|
19.9.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 235/14 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/1249
tat-18 ta' Settembru 2018
dwar azzjoni tal-Unjoni Ewropea b'appoġġ għall-Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Jemen
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 28(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,
Billi:
|
(1) |
Fl-14 ta' April 2015, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni (UNSCR) 2216 (2015), li imponiet embargo fuq il-provvista, il-bejgħ jew it-trasferiment ta' armi u materjal relatat ta' kull tip lil Ali Abdullah Saleh, ex-President tal-Jemen, u ċerti persuni oħra, kif ukoll persuni u entitajiet oħra li għandhom jiġu deżinjati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà. |
|
(2) |
Skont talba mill-Gvern tal-Jemen tas-6 ta' Awwissu 2015, u f'konformità mal-UNSCR 2216 (2015), is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, permezz ta' ittra lill-Gvern tal-Jemen bid-data tal-11 ta' Awwissu 2015, qabel li jistitwixxi mekkaniżmu ta' verifika u spezzjoni (“UNVIM”) tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) bl-għan li jiġi ffaċilitat il-fluss bla xkiel ta' oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen u biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-pajjiż. |
|
(3) |
Fil-5 ta' Mejju 2016, il-UNVIM sar operazzjonali. L-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS) joperazzjonalizza u jiġġestixxi l-UNVIM f'isem l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UN OCHA), il-Gvern tal-Jemen, u l-Istati Membri kkonċernati tan-NU. |
|
(4) |
Fit-3 ta' April 2017, il-Kunsill saħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-ipproċessar effettiv u f'waqtu tat-trasport marittimu kummerċjali lejn il-Jemen u esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu. Il-Kunsill appella wkoll għall-implimentazzjoni sħiħa tal-embargo mmirat fuq l-armi impost mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u, f'dan ir-rigward, tenna l-applikazzjoni stretta tar-regoli stipulati fil-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK (1). |
|
(5) |
Fis-27 ta' Diċembru 2017, il-UNVIM għamel proposta bil-għan li jissaħħu u jitwessgħu l-attivitajiet tiegħu għal perijodu ulterjuri ta' sena sa Marzu 2019, b'mod partikolari billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-vjeġġi kummerċjali, u billi tiżdied il-kapaċità tiegħu li jiskjera persunal u riżorsi addizzjonali fil-portijiet ikkonċernati. Dan it-tisħiħ jeħtieġ appoġġ biex jiżdied il-persunal tal-UNVIM u jinkiseb tagħmir ta' spezzjoni addizzjonali. Jenħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi finanzjarjament għal tali appoġġ. |
|
(6) |
Fil-25 ta' Ġunju 2018, il-Kunsill saħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat l-ipproċessar effettiv u f'waqtu tat-trasport marittimu kummerċjali fil-portijiet ikkonċernati, inkluż il-fjuwil, u esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni sħiħa u bla xkiel tal-mandat tiegħu, u ddeċieda li jikkunsidra t-tisħiħ tal-UNVIM. |
|
(7) |
Jenħtieġ li l-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni tiġi fdata lill-UNOPS. Il-kontribut tal-Unjoni għall-UNVIM ser ikun strumentali biex il-UNVIM ikun jista' jkompli jwettaq il-kompiti tiegħu ta' servizzi ta' monitoraġġ u spezzjoni li jiżguraw li l-merkanziji kummerċjali li jidħlu fl-ilmijiet territorjali tal-Jemen ikunu konformi mal-UNSCR 2216 (2015). Jenħtieġ li, jekk il-mandat jew il-ħtiġijiet tal-UNVIM jinbidlu b'mod li jinħolqu dubji dwar l-adegwatezza jew ir-rilevanza tal-proġett biex jikseb l-objettivi tiegħu, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni tiġi vvalutata mill-ġdid kif xieraq. |
|
(8) |
Jenħtieġ li s-superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tkun fdata lill-Kummissjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
1. L-Unjoni għandha tappoġġa lill-UNVIM bl-objettiv ġenerali li tikkontribwixxi biex jiġi ristabbilit il-fluss liberu bla xkiel ta' oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen billi jkun ipprovdut proċess ta' awtorizzazzjoni trasparenti u effettiv għall-vjeġġi kummerċjali destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen.
2. L-objettivi speċifiċi ta' dan il-proġett huma kif ġej:
|
— |
iż-żieda tal-fluss ta' merkanzija kummerċjali lejn il-Jemen billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta' awtorizzazzjoni tal-vjeġġi kummerċjali u tiġi ristabbilita l-fiduċja tal-kumpanniji ta' trasport marittimu fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-port ta' Hodeydah u Saleef; |
|
— |
iż-żieda tal-kapaċità tal-UNVIM li jiskjera persunal u riżorsi addizzjonali f'Djibouti, fil-Port King Abdullah (ir-Renju tal-Arabja Sawdija), fil-portijiet ta' Salalah u Sohar (l-Oman) u ta' Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll tal-kapaċità ta' rispons tiegħu f'każ li l-UNVIM jingħata responsabbiltajiet addizzjonali fil-port ta' Hodeydah matul id-durata tal-proġett. |
3. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi permezz ta' din id-Deċiżjoni għall-ispejjeż assoċjati mat-tisħiħ tal-UNVIM u b'hekk tgħin ukoll biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tal-Jemen bħala parti minn strateġija umanitarja usa'.
Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet tal-proġett tinsab fl-Anness.
Artikolu 2
1. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
2. L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1 għandha tkun fdata lill-UNOPS. Dan għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-fini, ir-RGħ għandha tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa mal-UNOPS.
Artikolu 3
1. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 4 915 504,24.
2. L-ammont maħsub biex ikopri l-perijodu ta' sitt xhur wara l-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu għandu jkun ta' EUR 2 748 472,96. L-ammont ta' EUR 2 167 031,28 li jifdal għandu jintuża jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jsir hekk, wara r-rieżami msemmi fl-Artikolu 5(2).
3. L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jiġi ġestit f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.
4. Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-UNOPS. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-UNOPS għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni.
5. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 4 malajr kemm jista' jkun wara t-18 ta' Settembru 2018. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament.
Artikolu 4
1. Ir-RGħ għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjija mill-UNVIM, inkluż dwar il-laqgħat ta' kull xahar tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-UNVIM. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.
2. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Kunsill informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1.
Artikolu 5
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
2. Il-Kunsill għandu jirrieżamina din id-Deċiżjoni ħames xhur wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(4).
3. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 12-il xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament bejn il-Kummissjoni u l-UNOPS imsemmi fl-Artikolu 3(4). Madankollu, hija għandha tiskadi sitt xhur wara d-dħul fis-seħħ tagħha jekk sa dakinhar ma jkun ġie konkluż l-ebda ftehim ta' finanzjament.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Settembru 2018.
Għall-Kunsill
Il-President
G. BLÜMEL
(1) Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99).
ANNESS
1. Sfond
|
(a) |
Il-konflitt attwali fil-Jemen irriżulta fi kriżi umanitarja mifruxa, u ħalla bejn wieħed u ieħor 75 % tal-popolazzjoni (22,2 miljun persuna) fil-bżonn ta' għajnuna. L-ostakli fl-importazzjonijiet kummerċjali għall-Jemen wasslu għal nuqqas serju ta' oġġetti bażiċi, żieda qawwija fil-prezzijiet tal-oġġetti disponibbli, żieda fis-suq illeċitu u fin-netwerks ta' kuntrabandu. Sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fil-Jemen, huwa essenzjali li l-flussi regolari ta' merkanzija kummerċjali fil-pajjiż jitkomplew. Ir-Riżoluzzjoni 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tagħti mandat lill-Istati Membri tan-NU biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimpedixxu l-forniment, bejgħ jew trasferiment, dirett jew indirett, minn jew permezz ta', it-territorji tagħhom jew miċ-ċittadini tagħhom, jew bl-użu ta' bastimenti jew inġenji tal-ajru bil-bandiera tagħhom, ta' kull tip ta' armamenti u materjal relatat, inklużi armi u munizzjoni, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u spare parts għal dawn imsemmijin hawn fuq, lil ċerti individwi u entitajiet li jiġu ddeżinjati mill-Kumitat stabbilit skont dik ir-riżoluzzjoni. Sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss bla xkiel ta' oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen, in-NU ntalbet mill-Gvern tal-Jemen biex tipprovdi servizz ta' monitoraġġ u spezzjoni li jiżgura li l-merkanzija kummerċjali li tidħol fl-ilmijiet territorjali tal-Jemen tkun konformi mal-UNSCR 2216 (2015). F'Diċembru 2015, l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Proġetti tan-Nazzjonijiet Uniti (UNOPS) intalab joperazzjonalizza u jiġġestixxi mekkaniżmu biex jissorvelja s-servizzi ta' monitoraġġ u spezzjoni f'isem l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (UN OCHA), il-Gvern tal-Jemen, u l-Istati Membri kkonċernati tan-NU sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss bla xkiel ta' oġġetti kummerċjali għaż-żoni tal-Jemen li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen. Il-UNVIM sar operazzjonali fil-5 ta' Mejju 2016. Wara r-restrizzjonijiet ta' Novembru 2017 imposti mill-Koalizzjoni fuq it-trasport marittimu lejn it-tramuntana tal-Jemen, il-UNVIM kellu diskussjonijiet ma' donaturi u sħab esterni, kif ukoll mal-Koalizzjoni. Il-proposta għall-estensjoni tal-UNVIM minn April 2018 sa Marzu 2019 irriflettiet il-kontenut ta' dawn id-diskussjonijiet dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tiegħu, biex jittaffa' t-tħassib dwar il-kuntrabandu ta' armi abbord bastimenti kummerċjali u jitnaqqas id-dewmien għat-trasport marittimu kummerċjali. Attwalment il-UNVIM jopera f'Djibouti b'4 Superviżuri, 4 Spetturi, 4 Timijiet tal-EDD, 13-il membru ta' persunal tal-Maniġment/Tekniku u sa 7 membri ta' persunal issekondati mir-Renju Unit kif ukoll f'Jeddah (ir-Renju tal-Arabja Sawdija) b'2 Superviżuri. Għaddejjin diskussjonijiet biex l-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-UNVIM jiġu estiżi fil-Port King Abdullah (ir-Renju tal-Arabja Sawdija), fil-port ta' Salalah u Sohar (l-Oman) u fil-port ta' Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda ). |
|
(b) |
L-UE saħqet b'mod konsistenti fuq l-importanza tal-ipproċessar effettiv u f'waqtu tat-trasport marittimu kummerċjali u appoġġat il-kontinwazzjoni tal-UNVIM u l-implimentazzjoni bla xkiel tal-mandat tiegħu. Kwalunkwe tip ta' appoġġ tal-UE għall-kontinwazzjoni tal-UNVIM għaldaqstant għandu jitqies fil-perspettiva tat-titjib tal-effiċjenza tal-mekkaniżmu sabiex tiżdied il-kapaċità ta' operaturi u Stati biex iwasslu oġġetti kummerċjali lill-popolazzjoni Jemenita. Kif rikonoxxut fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2017, jenħtieġ l-appoġġ sħiħ tal-Koalizzjoni u tal-Gvern tal-Jemen sabiex il-UNVIM jaħdem b'mod effettiv u b'kapaċità sħiħa. Barra minn hekk, kwalunkwe attività tal-UE għandha titqies fil-qafas tal-impenn usa' tal-UE lejn soluzzjoni politika għall-konflitt, b'appoġġ sħiħ għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU. |
2. Proċess ta' Spezzjoni u Verifika tal-UNVIM
Bħalissa, il-UNVIM japplika għall-bastimenti kollha 'l fuq minn 100 MT destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen u għal (1) il-bastimenti kollha li jġorru oġġetti kummerċjali li nxtraw minn entitajiet kummerċjali jew tal-gvern ibbażati fil-Jemen bl-intenzjoni li jinbiegħu fil-Jemen, (2) assistenza bilaterali minn Stati Membri tan-NU li mhijiex qed tingħata permezz ta' UNAFP jew organizzazzjoni umanitarja internazzjonali rikonoxxuta.
Il-proċess ta' verifika jibda meta kumpannija ta' trasport marittimu tippreżenta talba ta' awtorizzazzjoni online fuq www.vimye.org, ittella' d-dokumenti meħtieġa u tippreżenta lill-UNVIM id-dokumenti kollha mitluba. Fi żmien 48 siegħa, il-UNVIM jeżamina d-dokumenti, u jibgħat notifika lis-sħab esterni bħaċ-Ċellula għall-Evakwazzjoni u l-Operazzjonijiet Umanitarji tal-Forzi ta' Koalizzjoni (EHOC). Il-UNVIM imbagħad jiddeċiedi jekk jispezzjonax il-bastiment jew le abbażi tal-proċess tiegħu stess li jinkludi diskrepanzi fid-dokumenti li rċieva, waqfiet f'portijiet mhux iddikjarati, moviment suspettuż tal-bastiment, it-tifi tas-Sistema ta' Identifikazzjoni Awtomatika (AIS) għal aktar minn erba' sigħat, u l-feedback li jirċievi minn sħab esterni. L-ispezzjonijiet tal-bastiment jitwettqu fil-port fl-ilmijiet territorjali jew fuq il-baħar fl-ilmijiet internazzjonali.
Konsegwentement, jew jingħata ċertifikat tal-awtorizzazzjoni jew dan jiġi rrifjutat (ikkanċellat, irrifjutat jew imħassar). Fil-każ ta' bastimenti li jingħataw l-awtorizzazzjoni, il-UNVIM jibqa' jagħmel monitoraġġ tal-movimenti tagħhom permezz tal-AIS, inkluż it-transitu għaż-żona ta' stennija tal-Koalizzjoni; miż-żona ta' stennija għaż-żona tal-ankraġġ; mill-ankraġġ lejn l-irmiġġ għall-ħatt. L-insegwiment tal-UNVIM jispiċċa ladarba l-bastimenti li jkunu ngħataw l-approvazzjoni jitilqu mill-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen wara li jkunu ħattew il-merkanzija tagħhom u telqu mill-port. Matul il-proċess kollu, il-UNVIM iżomm kuntatt mill-qrib mal-kumpanniji ta' trasport marittimu u mal-Kmandant tal-bastimenti (il-Kaptan) u jaqdi rwol kritiku meta jindirizza kwalunkwe kwistjoni li l-bastimenti jistgħu jiltaqgħu magħha fuq il-baħar, inkluża medjazzjoni mal-EHOC u mal-Koalizzjoni. Il-faċilitazzjoni mill-UNVIM tal-proċess kollu tal-awtorizzazzjoni u l-komunikazzjoni konsistenti mal-kumpanniji ta' trasport marittimu huma kruċjali biex tinżamm il-fiduċja tal-linji ta' trasport marittimu internazzjonali, u għaldaqstant biex jiġi żgurat li l-importazzjonijiet kummerċjali lejn il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Jemenita jibqgħu jsiru minkejja l-konflitt li għaddej.
Il-UNVIM fittex ukoll li jserraħ ras il-komunità ta' trasport marittimu internazzjonali permezz ta' laqgħat kull tliet xhur mar-rappreżentanti tagħhom biex jiżguraw li d-diffikultajiet u l-isfidi tagħhom jinftiehmu u jiġu indirizzati sew.
3. Objettivi Ġenerali
Sabiex jiġi żgurat li l-UNVIM ikun jista' jimplimenta l-mandat tiegħu bla xkiel, l-objettiv ġenerali tal-Azzjoni huwa li tikkontribwixxi biex jiġi ristabbilit il-fluss liberu bla xkiel ta' oġġetti kummerċjali lejn il-Jemen billi jkun ipprovdut proċess ta' awtorizzazzjoni trasparenti u effettiv għal vjeġġi kummerċjali destinati għall-portijiet Jemeniti li mhumiex taħt il-kontroll tal-Gvern tal-Jemen.
L-objettivi speċifiċi huma dawn li ġejjin:
|
— |
Jiżdied il-fluss ta' merkanzija kummerċjali lejn il-Jemen billi jiġi aċċellerat aktar il-proċess ta' awtorizzazzjoni ta' vjeġġi kummerċjali u billi tiġi ristabbilita l-fiduċja tal-kumpanniji ta' trasport marittimu fir-rigward tal-aċċessibbiltà tal-port ta' Hodeydah u Saleef minkejja l-konflitt attwali; |
|
— |
Tiżdied il-kapaċità tal-UNVIM li jibgħat persunal u riżorsi addizzjonali f'Djibouti, fil-Port King Abdullah (ir-Renju tal-Arabja Sawdija), fil-portijiet ta' Salalah u Sohar (l-Oman) u ta' Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) kif ukoll il-marġini ta' rispons tiegħu f'każ li l-UNVIM jingħata responsabbiltajiet addizzjonali fil-port ta' Hodeydah matul id-durata tal-proġett. |
Jekk il-mandat jew il-ħtiġijiet tal-UNVIM jinbidlu b'mod li jinħolqu dubji dwar l-adegwatezza jew ir-rilevanza tal-proġett biex jinkisbu l-objettivi msemmijin hawn fuq, il-kontribuzzjoni tal-UE għandha tiġi vvalutata mill-ġdid kif xieraq.
4. Deskrizzjoni tal-attivitajiet
Il-UNOPS ser ikollu r-responsabbiltà għall-implimentazzjoni teknika tal-proġett.
Attività 1: Jiżdied in-numru ta' Superviżuri tal-UNVIM. Sa ħames (05) superviżuri addizzjonali u sa żewġ (02) spetturi addizzjonali tal-merkanzija ser jiġu reklutati għall-Djibouti, il-Port King Abdullah u l-Jeddah (ir-Renju tal-Arabja Sawdija), il-portijiet ta' Salalah u Sohar (l-Oman) u ta' Dubai (l-Emirati Għarab Magħquda) jew għal kwalunkwe post ieħor, inkluż, b'mod tentattiv, Hodeydah. Din iż-żieda fil-kapaċità tippermetti lill-UNVIM jadatta ruħu malajr għal kwalunkwe żvilupp u jżid il-medda operazzjonali tal-UNVIM biex iwettaq spezzjonijiet tal-bastimenti filwaqt li tiġi żgurata l-kontinwità operazzjonali tal-UNVIM. Il-UNVIM ser jirrekluta wkoll uffiċjal wieħed addizzjonali bbażat f'Djibouti li, fost l-oħrajn, ser jikkollega mal-UE u b'mod partikolari mad-Delegazzjonijiet tal-UE fir-reġjun tal-Baħar l-Aħmar.
L-attivitajiet ippjanati huma dawn li ġejjin:
|
— |
Il-UNOPS ser jirrekluta s-superviżuri, l-ispetturi u l-uffiċjal il-ġodda f'konformità mar-regoli u l-proċeduri ta' reklutaġġ tal-UNOPS; |
|
— |
Il-UNOPS ser jinforma lis-SEAE minn qabel dwar kwalunkwe ftuħ ta' pożizzjoni. |
Kronoloġija: tul id-durata kollha tal-proġett.
Attività 2: Il-kiri ta' parti mill-port ta' Djibouti. F'konformità mal-Ftehim ta' Kooperazzjoni fi Proġetti ffirmat mal-awtoritajiet ta' Djibouti fl-1 ta' Mejju 2018, il-UNVIM jikri mollijiet u rmiġġi fil-port ta' Djibouti biex jiżgura post kostanti għat-twettiq ta' spezzjonijiet. Faċilità ġdida fil-port bħalissa qed tiġi rinnovata biex tiffaċilita l-ħidma tas-superviżuri, l-ispetturi u l-EDDs. Dan ser jikkontribwixxi wkoll biex jiġi aċċellerat il-proċess ta' spezzjoni.
Kronoloġija: tul id-durata kollha tal-proġett
Attività 3: Żieda fin-numru ta' klieb għall-individwazzjoni tal-isplussivi (EDD) minn erbgħa għal sitta f'Djibouti: il-UNVIM ser iżid in-numru ta' EDDs u l-ġesturi tal-klieb minn erbgħa għal sitta. Peress li l-EDDs għandhom bżonn il-mistrieħ matul l-ispezzjonijiet u minħabba l-kundizzjonijiet klimatiċi f'Djibouti, iż-żieda fin-numru ta' spezzjonijiet toħloq il-ħtieġa ta' kapaċità addizzjonali biex jiġu żgurati t-trattament xieraq tal-EDDs u l-kontinwità operazzjonali.
Attivitajiet ippjanati:
|
— |
Skont il-proċeduri ta' akkwist tan-NU, il-UNOPS ser iniedi sejħa ġdida għall-offerti għall-EDDs u l-ġesturi tagħhom għall-għoti ta' kuntratt jew inkella jemenda l-kuntratt eżistenti mal-fornitur attwali tas-servizzi tal-UNVIM (TDI - L-Inizjattiva għall-Iżvilupp); |
|
— |
L-EDDs il-ġodda ser jiġu integrati fit-tim eżistenti ta' 4 EDDs u ġesturi tal-klieb. |
Kronoloġija: tul id-durata kollha tal-proġett.
Attività 4: Ix-xiri ta' tagħmir addizzjonali ta' spezzjoni: biex it-tim tal-UNVIM f'Djibouti jiġi megħjun fl-iskennjar tal-kontenituri u l-merkanzija, il-UNVIM ser jixtri żewġ (02) skanners mobbli. Dan it-tagħmir addizzjonali ser jiffaċilita l-ispezzjoni f'waqtha tal-bastimenti fil-port ta' Djibouti u fl-ilmijiet internazzjonali.
L-attivitajiet ippjanati huma dawn li ġejjin:
|
— |
L-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet tekniċi li għaddej bħalissa; |
|
— |
Skont il-proċeduri ta' akkwist tal-UNOPS, tnedija ta' sejħa internazzjonali għall-offerti għall-provvisti u l-għoti ta' kuntratt; |
|
— |
Kunsinna tat-tagħmir u t-taħriġ tal-persunal rilevanti. |
Kronoloġija: Tul l-ewwel erba' xhur (1-4) tal-proġett.
Fi tmiem il-proġett, id-disponiment tal-assi ser isir skont il-kuntratt iffirmat mal-Kummissjoni Ewropea.
Attività 5: Implimentazzjoni tal-Proġett
Il-UNOPS ser jipprovdi sorveljanza tal-ġestjoni tal-programm; din ser tinkludi l-iżvilupp ta' stadji importanti, rieżamijiet interni, sorveljanza tal-ftehimiet kuntrattwali, u ġestjoni finanzjarja. L-attivitajiet antiċipati jinkludu:
|
— |
L-akkwist ta' servizzi esterni jew Ftehim dwar Servizzi Speċjali għal assistenza teknika għall-implimentazzjoni tal-proġett; |
|
— |
Ġestjoni finanzjarja u kuntrattwali tas-servizzi li l-UNOPS jissottokuntratta lil partijiet terzi. |
Kronoloġija: tul id-durata kollha tal-proġett.
5. Riżultati mistennija
Bl-intensifikazzjoni tal-attivitajiet operazzjonali tal-UNVIM, ir-riżultati mistennija tal-proġett huma kif ġej:
|
— |
Impediment tal-fluss ta' oġġetti projbiti milli jidħlu fil-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen; |
|
— |
Faċilitazzjoni tal-fluss liberu ta' oġġetti kummerċjali lejn il-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen; |
|
— |
Tinbena fiduċja fost il-komunità ta' trasport marittimu internazzjonali billi jiġi pproġettat proċess trasparenti u effiċjenti għad-dħul ta' oġġetti kummerċjali lejn il-portijiet tal-Baħar l-Aħmar tal-Jemen, minkejja l-konflitt li għaddej; |
|
— |
Appoġġ għall-Gvern tal-Jemen biex jissodisfa l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni tiegħu fir-rigward ta' komoditajiet bażiċi li mhumiex qed jiġu kompletament issodisfati mill-għajnuna umanitarja u s-sorsi lokali. |
6. Durata stmata
Id-durata tal-proġett hija prevista għal 12-il xahar f'żewġ termini ta' 6 xhur (6 + 6). L-ewwel terminu għandu jkompli sa Marzu 2019, it-tieni terminu għandu jibda minn April 2019. Peress li l-arranġamenti ta' finanzjament tal-UNVIM attwali mad-donaturi japplikaw biss sa Marzu 2019, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tipprevedi arranġament speċifiku fir-rigward tal-perijodu wara Marzu 2019.
Dan l-arranġament jikkonsisti minn klawsola ta' rieżami li tistipula li l-kontribuzzjoni tal-UE għandha tiġi vvalutata mill-ġdid, fid-dawl ta' opinjoni pożittiva mill-Istati Membri dwar l-estensjoni bla waqfien tal-kontribuzzjoni tal-UE għal sitt xhur oħra.
Għaldaqstant, il-ftehim ta' Delega bejn il-Kummissjoni u l-UNOPS ser jiġi ffirmat għal terminu inizjali ta' sitt xhur biss, li jista' jiġi estiż għal terminu ta' sitt xhur oħra ladarba tingħata opinjoni pożittiva mill-Istati Membri.
7. Viżibbiltà tal-Unjoni
Billi l-UNOPS ser ikun responsabbli għall-implimentazzjoni teknika tal-proġett, huwa jiżgura viżibbiltà xierqa tal-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni, pereżempju f'rapporti, avvenimenti jew laqgħat. Il-bandiera tal-UE ser tidher fuq id-dokumentazzjoni kollha tal-UNVIM.
Il-UNVIM/UNOPS ser juru viżibbiltà xierqa fuq it-tagħmir kollu mixtri bil-fondi tal-UE li mhuwiex għall-konsum, inkluż il-wiri tal-logo tal-UE. Fejn tali wiri jista' jipperikola l-privileġġi u l-immunitajiet tal-UNOPS jew is-sikurezza tal-persunal jew tal-benefiċjarji aħħarija tiegħu, ser isiru arranġamenti alternattivi adatti.
8. Parteċipazzjoni tal-UE fil-Kumitat ta' Tmexxija tal-UNVIM
Il-Kumitat ta' Tmexxija tal-UNVIM huwa magħmul mir-Renju tal-Arabja Sawdija (EHOC u l-Ministeru għad-Difiża), l-Emirati Għarab Magħquda, il-Gvern tal-Jemen (uffiċjal ta' kollegament tal-UNVIM ibbażat f'Djibouti u rappreżentant tal-Ministeru għat-Trasport), l-UNOPS u l-OCHA. Fir-rigward tal-Istati Uniti, in-Netherlands u r-Renju Unit li jattendu din il-laqgħa bi “status ta' osservatur” fil-kapaċità tagħhom bħala donaturi għall-UNVIM, l-UE ser tipparteċipa fil-laqgħat ta' kull xahar tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-UNVIM.
9. Rapportar
Il-UNVIM/UNOPS ser jipprovdu rapport ta' kull xahar lis-SEAE għar-rieżami tal-progress lejn it-twettiq tar-riżultati tal-proġett. Dawn ir-rapporti ser ikunu kondiviżi mal-korp rilevanti tal-Kunsill.
Is-SEAE ser jirrapporta lill-korp rilevanti tal-Kunsill dwar il-laqgħat ta' kull xahar tal-Kumitat ta' Tmexxija tal-UNVIM.
Il-UNVIM/UNOPS ser jirrapportaw direttament lill-korp rilevanti tal-Kunsill kull tliet xhur fi Brussell.
Il-UNVIM/UNOPS ser jippreżentaw rapport narrattiv u finanzjarju finali fi żmien sitt xhur minn tmiem il-perijodu tal-implimentazzjoni.