SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
5 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Direttiva 2004/38/KE — Dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u li jirrisjedu liberament fit-territorju tal-Istati Membri — Artikolu 3(2) — Obbligu li jiġu ffaċilitati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, id-dħul u r-residenza ta’ ‘kwalunkwe membri oħrajn tal-familja’ dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni”
Fil-Kawża C-83/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Frar 2011, fil-proċedura
Secretary of State for the Home Department
vs
Muhammad Sazzadur Rahman,
Fazly Rabby Islam,
Mohibullah Rahman,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, A. Prechal, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann, E. Juhász, G. Arestis, M. Ilešič (Relatur), M. Berger u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
|
— |
għas-Centre for Advice on Individual Rights in Europe (AIRE Centre), minn A. Weiss, kif ukoll minn N. Mole u S. Chaudary, konsulenti, |
|
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent, assistit minn R. Palmer, barrister, |
|
— |
għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Daniż, minn C. Vang u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Ġermaniż, minn A. Wiedmann, bħala aġent, |
|
— |
għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn L. D’Ascia, avvocato dello Stato, |
|
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u M. Bulterman, bħala aġenti, |
|
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent, |
|
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Tufvesson u M. Wilderspin, bħala aġenti. |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 5, p. 46). |
|
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Secretary of State for the Home Department (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) u Muhammad Sazzadur Rahman, Fazly Rabby Islam u Mohibullah Rahman, ċittadini Bengaliżi, dwar it-talba ta’ dawn tal-aħħar sabiex jibbenefikaw minn permess ta’ residenza fir-Renju Unit bħala membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ Stat fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem iż-“ŻEE”). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2004/38
|
3 |
Il-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 tipprovdi li: “Sabiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa u mingħajr diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.” |
|
4 |
Skont l-Artikolu 2(2), tad-Direttiva 2004/38, għall-finijiet ta’ din id-direttiva, “membru tal-familja” tfisser:
|
|
5 |
L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Benefiċjarji” jipprovdi li: “1. Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom. 2. Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ta’ moviment liberu u residenza li l-persuni kkonċernati jista’ jkollhom, l-Istat Membru ospitanti, skond il-leġislazzjoni nazzjonali, għandu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tal-persuni li ġejjin:
|
|
6 |
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza” jipprovdi li: “1. Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza. 2. Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin [għandhom jitlobu li jiġu ppreżentati d-dokumenti li ġejjin]: […]
[…]”. |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
|
7 |
Id-Direttiva 2004/38 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-Regolament tal-2006 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) Regulations 2006 (S.I. 2006 1003)], hekk kif emendat bir-Regolament tal-2009 fuq l-immigrazzjoni (Żona Ekonomika Ewropea) [Immigration (European Economic Area) (Amendment) Regulations 2009] (iktar ’il quddiem ir-“Regolament fuq l-immigrazzjoni”). |
|
8 |
L-Artikolu 7 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni intitolat “Membru tal-familja” jipprovdi:
[…]” |
|
9 |
L-Artikolu 8 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni, intitolat “Membru tal-familja estiża”, jipprovdi:
[…]
|
|
10 |
L-Artikolu 17 tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni, intitolat “Ħruġ tal-karta ta’ residenza”, jipprovdi: “[…]
[…]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
|
11 |
Fil-31 ta’ Mejju 2006, Mahbur Rahman, ċittadin Bengali, iżżewweġ ċittadini Irlandiża li taħdem fir-Renju Unit. |
|
12 |
Wara li sar dan iż-żwieġ, Muhammad Sazzadur Rahman, ħuh, Fazly Rabby Islam, ħuh wild l-istess omm iżda mhux l-istess missier jew viċiversa, u Mohibullah Rahman, in-neputi tiegħu, applikaw għal permess ta’ familja ŻEE sabiex jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza fir-Renju Unit bħala persuni dipendenti tal-konjuġi Rahman. Dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda mill-Entry Clearance Officer f’Bangladexx, fis-27 ta’ Lulju 2006, peress li l-konvenuti fil-kawża prinċipali ma setgħux jipprovaw li kienu dipendenti tal-konjuġi Rahman fil-Bangladexx. |
|
13 |
Għaldaqstant, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ppreżentaw rikors kontra din id-deċiżjoni ta’ rifjut quddiem l-Immigration Judge of the Asylum and Immigration Tribunal. Din il-qorti laqgħet ir-rikors tagħhom fid-19 ta’ Ġunju 2007. Hija ddeċidiet li setgħu jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 u li, għaldaqstant, id-dħul tagħhom fir-Renju Unit kellu jkun iffaċilitat. Konsegwentement, inħargu permessi ta’ familja ŻEE lill-konvenuti fil-kawża prinċipali u setgħu b’hekk jingħaqdu mal-konjuġi Rahman fir-Renju Unit. |
|
14 |
Fid-9 ta’ Jannar 2008, il-konvenuti fil-kawża prinċipali talbu li jinħarġulhom karti ta’ residenza sabiex jiġi kkonfermat id-dritt ta’ residenza tagħhom fir-Renju Unit. Dawn it-talbiet ġew miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Diċembru 2008 tas-Secretary of State, peress li dan tal-aħħar qies li dawn la kienu pprovaw li kienu rrisjedu mal-miżżewġa Rahman, ċittadina tal-Unjoni kkonċernata, fl-istess Stat Membru taż-ŻEE qabel ma hija waslet fir-Renju Unit, u lanqas li huma kienu għadhom dipendenti fuqha jew li kienu għandhom jgħixu f’darha fir-Renju Unit. |
|
15 |
Adit b’rikors kontra din id-deċiżjoni, l-Immigration Judge of the Asylum and Immigration Tribunal iddeċieda, fis-6 ta’ April 2009, li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu effettivament “dipendenti” u, konsegwentement, qies li l-fajl tagħhom kellu jiġi eżaminat skont l-Artikolu 17(4) u (5) tar-Regolament fuq l-immigrazzjoni. |
|
16 |
Is-Secretary of State talab eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni quddiem l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber). Dan l-eżami mill-ġdid ġie ordnat permezz tad-deċiżjoni tat-30 ta’ April 2009 u l-kawża tressqet quddiem l-imsemmija qorti bħala qorti tal-appell. |
|
17 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Upper Tribunal (Immigration and Asylum Chamber), iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel u t-tieni domanda
|
18 |
Fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, għandu l-ewwel nett jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 ma tobbligax lill-Istati Membri jilqgħu kull talba għal dħul jew għal residenza magħmula minn persuni li juru li huma membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva. |
|
19 |
Fil-fatt, hekk kif sostnew il-Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, bl-istess mod bħall-Kummissjoni Ewropea, kemm mill-kliem tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll mis-sistema ġenerali tagħha jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa distinzjoni bejn il-membri tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni ddefiniti fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 li jibbenefikaw minn dritt ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti tal-imsemmi ċittadin, taħt il-kundizzjonijiet imsemmija f’din id-direttiva, u l-membri l-oħrajn tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tal-istess direttiva, li d-dħul u r-residenza tagħhom għandhom ikunu biss iffaċilitati minn dan l-Istat Membru. |
|
20 |
Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata bil-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38 li tipprovdi li, “[s]abiex tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa […], is-sitwazzjoni ta’ dawk il-persuni li mhumiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja taħt din id-Direttiva, u li għalhekk ma jgawdux minn dritt awtomatiku ta’ dħul u ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti, għandha tiġi eżaminata mill-Istat Membru ospitanti skond il-bażi tal-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu, sabiex jiddeċiedi jekk id-dħul u r-residenza għandhomx jiġu awtorizzati lil dawn il-persuni, waqt li titqies ir-relazzjoni tagħhom maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew kwalunkwe ċirkostanzi oħrajn, bħad-dipendenza finanzjarja jew fiżika fuq iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”. |
|
21 |
Għalkemm jirriżulta għaldaqstant li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza lil persuni li huma membri tal-familja, fis-sens wiesa’ tat-terminu, li huma dipendenti ta’ ċittadin tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt, kif jirriżulta mill-użu tal-preżent indikattiv “jiffaċilita” fl-imsemmi Artikolu 3(2), li din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri obbligu li jagħtu ċertu vantaġġ lit-talbiet magħmula minn persuni li għandhom rabta ta’ dipendenza partikolari fil-konfront ta’ ċittadin tal-Unjoni, meta mqabbla mat-talbiet għal dħul u għal residenza ta’ ċittadini oħrajn ta’ Stati terzi. |
|
22 |
Sabiex jissodisfaw dan l-obbligu, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, l-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà li l-persuni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ikunu jistgħu jiksbu deċiżjoni dwar it-talba tagħhom li tkun ibbażata fuq eżami fid-dettall tas-sitwazzjoni personali tagħhom u li, fil-każ ta’ rifjut, din id-deċiżjoni għandha tkun motivata. |
|
23 |
Fil-kuntest tal-imsemmi eżami tas-sitwazzjoni personali tal-applikant, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 tad-Direttiva 2004/38, huwa l-obbligu tal-awtorità kompetenti li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi fatturi li jistgħu jkunu rilevanti skont il-każ, bħall-grad ta’ dipendenza ekonomika jew fiżika u r-relazzjoni ta’ parentela bejn il-membru tal-familja u ċ-ċittadin tal-Unjoni li huwa jkun jixtieq jakkumpanja jew jingħaqad miegħu. |
|
24 |
Fid-dawl kemm ta’ nuqqas ta’ regoli iktar preċiżi fid-Direttiva 2004/38 u tal-użu tal-kelmiet “skond il-leġislazzjoni nazzjonali” fl-Artikolu 3(2) tagħha, għandu jiġi kkonstatat li kull Stat Membru għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-għażla ta’ fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għaldaqstant, l-Istat Membru ospitanti għandu jiżgura li l-leġiżlazzjoni tiegħu tinkludi kriterji li jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użati fl-imsemmi Artikolu 3(2) u li ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
25 |
Fl-aħħar nett għandu jiġi rrilevat li, anki jekk, bħalma ġustament osservaw il-Gvernijiet li ssottomettew osservazzjonijiet, il-kliem użat fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 ma huwiex preċiż biżżejjed sabiex jippermetti li persuna li tagħmel talba għal dħul jew għal residenza tuża direttament din id-dispożizzjoni sabiex tinvoka kriterji ta’ evalwazzjoni li fil-fehma tagħha kellhom jiġu applikati għat-talba tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li tali persuna għandha d-dritt li titlob li jiġi vverifikat minn qorti jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha baqgħux fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ddefinit mid-direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 56; tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging, C-127/02, Ġabra p. I-7405, punt 66, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2011, Stichting Natuur en Milieu et, C-165/09 sa C-167/09, Ġabra p. I-4599, punti 100 sa 103). |
|
26 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens
— li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla tal-imsemmija kriterji, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom, madankollu, jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kelma “jiffaċilita” kif ukoll mal-kliem relatat mad-dipendenza użati fl-imsemmi Artikolu 3(2) u ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni; u — li kull applikant għandu d-dritt jitlob li qorti tivverifika jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-applikazzjoni tagħha jissodisfawx dawn il-kundizzjonijiet. |
Fuq it-tielet u r-raba’ domanda
|
27 |
Permezz tat-tielet u r-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati wkoll flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, sabiex persuna taqa’ taħt il-kategorija ta’ membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, huwiex neċessarju li tkun diġà kienet residenti fl-istess Stat bħaċ-ċittadin u li tkun diġà kienet dipendenti ta’ dan tal-aħħar ftit żmien qabel jew fil-mument li huwa jkun mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti. |
|
28 |
Hekk kif sostnew b’mod partikolari s-Centre for Advice on Individual Rights in Europe (AIRE Centre), il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, il-kliem tad-Direttiva 2004/38 ma jippermettix li jiġi konkluż li l-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma humiex koperti mid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva u li ma wrewx kif xieraq is-sitwazzjoni ta’ dipendenza fir-rigward ta’ dan iċ-ċittadin, jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva minħabba s-sempliċi raġuni li ma kinux residenti fl-istess Stat bħall-imsemmi ċittadin. |
|
29 |
Skont l-imsemmi Artikolu 3(2), l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw, skont il-leġiżlazzjoni tagħhom, id-dħul u r-residenza ta’ “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja, […] li, fil-pajjiż li ġejjin minnu huma dipendenti jew membri tad-dar taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li għandu d-dritt primarju ta’ residenza […]”. |
|
30 |
Bl-istess mod, l-Artikolu 10(2)(e) tad-Direttiva 2004/38, li jirrigwarda l-ħruġ tal-karta ta’ residenza, jawtorizza lill-Istati Membri sabiex jitolbu lill-membri tal-familja msemmija fl-Artikolu 3(2) tal-istess direttiva jippreżentaw “dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika li huma dipendenti [ta]ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”. |
|
31 |
Hekk kif espona l-Avukat Ġenerali fil-punti 91, 92 u 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jindika li l-espressjoni “pajjiż li ġejjin minnu” użata f’dawn id-dispożizzjonijiet għandha tinftiehem bħala tirreferi għall-pajjiż li fih iċ-ċittadin tal-Unjoni kien jirrisjedi qabel ma mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti. Bil-kontra, minn qari flimkien tal-imsemmija dispożizzjonijiet jirriżulta li l-“pajjiż li ġejjin minnu” huwa, fil-każ ta’ ċittadin tal-Stat terz li jiddikjara li huwa “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-Istat li fih kien jirrisjedi fid-data meta talab li jakkumpanja jew li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni. |
|
32 |
Għal dak li jikkonċerna l-mument li fih l-applikant irid ikun f’sitwazzjoni ta’ dipendenza sabiex jitqies bħala “dipendenti” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi rrilevat li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-direttiva, f’li “tinżamm l-unità tal-familja fis-sens l-aktar wiesgħa” billi jiġu ffaċilitati d-dħul u r-residenza ta’ persuni li ma humiex inklużi fid-definizzjoni ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38 iżda li madankollu għandhom rabta mill-qrib u stabbli ma’ ċittadin tal-Unjoni minħabba ċirkustanzi fattwali speċifiċi, bħal dipendenza ekonomika, bħall-fatt li huma membri tad-dar jew bħal raġunijiet serji ta’ saħħa. |
|
33 |
Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali rabtiet jistgħu jeżistu mingħajr ma l-membru tal-familja taċ-ċittadin tal-Unjoni jkun irrisjeda fl-istess Stat ta’ dan iċ-ċittadin jew mingħajr ma kien dipendenti ta’ dan tal-aħħar ftit żmien qabel jew fil-mument li dan mar joqgħod fl-Istat Membru ospitanti. Is-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha, min-naħa l-oħra, teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti. |
|
34 |
Fil-kawża prinċipali, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika, fuq il-bażi tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti iktar ’il fuq, jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali kinux dipendenti taċ-ċittadin tal-Unjoni, f’dan il-każ il-miżżewġa Rahman, fil-pajjiż min fejn ġejjin, il-Bangladexx, fil-mument meta talbu li jingħaqdu magħha fir-Renju Unit. Huwa biss fil-każ li jirnexxilhom jipprovaw din id-dipendenza fil-pajjiż minn fejn ġejjin, skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2004/38, li l-Istat Membru ospitanti jkollu jiffaċilita d-dħul u r-residenza tagħhom skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva, kif interpretat fil-punti 22 sa 25 tas-sentenza preżenti. |
|
35 |
Fid-dawl ta’ dan li ntqal qabel, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda magħmula għandha tkun li, sabiex jaqgħu taħt il-kategorija tal-membri tal-familja “dipendenti” ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, is-sitwazzjoni ta’ dipendenza għandha teżisti fil-pajjiż minn fejn ġej il-membru tal-familja kkonċernat, u dan għall-inqas fil-mument meta jitlob li jingħaqad maċ-ċittadin tal-Unjoni li tiegħu huwa dipendenti. |
Fuq il-ħames domanda
|
36 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk Stat Membru jistax jimponi xi rekwiżiti partikolari dwar in-natura jew it-tul taż-żmien tad-dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38, sabiex jiżgura ruħu li tali dipendenza hija reali u stabbli u ma hijiex ikkawżata biss bl-għan li jinkisbu d-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu. |
|
37 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar, hekk kif ġie spjegat b’risposta għall-ewwel u t-tieni domanda, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rigward l-għażla tal-fatturi li jridu jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-eżami tal-applikazzjonijiet għal dħul u għal residenza ppreżentati minn membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38. |
|
38 |
Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Istati Membri jistgħu, fl-eżerċizzju ta’ dan il-marġni ta’ diskrezzjoni, jipprovdu rekwiżiti partikolari fil-leġiżlazzjoni tagħhom dwar in-natura u t-tul ta’ żmien tad-dipendenza u dan sabiex jiżguraw ruħhom, b’mod partikolari, li din is-sitwazzjoni ta’ dipendenza hija reali, stabbli u ma ġietx ikkawżata biss bl-għan li jinkisbu d-dħul u r-residenza fl-Istat Membru ospitanti. |
|
39 |
Madankollu, huwa importanti, bħalma ġie deċiż fil-punt 24 tas-sentenza preżenti, li r-rekwiżiti jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kliem relatat mad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. |
|
40 |
Għaldaqstant, ir-risposta għal ħames domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, jimponu rekwiżiti partikolari li jirrigwardaw in-natura u t-tul taż-żmien tad-dipendenza, sakemm dawn ir-rekwiżiti jkunu konformi mat-tifsira normali tal-kliem relatat mad-dipendenza msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38 u li dawn ma jeliminawx l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni. |
Fuq is-sitt domanda
|
41 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk il-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi suġġett għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun kompliet fl-Istat Membru ospitanti. |
|
42 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, għal dak li jikkonċerna l-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija mid-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni essenzjalment sempliċement elenka, fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex tinkiseb tali karta, liema karta mbagħad għandha tiġi pprovduta mhux iktar tard minn sitt xhur wara li tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni. |
|
43 |
Għal dak li jikkonċerna l-applikanti msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, l-imsemmi Artikolu 10 jipprovdi li dawn l-applikanti għandhom jippreżentaw fost oħrajn “dokument maħruġ mill-awtorità rilevanti tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li ġejjin minnu li jiċċertifika [d-dipendenza] miċ-ċittadin ta’ l-Unjoni”. |
|
44 |
Għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur la rregola permezz ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas permezz ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tad-Direttiva 2004/38, il-kwistjoni dwar jekk membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma humiex koperti bid-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmija direttiva, li jitolbu tinħarġilhom karta ta’ residenza filwaqt li jippreżentaw dokument maħruġ mill-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin u li jiċċertifika li huma dipendenti ta’ dan iċ-ċittadin tal-Unjoni, jistgħux jiġu rrifjutati l-ħruġ ta’ din il-karta ta’ residenza minħabba li, wara li jkunu daħlu fl-Istat Membru ospitanti, ma jkunux baqgħu dipendenti tal-imsemmi ċittadin. |
|
45 |
Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-kwistjoni dwar jekk il-ħruġ tal-karta ta’ residenza msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jistax jiġi suġġett għar-rekwiżit li s-sitwazzjoni ta’ dipendenza fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) ta’ din id-direttiva tkun kompliet fl-Istat Membru ospitanti, ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
|
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.