27) |
Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni. |
|
(28) |
L-allegazzjonijiet fl-ilment li jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni anti-dumping jagħtu stima ta’ marġni medju ta’ dumping ta’ 170 % u livell medju ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ 156,5 % għall-prodott ikkonċernat. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx ta’ dawk iż-żewġ livelli f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. |
|
(29) |
L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli jista’ jiġi stmat fil-livell tal-eliminazzjoni tad-dannu allegat fl-ilment, jiġifieri sa 156,5 % ad valorem fuq il-valur tal-importazzjoni CIF tal-prodott ikkonċernat. |
6. PROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI
|
(30) |
Kull data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi trattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet tal-eritritol, dolċifikant tal-alkoħol taz-zokkor b’erba’ atomi tal-karbonju (poliol) magħmul miz-zokkor jew mill-glukożju, fil-forma pura tiegħu jew li jinsab f’taħlitiet li jkun fihom inqas minn 10 % ta’ prodotti oħra skont il-piż, attwalment ikklassifikati taħt il-kodiċi NM ex 2905 49 00 għall-eritritol fil-forma pura tiegħu u l-kodiċijiet NM ex 2106 90 92 u ex 2106 90 98 għall-prodotti mħallta (il-kodiċijiet TARIC 2905 49 00 15, 2106 90 92 65, u 2106 90 98 15), li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
2. Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.
3. Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom bil-miktub, jipprovdu evidenza ta’ sostenn jew jitolbu li jinstemgħu fi żmien 21 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Ġunju 2024.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.
(2) OJ C, C/2023/1020, 21.11.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/1020/oj.
(3) Il-perjodu ta’ investiment kopra l-perjodu mill-1 ta’ Ottubru 2022 sat-30 ta’ Settembru 2023.
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: https://eur-lex.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2024/1608/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)