22.10.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 374/58


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1855

tat-18 ta’ Ottubru 2021

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, dwar l-estensjoni tal-validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 217 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra (1) (il-‘Ftehim’) ġie ffirmat fis-17 ta’ Ġunju 2002 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2006.

(2)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta l-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu, inkluż il-Patt UE-Libanu, mehmuż miegħu (il-‘Patt’), permezz tad-Deċiżjoni Nru 1/2016 (2) għall-perijodu 2016-2020.

(3)

Fi skambju ta’ ittri, iż-żewġ naħat qablu li jenħtieġ li tiġi estiża l-validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu, inkluż il-Patt, bħala dokumenti ta’ gwida biex jikkonsolidaw is-sħubija tagħhom sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda.

(4)

Skont l-Artikolu 76 tal-Ftehim, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ’ għandu s-setgħa jieħu deċiżjonijiet għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi tal-Ftehim.

(5)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jadotta deċiżjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub biex jestendi l-validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija, inkluż il-Patt, sakemm jiġu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni.

(6)

Għalhekk ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, billi d-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser ikollha effetti legali

(7)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Libaniża, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-validità tal-Prijoritajiet tas-Sħubija bejn l-UE u l-Libanu, sakemm ikunu adottati dokumenti bi sħab aġġornati ġodda mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (3).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)   ĠU L 143, 30.5.2006, p. 2.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Libanu tal-11 ta’ Novembru 2016 dwar qbil fuq il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Libanu (ĠU L 350, 22.12.2016, p. 114).

(3)  Ara d-dokument ST 12263/21 fuq http://register.consilium.europa.eu.