IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.6.2025
COM(2025) 266 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
dwar l-evalwazzjoni ex post tal-programm Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (REC) (it-tieni parti), l-evalwazzjoni ex post tal-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini (EfC), u l-evalwazzjoni interim tal-programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV)
{SWD(2025) 133 final}
1.Introduzzjoni
Dan ir-rapport jippreżenta s-sejbiet tal-evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea u jikkonsisti fi tliet komponenti:
(1) l-evalwazzjoni ex post tal-
programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza (REC, Rights, Equality and Citizenship)
, li vvalutat l-impatt fit-tul u l-effetti tas-sostenibbiltà tiegħu, abbażi tar-riżultati tal-ewwel parti tal-evalwazzjoni ex post li tlestiet fl-2022;
(2) l-evalwazzjoni ex post tal-programm
L-Ewropa għaċ-Ċittadini (EfC, Europe for Citizens)
, li vvalutat ir-riżultati miksuba, u l-impatt fit-tul u l-effetti fuq is-sostenibbiltà tiegħu;
(3) l-evalwazzjoni interim tal-
programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV, Citizens, Equality, Rights and Values)
, li tivvaluta l-kisbiet preliminari tiegħu.
F’konformità mal-linji gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, l-evalwazzjoni tivvaluta dawn it-tliet programmi skont il-kriterji tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza, tal-valur miżjud tal-UE u tar-rilevanza.
Il-programm REC kellu l-għan li jikkontribwixxi għall-iżvilupp ulterjuri ta’ spazju fejn l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-persuni – kif minquxa fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fil-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Unjoni aderixxiet għalihom – ikunu promossi, protetti u implimentati b’mod effettiv. B’mod parallel, il-programm EfC appoġġa inizjattivi biex tissaħħaħ il-kommemorazzjoni tal-istorja Ewropea reċenti u biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni ċivika fil-livell tal-UE. Mill-2021 ’l hawn, il-programm CERV fittex li jappoġġa u jiżviluppa soċjetajiet miftuħa, demokratiċi, ugwali, inklużivi u bbażati fuq id-drittijiet imsejsa fuq l-istat tad-dritt. Dan jinkludi soċjetà ċivili vibranti u mogħtija s-setgħa, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika, ċivika u soċjali, u l-kultivazzjoni tad-diversità għanja tas-soċjetà Ewropea, ibbażata fuq valuri, storja u memorja komuni.
L-evalwazzjoni hija bbażata fuq evidenza miġbura permezz ta’ studju ta’ sostenn imwettaq minn esperti esterni. Hija tqis il-valutazzjoni tal-impatt preċedenti biex tanalizza proposta possibbli għal programm Ewropew dwar il-kultura, id-drittijiet u l-valuri, u tirrikonoxxi l-evalwazzjoni interim tal-REC, l-ewwel parti tal-evalwazzjoni ex post tal-REC u l-evalwazzjoni interim tal-EfC. B’mod speċifiku, l-evalwazzjoni interim tal-programm CERV hija bbażata wkoll fuq is-sejbiet tat-tieni parti tal-evalwazzjoni ex post tal-programm REC 2014-2020 kif ukoll fuq l-evalwazzjoni ex post tal-programm EfC.
L-evalwazzjonijiet ex post tal-programmi REC u EfC ikopru l-perjodu ta’ implimentazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020 u l-attivitajiet kollha fil-pajjiżi parteċipanti kollha matul dak iż-żmien. L-evalwazzjoni interim tal-programm CERV tkopri l-perjodu ta’ implimentazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2023 u l-attivitajiet kollha fil-pajjiżi parteċipanti kollha matul dak iż-żmien.
Ġiet ikkonsultata firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati, inklużi l-Istati Membri tal-UE li huma membri tal-kumitati rilevanti tal-programmi, l-applikanti u l-benefiċjarji tal-programmi, gruppi ta’ esperti, aġenziji, il-punti ta’ kuntatt tal-programmi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-pubbliku. B’kollox, aktar minn 1 000 parti kkonċernata pprovdew feedback matul il-proċess kollu ta’ konsultazzjoni.
Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni. Jagħmel osservazzjonijiet u jindika xi oqsma għal titjib li l-Kummissjoni tista’ tikkunsidra għall-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u għaċ-ċiklu ta’ finanzjament li jmiss.
2.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni
Il-programmi EfC u REC kienu effettivi fil-kisba tal-objettivi tagħhom. It-tagħlimiet meħuda minn dawn il-programmi, inkluż dwar is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għal titjib fl-effiċjenza għall-Kummissjoni Ewropea u għall-benefiċjarji, u dwar il-viżibbiltà, ġew tradotti f’titjib taħt il-programm CERV. Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dan it-titjib, jista’ jiġi konkluż li dan il-programm jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-objettivi tiegħu. L-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li hemm ħtieġa ppruvata għal programm li jindirizza l-kwistjonijiet koperti mill-programm CERV. Is-sejbiet ewlenin ippreżentati hawn taħt huma strutturati skont il-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni, b’kull kriterju indirizzat għal kull programm.
2.1.Effettività
Il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza
Il-programm REC kien effettiv fl-ilħuq tal-objettivi tiegħu. Hija kkuntattjat b’mod effettiv firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet, inklużi awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u entitajiet ta’ riċerka, filwaqt li żgurat li gruppi wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati bbenefikaw mill-inizjattivi tagħha. Dawn iffukaw fuq in-nondiskriminazzjoni, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tat-tfal u l-prevenzjoni tar-razziżmu u l-vjolenza, filwaqt li indirettament inkludew lill-individwi kollha fl-UE li huma soġġetti għal diskriminazzjoni, intolleranza jew vjolenza. Filwaqt li l-gruppi fil-mira kienu mqassma tajjeb fost l-objettivi speċifiċi, ċerti gruppi kienu marbuta aktar ta’ spiss ma’ għanijiet speċifiċi, ħaġa li tindika approċċ flessibbli u adattiv fi ħdan il-programm biex jiġu ssodisfati b’mod effettiv il-ħtiġijiet u l-kuntesti differenti.
L-għadd ta’ għotjiet u kuntratti ta’ akkwist iffinanzjati, kif ukoll il-proporzjon tal-baġit impenjat għad-disa’ objettivi speċifiċi, jenfasizzaw li l-programm REC ikkontribwixxa l-aktar għall-promozzjoni tal-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ, in-nisa u gruppi oħra f’riskju, skont il-pjanijiet taħt il-programmi ta’ ħidma annwali. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-proġetti ffinanzjati taħt il-programm REC ikkontribwew għal diversi objettivi speċifiċi u mhux biss għal dak li għalih kien ingħata l-finanzjament.
F’konformità mal-objettivi speċifiċi, waħda mill-kisbiet tal-programm REC hija l-għadd ta’ mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni strutturali stabbiliti mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi r-Rom, dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom. Barra minn hekk, ir-rata ta’ impjieg tan-nisa fl-UE żdiedet minn 62,4 % għal 66,2 % sa tmiem il-programm, id-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri fl-UE naqset għal 12,3 %, u l-perċentwal ta’ persuni li jqisu l-vjolenza domestika kontra n-nisa bħala inaċċettabbli żdied minn 84 % għal 96 %. Dawn huma kollha riżultati pożittivi. Madankollu, mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita l-kawżalità, meta jitqies ukoll li diversi fatturi lil hinn mill-programm REC setgħu kkontribwew għall-progress rifless fl-indikaturi korrispondenti. Il-finanzjament tal-REC ikkontribwixxa għall-organizzazzjoni tal-premjijiet għall-bliet aċċessabbli, il-Jum Ewropew għal persuni b’diżabilità u workshops ta’ sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri, u għall-implimentazzjoni tal-Kard Ewropea tad-Diżabilità fl-Istati Membri.
Il-programm REC wera riżultati fit-tul li ppersistew lil hinn mill-perjodu 2014-2020. Inħolqu bosta għodod u mekkaniżmi għall-kooperazzjoni transfruntiera u n-networks transnazzjonali. Bis-saħħa tal-finanzjament tal-REC, il-partijiet ikkonċernati setgħu jaħdmu madwar l-UE u jibnu relazzjonijiet fit-tul biex jippromwovu u jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom fit-tul. Barra minn hekk, it-tipi ta’ attivitajiet iffinanzjati kellhom it-tendenza li jipproduċu effetti aktar fit-tul (eż. aktar għarfien u sensibilizzazzjoni bħala riżultat ta’ attivitajiet ta’ taħriġ u ta’ sensibilizzazzjoni). Bejn l-2016 u l-2020, aktar minn 2,3 miljun persuna pparteċipaw f’attivitajiet ta’ taħriġ.
Il-programm kellu jittratta fatturi esterni, bil-pandemija tal-COVID-19 ikollha l-akbar impatt. Minkejja li kien meħtieġ li jiġu aġġustati l-iskedi ta’ żmien u li l-attivitajiet tal-proġetti jiġu ttrasferiti għal pjattaformi online, il-pandemija ma dehritx li kellha impatt fuq l-effettività tal-proġetti ffinanzjati, anke bis-saħħa tal-miżuri meħuda mill-Kummissjoni (bħall-flessibbiltà fl-estensjoni tad-durata tal-ftehimiet ta’ għotja). Mil-lat pożittiv,il-pandemija ħeġġet lill-benefiċjarji jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji diġitali u jikkollaboraw online.
Il-programm kopra l-Istati Membri kollha, bl-ogħla għadd ta’ proġetti implimentati minn organizzazzjonijiet fl-Italja, fil-Belġju, fil-Greċja u fi Spanja. B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati kienu sodisfatti b’kif is-sejħiet ġew pubbliċizzati u l-informazzjoni mxerrda. Madankollu, organizzazzjonijiet iżgħar u fil-livell lokali ffaċċjaw sfidi biex jaċċessaw l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta’ finanzjament, u dan jissuġġerixxi l-ħtieġa għal sensibilizzazzjoni u appoġġ aħjar.
Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”
Il-programm EfC laħaq l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu. Filwaqt li mhuwiex possibbli li tiġi stabbilita l-kawżalità, id-data tal-Ewrobarometru tindika li l-perċentwal ta’ ċittadini tal-UE li jħossuhom Ewropej żdied minn 63 % fl-2014 biex laħaq 72 % fl-2023, ferm lil hinn mill-mira tal-programm ta’ 59 %. F’konformità mal-indikaturi relatati mal-prestazzjoni stabbiliti mir-Regolament 390/2014, il-benefiċjarji tal-programm stmaw li aktar minn 9.3 miljun parteċipant kienu involuti direttament f’attivitajiet fiż-żewġ fergħat tiegħu, u 388 miljun persuna kienu involuti madwar l-UE b’mod ġenerali. Dawn in-numri huma sinifikanti, iżda l-istima għandha ssir b’kawtela minħabba r-riżervi dwar il-kwalità tar-rapportar dwar in-numri tal-parteċipanti. Il-programm appoġġa wkoll l-implimentazzjoni ta’ aktar minn 2 500 proġett madwar l-UE u 14 707 organizzazzjonijiet parteċipanti fl-azzjonijiet kollha. Għalhekk huwa raġonevoli li wieħed jargumenta li l-programm seta’ kkontribwixxa, tal-inqas sa ċertu punt, għall-progress irreġistrat fl-istħarriġ dwar iċ-ċittadinanza tal-Ewrobarometru matul is-snin.
Il-benefiċjarji qiesu li l-proġetti tagħhom kienu kisbu r-riżultati mistennija. Terz tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika rrikonoxxew li l-programm irnexxielu jżid is-sensibilizzazzjoni dwar l-istorja u l-valuri komuni tal-UE u jżid il-parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika u demokratika. L-eżistenza ta’ fergħat separati għall-kommemorazzjoni u għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili għenet biex jiġu pprovduti kontributi distinti u separati għall-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi.
Il-programm EfC appoġġa proġetti li ġġeneraw riżultati b’potenzjal għal impatti fit-tul. Il-valur tan-networking, il-piż amministrattiv baxx, l-inklużività u l-ambitu tematiku wiesa’ tiegħu kienu fatturi ta’ suċċess li tejbu l-impatt fit-tul. Ġew identifikati diversi eżempji tal-modi kif l-attivitajiet komplew wara t-tmiem ta’ proġett jew iġġeneraw impatt lil hinn mir-riżultati mistennija tal-proġett, eż. l-iżvilupp ta’ inizjattivi ta’ politika fil-livell lokali biex tingħata aktar assistenza lill-organizzazzjonijiet nongovernattivi li jaħdmu ma’ gruppi vulnerabbli, u l-ħolqien ta’ pjattaformi ta’ djalogu reġjonali mal-partijiet ikkonċernati.
L-effetti mhux mistennija l-aktar sinifikanti fuq il-programm kienu relatati mal-pandemija tal-COVID-19, li wasslet biex il-proġetti ffaċċjaw dewmien jew sfidi sinifikanti għall-implimentazzjoni tagħhom. Madankollu, dan mhux neċessarjament affettwa l-eżiti minħabba li l-benefiċjarji adattaw malajr u, bħal fil-każ tal-programm REC, il-miżuri meħuda mill-Kummissjoni kienu effettivi. Kien hemm effetti sekondarji ta’ benefiċċju mid-diġitalizzazzjoni aċċellerata imposta mill-pandemija, li wasslet biex xi OSĊ laħqu lil aktar nies milli kien ippjanat permezz tal-għodod virtwali.
Ingħataw għotjiet lil benefiċjarji fl-Istati Membri kollha. Il-programm kien viżibbli l-aktar għal organizzazzjonijiet eliġibbli akbar u b’network tajjeb b’fokus qawwi fuq it-tiftix ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament. Il-benefiċjarji enfasizzaw xi modi kif dehrilhom li l-programm seta’ jiġi promoss b’mod aktar proattiv, eż. permezz tal-media soċjali u interattiva. Madankollu, il-programm irnexxielu jattira għadd dejjem jikber ta’ applikanti għall-ewwel darba tul is-snin (fejn laħaq l-ogħla livell ta’ 66 % fl-2019), li jindika li l-applikanti potenzjali kienu jew kienu saru konxji tal-programm.
Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri
F’nofs it-terminu, il-programm CERV jinsab fit-triq it-tajba biex jilħaq l-objettivi tiegħu. Il-proġetti u l-attivitajiet proposti u l-outputs tagħhom huma konformi mat-tipi ta’ azzjoni previsti mill-programm fil-fergħat kollha. Barra minn hekk, il-programm diġà qabeż il-biċċa l-kbira tal-miri tal-indikaturi tiegħu. Abbażi tal-evidenza miġbura, x’aktarx li r-riżultati previsti fil-loġika tal-intervent se jinkisbu, minkejja li għadu kmieni wisq biex isir xi ġudizzju definittiv.
Abbażi tal-evidenza miġbura għal din l-evalwazzjoni, il-proġetti li ngħataw għotjiet kienu konformi mal-prijoritajiet ta’ politika tal-UE, indirizzaw ħtieġa reali fil-qasam, kienu bbażati fuq metodoloġiji stabbiliti sew u sħubijiet b’saħħithom stabbiliti minn qabel, kellhom dimensjoni tal-UE qawwija u offrew valur miżjud tal-UE, u ppjanatwi riżultati realistiċi u sostenibbli. Kien hemm kunsens fost il-partijiet ikkonċernati kollha kkonsultati li l-mekkaniżmi tal-għoti mill-ġdid fl-oqsma tal-valuri tal-Unjoni u ta’ Daphne indirizzaw ħtiġijiet importanti fis-settur tas-soċjetà ċivili. Fl-istess ħin, l-evidenza miġbura wriet ukoll li l-ħtieġa għal aktar finanzjament tal-UE ddedikat għall-valuri, id-drittijiet u ċ-ċittadinanza għadha ma ġietx indirizzata. In-nuqqas ta’ riżorsi allokati għal dawn l-oqsma kritiċi jista’ jillimita l-kapaċità li jiġu ssodisfati l-objettivi tas-CERV.
Fatturi esterni, bħall-COVID-19, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Brexit u kuntesti nazzjonali speċifiċi, kellhom effett limitat fuq il-programm b’mod ġenerali. Filwaqt li l-COVID-19 wasslet għal dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi proġetti, dan ma jidhirx li kellu xi effett fuq il-programm CERV fih innifsu. Barra minn hekk, il-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna ġew riflessi fil-programmi ta’ ħidma 2021-2022 u 2023-2025, u b’hekk inżammet ir-rilevanza tal-programm.
Il-viżibbiltà tal-programm tiddependi prinċipalment fuq il-punti ta’ kuntatt nazzjonali (NCPs, national contact points) u l-webinars ta’ informazzjoni tas-CERV. L-informazzjoni tixxerred ukoll permezz ta’ diversi mezzi oħra, li jilħqu lill-applikanti potenzjali madwar l-UE kollha. Il-programm tabilħaqq jidher li huwa moderatament magħruf fl-Istati Membri tal-UE, iżda prinċipalment minn organizzazzjonijiet akbar b’networks internazzjonali jew fil-bliet ewlenin. L-isforzi tal-NCPs biex jiżdiedu l-viżibbiltà tal-programm u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati ġew apprezzati b’mod mifrux; madankollu, l-evidenza enfasizzat l-ambitu għat-titjib tas-sensibilizzazzjoni dwar il-programm CERV, b’mod partikolari barra l-konfinamenti stretti tal-gruppi fil-mira proprji tiegħu.
Il-programm ikopri l-Istati Membri kollha tal-UE u għadd ta’ pajjiżi mhux tal-UE li għażlu li jipparteċipaw fil-programm fuq bażi volontarja. Il-bilanċ ġeografiku tjieb ukoll taħt il-programm CERV, bi proporzjon ogħla ta’ proġetti fl-Ewropa tal-Lvant milli taħt il-programmi predeċessuri.
Il-programm CERV juri impenn qawwi favur l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-promozzjoni ta’ approċċ aktar inklużiv u ekwu għall-attivitajiet tiegħu. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva, u abbażi ta’ prattiki diġà mibdija taħt il-programmi predeċessuri tiegħu, il-programm integra l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fis-sejħiet għal proposti u l-metodoloġija ta’ evalwazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, kull proġett iffinanzjat permezz ta’ għotjiet jiġi vvalutat u jingħata punteġġ ukoll abbażi tal-kontribut tiegħu għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madankollu, minkejja l-isforzi sinifikanti ta’ taħriġ u gwida, għadd konsiderevoli ta’ benefiċjarji komplew isibu sfida inkluża l-perspettiva tal-ġeneru. It-tqabbil bejn il-punteġġi tal-ġeneru tal-programm CERV u l-programmi ta’ finanzjament ekwivalenti tal-UE juri li l-programm CERV għandu l-akbar proporzjon ta’ finanzjament iddedikat għal proġetti li speċifikament għandhom l-għan li jippromwovu u javvanzaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, li huwa konformi mal-objettivi tal-programm. Bejn l-2021 u l-2023, kull erba’ euro ta’ finanzjament mis-CERV minn għotjiet ikkontribwixxa b’mod qawwi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri; barra minn hekk, madwar nofs l-għotjiet iffinanzjaw proġetti kienu marbuta mill-qrib mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
2.2.Effiċjenza
Il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza
Ir-Regolament REC stabbilixxa baġit ta’ EUR 439 476 000 għall-2014-2020, b’ammonti annwali stabbiliti fil-programmi ta’ ħidma. Sa Awwissu 2024, 91 % tal-baġit impenjat kien intefaq fuq għotjiet u fuq l-akkwist. Minkejja l-pandemija tal-COVID-19, il-benefiċjarji kkonfermaw li nefqu l-finanzjament li ngħataw kif ippjanat, minkejja li l-pandemija kienet għadha l-aktar fattur imsemmi ta’ spiss li kellu impatt fuq l-infiq. Minn naħa, din naqqset il-baġit tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza, filwaqt li min-naħa l-oħra xi drabi żiedet l-ispejjeż interni tal-proġetti eż. minħabba l-estensjonijiet tal-proġett (mingħajr spejjeż) mogħtija, jew minħabba spejjeż mhux ippjanati marbuta mal-qlib għal seminars u podcasts online.
Il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji kienu ssodisfati b’kemm l-informazzjoni dwar is-sejħiet, il-kriterji tal-eliġibbiltà, il-proċess tal-għażla u l-feedback li rċevew ngħataw fil-ħin. L-introduzzjoni tal-portal tal-eGrants fl-2016 wasslet għal reazzjonijiet imħallta: filwaqt li xi wħud apprezzaw il-faċilità tal-użu, oħrajn iffaċċjaw diffikultajiet tekniċi. L-evalwazzjoni attwali kkonfermat ir-riżultati tal-ewwel parti tal-evalwazzjoni ex post li l-organizzazzjonijiet iż-żgħar, bħas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet fil-livell lokali, tħabtu biex jiżguraw il-livell meħtieġ ta’ kofinanzjament ta’ 20 %. Il-partijiet ikkonċernati qiesu li kemm l-applikazzjoni kif ukoll ir-rapportar kienu ta’ piż. Il-partijiet ikkonċernati pproponew bidla lejn approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati, li sadanittant ġie indirizzat taħt il-programm CERV bil-finanzjament ta’ somma f’daqqa. Barra minn hekk, l-għadd ta’ riżultati tanġibbli annwali, meqjus bħala eċċessivament għoli mill-benefiċjarji, ukoll tnaqqas taħt is-CERV.
Minkejja l-piż amministrattiv enfasizzat tal-proċess ta’ applikazzjoni u ta’ rapportar, il-benefiċċji tal-programm REC ċarament kienu akbar mill-kostijiet għall-benefiċjarji. Mhux biss hemm interess li titkompla l-applikazzjoni għall-finanzjament, iżda għal ħafna applikanti rikorrenti, il-programm mela lakuna reali, billi pprovda finanzjament indipendenti, u f’ħafna każijiet l-ebda finanzjament ieħor ma seta’ jkopri t-temi u t-tipi ta’ attivitajiet iffinanzjati.
Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”
Ir-Regolament 390/2014 stabbilixxa l-baġit tal-programm EfC għal EUR 185 468 000. Il-baġit żdied darbtejn matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni: fl-2014 b’EUR 2,25 miljun, u fl-2020 b’EUR 6,9 miljun. Ħlief għall-2014 u l-2020, l-infiq tal-programm baqa’ stabbli matul is-snin u konformi mal-pjanijiet li saru fil-programmi ta’ ħidma rispettivi.
Ir-rati ta’ suċċess varjaw ħafna, b’għadd kbir ta’ proposti ta’ kwalità tajba li ma setgħux jiġu ffinanzjati. Il-benefiċċji tal-programm EfC kienu akbar mill-kostijiet għall-benefiċjarji, bil-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji jassorbu b’suċċess il-finanzjament li ngħataw; dawk li esperjenzaw diffikultajiet biex jassorbu l-fondi għamlu dan minħabba ċ-ċirkostanzi straordinarji li rriżultaw matul il-pandemija tal-COVID-19. Kważi l-benefiċjarji kollha tal-EfC ikkonsultati qiesu li l-proċess ta’ applikazzjoni kien ċar, aċċessibbli, sempliċi u mingħajr kumplikazzjonijiet żejda. Madankollu, ta’ min jinnota li l-programm kien diġà qed juża l-finanzjament b’somma f’daqqa meta ma kienx qed jiddependi fuq is-sistema tal-eGrants (kif għamel il-programm REC mill-2016 ’il quddiem). Għal xi benefiċjarji tal-EfC, it-tranżizzjoni għas-sistema tal-eGrants setgħet ippreżentat sfidi, li wassluhom biex jipperċepixxu li l-proċeduri preċedenti kienu aktar sempliċi meta mqabbla mas-sistema l-ġdida.
Is-simplifikazzjonijiet li seħħew matul l-iterazzjonijiet suċċessivi tal-programm tejbu l-aċċessibbiltà għall-OSĊ ta’ kull tip u daqs. L-użu ta’ somom f’daqqa u kostijiet unitarji kien karatteristika ta’ suċċess tal-programm.
Għalkemm kien ta’ sfida għal xi OSĊ iżgħar jew ta’ bażi, ir-rekwiżit ta’ kofinanzjament ġie aċċettat bħala li kien meħtieġ u li jwassal għall-ingranaġġ ta’ fondi addizzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji ma ffaċċjaw l-ebda diffikultà speċifika biex jiġbru l-fondi addizzjonali. Iż-żidiet fil-pagamenti bil-quddiem, minn 40 % għal 50 % fl-2019 u għal 60 % fl-2020, għamluha saħansitra eħfef għall-organizzazzjonijiet iżgħar biex jaċċessaw il-programm.
Il-finanzjament tal-programm iġġenera riżultati siewja, li kkontribwew għall-objettivi tiegħu u għall-għanijiet u l-prijoritajiet usa’ tal-politika tal-UE. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat ftit każijiet li fihom il-piż amministrattiv seta’ jitnaqqas saħansitra aktar, eż. permezz ta’ aktar gwida.
Il-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-benefiċjarji kienet miftuħa u ċara. Il-proċess tal-għażla ġeneralment tqies bħala ġust u trasparenti, u ġie nnotat li l-Kummissjoni pprovdiet feedback xieraq dwar l-eżiti. B’mod ġenerali, ir-rekwiżiti tar-rapportar tqiesu li kienu ċari, mingħajr kumplikazzjonijiet żejda u sempliċi, minkejja li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji b’inqas esperjenza kienu japprezzaw li kieku kien hemm gwida u taħriġ aktar sostanzjali dwar ir-rekwiżiti u l-formoli tar-rapportar. Il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili, karatteristika speċifika tal-programm EfC, ipprovda kontributi sinifikanti.
Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri
L-analiżi tal-kriterju tal-effiċjenza kkonfermat li, sal-lum, il-benefiċċji tal-programm CERV huma akbar mill-kostijiet imġarrba mill-benefiċjarji minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom.
Il-benefiċċji ewlenin tal-finanzjament kienu relatati direttament mal-proġetti (jiġifieri l-kapaċità li jiġi implimentat l-approċċ mixtieq), iżda kienu relatati wkoll ma’ aktar networking u kollaborazzjoni ma’ sħab f’pajjiżi oħra, u viżibbiltà u rikonoxximent akbar tal-organizzazzjoni minħabba li rċeviet finanzjament mill-UE. L-opportunità li jiġu ttestjati approċċi innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà, li jinvolvu tipi ġodda ta’ partijiet ikkonċernati u li jibbenefikaw il-gruppi fil-mira tagħhom permezz ta’ żvilupp akbar tal-kapaċità, ukoll instabu li huma benefiċċji importanti tal-finanzjament. Madankollu, il-kriżi tal-għoli tal-ħajja fissret li l-benefiċċji tal-finanzjament tnaqqsu b’mod sinifikanti, b’ħafna benefiċjarji jsibuha diffiċli biex iżommu mal-baġits tal-proġetti ppjanati u, f’xi każijiet, kellhom jaġġustaw il-firxa ta’ attivitajiet ippjanati.
L-effetti ewlenin tal-karatteristiċi l-ġodda ta’ implimentazzjoni introdotti mill-Kummissjoni taħt il-programm CERV tejbu l-prevedibbiltà, naqqsu l-burokrazija, saħħew il-monitoraġġ tal-programm u inkludew aktar organizzazzjonijiet ta’ bażi u iżgħar permezz ta’ mekkaniżmi ta’ għoti mill-ġdid. Eċċezzjoni waħda għal din is-simplifikazzjoni ġenerali u t-tnaqqis tal-burokrazija huma l-kostijiet unitarji. L-introduzzjoni tagħhom fil-livell korporattiv tal-Kummissjoni tidher li żiedet il-kumplessità, speċjalment peress li ma jirriflettux il-kostijiet reali tal-attivitajiet u joħolqu limitazzjonijiet diffiċli fuq il-kostijiet tal-ivvjaġġar.
Il-proċess ta’ applikazzjoni huwa f’waqtu, bl-informazzjoni dwar is-sejħiet tasal għand l-applikanti meta jkollhom bżonnha. Għall-benefiċjarji tal-proġett, il-kostijiet ewlenin tal-programm ġew assoċjati mal-ħin tal-persunal u r-riżorsi meħtieġa biex isir investiment fil-proċess tal-applikazzjoni, b’varjabbiltà kbira bejn organizzazzjonijiet iżgħar, li qiesu li dawn il-kostijiet huma ħafna ogħla, u organizzazzjonijiet akbar b’timijiet tal-offerti professjonalizzati, li għalihom dawn il-kostijiet dehru li kienu inqas ta’ sfida. Il-piż amministrattiv ġie identifikat bħala riskju għal proġetti żgħar ħafna (bħall-ġemellaġġ tal-bliet), inkluż minħabba l-isfidi tal-użu tas-sistema tal-eGrants, li tista’ tiskoraġġixxi lill-applikanti milli japplikaw meta l-isforz meħtieġ biex japplikaw ikun ogħla mill-ammont relattivament limitat mistenni tal-għotja.
Filwaqt li s-sodisfazzjon bil-feedback li wasal mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjonijiet kien għoli, jidher li hemm lok għal titjib fil-konsistenza fil-livell ta’ dettall ipprovdut, u biex isir aktar ċar dak li l-Kummissjoni tistenna mill-applikazzjonijiet.
Dwar l-approċċ għar-rapportar, sar titjib notevoli fiċ-ċarezza tar-rekwiżiti ta’ rapportar meta mqabbla mal-programm REC. Pereżempju, it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta’ rapportar ippermetta li l-proġetti jkunu aktar orjentati lejn ir-riżultati.
L-ineffiċjenzi limitati li nstabu kienu relatati mar-rekwiżiti ta’ rapportar għall-benefiċjarji tal-għotjiet operattivi. Il-proċess li bih jintalbu emendi baġitarji ġie enfasizzat ukoll bħala ta’ piż. Il-ġbir tad-data permezz tal-Istħarriġ tal-UE dwar il-Ġustizzja, id-Drittijiet u l-Valuri – waħda mill-għodod ta’ monitoraġġ tal-programm – ġie kkritikat ukoll għan-nuqqas ta’ rilevanza tiegħu għall-gruppi fil-mira, it-tul tiegħu, u r-rekwiżit li tinġabar data dwar l-ugwaljanza.
L-evalwazzjoni identifikat ukoll in-nuqqas ta’ faċilità tal-użu tas-sistema tal-eGrants u l-problemi tekniċi bħala fattur importanti li kellu impatt fuq l-effiċjenza tal-programm.
Fl-aħħar nett, l-għadd żgħir ta’ għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT, information and communications technology) ikkuntrattati u mogħtija, meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ attivitajiet iffinanzjati, jindika li hemm lok biex isir użu saħansitra aħjar mill-opportunitajiet ta’ diġitalizzazzjoni fil-livell tal-proġetti.
2.3.Koerenza
Il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza
L-evalwazzjoni kkonfermat is-sejbiet mill-ewwel parti tal-evalwazzjoni ex post li l-objettivi u l-interventi tal-programm REC kienu koerenti mal-politiki u l-prijoritajiet usa’ tal-UE. Dan ġie żgurat permezz tan-natura tal-ipprogrammar tal-REC, fejn il-prijoritajiet tas-sejħa għall-proposti kienu ggwidati minn żviluppi strateġiċi speċifiċi u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Il-programm iffinanzja attivitajiet li ffukaw fuq il-prevenzjoni, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi, inkluż is-sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali, it-taħriġ tal-professjonisti, u l-bini tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet u l-istrutturi li jaħdmu fuq dawn il-kwistjonijiet. Ta s-setgħa lill-persuni LGBTIQ+, appoġġa lill-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda u ppromwova d-drittijiet tagħhom. Ġew iffinanzjati attivitajiet biex jappoġġaw lill-persuni b’diżabilità u jippromwovu d-drittijiet tagħhom, u biex jappoġġaw lill-persuni Rom u jippromwovu l-inklużjoni u d-drittijiet tagħhom. Il-programm iffinanzja wkoll attivitajiet biex tittejjeb l-ugwaljanza permezz tal-indipendenza ekonomika, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u dik privata u t-tnaqqis tad-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri, iżda wkoll attivitajiet immirati lejn li tintemm il-vjolenza abbażi tal-ġeneru. Barra minn hekk, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri ġew integrati fit-tfassil tal-programm: dawn kellhom jiġu integrati u evalwati fil-proġetti kollha ffinanzjati, biex jiġi żgurat li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tkun tista’ tkun parti mit-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet.
Il-programm REC ikkontribwixxa wkoll għall-prijoritajiet il-ġodda tal-Kummissjoni stabbiliti mill-President von der Leyen għall-2019-2024.
Il-programm REC ikkumplementa strumenti oħra ta’ finanzjament tal-UE. Il-koerenza ġiet żgurata permezz tal-istadji differenti taċ-ċiklu tal-ħajja tal-programm: mill-objettivi stabbiliti mir-Regolament, għall-implimentazzjoni (il-programmi ta’ ħidma annwali), u sal-varar tal-proġett. Madwar terz tal-benefiċjarji tal-REC ikkonsultati għal din l-evalwazzjoni ddikjaraw li kienu rċevew finanzjament minn sorsi oħra. Il-benefiċjarji ma rrapportaw l-ebda nuqqas ta’ koerenza jew trikkib ma’ dawn is-sorsi ta’ finanzjament jew ma’ fondi nazzjonali, reġjonali jew lokali.
Il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini
Il-programm EfC kien koerenti mal-politiki u l-prijoritajiet tal-UE. Bħal fil-każ tal-programm REC, l-evalwazzjoni sabet li l-programm EfC kien allinjat mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-2014–2020, iżda wera wkoll flessibbiltà biex jadatta għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni l-ġdida għall-2019–2024. Il-proġetti ffinanzjati taħt il-programm indirizzaw kwistjonijiet kritiċi bħall-aħbarijiet foloz, il-litteriżmu medjatiku u d-demokrazija elettronika. Ħafna indirizzaw is-solidarjetà u l-inklużjoni soċjali, l-użu ta’ għodod diġitali biex jissaħħaħ l-involviment demokratiku, u r-rispett tal-valuri tal-UE. B’mod ġenerali, il-proġetti kollha fittxew li jinkoraġġixxu parteċipazzjoni demokratika aktar qawwija. Matul il-pandemija tal-COVID-19, iż-żieda fid-diġitalizzazzjoni kompliet tenfasizza dan l-allinjament. Il-programmi ta’ ħidma annwali b’mod konsistenti rrakkomandaw lill-benefiċjarji potenzjali l-użu proattiv tal-media soċjali, bl-għan li jintlaħqu b’mod speċjali l-ġenerazzjonijiet iżgħar, ħaġa li tat il-frott, kif indikat mill-għadd kbir ta’ parteċipanti taħt l-età ta’ 30 sena fil-programm b’mod ġenerali (jiġifieri kważi nofs il-parteċipanti diretti stmati). Il-programm iffaċilita attivitajiet minn isfel għal fuq li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet ewlenin tal-UE.
Il-programm appoġġa l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI, European Citizens’ Initiative) – strument transnazzjonali uniku li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jinvolvu ruħhom direttament fil-proċess leġiżlattiv – f’konformità mal-għan tal-UE li ssaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva. Il-programm ikkomplementa programmi oħra tal-UE, u appoġġa attivitajiet uniċi li tejbu l-kontribut distint tiegħu għall-għanijiet tal-UE. Il-karatteristiċi tal-programm ippromwovew b’mod effettiv in-networking u ħolqu opportunitajiet ġodda għal sinerġiji. Dan kien partikolarment siewi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni transfruntiera, l-iffaċilitar tal-iskambji edukattivi u kulturali permezz ta’ programmi oħra bħall-Erasmus+, u t-tmexxija ’l quddiem ta’ sħubijiet bilaterali ma’ organizzazzjonijiet ġemellati. L-enfasi fuq il-wirt kulturali u l-attivitajiet ta’ kommemorazzjoni allinja ruħu ma’ inizjattivi bħas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018), u b’hekk ġie enfasizzat ir-rwol tal-programm fil-promozzjoni ta’ identità Ewropea kondiviża.
Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri
Il-programm CERV jokkupa niċċa unika fix-xenarju tal-politika u l-finanzjament tal-UE, filwaqt li jindirizza lakuni fejn mhux disponibbli finanzjament ieħor, kif ikkonfermat mill-benefiċjarji u mill-konsultazzjoni pubblika. Il-programm CERV joffri vantaġġi li ma jistgħux jinstabu kollha fi programmi oħra, bħall-kopertura pan-UE, firxa komprensiva ta’ temi, il-possibbiltà li jiġu żgurati sorsi indipendenti ta’ finanzjament, fokus speċifiku fuq il-valuri tal-UE, għotjiet ta’ daqs sinifikanti, għotjiet operattivi u mekkaniżmi ta’ għoti mill-ġdid. Dak li jidher b’mod ċar b’mod ġenerali huwa li l-programm CERV jokkupa dak li altrimenti jkun spazju fil-biċċa l-kbira vojt fix-xenarju ta’ finanzjament tal-valuri u d-drittijiet.
Madankollu, peress li d-diskrepanza fil-finanzjament hija sinifikanti, il-benefiċjarji – jekk jistgħu – jużaw ukoll sorsi oħra ta’ finanzjament, bħall-Fond ta’ Visegrad. Għal xi suġġetti speċifiċi, il-benefiċjarji jfittxu li jikkomplementaw il-finanzjament taħt il-programm CERV b’finanzjament minn programmi oħra tal-UE, bħall-Erasmus+ u Orizzont Ewropa, jew b’finanzjament governattiv (fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali).
F’termini ta’ koerenza interna fl-erba’ fergħat tal-programm, ma tqajmet l-ebda kwistjoni speċifika. Il-benefiċjarji jidhru komdi bl-arkitettura unika li ħadet post il-programmi predeċessuri u ma jsibux id-diviżjoni tat-temi f’fergħat bħala problema. L-arkitettura l-ġdida tal-programm CERV – li ġġib il-finanzjament tal-UE fl-oqsma tal-valuri, id-drittijiet u ċ-ċittadinanza taħt programm wieħed – tqieset li trawwem koerenza u sinerġiji bejn il-prijoritajiet ta’ politika differenti u nstab li kkontribwiet għal approċċ aktar olistiku biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u jiġu promossi l-valuri tal-UE.
L-implimentazzjoni tal-programm hija koerenti mal-impenji u l-objettivi internazzjonali tal-UE, inklużi l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU. L-impenji internazzjonali huma sistematikament kontroreferenzjati fis-sejħiet. Ir-riżultati fil-kejl tal-prestazzjoni tal-baġit tal-UE juru li sa issa kien hemm biss ibbaġitjar ekoloġiku limitat fuq prijoritajiet ekoloġiċi orizzontali – li huwa dovut ukoll għan-natura tal-programm – iżda madankollu hemm diversi proġetti b’dimensjoni tat-tibdil fil-klima.
2.4.Valur miżjud tal-UE
Il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza
L-evidenza kkonfermat li r-riżultati tal-programm REC setgħu jinkisbu biss b’azzjoni fil-livell tal-UE. Il-programm ikkontribwixxa għall-implimentazzjoni konsistenti u koerenti tad-dritt tal-UE u għas-sensibilizzazzjoni pubblika wiesgħa dwar id-drittijiet li jirriżultaw minnu. Kif diġà ġie spjegat fid-dettall hawn fuq, iż-żieda fl-għarfien u fis-sensibilizzazzjoni kienet waħda mir-riżultati ewlenin irrappurtati mill-benefiċjarji.
Il-programm REC ikkontribwixxa għall-iżvilupp tal-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri u għat-titjib tal-kooperazzjoni transfruntiera, kif muri b’mod ċar mill-157 network transnazzjonali maħluqa bejn l-2016 u l-2020. Il-programm għen ukoll fit-tħejjija u t-tixrid tal-aħjar prattika u fil-ħolqien ta’ standards minimi, għodod prattiċi u soluzzjonijiet li indirizzaw sfidi transfruntiera jew madwar l-UE. L-outputs ta’ dawn l-attivitajiet komplew jintużaw wara li ntemmu l-proġetti.
Billi pprovda finanzjament indipendenti, il-programm ippermetta li jiġu indirizzati suġġetti sensittivi li kieku ma kinux jiġu ffinanzjati fil-livell nazzjonali. Kważi l-benefiċjarji kollha intervistati kkonfermaw li, kieku l-programm ma kienx sostnut, kien ikun improbabbli li l-gvernijiet nazzjonali jimlew il-vojt. Il-programm żied il-kapaċità ta’ firxa wiesgħa ta’ atturi ewlenin tas-soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Diversi benefiċjarji tal-għotjiet operattivi enfasizzaw li l-finanzjament tal-REC kien fundamentali għall-organizzazzjoni tagħhom, u li kieku ma kinux ikunu jistgħu jibqgħu joperaw.
Il-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini”
Huwa probabbli li l-impatti identifikati permezz tal-programm EfC ma kinux jinkisbu mingħajr l-appoġġ speċifiku tal-programm fil-livell tal-UE. Ħafna benefiċjarji kienu jsibuha diffiċli biex jimplimentaw proġetti fuq skala simili jew bl-istess impatt.
Il-programm wieġeb b’mod partikolari għall-isfidi tal-OSĊ relatati ma’ nuqqas ta’ finanzjament għal oqsma ta’ ħidma kritiċi għaċ-ċittadinanza Ewropea. Dan kien kruċjali għal attivitajiet li jeħtieġu kooperazzjoni transfruntiera u perspettiva Ewropea usa’, peress li l-ebda skema nazzjonali jew reġjonali simili ma setgħet taqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-programm. Il-programm iffinanzja attivitajiet li involvew ċittadini u organizzazzjonijiet minn diversi pajjiżi parteċipanti, u b’hekk rawwem sens ta’ identità u appartenenza Ewropea. Għalhekk kompla jimla dik li kieku kienet tkun lakuna u ħoloq kundizzjonijiet ekwi li jippermettu aċċess ugwali għall-programm għal kulħadd ħlief għal xi organizzazzjonijiet iżgħar.
Dawn l-eżiti kienu kwantifikabbli permezz tal-għadd ta’ proġetti li jkopru diversi pajjiżi u l-iskala tal-kollaborazzjoni transfruntiera miksuba. Il-kapaċità tal-programm li jnaqqas id-differenzi nazzjonali u jippromwovi approċċ Ewropew koeżiv kien strumentali fl-indirizzar tal-isfidi varjati ffaċċjati fil-livell nazzjonali. Fil-livell tal-programm, 70 % tal-proġetti kienu jinkludu sħubija transnazzjonali. Billi ffaċilita s-sħubijiet transfruntiera u l-iskambju tal-aħjar prattika, il-programm ippermetta lill-OSĊ ta’ kull daqs jinvolvu ruħhom f’attivitajiet aktar inklużivi u effettivi. Dan l-appoġġ kien kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċità tal-organizzazzjonijiet li joperaw fuq skala akbar jew lil hinn mill-mandat tas-soltu tagħhom. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-benefiċjarji mhux dejjem ikkunsidraw il-finanzjament tal-EfC bħala kritiku, madankollu kien strumentali biex jgħinhom jiksbu aktar milli setgħu jagħmlu mingħajru. Il-programm ippermetta lill-organizzazzjonijiet iwettqu proġetti speċifiċi u jilħqu udjenzi usa’, b’mod partikolari f’oqsma fejn l-għażliet ta’ finanzjament nazzjonali jew reġjonali kienu limitati. F’xi każijiet, il-finanzjament kien essenzjali għas-sopravivenza tal-organizzazzjonijiet li joperaw f’pajsaġġi ta’ finanzjament diffiċli.
Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri
Fin-nuqqas, f’ħafna Stati Membri tal-UE, ta’ fondi pubbliċi fl-oqsma tematiċi koperti mill-programm CERV, il-finanzjament tas-CERV jibqa’ kontributur ewlieni għall-ħidma tas-soċjetà ċivili f’dawn l-oqsma. Il-programm iżid il-valur lil hinn minn dak maħluq minn sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jaġixxu waħedhom.
Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati qiesu li l-finanzjament pubbliku għal proġetti transnazzjonali li jindirizzaw id-drittijiet u l-isfidi tas-soċjetà fl-Istati Membri huwa minimu jew ineżistenti. Ħafna OSĊ iffaċċjaw ukoll sfidi biex jiksbu fondi nazzjonali fl-oqsma tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa. F’dan il-kuntest, l-opportunità li jinkiseb finanzjament dirett mill-Kummissjoni ġiet enfasizzata bħala kontributur ewlieni għall-ekwità u l-indipendenza.
L-evidenza miġbura tissuġġerixxi li, fin-nuqqas tal-programm CERV, x’aktarx li jiġi osservat effett negattiv, li possibbilment ikollu impatt fuq l-ispazju ċiviku li diġà qed jiċkien madwar l-UE u jnaqqas b’mod sinifikanti r-ritmu tal-progress lejn l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-ugwaljanza b’mod ġenerali. Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati kkonferma wkoll li l-waqfien tal-finanzjament tas-CERV jikkontribwixxi għal tnaqqis ulterjuri fis-sens taċ-ċittadinanza u l-identità Ewropea, aktar ostakli għall-persuni b’diżabilità, żieda fil-vjolenza kontra t-tfal, żieda fl-estremiżmu u r-radikaliżmu, u aktar diviżjonijiet.
2.5.Rilevanza
Il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza
Il-programm REC baqa’ rilevanti billi indirizza b’mod effettiv kemm il-ħtiġijiet eżistenti kif ukoll dawk emerġenti fl-UE, inklużi l-isfidi persistenti tas-soċjetà, bħad-diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTIQ+, ir-Rom, il-persuni b’diżabilità u l-persuni akbar fl-età. Kwistjonijiet bħar-reati ta’ mibegħda, id-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, li qamu f’kuntesti speċifiċi bħall-ambjent online u l-pandemija tal-COVID-19, kienu wkoll fil-qalba tal-programm.
Ir-ritmu tal-progress biex jinkisbu ugwaljanza sħiħa u drittijiet fundamentali madwar l-UE jenfasizza r-rilevanza kontinwa tal-objettivi tal-programm, filwaqt li r-rati għoljin ta’ applikazzjoni taħt diversi objettivi speċifiċi kkonfermaw id-domanda qawwija għall-appoġġ. L-ipprogrammar flessibbli żgura li l-programm REC jista’ jwieġeb għax-xenarju soċjopolitiku dinamiku fl-UE u jibqa’ rilevanti għall-ħtiġijiet li qed jevolvu tal-partijiet ikkonċernati u taċ-ċittadini.
Il-pandemija tal-COVID-19 kienet teħtieġ li l-programm juri flessibbiltà fir-rigward tal-proċeduri, l-iskedi ta’ żmien u l-attivitajiet. Il-benefiċjarji kienu pożittivi ħafna dwar kif l-isfidi relatati ġew ittrattati u l-fatt li l-progress tal-proġett ġie żgurat. Il-benefiċjarji ħassew li l-programm kien jirreaġixxi wkoll għal fatturi politiċi u, sa ċertu punt, għal fatturi ekonomiċi. Fir-rigward tal-isfidi, l-inflazzjoni u l-limitazzjonijiet fil-kriterji ta’ eliġibbiltà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ pajjiżi mhux tal-UE, ġew innotati bħala kwistjonijiet sinifikanti.
Il-programm REC kien immirat b’mod effettiv lejn gruppi emarġinati u vulnerabbli, bħall-vittmi tal-vjolenza, il-minoranzi etniċi u t-tfal, f’konformità mal-isfidi kritiċi li qed tiffaċċja s-soċjetà tal-UE. Il-programm wera rilevanza konsiderevoli għall-benefiċjarji tiegħu, peress li l-finanzjament kien jaqbel mal-għanijiet strateġiċi tagħhom, u b’hekk ġiet evitata l-ħtieġa għal aġġustamenti sproporzjonati għall-attivitajiet tagħhom. L-enfasi fuq il-bini tal-kapaċità, il-kondiviżjoni tal-għarfien, u l-appoġġ strutturali indirizzaw b’mod effettiv ir-rekwiżiti tal-benefiċjarji. Il-programm għen ukoll biex in-networks jikbru u jikkonsolidaw, li kien kruċjali għat-twessigħ tal-impatt tal-attivitajiet u għat-trawwim tal-kollaborazzjoni internazzjonali.
Xi benefiċjarji ssuġġerew l-oqsma ta’ titjib li ġejjin: aktar attenzjoni għall-intersezzjonalità fl-indirizzar ta’ kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u l-inklużjoni soċjali; enfasi akbar fuq kwistjonijiet emerġenti bħad-diżinformazzjoni, is-saħħa mentali u l-iżvilupp fit-tfulija bikrija, u l-inklużjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE għal kooperazzjoni internazzjonali aħjar.
Il-programm L-Ewropa għaċ-Ċittadini
L-allinjament ma’ għanijiet u prijoritajiet ta’ politika usa’ tal-UE, u t-trawwim ta’ sens ta’ identità Ewropea li nkisbu mill-programm EfC jibqgħu objettivi rilevanti. Billi appoġġa l-IĊE, il-programm tejjeb il-ħajja demokratika, li jippermetti liċ-ċittadini jinfluwenzaw il-politiki tal-UE. L-isforzi tal-Kummissjoni biex tqajjem kuxjenza u ttejjeb l-aċċessibbiltà tal-IĊE wrew approċċ prattiku għall-għoti tas-setgħa liċ-ċittadini. Il-programm ħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni ċivika permezz ta’ inizjattivi fil-livell lokali, li jrawmu sens ta’ appartenenza u fehim reċiproku fost l-Ewropej u jipprovdu pjattaformi għal djalogu u azzjoni sinifikanti dwar kwistjonijiet komuni. L-attivitajiet ta’ ġemellaġġ bejn il-bliet ippromwovew l-interazzjonijiet transfruntiera u l-iskambji kulturali, irawmu l-identità Ewropea u d-djalogu kontinwu dwar l-integrazzjoni u l-valuri kondiviżi, filwaqt li l-proġetti dwar il-kommemorazzjoni Ewropea kkontribwew għal fehim kondiviż tal-istorja Ewropea.
Il-programm EfC kien rilevanti għall-benefiċjarji finali tiegħu u fil-biċċa l-kbira indirizza l-ħtiġijiet u l-gruppi fil-mira f’oqsma tematiċi li għadhom rilevanti llum. L-istruttura tal-programm appoġġat firxa wiesgħa ta’ inizjattivi f’konformità mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-OSĊ, li tippermettilhom flessibbiltà biex ifasslu proġetti għal oqsma tematiċi speċifiċi.
Il-fokus primarju tal-benefiċjarji fuq l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini enfasizzat ir-rilevanza tal-programm, minħabba l-fokus tiegħu fuq iċ-ċittadini. L-OSĊ kienu wkoll mira ewlenija, li tirrifletti l-impenn tal-programm li jrawwem djalogu u kollaborazzjoni miftuħa, li huwa kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ politika tal-UE. L-awtoritajiet pubbliċi ġew imfittxija għall-promozzjoni, biex ittejbet ir-rilevanza tal-programm bil-promozzjoni ta’ djalogu effettiv bejn is-soċjetà ċivili u dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. L-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli wriet ukoll id-dedikazzjoni tal-programm għall-indirizzar tal-inugwaljanzi u l-inkorporazzjoni tal-ilħna emarġinati fil-proċess demokratiku.
Kien hemm kunsens fost il-benefiċjarji li l-prijoritajiet tal-programm kienu allinjaw tajjeb mal-akbar ħtiġijiet fl-Istati Membri relatati mal-involviment ċiviku u l-kommemorazzjoni. Proporzjon sinifikanti tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qiesu wkoll li l-objettivi tal-programm kienu għadhom rilevanti għall-isfidi u l-ħtiġijiet attwali fl-Istati Membri tagħhom. Il-kontinwazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-programm kompliet tenfasizza r-rilevanza tiegħu, bħala proporzjon sinifikanti ta’ benefiċjarji li rċevew finanzjament għal proġetti li bnew fuq inizjattivi li ġew qabel u riżultati preċedenti. Dan jindika li l-appoġġ tal-programm kien konformi mal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-passat, filwaqt li żgura li l-finanzjament baqa’ rilevanti maż-żmien.
Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri
Il-programm CERV jibqa’ rilevanti, minħabba l-objettivi tiegħu kif stabbiliti fir-Regolament 2021/692. L-evidenza miġbura għal din l-evalwazzjoni tikkonferma l-lakuni identifikati fil-valutazzjoni tal-impatt. L-UE qed tiffaċċja sfidi sinifikanti relatati mal-ugwaljanza, id-drittijiet u d-demokrazija. Minkejja l-progress li sar f’xi oqsma, ħafna ċittadini tal-UE għadhom jesperjenzaw diskriminazzjoni, vjolenza u inugwaljanza. Il-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna amplifikaw dawn il-kwistjonijiet, u affettwaw b’mod partikolari lil gruppi vulnerabbli bħat-tfal, il-persuni b’diżabilità u n-nisa. B’mod ġenerali, dawn l-isfidi jenfasizzaw il-ħtieġa għal aktar sforzi biex jiġu promossi l-ugwaljanza, id-drittijiet u d-demokrazija fl-UE, inkluż appoġġ akbar għas-soċjetà ċivili u inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni.
L-evidenza tindika allinjament qawwi ħafna bejn il-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati fil-mira, inklużi l-OSĊ, u l-azzjonijiet iffinanzjati taħt il-programm, u b’hekk tikkontribwixxi għall-kapaċità tal-UE li tirrispondi għall-isfidi msemmija hawn fuq. Dan mhux biss iwieġeb direttament għall-missjonijiet u l-istrateġiji tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji, iżda jippermettilhom ukoll jilħqu gruppi fil-mira ġodda. Id-dimensjoni madwar l-UE kollha tqieset ukoll li twieġeb għall-ambizzjonijiet tal-OSĊ u jeħtieġ li ssegwi proġetti li jinvolvu diversi pajjiżi biex jiżdied it-tagħlim u l-impatt.
Il-benefiċjarji enfasizzaw li l-finanzjament tas-CERV, kif ukoll il-finanzjament taħt il-programmi predeċessuri, kien strumentali fl-indirizzar tal-prijoritajiet u l-inizjattivi ewlenin li kienu kruċjali għat-tkabbir u s-sostenibbiltà tal-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-finanzjament ippermettielhom jimplimentaw proġetti li kieku ma kinux ikunu jistgħu jimplimentawhom, u dawn il-proġetti spiss ħolqu bażi għal aktar ħidma fuq il-proġetti.
Il-fokus tematiku tas-sejħiet ippubblikati bejn l-2021 u l-2023 kien rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kkonsultati għal din l-evalwazzjoni: huwa wieħed mill-aspetti b’saħħithom ewlenin tal-programm. Madankollu, għad hemm xi lakuni, prinċipalment fir-rigward tal-inklużjoni akbar ta’ temi relatati mat-tibdil fil-klima u l-enerġija, l-intersezzjonalità, il-forniment tas-servizzi, id-diżinformazzjoni, id-delitti tal-gwerra u l-appoġġ għall-vittmi. Il-programm kien rilevanti wkoll għall-benefiċjarji finali tiegħu, fejn iċ-“ċittadini” kienu l-grupp identifikat l-aktar ta’ spiss fost dawk li bbenefikaw minnu.
Il-programm diġà wera l-flessibbiltà tiegħu fl-adattament għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu, kemm f’termini ta’ proċessi u proċeduri b’rispons għar-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kif ukoll tematikament.
Għad hemm lok biex jiġu sfruttati aktar l-opportunitajiet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni. L-approċċ tal-programm evolva biex jikkorrispondi għar-ritmu tad-diġitalizzazzjoni, li huwa inkluż fid-definizzjonijiet wesgħin għall-għoti ta’ finanzjament. Madankollu, dawn l-aspetti ma jidhrux li għadhom iġġeneraw interess jew kapaċità ta’ rispons għall-opportunitajiet ippreżentati, peress li sa issa ġew iffinanzjati biss għadd żgħir ta’ għodod tal-ICT.
3.Konklużjonijiet u tagħlimiet meħuda
3.1.Konklużjonijiet
B’mod ġenerali, il-programmi EfC u REC laħqu l-objettivi tagħhom filwaqt li l-programm CERV ukoll qed jagħmel progress tajjeb lejn l-objettivi tiegħu. L-objettivi tal-programm CERV għadhom rilevanti ħafna. Abbażi tas-sejbiet ta’ din l-evalwazzjoni, ma hemm l-ebda raġuni għaliex l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-linji tas-CERV ma għandhomx jiġu riportati jew għaliex għandhom jinbidlu l-objettivi, l-approċċ għall-fergħat jew ir-ridistribuzzjoni tat-temi bejn il-fergħat.
Kemm il-programm EfC kif ukoll dak REC appoġġaw proġetti li ġġeneraw riżultati b’potenzjal għal impatti fit-tul. Għadd sinifikanti ta’ benefiċjarji fiż-żewġ programmi kienu wkoll benefiċjarji rikorrenti ta’ għotjiet ta’ azzjoni taħt il-programm CERV.
Bejn l-2021 u l-2023, il-programm CERV laħaq 3 033 OSĊ b’attivitajiet ta’ appoġġ u ta’ bini tal-kapaċità fl-Istati Membri kollha. B’mod ġenerali, il-proġetti mogħtija fl-2021-2023 huma mistennija li jinvolvu mill-inqas 44 miljun persuna. Il-proġetti qed jikkontribwixxu għar-riżultati tal-programm b’mod sostenibbli. Filwaqt li għadu kmieni wisq f’nofs it-terminu biex isiru ġudizzji definittivi dwar is-suċċess u l-impatt tal-programm, il-grad għoli ta’ kompetizzjoni, il-livell għoli ta’ kontinwità tal-proġetti u l-allinjament mill-qrib bejn id-dokumenti tas-sejħiet u l-prijoritajiet tal-UE jindikaw il-fatt li l-proġetti qed jikkontribwixxu b’mod sostenibbli għall-kisba tal-objettivi tal-programm.
Il-proporzjon għoli ħafna ta’ proġetti ta’ kwalità huwa ta’ benefiċċju għat-twettiq tal-objettivi ta’ politika. Madankollu, hemm diskrepanza fil-finanzjament fuq il-fergħat għall-ugwaljanza, id-drittijiet u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u għall-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u t-tfal, u din tista’ tillimita l-kapaċità li jintlaħqu l-objettivi ta’ dawn il-fergħat tas-CERV.
Għalkemm il-programmi predeċessuri diġà koprew l-Istati Membri kollha, il-bilanċ ġeografiku tjieb taħt il-programm CERV, bi proporzjon ogħla ta’ proġetti fl-Ewropa tal-Lvant. L-NCPs u s-servizzi li jipprovdu lill-applikanti potenzjali huma aspett b’saħħtu ewlieni tal-programm. Madankollu, id-dewmien fil-ħatra tagħhom jew saħansitra anki n-nuqqas tagħhom f’xi Stati Membri tal-UE sa issa ma wasslux għal sottorappreżentanza tal-benefiċjarji minn dawk l-Istati Membri. Il-viżibbiltà tal-programm għadha limitata, bil-programm ikun prinċipalment magħruf sew fost organizzazzjonijiet akbar b’networks madwar l-UE kollha.
Il-programm CERV ta kontribut qawwi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, bi prattiki tajbin li jistgħu jiġu enfasizzati bħala mudell li għandu jiġi segwit għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri – u l-ugwaljanza b’mod ġenerali – permezz ta’ finanzjament strateġiku u inizjattivi. Dan huwa marbut ma’ kontribuzzjonijiet finanzjarji, b’wieħed minn kull erba’ euro ta’ finanzjament mill-għotjiet jikkontribwixxi b’mod qawwi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madwar nofs l-għotjiet iffinanzjaw proġetti kienu marbuta mill-qrib mal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Madankollu, l-evidenza indikat il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-intersezzjonalità fl-indirizzar tal-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u l-inklużjoni soċjali.
Fatturi esterni, bħall-COVID-19, il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u kuntesti nazzjonali speċifiċi, kellhom effett limitat fuq il-programm CERV. Il-COVID-19 kellha impatt fuq l-attivitajiet tal-proġetti ffinanzjati kemm mill-EfC kif ukoll mill-REC; minkejja li l-pandemija għamlitha neċessarja li jsiru aġġustamenti, ħeġġet ukoll lill-benefiċjarji jagħmlu użu aħjar mit-teknoloġiji diġitali u jikkollaboraw online.
Il-karatteristiċi l-ġodda tal-programm CERV ipproduċew titjib fl-effiċjenza għall-Kummissjoni u għall-benefiċjarji, billi tejbu l-prevedibbiltà, saħħew il-monitoraġġ, u naqqsu l-piż amministrattiv u ta’ rapportar. Dawn il-karatteristiċi diġà rriflettew it-tagħlimiet meħuda mill-programmi EfC u REC dwar il-ħtieġa għas-simplifikazzjoni u introduċew bidliet li qed jiġu implimentati fil-programmi kollha tal-UE. Il-proċess ta’ applikazzjoni u rapportar taħt il-programm CERV jidher favorevoli meta jitqabbel mal-programm REC iżda żied il-kumplessità għal organizzazzjonijiet iżgħar, bħall-bliet u l-muniċipalitajiet, meta mqabbel mal-programm EfC (inkluż minħabba l-introduzzjoni tas-sistema eGrants). Il-programm CERV introduċa l-finanzjament ta’ somma f’daqqa biex ikompli jitnaqqas il-piż amministrattiv. L-introduzzjoni tal-kostijiet unitarji fil-livell korporattiv tal-Kummissjoni, madankollu, tidher li żiedet il-kumplessità, aggravata mill-fatt li dawn il-kostijiet unitarji ma jirriflettux il-kostijiet reali tal-attivitajiet u jimponu limitazzjonijiet mhux realistiċi fuq il-kostijiet tal-ivvjaġġar. Il-mekkaniżmi ta’ għoti mill-ġdid wasslu biex il-programm CERV ikun aktar inklużiv mill-programm REC billi ppermettew lill-programm jilħaq organizzazzjonijiet iżgħar u ta’ bażi. In-nuqqas ta’ qafas ta’ monitoraġġ robust għall-programm REC ġie indirizzat taħt il-programm CERV billi ġew issimplifikati l-indikaturi u ġew introdotti għodod iddedikati għall-ġbir tad-data.
Il-benefiċċji ewlenin tal-programm CERV huma relatati direttament mal-proġett (jiġifieri l-opportunità li jiġi implimentat approċċ mixtieq) iżda hemm ukoll benefiċċji usa’ u għas-soċjetà. Dawn jinkludu aktar networking u kollaborazzjoni madwar l-UE, viżibbiltà u rikonoxximent imtejba tal-organizzazzjonijiet li jirċievu finanzjament mis-CERV, u l-opportunità li jiġu ttestjati approċċi innovattivi biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà, jiġu estiżi l-gruppi fil-mira tal-proġetti u jittejbu l-kapaċitajiet tal-organizzazzjonijiet.
Il-programmi EfC, REC u CERV kollha kienu koerenti ma’ politiki u prijoritajiet usa’ tal-UE u komplementari fl-objettivi tagħhom ma’ programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE. Huwa probabbli li l-impatti identifikati permezz tal-programmi EfC u REC ma kinux jinkisbu mingħajr appoġġ speċifiku fil-livell tal-UE: il-benefiċjarji kienu jsibuha diffiċli biex jimplimentaw proġetti fuq skala simili jew bl-istess impatt.
Il-programm CERV jokkupa spazju fix-xenarju ta’ finanzjament tal-OSĊ li altrimenti kien jibqa’ vojt. Il-firxa komprensiva ta’ temi tiegħu, il-kopertura pan-UE, il-fokus speċifiku fuq il-valuri tal-UE, l-għotjiet ta’ daqs sinifikanti, l-għotjiet operattivi u l-mekkaniżmi tal-għoti mill-ġdid, kollha jagħmlu l-programm sors essenzjali ta’ finanzjament għall-organizzazzjonijiet li jippromwovu l-valuri u d-drittijiet tal-UE. Wieħed mill-vantaġġi ewlenin tal-programm CERV huwa l-kapaċità tiegħu li jipprovdi sorsi indipendenti ta’ finanzjament, li jippermetti lill-organizzazzjonijiet iżommu l-awtonomija tagħhom u jsegwu l-għanijiet tagħhom mingħajr influwenza żejda. Madankollu, peress li d-diskrepanza fil-finanzjament għadha sinifikanti, il-benefiċjarji jużaw ukoll sorsi oħra ta’ finanzjament jekk ikun hemm intersezzjonalità mas-suġġetti tal-programm CERV u jekk is-sinerġiji jkunu possibbli.
It-tliet programmi kollha qdew rwoli fix-xenarju ta’ finanzjament li l-Istati Membri b’mod ġenerali ma kienx ikollhom il-kapaċità li jaqdu.
Il-finanzjament tal-programmi EfC u REC kien kruċjali għal attivitajiet li jeħtieġu kooperazzjoni transfruntiera u perspettiva Ewropea usa’, peress li l-ebda skema nazzjonali jew reġjonali simili ma setgħet taqbel mal-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-programmi. Il-programm EfC iffinanzja attivitajiet li involvew ċittadini u organizzazzjonijiet minn diversi pajjiżi parteċipanti, u b’hekk rawwem sens ta’ identità u appartenenza Ewropea. Il-programm REC iġġenera riżultati transnazzjonali, b’mod partikolari ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni u l-fehim tad-drittijiet u l-politiki koperti mill-programm, il-ħolqien jew it-tisħiħ tal-kooperazzjoni u s-sħubijiet transfruntiera, u l-ħolqien tal-aħjar prattiki u għodod li ntużaw fi Stati Membri differenti.
Il-programm CERV, bħall-predeċessuri tiegħu, jipprovdi valur miżjud ċar. Għal ħafna OSĊ, huwa l-uniku sors possibbli ta’ finanzjament tagħhom f’dan il-qasam. L-effetti li ma jkun hemm l-ebda programm CERV kienu jkunu negattivi u x’aktarx ikollhom impatt fuq l-ispazju ċiviku li diġà qed jiċkien fl-UE. Ir-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet fundamentali u d-djalogu demokratiku, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità kienu jiġu affettwati wkoll. Il-vjolenza kontra t-tfal, l-estremiżmu u r-radikaliżmu x’aktarx li kieku jiżdiedu. Is-sens li wieħed huwa ċittadin Ewropew jiddgħajjef. Dawn il-konklużjonijiet huma sostnuti mill-evidenza miġbura għal din l-evalwazzjoni.
Hemm ħtieġa ċara li l-programm CERV ikompli minħabba li l-isfidi li dawn il-programmi ġew stabbiliti biex jindirizzaw għadhom jippersistu u, f’xi każijiet, marru għall-agħar eż. il-polarizzazzjoni dejjem akbar tas-soċjetà, iż-żieda fil-populiżmu u l-estremiżmu, u t-theddida għall-valuri tal-UE. Ħafna minn dawn il-lakuni komplew jiġu amplifikati minn sfidi bħall-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku li segwa. Il-ħtiġijiet li l-programmi EfC, REC u CERV ġew stabbiliti biex jindirizzaw għalhekk għadhom preżenti ħafna u jidher li x’aktarx jippersistu matul il-bqija ta’ dan il-qafas finanzjarju pluriennali.
3.2.Tagħlimiet meħuda
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim, xi oqsma għal titjib jew segwitu jistgħu jiġu indirizzati permezz tal-implimentazzjoni attwali tal-programm CERV.
Il-programm wera prestazzjoni eċċellenti matul il-perjodu 2021-2023, bil-biċċa l-kbira tar-riżultati jaqbżu b’mod sinifikanti l-istadji importanti u l-miri. Jista’ jkun meħtieġ li l-miri stabbiliti fil-qafas ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-programm jiġu vvalutati mill-ġdid u riveduti biex jirriflettu aħjar il-kapaċità u l-impatt reali tal-programm.
Il-mekkaniżmi tal-għoti mill-ġdid urew l-effettività tagħhom fl-indirizzar tal-ħtiġijiet kritiċi fis-settur tas-soċjetà ċivili u għall-gruppi fil-mira tal-programm. Minbarra l-kontinwazzjoni ta’ din l-iskema, jista’ jkun utli li titqies l-espansjoni potenzjali tagħha u l-espansjoni biex tkompli tappoġġa s-settur u tiġġenera impatt saħansitra akbar.
Il-programm CERV diġà laħaq għadd kbir ta’ nies. Madankollu, huwa primarjament magħruf sew fost organizzazzjonijiet akbar b’networks madwar l-UE, li jissuġġerixxi li l-ilħuq u r-rikonoxximent tiegħu jistgħu jittejbu fost udjenza usa’.
Il-kontribut sinifikanti tal-programm għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa kisba notevoli. Dan is-suċċess jista’ jiġi enfasizzat bħala l-aħjar prattika u jintwera bħala mudell li għandhom isegwu programmi oħra, li juri modi effettivi għall-promozzjoni u l-avvanz tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri – u l-ugwaljanza b’mod ġenerali – permezz ta’ finanzjament u inizjattivi strateġiċi.
Fl-aħħar nett, għad hemm lok biex jiġu sfruttati aktar l-opportunitajiet li ġġib magħha d-diġitalizzazzjoni fil-livell tal-attività. Minkejja l-possibbiltà pprovduta mill-programmi ta’ ħidma, dawn l-elementi ma jidhrux li għadhom iġġeneraw interess jew kapaċità ta’ rispons għall-opportunitajiet ippreżentati, b’għadd żgħir biss ta’ għodod tal-ICT iffinanzjati sa issa meta mqabbla ma’ tipi oħra ta’ attivitajiet.