23.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 108/31


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/623

tas-16 ta' April 2019

dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mis-Servizz Pubbliku Federali Belġjan tas-Saħħa, is-Sikurezza tal-Katina Alimentari u l-Ambjent, li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Phostoxin skont ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2019) 2828)

(It-testi bl-Olandiż u bil-Franċiż biss huma awtentiċi)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-30 ta' Mejju 2018, is-Servizz Pubbliku Federali Belġjan għas-Saħħa tal-Katina tas-Sikurezza Alimentari u tal-Ambjent (l-“awtorità kompetenti Belġjana”) adottat deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sas-7 ta' Diċembru 2018 tippermetti t-tqegħid fis-suq tal-prodott bijoċidali Phostoxin bħala prodott bijoċidali tat-tip ta' prodott 20 għall-kontroll tal-fniek u l-użu tiegħu fuq is-sit tal-ajruport ta' Zaventem (minn hawn 'il quddiem “l-azzjoni”). L-awtorità kompetenti Belġjana għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjoni u l-ġustifikazzjoni għaliha, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta' dak ir-Regolament.

(2)

Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti Belġjana, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex tiġi protetta s-saħħa pubblika, peress li l-fniek fis-sit tal-ajruport jistgħu jipperikolaw it-trasport tal-passiġġieri u, b'mod aktar ġenerali, it-trasport bl-ajru. Il-ħofor fl-art tal-fenek jistgħu joħolqu riskju għar-runways tal-ajruport. Barra minn hekk, il-fniek jattiraw tjur tal-priża, li jistgħu jinqabdu fil-magna tal-inġenju tal-ajru jew jistgħu jaħbtu mal-inġenju tal-ajru, u jikkawżaw ħsara fil-magna jew f'komponenti oħra tal-inġenju tal-ajru.

(3)

Il-Phostoxin fih il-fosfid tal-aluminju li jirrilaxxa l-fosfina bħala sustanza attiva, li hija approvata għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tipi ta' prodotti 14 (rodentiċidi), 18 (insettiċidi) u 20 (kontroll ta' vertebrati oħra) kif iddefinit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-Phostoxin huwa awtorizzat fil-Belġju bħala prodott bijoċidali tat-tip ta' prodott 18 filwaqt li l-użu kontra l-fniek jinvolvi l-użu tiegħu bħala prodott tat-tip 20.

(4)

Fit-12 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtoritajiet Belġjani biex tiġi estiża l-azzjoni skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi tat-tħassib min-naħa tal-awtoritajiet Belġjani li s-sikurezza tat-trasport bl-ajru tista' tkompli tiġi pperikolata mill-fniek, u anki tal-argument li l-Phostoxin huwa essenzjali biex il-fniek jiġu kontrollati b'mod effettiv fis-sit tal-ajruport. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti Belġjana, ma hemm l-ebda prodotti bijoċidali awtorizzati bħala prodotti tat-tip 20 (kontroll ta' vertebrati oħra) fil-Belġju u l-metodi alternattivi ta' kontroll tal-fniek fuq is-sit tal-ajruport, pereżempju l-isparar, mhumiex xierqa minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-post. L-awtorità kompetenti Belġjana bdiet il-proċedura sabiex issib soluzzjoni permanenti għall-użu tal-Phostoxin fil-futur permezz ta' rikonoxximent reċiproku ta' awtorizzazzjoni li bħalissa qed tingħata fi Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

(5)

Peress li n-nuqqas ta' kontroll xieraq tal-fniek fuq is-sit tal-ajruport jista' jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru u dan il-periklu ma jistax jitrażżan b'mod adegwat fis-sit tal-ajruport ta' Zaventem bl-użu ta' prodott bijoċidali ieħor jew b'mezzi oħrajn, huwa xieraq li l-awtorità kompetenti Belġjana titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu li ma jaqbiżx il-550 jum mill-ġurnata ta' wara l-iskadenza tal-perjodu inizjali ta' 180 jum permess fid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti Belġjana tat-30 ta' Mejju 2018 u skont ċerti kundizzjonijiet.

(6)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Belġju jista' jestendi sad-9 ta' Ġunju 2020 l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq tal-prodott bijoċidali Phostoxin bħala prodott bijoċidali tat-tip ta' prodott 20 għall-kontroll tal-fniek u l-użu tiegħu fuq is-sit tal-ajruport ta' Zaventem diment li jiżgura li l-prodott jintuża biss minn operaturi ċċertifikati u taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

Għandha tapplika mit-8 ta' Diċembru 2018.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta' April 2019.

Għall-Kummissjoni

Jyrki KATAINEN

Viċi President


(1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.